16.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 322/1


REGOLAMENT (UE) 2022/2463 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Diċembru 2022

li jistabbilixxi strument għall-għoti ta’ appoġġ lill-Ukrajna għall-2023 (assistenza makrofinanzjarja +)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ukrajna (2), inkluż Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017.

(2)

Fl-2014, l-Ukrajna bdiet programm ambizzjuż ta’ riforma bil-għan li tistabbilizza l-ekonomija tagħha u ttejjeb l-għajxien taċ-ċittadini tagħha. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni kif ukoll riformi kostituzzjonali, elettorali u ġudizzjarji, huma fost l-ogħla prijoritajiet fuq l-aġenda. L-implimentazzjoni ta’ dawk ir-riformi ġiet appoġġata minn programmi konsekuttivi ta’ assistenza makrofinanzjarja, li taħthom l-Ukrajna rċeviet assistenza mill-Unjoni fil-forma ta’ self għal total ta’ EUR 6,6 biljun.

(3)

L-assistenza makrofinanzjarja ta’ emerġenza, li saret disponibbli fil-kuntest ta’ theddida dejjem tikber, eżatt qabel l-invażjoni Russa, skont id-Deċiżjoni (UE) 2022/313 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ipprovdiet EUR 1,2 biljun f’self lill-Ukrajna, żborżat f’żewġ pagamenti parzjali ta’ EUR 600 miljun kull wieħed, f’Marzu u Mejju 2022.

(4)

L-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni sa EUR 1 biljun, magħmula disponibbli skont id-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), ipprovdiet appoġġ rapidu u urġenti għall-baġit tal-Ukrajna u ġiet żborżata totalment b’żewġ pagamenti parzjali fl-1 u t-2 ta’ Awwissu 2022. Din l-assistenza kkonstitwit l-ewwel stadju tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali ppjanata lill-Ukrajna sa EUR 9 biljun, imħabbar mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tat-18 ta’ Mejju 2022 intitolata “L-Ukrajna: Għajnuna u Rikostruzzjoni” u approvata mill-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta’ Ġunju 2022.

(5)

Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) kkostitwixxiet pass ieħor fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali ppjanata tal-Unjoni. Hija stabbiliet il-bażi għall-għoti lill-Ukrajna ta’ ammont ulterjuri sa EUR 5 biljun fil-forma ta’ self b’termini aġevolati ħafna, li minnhom EUR 2 biljun ġew żborżati fit-18 ta’ Ottubru, filwaqt li t-EUR 3 biljun li jifdal għandhom jiġu żborżati sa tmiem l-2022.

(6)

Il- gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, mill-24 ta’ Frar 2022, ikkawżat lill-Ukrajna telf ta’ aċċess għas-swieq finanzjarji kif ukoll tnaqqis sinifikanti fid-dħul pubbliku, filwaqt li l-infiq pubbliku biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja u biex tinżamm il-kontinwità tas-servizzi tal-Istat żdied b’mod notevoli. F’dik is-sitwazzjoni volatili u inċerta ħafna, l-aħjar stimi tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), fis-sajf tal-2022, indikaw diskrepanza straordinarja fil-finanzjament ta’ madwar USD 39 biljun fl-2022, li madwar nofshom jistgħu jiġu ssodisfati bis-saħħa ta’ appoġġ internazzjonali. L-għoti rapidu mill-Unjoni tal- assistenza makrofinanzjarja lill-Ukrajna, skont id-Deċiżjoni (UE) 2022/1628 kien jitqies, fiċ-ċirkostanzi straordinarji attwali, bħala rispons xieraq għal terminu qasir għar-riskji mdaqqsa għall-istabbiltà makrofinanzjarja tal-Ukrajna. L-ammont ulterjuri sa massimu ta’ EUR 5 biljun f’assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali skont dik id-Deċiżjoni kien biex jingħata appoġġ lill-istabbilizzazzjoni makrofinanzjarja tal-Ukrajna, isaħħaħ ir-reżiljenza immedjata tal-pajjiż u jsostni l-kapaċità tiegħu lejn l-irkupru, u b’hekk jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku tal-Ukrajna u l-kapaċità tagħha li fl-aħħar mill-aħħar tkun f’pożizzjoni li tissodisfa l-obbligi finanzjarji tagħha.

