29.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 335/36


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/2577

tat-22 ta’ Diċembru 2022

li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-gwerra ta’ aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna u t-tnaqqis bla preċedent tal-provvisti tal-gass naturali mill-Federazzjoni Russa lill-Istati Membri jheddu s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-istess waqt, l-użu tal-provvista tal-gass bħala arma u l-manipulazzjoni tas-swieq mill-Federazzjoni Russa permezz ta’ interruzzjonijiet intenzjonali fil-flussi tal-gass wasslu għal żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Unjoni, li mhux biss ipperikola l-ekonomija fl-Unjoni, iżda wkoll hedded serjament is-sigurtà tal-provvista. Varar rapidu tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jista’ jgħin biex jittaffew l-effetti tal-kriżi attwali tal-enerġija, billi jifforma difiża kontra l-azzjonijiet tar-Russja. L-enerġija rinnovabbli tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ġlieda kontra l-użu tal-enerġija bħala arma mir-Russja billi ssaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni, tnaqqas il-volatilità fis-suq u tbaxxi l-prezzijiet tal-enerġija.

(2)

F’dawn l-aħħar xhur, l-azzjonijiet tar-Russja komplew jaggravaw is-sitwazzjoni fis-suq, b’mod partikolari billi żiedu r-riskju ta’ waqfien totali tal-provvisti tal-gass Russi lejn l-Unjoni fil-futur qrib, sitwazzjoni li affettwat is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni. Dak żied drastikament il-volatilità tal-prezzijiet tal-enerġija fl-Unjoni u għolla l-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku sa livelli rekord matul is-sajf li wassal għal żieda fil-prezzijiet bl-imnut tal-elettriku li huma mistennija li jkomplu jiżdiedu gradwalment anki għall-biċċa l-kbira tal-kuntratti tal-konsumaturi, u dan qed jitfa’ piż dejjem akbar fuq l-unitajiet domestiċi u n-negozji. Is-sitwazzjoni aggravata fis-swieq tal-enerġija kkontribwiet b’mod sostanzjali għall-inflazzjoni ġenerali fiż-żona tal-euro, u naqqset ir-ritmu tat-tkabbir ekonomiku fl-Unjoni kollha. Dak rr-riskju ser jippersisti irrispettivament minn kwalunkwe tnaqqis temporanju tal-prezzijiet bl-ingrossa u ser ikun aktar pertinenti s-sena d-dieħla, kif rikonoxxut fil-proposta ta’ emerġenza mill-Kummissjoni li takkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta’ Ottubru 2022 dwar l-Emerġenza tal-Enerġija - inħejju, nixtru u nipproteġu lill-UE flimkien. Il-kumpaniji Ewropej tal-enerġija jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet serji biex jimlew il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass is-sena d-dieħla, peress li huwa probabbli ħafna li fl-Unjoni ser jasal inqas gass mill-pipeline mir-Russja jew saħansitra ma jasal xejn minħabba s-sitwazzjoni politika attwali. Barra minn hekk, il-mira għall-2023, stabbilita fir-Regolament (UE) 2022/1032 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), hija li jimtlew 90 % tal-kapaċitajiet tal-ħżin tal-gass tal-Unjoni meta mqabbla ma’ 80 % għal din ix-xitwa. Barra minn hekk, avvenimenti imprevedibbli bħal sabotaġġ ta’ pipelines u riskji oħra ta’ tfixkil fis-sigurtà tal-provvista jistgħu joħolqu tensjonijiet addizzjonali fis-swieq tal-gass. Addizzjonalment, il-perspettiva tal-kompetittività tal-industriji Ewropej tat-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli ddgħajfet mill-politiki reċenti f’reġjuni oħra tad-dinja li kienu mmirati lejn il-provvista ta’ appoġġ u t-tħaffif tal-espansjoni ta’ ktajjen tal-valur sħaħ tat-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli.

(3)

F’dan il-kuntest, u sabiex jiġi indirizzat l-esponiment tal-konsumaturi u n-negozji Ewropej għal prezzijiet għoljin u volatili li qed jikkawżaw diffikultajiet ekonomiċi u soċjali, sabiex jiġi ffaċilitat it-tnaqqis meħtieġ fid-domanda għall-enerġija billi l-provvisti tal-gass naturali jiġu sostitwiti b’enerġija minn sorsi rinnovabbli u sabiex tiżdied is-sigurtà tal-provvista, jeħtieġ li l-Unjoni tieħu azzjoni immedjata u temporanja ulterjuri biex taċċellera l-varar tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri mmirati li kapaċi jaċċelleraw il-pass tal-varar tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-Unjoni fi żmien qasir.