(7)

Sa mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej immobilizzaw EUR 19,7-il biljun għar-reżiljenza ekonomika, soċjali u finanzjarja tal-Ukrajna. Dak l-ammont jgħaqqad appoġġ mill-baġit tal-Unjoni fl-ammont ta’ EUR 12,4-il biljun, inklużi l-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali u l-appoġġ mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, iggarantiti bis-sħiħ jew parzjalment mill-baġit tal-Unjoni, kif ukoll appoġġ finanzjarju ulterjuri mill-Istati Membri, fl-ammont ta’ EUR 7,3 biljun.

(8)

Barra minn hekk, il-Kunsill iddeċieda dwar miżuri ta’ assistenza b’appoġġ lill-forzi armati Ukreni bil-Faċilità Ewropea għall-Paċi, fl-ammont ta’ EUR 3,1 biljun taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (6), u missjoni ta’ assistenza militari b’appoġġ għall-Ukrajna b’EUR 0,1 biljun għall-ispejjeż komuni taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1968 (7). L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha taw ukoll rispons ta’ emerġenza in natura bla preċedent permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili taħt ir-Regolament (UE) 2021/836 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), li jikkostitwixxi l-akbar operazzjoni ta’ emerġenza mill-ħolqien ta’ dak il-mekkaniżmu, u wassal miljuni ta’ oġġetti ta’ emerġenza lejn l-Ukrajna u r-reġjun.

(9)

Il-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2022 ddeċieda li jagħti l-istatus ta’ pajjiż kandidat lill-Ukrajna. L-appoġġ qawwi lill-Ukrajna li għadu għaddej huwa prijorità ewlenija għall-Unjoni. Billi l-ħsara mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja lill-ekonomija, iċ-ċittadini u n-negozji Ukrajni hija tremenda, l-appoġġ qawwi lill-Ukrajna li għadu għaddej jirrikjedi approċċ kollettiv organizzat kif stabbilit fl-istrument għall-għoti ta’ appoġġ tal-Unjoni lill-Ukrajna (assistenza makrofinanzjarja +) stabbilit minn dan ir-Regolament (l-‘Istrument’).

(10)

Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna tirrappreżenta theddida ġeopolitika strateġika għall-Unjoni kollha kemm hi u tirrikjedi li l-Istati Membri jibqgħu b’saħħithom u magħqudin. Għalhekk, huwa essenzjali li l-appoġġ tal-Unjoni jintuża malajr u jkun kapaċi jadatta b’mod flessibbli u gradwali għal għajnuna immedjata u riabilitazzjoni f’perjodu qasir fit-triq lejn rikostruzzjoni futura.

(11)

L-objettiv ġenerali tal-Istrument huwa li jikkontribwixxi biex jingħalaq id-distakk fil-finanzjament tal-Ukrajna fl-2023, b’mod partikolari billi jipprovdi għajnuna finanzjarja aġevolata ħafna b’terminu qasir għall-baġit tal-Istat tal-Ukrajna b’mod prevedibbli, kontinwu, ordnat u f’waqtu, inkluż li jiffinanzja r-riabilitazzjoni u l-appoġġ inizjali lejn ir-rikostruzzjoni ta’ wara l-gwerra, fejn xieraq, bil-ħsieb li jappoġġa lill-Ukrajna fi triqitha lejn l-integrazzjoni Ewropea.

(12)

Sabiex jintlaħaq l-objettiv ġenerali tal-Istrument, l-assistenza jenħtieġ li tingħata biex tappoġġa l-istabbiltà makrofinanzjarja fl-Ukrajna, u biex ittaffi r-restrizzjonijiet tal-finanzjament estern tal-Ukrajna. Jenħtieġ li l-Kummissjoni timplimenta l-appoġġ permezz tal-Istrument f’konformità mal-prinċipji u l-objettivi ewlenin tal-miżuri meħuda fl-oqsma differenti tal-azzjoni esterna u politiki oħrajn rilevanti tal-Unjoni.

(13)

L-għoti ta’ appoġġ għar-riabilitazzjoni, it-tiswija, u l-manutenzjoni ta’ funzjonijiet u infrastruttura kritiċi kif ukoll għajnuna għall-persuni fil-bżonn u għaż-żoni l-aktar affettwati f’termini ta’ appoġġ materjali u soċjali, akkomodazzjoni temporanja, kostruzzjoni residenzjali u infrastrutturali jenħtieġ li jgħoddu wkoll fost l-oqsma ewlenin ta’ appoġġ permezz tal-Istrument.

(14)

Jenħtieġ li l-Istrument jappoġġa wkoll it-tisħiħ tal-kapaċità tal-awtoritajiet Ukreni biex iħejju għar-rikostruzzjoni futura ta’ wara l-gwerra u għall-fażi preparatorja bikrija tal-proċess ta’ qabel l-adeżjoni, kif xieraq, inkluż it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tal-Ukrajna, ir-riforma u t-tisħiħ tal-effettività tal-amministrazzjoni pubblika kif ukoll it-trasparenza, ir-riformi strutturali u l-governanza tajba fil-livelli kollha.

(15)

L-Istrument ser jappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni fir-rigward tal-Ukrajna. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jenħtieġ li jaħdmu flimkien mill-qrib matul l-operazzjoni ta’ appoġġ sabiex jikkoordinaw u jiżguraw il-konsistenza tal-politika esterna tal-Unjoni. L-appoġġ lill-Ukrajna permezz tal-Istrument ser ikompli jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna kif stmati mill-FMI, mill-Bank Dinji u minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra, filwaqt li titqies il-kapaċità tal-Ukrajna li tiffinanzja lilha nnifisha bir-riżorsi proprji tagħha. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-appoġġ tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija minn donaturi bilaterali u multilaterali, kif ukoll l-iskjerament preeżistenti tal-istrumenti ta’ finanzjament esterni l-oħra tal-Unjoni fl-Ukrajna u l-valur miżjud tal-involviment ġenerali tal-Unjoni.

(16)

Is-sitwazzjoni tal-Ukrajna tirrikjedi approċċ gradwali fejn strument li jiffoka fuq l-istabbiltà makrofinanzjarja kif ukoll l-għajnuna u r-riabilitazzjoni immedjati jenħtieġ li jkun akkumpanjat minn appoġġ kontinwu taħt l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali - Ewropa Globali stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u l-operazzjonijiet għall-għajnuna umanitarja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 (10).

(17)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi r-riżorsi disponibbli għall-Istrument għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023 bi żborżi possibbli sal-31 ta’ Marzu 2024. Ammont massimu ta’ EUR 18-il biljun jenħtieġ li jkun disponibbli fil-forma ta’ self. Barra minn hekk, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2027, dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprovdi għal sussidju tar-rata tal-imgħax. Sabiex tiġi żgurata l-kopertura tal-ispejjeż tal-imgħax matul il-ħajja tas-self, il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri lil hinn mill-2027 jenħtieġ li jiġġeddu u jkomplu bħala dħul assenjat estern sakemm ma jkunux koperti b’mezzi oħra f’oqfsa finanzjarji pluriennali futuri. Għalhekk, jista’ jkun possibbli li l-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri jiġu estiżi lil hinn mill-2027.

(18)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprovdi l-possibbiltà li l-Istati Membri jagħmlu disponibbli riżorsi addizzjonali, bħala dħul assenjat estern, li għandhom jiġu implimentati skont il-memorandum ta’ qbil (“MtQ”) tal-Istrument. Tali possibbiltà għal kontribuzzjoni addizzjonali jenħtieġ li ssir ukoll għal pajjiżi terzi u terzi persuni interessati bħala dħul assenjat estern, f’konformità mal-Artikolu 21(2), il-punti (d) u (e), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) (“ir-Regolament Finanzjarju”). Sabiex jitrawmu sinerġiji u komplementarjetajiet, huwa xieraq li jiġi permess li tali kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-Istati Membri, minn pajjiżi terzi u terzi persuni oħra interessati jkunu jistgħu jsiru disponibbli wkoll għall-programmi stabbiliti skont ir-Regolamenti (UE) 2021/947 u (KE) Nru 1257/96 għall-finanzjament ta’ miżuri li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Istrument.