(4)

Dawk il-miżuri urġenti intgħażlu minħabba n-natura u l-potenzjal tagħhom li jikkontribwixxu għal soluzzjonijiet għall-emerġenza tal-enerġija fi żmien qasir. B’mod aktar partikolari, bosta mill-miżuri f’dan ir-Regolament jistgħu jiġu implimentati mill-Istati Membri malajr biex jiġi simplifikat il-proċess tal-għoti tal-permessi applikabbli għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, mingħajr ma jkunu meħtieġa bidliet onerużi fil-proċeduri u fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom u b’hekk tiġi żgurata aċċellerazzjoni pożittiva tal-varar tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fi żmien qasir. Uħud minn dawk il-miżuri għandhom kamp ta’ applikazzjoni ġenerali, bħall-introduzzjoni ta’ preżunzjoni konfutabbli li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli huma ta’ interess pubbliku prevalenti għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti, jew l-introduzzjoni ta’ kjarifiki rigward il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti direttivi ambjentali kif ukoll is-simplifikazzjoni tal-qafas tal-għoti tal-permessi għar-repowering tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli billi jiffokaw fuq l-impatt li jirriżulta mill-bidliet jew mill-estensjonijiet meta mqabbla mal-proġett oriġinali. Miżuri oħra jimmiraw lejn teknoloġiji speċifiċi, bħall-għoti tal-permessi ferm iqsar u aktar rapidu għat-tagħmir tal-enerġija solari fuq strutturi eżistenti. Jixraq li dawk il-miżuri ta’ emerġenza jiġu implimentati malajr kemm jista’ jkun, u li jiġu adattati kif neċessarju biex jindirizzaw b’mod preċiż l-isfidi attwali.

(5)

Jeħtieġ li jiġu introdotti miżuri urġenti u mmirati addizzjonali indirizzati lejn teknoloġiji u tipi ta’ proġetti speċifiċi li għandhom l-ogħla potenzjal għal varar rapidu u effett immedjat fuq l-objettivi li titnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet u li titnaqqas id-domanda għall-gass naturali mingħajr ma tiġi limitata d-domanda ġenerali għall-enerġija. Minbarra l-aċċellerazzjoni tal-proċessi tal-għoti tal-permessi, fir-rigward tat-tagħmir tal-enerġija solari fuq strutturi artifiċjali jixraq li jiġi promoss u aċċellerat il-varar ta’ installazzjonijiet solari fuq skala żgħira, inkluż għall-awtokonsumaturi ta’ sorsi rinnovabbli u għall-awtokonsumaturi kollettivi, bħall-komunitajiet tal-enerġija lokali, peress li dawk huma l-orħos opzjonijiet, li huma l-aktar aċċessibbli u bl-inqas impatt ambjentali jew ta’ tip ieħor għal introduzzjoni rapida ta’ installazzjonijiet rinnovabbli ġodda. Barra minn hekk, dawk il-proġetti jappoġġaw direttament lill-unitajiet domestiċi u lill-kumpaniji li qed jiffaċċjaw prezzijiet għoljin tal-enerġija u jipproteġu lill-konsumaturi mill-volatilità tal-prezzijiet. Ir-repowering tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli huwa opzjoni biex tiżdied b’mod rapidu l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli bl-inqas impatt fuq l-infrastruttura tal-grilja u l-ambjent, inkluż fil-każ ta’ dawk it-teknoloġiji tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija mir-riħ, li għalihom il-proċessi tal-għoti tal-permessi tipikament ikunu itwal. Fl-aħħar nett, il-pompi tas-sħana huma alternattiva rinnovabbli diretta għall-bojlers tal-gass naturali u għandhom il-potenzjal li jnaqqsu b’mod sinifikanti d-domanda għall-gass naturali matul l-istaġun tat-tisħin.

(6)

Minħabba s-sitwazzjoni urġenti u eċċezzjonali tal-enerġija, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jintroduċu eżenzjonijiet minn ċerti obbligi ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, il-proġetti tal-ħżin tal-enerġija u l-proġetti tal-grilja tal-elettriku li huma meħtieġa biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fis-sistema tal-elettriku.Sabiex jiġu introdotti tali eżenzjonijiet, jenħtieġ li jiġu ssodisfati żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri li l-proġett ikun jinsab f’żona ddedikata għall-enerġija rinnovabbli jew għall-grilja u li din iż-żona tkun ġiet soġġetta għal valutazzjoni ambjentali strateġika. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu adottati miżuri ta’ mitigazzjoni proporzjonali jew, fejn mhux disponibbli, miżuri ta’ kumpens biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ispeċijiet.

(7)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għall-proċessi tal-għoti ta’ permessi li jkollhom data tal-bidu fil-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu. Fid-dawl tal-objettiv ta’ dan ir-Regolament, u s-sitwazzjoni ta’ emerġenza u l-kuntest eċċezzjonali tal-adozzjoni tiegħu, b’mod partikolari b’kont meħud tal-fatt li aċċellerazzjoni fuq terminu qasir tal-pass tal-varar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-Unjoni tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal proċessi pendenti tal-għoti ta’ permessi, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew japplikaw dan ir-Regolament, jew uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu, għall-proċessi tal-għoti ta’ permessi li għaddejjin li għalihom ma tkunx ittieħdet deċiżjoni finali tal-awtorità rilevanti, dment li l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli tirrispetta kif xieraq id-drittijiet preeżistenti ta’ partijiet terzi u l-aspettattivi leġittimi tagħhom. L-Istati Membri jenħtieġ għalhekk li jiżguraw li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-proċeduri ta’ permessi pendenti tkun proporzjonata u tipproteġi b’mod xieraq id-drittijiet u l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet interessati kollha.