(19)

Il-kontribuzzjonijiet volontarji mill-Istati Membri għandhom ikunu irrevokabbli, mingħajr kundizzjonijiet u fuq talba. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jidħlu fi ftehim ta’ kontribuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Finanzjarju mal-Kummissjoni. Tali ftehim ta’ kontribuzzjoni jenħtieġ li jkopri l-kontribuzzjoni għas-sussidju tar-rata tal-imgħax u, jekk l-Istati Membri jkunu jixtiequ jipprovduhom, ammonti addizzjonali wkoll.

(20)

L-appoġġ permezz tal-Istrument jenħtieġ li jkun disponibbli bil-prekundizzjoni li l-Ukrajna tkompli tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi u l-istituzzjonijiet tagħha, inkluża sistema parlamentari b’diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

(21)

L-appoġġ permezz tal-Istrument jenħtieġ li jkun marbut mal-kundizzjonijiet ta’ politika li għandhom jiġu stabbiliti f’MtQ. Jenħtieġ li dawk il-kundizzjonijiet jinkludu wkoll impenji biex jissaħħu l-prestazzjoni ekonomika u r-reżiljenza tal-pajjiż, l-ambjent tan-negozju, tiġi ffaċilitata r-rikostruzzjoni kritika u jiġu indirizzati l-isfidi fis-settur tal-enerġija.

(22)

Il-kundizzjonijiet ta’ politika jenħtieġ li jiġu kkomplementati minn rekwiżiti stretti ta’ rappurtar, bil-għan li jiġi żgurat li l-fondi jintużaw b’mod effiċjenti, trasparenti u responsabbli.

(23)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, huwa xieraq li tiġi prevista reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-MtQ.

(24)

L-appoġġ permezz tal-Istrument jenħtieġ li jiġi rilaxxat soġġett għar-rispett tal-prekundizzjonijiet, l-implimentazzjoni sodisfaċenti u l-progress lejn l-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-politika.

(25)

Huwa xieraq li tiġi prevista l-possibbiltà li jiġu vvalutati mill-ġdid il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna u li l-appoġġ jitnaqqas, jiġi sospiż jew ikkanċellat jekk dawk il-ħtiġijiet jonqsu b’mod fundamentali matul il-perjodu tal-iżborż tal-appoġġ permezz tal-Istrument meta mqabbel mal-proġettazzjonijiet inizjali. Huwa xieraq ukoll li tiġi prevista l-possibbiltà li l-iżborżi jiġu sospiżi jew ikkanċellati f’każ li r-rekwiżiti għar-rilaxx tal-appoġġ permezz tal-Istrument ma jiġux issodisfati.

(26)

Fil-kuntest tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament urġenti tal-Ukrajna, huwa xieraq li l-assistenza finanzjarja tiġi organizzata skont l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata prevista skont l-Artikolu 220a tar-Regolament Finanzjarju u stabbilit bħala metodu ta’ finanzjament uniku fih, li huwa mistenni li jtejjeb il-likwidità tal-bonds tal-Unjoni u l-attraenza u l-kosteffettività tal-ħruġ tal-Unjoni.

(27)

Minħabba s-sitwazzjoni diffiċli tal-Ukrajna kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja u biex tiġi appoġġata l-Ukrajna fit-triq tal-istabbiltà fit-tul tagħha, huwa xieraq li l-Ukrajna tingħata self b’termini konċessjonali ħafna b’tul massimu ta’ żmien ta’ 35 sena u bil-ħlas lura tal-kapital li ma jibdiex qabel l-2033. Huwa xieraq ukoll li ssir deroga mill-Artikolu 220(5), il-punt (e) tar-Regolament Finanzjarju u li l-Unjoni titħallielha l-possibbiltà li tkopri l-ispejjeż tar-rata tal-imgħax u li tirrinunzja l-ispejjeż amministrattivi li inkella jkunu jridu jinġarru mill-Ukrajna. Is-sussidju tar-rata tal-imgħax jenħtieġ li jingħata bħala strument meqjus xieraq biex tiġi żgurata l-effettività tal-appoġġ permezz tal-Istrument fis-sens tal-Artikolu 220(1) tar-Regolament Finanzjarju. Dan jenħtieġ li jkun iffinanzjat minn kontribuzzjonijiet volontarji addizzjonali mill-Istati Membri u jenħtieġ li jsir disponibbli gradwalment hekk kif il-ftehimiet mal-Istati Membri jidħlu fis-seħħ.

(28)

Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Ukrajna li titlob is-sussidju tar-rata tal-imgħax u r-rinunzja tal-ispejjeż amministrattivi kull sena.

(29)

L-obbligazzjoni finanzjarja minn self skont dan ir-Regolament ma tkunx appoġġata mill-Garanzija għall-Azzjoni Esterna, b’deroga mit-tieni sentenza tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament (UE) 2021/947. L-appoġġ permezz tal-Istrument jenħtieġ li jikkostitwixxi assistenza finanzjarja fis-sens tal-Artikolu 220(1) tar-Regolament Finanzjarju. Meta jitqiesu r-riskji finanzjarji u l-kopertura baġitarja, l-ebda proviżjonament ma jenħtieġ li jkun kostitwit għall-assistenza finanzjarja fil-forma ta’ self permezz tal-Istrument u, b’deroga mill-Artikolu 211(1) tar-Regolament Finanzjarju, jenħtieġ li ma tiġi stabbilita l-ebda rata ta’ proviżjonament bħala perċentwal tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament.

(30)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (12) bħalissa ma jippermettix il-kopertura tal-obbligazzjoni finanzjarja li tirriżulta minn self fi ħdan l-Istrument. Sakemm possibbilment jiġi emendat, u b’hekk jippermetti, bħala garanzija, il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi baġitarji lil hinn mil-limiti massimi tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u sal-limiti massimi msemmijin fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 (13), huwa xieraq li tinstab soluzzjoni alternattiva li tipprovdi riżorsi addizzjonali.

(31)

Il-kontribuzzjonijiet volontarji mill-Istati Membri fil-forma ta’ garanziji ġew identifikati bħala għodda xierqa biex tiġi pprovduta l-protezzjoni li tippermetti l-operazzjonijiet ta’ għoti u teħid ta’ self skont dan ir-Regolament. Il-garanziji tal-Istati Membri jenħtieġ li jikkostitwixxu salvagwardja xierqa li tiżgura l-kapaċità tal-Unjoni li tħallas lura t-teħid ta’ self li jappoġġa s-self permezz tal-Istrument.

(32)

Jenħtieġ li l-garanziji pprovduti mill-Istati Membri jkopru l-appoġġ permezz tal-Istrument fil-forma ta’ self sa EUR 18 000 000 000. Huwa importanti li l-Istati Membri jlestu l-proċeduri nazzjonali applikabbli biex jipprovdu l-garanziji bħala kwistjoni tal-ogħla prijorità. Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, jenħtieġ li ż-żmien li hemm bżonn għat-tlestija ta’ dawk il-proċeduri ma jdewwimx l-iżborż tal-appoġġ finanzjarju meħtieġ b’mod urġenti lill-Ukrajna fil-forma ta’ self skont dan ir-Regolament. Fl-istess ħin, l-appoġġ finanzjarju permezz tal-Istrument fil-forma ta’ self jenħtieġ li jsir disponibbli progressivament, hekk kif il-garanziji pprovduti mill-Istati Membri jidħlu fis-seħħ. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u l-prudenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel arranġamenti għas-self filwaqt li tqis kif xieraq l-affidabbiltà kreditizja tagħha. Madankollu, jenħtieġ li l-appoġġ isir disponibbli għall-ammont sħiħ sa EUR 18 000 000 000 mid-data tal-applikazzjoni ta’ emenda għar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093, jew is-suċċessur tiegħu, li tipprevedi garanzija tas-self permezz tal-Istrument taħt il-baġit tal-Unjoni lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP u sal-limiti massimi msemmija fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053.

(33)

Jenħtieġ li l-garanziji tal-Istati Membri jkunu irrevokabbli, mingħajr kundizzjonijiet u b’talba. Dawk il-garanziji jenħtieġ li jiżguraw il-kapaċità tal-Unjoni li tħallas lura l-fondi mislufa fis-swieq kapitali jew mill-istituzzjonijiet finanzjarji. Jenħtieġ li l-garanziji jieqfu jkunu eżerċitabbli mid-data tal-applikazzjoni ta’ emenda għar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093, jew is-suċċessur tiegħu, li tipprevedi garanzija tas-self permezz tal-Istrument taħt il-baġit tal-Unjoni lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP u sal-limiti massimi msemmijin fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053. Jenħtieġ li ssir talba għall-ħlas tal-garanziji fil-każ li l-Unjoni ma tirċevix pagament f’waqtu mill-Ukrajna fir-rigward tas-self permezz tal-Istrument, inkluż, b’mod partikolari, f’każijiet ta’ bidliet fl-iskeda ta’ pagament għal kwalunkwe raġuni kif ukoll nonpagamenti mistennija u mhux mistennija.