(8)

Waħda mill-miżuri temporanji tikkonsisti fl-introduzzjoni ta’ preżunzjoni konfutabbli li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli huma ta’ interess pubbliku prevalenti u jservu s-saħħa u s-sikurezza pubblika għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti tal-Unjoni, ħlief meta jkun hemm evidenza ċara li dawk il-proġetti jkollhom effetti avversi kbar fuq l-ambjent li ma jistgħux jiġu mitigati jew ikkumpensati. L-impjanti tal-enerġija rinnovabbli, inkluż il-pompi tas-sħana jew l-enerġija mir-riħ, huma kruċjali biex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-tniġġis, inraħħsu l-prezzijiet tal-enerġija, innaqqsu d-dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwils fossili u niżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni. Il-preżunzjoni li l-impjanti tal-enerġija rinnovabbli, inkluż il-pompi tas-sħana, huma ta’ interess pubbliku prevalenti u jservu s-saħħa u s-sikurezza pubblika tippermetti li tali proġetti jibbenefikaw, fejn neċessarju, minn valutazzjoni simplifikata għal derogi speċifiċi previsti fil-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti tal-Unjoni b’effett immedjat. B’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali tagħhom, jenħtieġ li l-Istat Membri jitħallew jirrestrinġu l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni għal ċerti partijiet tat-territorji tagħhom jew ċerti teknoloġiji jew proġetti. Huwa possibbli għall-Istati Membri li jikkunsidraw li japplikaw din il-preżunzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tagħhom dwar il-pajsaġġ.

(9)

Dan jirrifletti r-rwol importanti li l-enerġija rinnovabbli jista’ jkollha fid-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni, billi toffri soluzzjonijiet immedjati biex tiġi sostitwita l-enerġija bbażata fuq il-fjuwils fossili u billi tindirizza s-sitwazzjoni aggravata fis-suq. Sabiex jiġu eliminati l-konġestjonijiet fil-proċess tal-għoti tal-permessi u t-tħaddim tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli, fl-ippjanar u l-proċess tal-għoti ta’ permessi, il-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-impjanti tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-grilja relatata jenħtieġ li jingħataw prijorità meta jiġu bbilanċjati l-interessi legali fil-każ individwali, għall-inqas għall-proġetti li huma rikonoxxuti bħala ta’ interess pubbliku. Fir-rigward tal-protezzjoni tal-ispeċijiet, din il-prijorità jenħtieħ li tingħata biss jekk, u sal-punt li, jittieħdu miżuri xierqa ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet li jikkontribwixxu għaż-żamma jew għar-restawr tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet għal stat ta’ konservazzjoni favorevoli u jsiru disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji, kif ukoll żoni, għal dan l-iskop.

(10)

L-enerġija solari hija sors ewlieni ta’ enerġija rinnovabbli biex tintemm id-dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwils fossili Russi filwaqt li tinkiseb it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. L-enerġija fotovoltajka solari, li hija waħda mis-sorsi ta’ elettriku disponibbli li tiswa l-inqas, u t-teknoloġiji termali solari, li jipprovdu tisħin rinnovabbli b’kost baxx għal kull unità ta’ sħana, jistgħu jiġu introdotti malajr, u jistgħu jkunu ta’ benefiċċju dirett għaċ-ċittadini u għan-negozji. F’dan il-kuntest, f’konformità mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2022 intitolata “L-Istrateġija tal-UE dwar l-Enerġija Solari”, l-iżvilupp ta’ katina tal-valur solari industrijali reżiljenti fl-Unjoni ser jiġi appoġġat, inkluż permezz tal-Alleanza għall-Industrija tal-PVs Solari li ser titnieda fi tmiem l-2022. L-aċċellerazzjoni u t-titjib tal-proċessi tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli ser jgħinu biex tiġi sostnuta l-espansjoni tal-kapaċità tal-manifattura tat-teknoloġija tal-enerġija nadifa tal-Unjoni. Iċ-ċirkostanzi attwali u, b’mod partikolari, l-volatilità għolja ħafna tal-prezzijiet tal-enerġija jitolbu azzjoni immedjata biex jiġu żgurati proċessi tal-għoti tal-permessi ferm aktar rapidi sabiex jitħaffef b’mod sinifikanti l-pass tal-installazzjoni ta’ tagħmir tal-enerġija solari fuq strutturi artifiċjali, li ġeneralment tkun inqas kumplessa minn installazzjoni fuq l-art, u li tista’ tikkontribwixxi malajr biex jittaffew l-effetti tal-kriżi attwali tal-enerġija, dment li jinżammu l-istabbiltà tal-grilja, l-affidabbiltà tal-grilja u s-sikurezza tal-grilja. Għalhekk jenħtieġ li dawk l-installazzjonijiet jibbenefikaw minn proċessi iqsar tal-għoti ta’ permessi meta mqabbla ma’ proġetti oħra tal-enerġija rinnovabbli.

(11)

L- iskadenza massima għall-proċess tal-għoti ta’ permessi għall-installazzjoni tat-tagħmir tal-enerġija solari u l-ħżin kolokalizzat u l-konnessjonijiet tal-grilja relatati tiegħu fi strutturi artifiċjali eżistenti jew futuri maħluqa għal skopijiet differenti mill-produzzjoni tal-enerġija solari jenħtieġ li tkun ta’ tliet xhur. Jenħtieġ ukoll li tiġi introdotta deroga speċifika mill-ħtieġa li jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali skont id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) għal dawk l-installazzjonijiet minħabba li mhux suppost iqajmu tħassib relatat mal-kompetizzjoni fl-użi tal-ispazju jew mal-impatt ambjentali. L-investiment f’installazzjonijiet żgħar u deċentralizzati tal-enerġija solari biex isiru awtokonsumaturi ta’ sorsi rinnovabbli huwa wieħed mill-aktar mezzi effiċjenti għall-konsumaturi tal-enerġija biex inaqqsu l-kontijiet tagħhom tal-enerġija u l-esponiment tagħhom għall-volatilità tal-prezzijiet. Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jeskludu ċerti żoni jew strutturi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-iskadenza iqsar u ta’ din id-deroga għal ċerti raġunijiet ġustifikati.

(12)

L-installazzjonijiet tal-awtokonsum inkluż dawk għall-awtokonsumaturi kollettivi, bħall-komunitajiet tal-enerġija lokali, jikkontribwixxu wkoll għat-tnaqqis tad-domanda ġenerali għall-gass naturali, għaż-żieda tar-reżiljenza tas-sistema u għall-kisba tal-miri tal-Unjoni rigward l-enerġija rinnovabbli. L-installazzjoni ta’ tagħmir tal-enerġija solari b’kapaċità taħt il-50 kW, inklużi installazzjonijiet ta’ awtokonsumaturi ta’ sorsi rinnovabbli, mhux suppost li jkollhom effetti avversi kbar fuq l-ambjent jew il-grilja u ma jqajmux tħassib dwar is-sikurezza. Barra minn hekk, l-installazzjonijiet żgħar ġeneralment ma jeħtiġux espansjoni tal-kapaċità fil-punt ta’ konnessjoni mal-grilja. Fid-dawl tal-effetti pożittivi immedjati ta’ tali installazzjonijiet għall-konsumaturi u l-impatti ambjentali limitati li jistgħu jirriżultaw minnhom, jixraq li jiġi simplifikat aktar il-proċess tal-għoti ta’ permessi applikabbli għalihom, dment li ma jaqbżux il-kapaċità eżistenti tal-konnessjoni mal-grilja ta’ distribuzzjoni, billi jiġi introdott il-kunċett ta’ silenzju amministrattiv pożittiv fil-proċeduri rilevanti tal-proċessi tal-għoti ta’ permessi sabiex jiġi promoss u jiġi aċċellerat il-varar ta’ dawk l-installazzjonijiet u biex ikunu jistgħu jinkisbu l-benefiċċji tagħhom fi żmien qasir. Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew japplikaw limitu aktar baxx minn 50 kW minħabba r-restrizzjonijiet interni tagħhom, dment li l-limitu jibqa’ ogħla minn 10,8 kW. Fi kwalunkwe każ, matul il-proċess tal-għoti ta’ permessi ta’ xahar, l-awtoritajiet jew entitajiet rilevanti jistgħu jirrifjutaw l-applikazzjonijiet li jirċievu għal tali installazzjonijiet għal raġunijiet relatati mas-sikurezza, l-istabbiltà u l-affidabbiltà tal-grilja bħala rispons debitament motivat.

(13)

Ir-repowering tal-impjanti eżistenti tal-enerġija rinnovabbli għandu potenzjal sinifikanti biex iżid b’mod rapidu l-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u b’hekk jippermetti t-tnaqqis tal-konsum tal-gass. Ir-repowering jippermetti l-użu kontinwu tas-siti b’potenzjal sinifikanti ta’ enerġija rinnovabbli, u dan inaqqas il-ħtieġa li jiġu ddeżinjati siti ġodda għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Ir-repowering ta’ impjant tal-enerġija mir-riħ b’turbini aktar effiċjenti jippermetti li tinżamm il-kapaċità eżistenti jew li din tinżdied filwaqt li jkollu inqas turbini li jkunu akbar u aktar effiċjenti. Ir-repowering jibbenefika wkoll mill-konnessjoni eżistenti mal-grilja, grad probabbilment ogħla ta’ aċċettazzjoni pubblika, u għarfien tal-impatti ambjentali.

(14)

Huwa stmat li l-kapaċità tar-riħ fuq l-art ta’ 38 GW ser tilħaq it-tmiem tal-ħajja operattiva normali tagħha ta’ 20 sena bejn l-2021 u l-2025. Id-dekummissjonar ta’ dawk il-kapaċitajiet minflok ir-repowering iwassal għal tnaqqis sostanzjali tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli installata bħalissa, u dan ikompli jikkomplika s-sitwazzjoni fis-suq tal-enerġija. Simplifikazzjoni immedjata u tħaffif tal-proċessi tal-għoti ta’ permessi għar-repowering huma kruċjali għaż-żamma u ż-żieda tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni. Għal dan l-għan, dan ir-Regolament jintroduċi miżuri addizzjonali biex jiġi simplifikat aktar il-proċess tal-għoti ta’ permessi applikabbli għar-repowering tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. B’mod partikolari, l-iskadenza massima ta’ sitt xhur applikabbli għall-proċess tal-għoti ta’ permessi għar-repowering tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li tinkludi l-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali rilevanti kollha. Barra minn hekk, kull meta r-repowering ta’ impjant tal-enerġija rinnovabbli, jew ta’ infrastruttura tal-grilja relatata li tkun neċessarja biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fis-sistema tal-elettriku, ikun soġġett għal skrinjar jew għal valutazzjoni tal-impatt ambjentali, jenħtieġ li jkun limitat għall-valutazzjoni tal-impatti sinifikanti potenzjali li jirriżultaw mill-bidla jew mill-estensjoni meta mqabbla mal-proġett oriġinali.

(15)

Sabiex jiġi promoss u aċċellerat ir-repowering tal-impjanti eżistenti tal-enerġija rinnovabbli, jenħtieġ li tiġi stabbilita minnufih proċedura simplifikata għall-konnessjonijiet mal-grilja fejn ir-repowering jirriżulta f’żieda limitata fil-kapaċità totali meta mqabbla mal-proġett oriġinali.

(16)

Meta jsir repowering ta’ installazzjoni solari, jistgħu jinkisbu żidiet fl-effiċjenza u fil-kapaċità mingħajr ma jiżdied l-ispazju okkupat. Għalhekk, l-installazzjoni li tiġi repowered ma jkollhiex impatt differenti fuq l-ambjent mill-installazzjoni oriġinali sakemm l-ispazju użat ma jiżdiedx fil-proċess, u l-miżuri ta’ mitigazzjoni ambjentali oriġinarjament meħtieġa jkomplu jiġu rispettati.

(17)

It-teknoloġija tal-pompi tas-sħana hija ewlenija għall-produzzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ rinnovabbli mill-enerġija ambjentali, inkluż mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi u mill-enerġija ġeotermali. Il-pompi tas-sħana jippermettu wkoll l-użu tas-sħana u l-kesħa mormija. Il-varar rapidu tal-pompi tas-sħana li jimmobilizzaw is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li ma jintużawx biżżejjed bħall-enerġija ambjentali, l-enerġija ġeotermali u s-sħana mormija mis-setturi industrijali u terzjarji, inkluż iċ-ċentri tad-data, jagħmilha possibbli li l-bojlers tal-gass naturali u bojlers oħra bbażati fuq il-fjuwils fossili jiġu sostitwiti b’soluzzjoni ta’ tisħin rinnovabbli, filwaqt li tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija. Dan ser jaċċellera t-tnaqqis fl-użu tal-gass għall-provvista tat-tisħin, kemm fil-bini kif ukoll fl-industrija. Sabiex jitħaffu l-installazzjoni u l-użu tal-pompi tas-sħana, jixraq li jiġu introdotti proċessi tal-għoti ta’ permessi mmirati u iqsar għal installazzjonijiet bħal dawn, inkluż proċedura simplifikata għall-konnessjoni ta’ pompi tas-sħana iżgħar mal-grilja tal-elettriku fejn ma jkun hemm l-ebda tħassib dwar is-sikurezza, ma tenħtieġ ebda ħidma oħra għall-konnessjonijiet mal-grilja u m’hemm ebda inkompatibbiltà teknika tal-komponenti tas-sistema, sakemm ma tkunx meħtieġa proċedura bħal din mil-liġi nazzjonali. Bis-saħħa ta’ installazzjoni aktar rapida u aktar faċli tal-pompi tas-sħana, l-użu akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-settur tat-tisħin, li jirrappreżenta kważi nofs il-konsum tal-enerġija tal-Unjoni, ser jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u ser jgħin biex tiġi indirizzata sitwazzjoni tas-suq aktar diffiċli.

(18)

Meta jiġu applikati l-iskadenzi għall-installazzjoni tat-tagħmir tal-enerġija solari, ir-repowering tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli u għall-użu tal-pompi tas-sħana, iż-żmien li matulu l-impjanti, il-konnessjonijiet mal-grilja tagħhom u l-infrastruttura tal-grilja neċessarja relatata jkunu qed jinbnew jew jitħaddmu mill-ġdid jenħtieġ li ma jingħaddx f’dawk l-iskadenzi ħlief meta jikkoinċidi ma’ stadji amministrattivi oħra tal-proċess tal-għoti ta’ permessi. Barra minn hekk, iż-żmien użat għall-istadji amministrattivi neċessarji biex jiġu kkompletati aġġornamenti sinifikanti għall-grilja meħtieġa biex jiġu żgurati l-istabbiltà tal-grilja, l-affidabbiltà tal-grilja u s-sikurezza tal-grilja jenħtieġ li ma jingħaddux f’dawn l-iskadenzi.

(19)

Sabiex jiġi ffaċilitat aktar il-varar tal-enerġija rinnovabbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew iżommu l-possibbiltà li jkomplu jqassru l-iskadenzi tal-proċess tal-għoti tal-permessi.

(20)

Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali ("il-Konvenzjoni ta’ Aarhus") rigward l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, u b’mod partikolari, l-obbligi tal-Istati Membri marbuta mal-parteċipazzjoni pubblika u mal-aċċess għall-ġustizzja, jibqgħu applikabbli.

(21)

Il-prinċipju tas-solidarjetà enerġetika huwa prinċipju ġenerali skont id-dritt tal-Unjoni kif iddikjarat mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Lulju 2021, fil-Kawża C-848/19 P (3), Il-Ġermanja vs Il-Polonja u japplika għall-Istati Membri kollha. Fl-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-solidarjetà enerġetika, dan ir-Regolament jippermetti d-distribuzzjoni transfruntiera tal-effetti ta’ varar aktar rapidu tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma diretti lejn l-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli fl-Istati Membri kollha u jkopru ambitu wiesa’ ta’ proġetti, inkluż dwar strutturi eżistenti, installazzjonijiet ġodda ta’ tagħmir tal-enerġija solari u r-repowering tal-installazzjonijiet eżistenti. Minħabba l-grad ta’ integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija tal-Unjoni, kwalunkwe żieda fil-varar tal-enerġija rinnovabbli fi Stat Membru jenħtieġ li tkun ta’ benefiċċju wkoll għal Stati Membri oħra f’termini ta’ sigurtà tal-provvista u prezzijiet aktar baxxi. Jenħtieġ li tgħin biex l-elettriku rinnovabbli jimxi bejn il-fruntieri għal fejn huwa l-aktar meħtieġ u tiżgura li l-elettriku rinnovabbli prodott b’mod irħis jiġi esportat lejn l-Istati Membri fejn il-produzzjoni tal-elettriku hija aktar għalja. Barra minn hekk, il-kapaċitajiet tal-enerġija rinnovabbli li għadhom kif ġew installati fl-Istati Membri ser ikollhom impatt fuq it-tnaqqis ġenerali fid-domanda għall-gass fl-Unjoni kollha.

(22)

L-Artikolu 122(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jippermetti lill-Kunsill jiddeċiedi, fuq proposta tal-Kummissjoni u bi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, dwar il-miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika, b’mod partikolari jekk ikun hemm diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija. Fid-dawl tal-avvenimenti reċenti u l-azzjonijiet reċenti tar-Russja , ir-riskju għoli ta’ waqfien totali tal-provvisti tal-gass Russi, flimkien mal-prospetti inċerti għal alternattivi, joħloq theddida sinifikanti ta’ interruzzjoni tal-provvisti tal-enerġija, żieda ulterjuri fil-prezzijiet tal-enerġija u żieda fil-pressjoni konsegwenzjali fuq l-ekonomija tal-Unjoni. Għalhekk, hija neċessarja azzjoni urġenti.

(23)

Meta jitqiesu l-iskala tal-kriżi tal-enerġija, il-livell tal-impatt soċjali, ekonomiku u finanzjarju tagħha u l-ħtieġa li tittieħed azzjoni minnufih, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-validità tiegħu hija limitata għal 18-il xahar, bi klawsola ta’ rieżami sabiex il-Kummissjoni tipproponi l-estensjoni tal-validità tiegħu, jekk ikun neċessarju.

(24)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli temporanji ta’ natura ta’ emerġenza biex jitħaffef il-proċess tal-għoti ta’ permessi applikabbli għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli, b’enfasi partikolari fuq teknoloġiji speċifiċi tal-enerġija rinnovabbli jew fuq tipi ta’ proġetti speċifiċi tal-enerġija rinnovabbli li huma kapaċi jiksbu aċċellerazzjoni fuq terminu qasir tal-pass tal-varar tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni.

Dan ir-Regolament japplika għall-proċessi kollha tal-għoti ta’ permessi li d-data tal-bidu tagħhom tkun fil-perjodu tal-applikazzjoni tiegħu u tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu skadenzi aktar qosra minn dawk stabbiliti fl-Artikoli 4, 5 u 7.

L-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll dan ir-Regolament għal proċessi li għaddejjin għall-għoti ta’ permessi li ma rriżultawx f’deċiżjoni finali qabel it-30 ta’ Diċembru 2022, dment li dan iqassar il-proċess għall-għoti ta’ permessi u li d-drittijiet legali preeżistenti ta’ parti terza jiġu ppreservati.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

"proċess tal-għoti ta’ permessi" tfisser il-proċess:

(a)

li jkopri l-permessi amministrattivi rilevanti kollha maħruġa għall-kostruzzjoni, ir-repowering u t-tħaddim tal-impjanti tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli inkluż il-pompi tas-sħana, il-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija kolokalizzati, u l-assi neċessarji għall-konnessjoni tagħhom mal-grilja, inkluż il-permessi tal-konnessjoni mal-grilja u l-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali meta dawk ikunu meħtieġa; u

(b)

li jinkludi l-istadji amministrattivi kollha u li jibda mir-rikonoxximent li l-applikazzjoni kompleta waslet għand l-awtorità rilevanti u li jispiċċa bin-notifika tad-deċiżjoni finali dwar l-eżitu tal-proċessi mill-awtorità rilevanti;

(2)

"tagħmir tal-enerġija solari" tfisser tagħmir li jikkonverti l-enerġija mix-xemx f’enerġija termali jew elettrika, inkluż tagħmir solari termali u fotovoltajku solari.

Artikolu 3

Interess pubbliku prevalenti

1.   L-ippjanar, il-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-impjanti u tal-installazzjonijiet għall-produzzjoni tal-enerġija mis-sorsi rinnovabbli, u l-konnessjoni tagħhom mal-grilja, il-grilja relatata nnifisha u l-assi tal-ħżin għandhom ikunu preżunti li għandhom interess pubbliku prevalenti u li jservu s-saħħa u s-sikurezza pubblika meta jiġu bilanċjati l-interessi legali fil-każ individwali, għall-finijiet tal-Artikoli 6(4) u 16(1)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (5), l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet għal ċerti partijiet tat-territorju tagħhom kif ukoll għal ċerti tipi ta’ teknoloġiji jew għal proġetti b’ċerti karatteristiċi tekniċi f’konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, tal-anqas għall-proġetti li huma rikonoxxuti bħala ta’ interess pubbliku prevalenti, li fil-proċess tal-ippjanar u tal-għoti tal-permessi, il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ impjanti u installazzjonijiet għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-grilja relatata jingħataw prijorità meta jiġu bbilanċjati l-interessi legali fil-każ individwali. Fir-rigward tal-protezzjoni tal-ispeċijiet, is-sentenza preċedenti għandha tapplika biss jekk u sal-punt li jittieħdu miżuri xierqa ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet li jikkontribwixxu għaż-żamma jew għar-restawr tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet għal stat ta’ konservazzjoni favorevoli u jsiru disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji kif ukoll żoni għal dak l-iskop.

Artikolu 4

Aċċellerazzjoni tal-proċess tal-għoti ta’ permessi għall-installazzjoni tat-tagħmir tal-enerġija solari

1.   Il-proċess tal-għoti ta’ permessi għall-installazzjoni tat-tagħmir tal-enerġija solari u l-assi tal-ħżin tal-enerġija kolokalizzati, inkluż l-installazzjonijiet solari integrati fil-bini u tagħmir tal-enerġija solari fuq il-bjut, fi strutturi artifiċjali eżistenti jew futuri, għajr fuq l-uċuħ tal-ilma artifiċjali, ma għandux jaqbeż tliet xhur, dment li l-għan primarju ta’ dawn l-istrutturi ma jkunx il-produzzjoni tal-enerġija solari. B’deroga mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92/UE, u l-Anness II, il-punti 3(a) u (b), li jinqraw waħedhom jew flimkien mal-punt 13(a) tal-Anness II għal dik id-Direttiva, tali installazzjonijiet ta’ tagħmir tal-enerġija solari għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżit, jekk applikabbli, li jkunu soġġetti għal determinazzjoni dwar jekk il-proġett jirrikjedix valutazzjoni tal-impatt ambjentali, jew mir-rekwiżit li titwettaq valutazzjoni tal-impatt ambjentali ddedikata.

2.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu ċerti żoni jew strutturi mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tal-wirt kulturali jew storiku, jew għal raġunijiet relatati ma’ interessi ta’ difiża nazzjonali jew ta’ sikurezza.

3.   Għall-proċess tal-għoti ta’ permessi rigward l-installazzjoni ta’ tagħmir tal-enerġija solari, inkluż għall-awtokonsumaturi ta’ sorsi rinnovabbli, b’kapaċità ta’ 50 kW jew inqas, in-nuqqas ta’ tweġiba mill-awtoritajiet jew mill-entitajiet rilevanti fi żmien xahar wara l-applikazzjoni għandu jwassal biex il-permess jitqies li ngħata, dment li l-kapaċità tat-tagħmir tal-enerġija solari ma jaqbiżx il-kapaċità eżistenti tal-konnessjoni mal-grilja ta’ distribuzzjoni.

4.   Fejn l-applikazzjoni tal-livell limitu kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu twassal għal piż amministrattiv konsiderevoli jew restrizzjonijiet għat-tħaddim tal-grilja tal-elettriku, l-Istati Membri jistgħu japplikaw livell limitu aktar baxx dment li dan jibqa’ aktar minn 10,8 kW.

5.   Id-deċiżjonijiet kollha li jirriżultaw mill-proċessi tal-għoti ta’ permessi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom isiru pubbliċi f’konformità mal-obbligi eżistenti.

Artikolu 5

Repowering tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli

1.   Il-proċess tal-għoti tal-permessi għar-repowering tal-proġetti, inkluż il-permessi relatati mal-aġġornament tal-assi neċessarji għall-konnessjoni tagħhom mal-grilja fejn ir-repowering jirriżulta f’żieda fil-kapaċità, ma għandux jaqbeż sitt xhur inkluż il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali fejn meħtieġ mil-leġiżlazzjoni rilevanti.

2.   Meta r-repowering ma jirriżultax f’żieda fil-kapaċità tal-impjant tal-enerġija rinnovabbli lil hinn minn 15 %, u mingħajr ma jkollha effett fuq il-ħtieġa li jiġi vvalutat kwalunkwe impatt ambjentali potenzjali skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-konnessjonijiet tal-grilja mal-grilja tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni għandhom ikunu permessi fi żmien tliet xhur wara l-applikazzjoni lill-entità rilevanti sakemm ma jkunx hemm tħassib ġustifikat dwar is-sikurezza, jew inkompatibbiltà teknika mal-komponenti tas-sistema.

3.   Meta r-repowering ta’ impjant tal-enerġija rinnovabbli, jew l-aġġornament ta’ infrastruttura tal-grilja relatata li tkun neċessarja biex jiġu integrati s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku, ikun soġġett għal determinazzjoni dwar jekk il-proġett jirrikjedix proċedura ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali jew valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/92/UE, tali determinazzjoni minn qabel u/jew valutazzjoni tal-impatt ambjentali għandha tkun limitata għall-impatti sinifikanti potenzjali li jirriżultaw mill-bidla jew mill-estensjoni meta mqabbla mal-proġett oriġinali.

4.   Meta r-repowering tal-installazzjonijiet solari ma jinvolvix l-użu ta’ spazju addizzjonali u jikkonforma mal-miżuri ta’ mitigazzjoni ambjentali applikabbli stabbiliti għall-installazzjoni oriġinali, il-proġett għandu jiġi eżentat mir-rekwiżit, jekk applikabbli, li jiġi soġġett għal determinazzjoni ta’ jekk il-proġett jirrikjedix valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/92/UE.

5.   Id-deċiżjonijiet kollha li jirriżultaw mill-proċessi tal-għoti ta’ permessi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom isiru pubbliċi f’konformità mal-obbligi eżistenti.

Artikolu 6

Aċċellerazzjoni tal-proċess tal-għoti ta’ permessi tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u għall-infrastruttura tal-grilja relatata li hija meħtieġa biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fis-sistema

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll il-proġetti tal-ħżin tal-enerġija u l-proġetti tal-grilja tal-elettriku li jkunu meħtieġa biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fis-sistema tal-elettriku, mill-valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92/UE u mill-valutazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ispeċijiet skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 92/43/KEE u skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/147/KE, dment li l-proġett ikun jinsab f’żona ddedikata għall-enerġija rinnovabbli jew f’żona tal-grilja għal infrastruttura tal-grilja relatata li tkun meħtieġa biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fis-sistema tal-elettriku, jekk l-Istati Membri jkunu stabbilew żona għall-enerġija rinnovabbli jew żona għall-grilja, u li ż-żona tkun ġiet soġġetta għal valutazzjoni ambjentali strateġika f’konformità mad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li, abbażi tad-data eżistenti, jiġu applikati miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa u proporzjonali sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikoli 12(1) tad-Direttiva 92/43/KEE u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/147/KE. Fejn dawk il-miżuri ma jkunux disponibbli, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-operatur iħallas kumpens fi flus għal programmi ta’ protezzjoni tal-ispeċijiet sabiex jiġi żgurat jew mtejjeb l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet affettwati.

Artikolu 7

Aċċellerazzjoni tal-varar tal-pompi tas-sħana

1.   Il-proċess tal-għoti ta’ permessi għall-installazzjoni tal-pompi tas-sħana ta’ kapaċità elettrika ta’ anqas minn 50 MW ma għandux jaqbeż xahar, filwaqt li f’każ ta’ pompi tas-sħana mill-art ma għandux jaqbeż tliet xhur. .

2.   Sakemm ma jkunx hemm tħassib ġustifikat dwar is-sikurezza, ikunu meħtieġa xogħlijiet ulterjuri għal konnessjonijiet mal-grilja jew ikun hemm inkompatibbiltà teknika tal-komponenti tas-sistema, il-konnessjonijiet mal-grilja tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni għandhom ikunu permessi wara li ssir notifika lill-entità rilevanti għal:

(a)

pompi tas-sħana ta’ kapaċità elettrika sa 12 kW; u

(b)

pompi tas-sħana installati minn awtokonsumatur ta’ sorsi rinnovabbli ta’ kapaċità elettrika sa 50 kW, dment li l-kapaċità tal-installazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli tal-awtokonsumatur ta’ sorsi rinnovabbli tammonta għal mill-inqas 60 % tal-kapaċità tal-pompa tas-sħana.

3.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu ċerti żoni jew strutturi mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tal-wirt kulturali jew storiku, jew għal raġunijiet relatati ma’ interessi ta’ difiża nazzjonali jew ta’ sikurezza.

4.   Id-deċiżjonijiet kollha li jirriżultaw mill-proċessi tal-għoti ta’ permessi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom isiru pubbliċi f’konformità mal-obbligi eżistenti.

Artikolu 8

Skedi ta’ żmien għall-proċess tal-għoti tal-permessi għall-installazzjoni ta’ tagħmir tal-enerġija solari, ir-repowering ta’ impjanti tal-enerġija rinnovabbli u għall-użu ta’ pompi tas-sħana

Meta jiġu applikati l-iskadenzi msemmija fl-Artikoli 4, 5 u 7, iż-żmien li ġej ma għandux jingħadd ma’ dawk l-iskadenzi ħlief meta jikkoinċidi ma’ stadji amministrattivi oħra tal-proċess tal-għoti ta’ permessi:

(a)

iż-żmien li matulu l-impjanti, il-konnessjonijiet tagħhom mal-grilja u, bil-ħsieb li jkunu żgurati l-istabbiltà tal-grilja, l-affidabilità tal-grilja u s-sikurezza tal-grilja, l-infrastruttura tal-grilja neċessarja tkun qed tinbena jew repowered; u

(b)

iż-żmien użat għall-istadji amministrattivi neċessarji għal aġġornamenti sinifikanti għall-grilja meħtieġa biex jiġu żgurati l-istabbiltà tal-grilja, l-affidabbiltà tal-grilja u s-sikurezza tal-grilja.

Artikolu 9

Rieżami

Sal-aktar tard fil-31 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ta’ dan ir-Regolament fid-dawl tal-iżvilupp tas-sigurtà tal-provvista u tal-prezzijiet tal-enerġija u l-ħtieġa li jitħaffef aktar il-varar tal-enerġija rinnovabbli. Din għandha tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin ta’ dak ir-rieżami lill-Kunsill. Abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni tista’ tipproponi li testendi l-validità ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għal perjodu ta’ 18-il xahar mid-dħul fis-seħħ tiegħu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  Ir-Regolament (UE) 2022/1032 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass (ĠU L 173, 30.6.2022, p. 17).

(2)  Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1).

(3)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2021, Il-Ġermanja vs Il-Polonja, C-848/19 P, ECLI:EU:C:2021:598.

(4)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(6)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(8)  Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30).