(34)

L-ammonti rkuprati skont il-ftehimiet ta’ self fir-rigward tas-self permezz tal-Istrument jenħtieġ li jiġu rimborżati lill-Istati Membri li jkunu onoraw it-talbiet għal ħlas ta’ garanzija, b’deroga mill-Artikolu 211(4), il-punt (c), tar-Regolament Finanzjarju.

(35)

Qabel ma titlob il-ħlas tal-garanziji pprovduti mill-Istati Membri, il-Kummissjoni, fid-diskrezzjoni u r-responsabbiltà unika tagħha bħala l-istituzzjoni tal-Unjoni fdata bl-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li teżamina l-miżuri kollha disponibbli fi ħdan l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikati prevista fl-Artikolu 220a tar-Regolament Finanzjarju, f’konformità mal-limiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Fit-talba rilevanti għall-ħlas tal-garanziji, jenħtieġ li l-Kummissjoni tgħarraf lill-Istati Membri dwar l-eżami, kif xieraq.

(36)

Is-sehem relattiv tal-kontribuzzjonijiet ta’ kull Stat Membru (koeffiċjent tal-kontribuzzjoni) għall-ammont globali garantit jenħtieġ li jikkorrispondi għall-ishma relattivi tal-Istati Membri fl-introjtu nazzjonali gross (ING) totali tal-Unjoni. Jenħtieġ li t-talbiet għall-ħlas tal-garanziji jsiru pro rata, u japplikaw il-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni. Sakemm jidħlu fis-seħħ il-ftehimiet ta’ garanzija kollha bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, il-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni jenħtieġ li jiġi aġġustat b’mod proporzjonat fuq bażi temporanja.

(37)

Huwa xieraq li l-Kummissjoni u l-Ukrajna jikkonkludu ftehim ta’ self għall-appoġġ tas-self, fil-qafas tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-MtQ. Sabiex jiġi żgurat li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta mal-appoġġ permezz tal-Istrument jiġu protetti b’mod effiċjenti, jenħtieġ li l-Ukrajna tieħu miżuri xierqa fir-rigward tal-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra marbuta ma’ dak l-appoġġ u l-ġlieda kontrihom. Barra minn hekk, jenħtieġ li fil-ftehim tas-self u fil-ftehim ta’ finanzjament jiġi previst li l-Kummissjoni twettaq kontrolli, li l-Qorti tal-Awdituri twettaq awditi u li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jeżerċita l-kompetenzi tiegħu, f’konformità mal-Artikoli 129 u 220 tar-Regolament Finanzjarju.

(38)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-distakk fil-finanzjament tal-Ukrajna fl-2023, b’mod partikolari billi jipprovdi għajnuna għal terminu qasir b’termini aġevolati ħafna lill-baġit tal-Istat tal-Ukrajna b’mod prevedibbli, kontinwu, ordnat u f’waqtu, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(39)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

(40)

Fid-dawl tal-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja, huwa meqjus xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat previst fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(41)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

APPOĠĠ TAL-UNJONI LILL-UKRAJNA

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi strument li jipprovdi l-appoġġ tal-Unjoni lill-Ukrajna (assistenza makrofinanzjarja +) (l-“Istrument”) fil-forma ta’ self, appoġġ mhux ripagabbli u sussidju tar-rata tal-imgħax.

2.   Jistabbilixxi l-objettivi tal-Istrument, il-finanzjament tiegħu, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni taħtu u r-regoli għall-għoti ta’ tali finanzjament.

Artikolu 2

Objettivi tal-Istrument

1.   L-objettiv ġenerali tal-Istrument għandu jkun li jipprovdi għajnuna finanzjarja b’terminu qasir lill-Ukrajna b’mod prevedibbli, kontinwu, ordnat u f’waqtu, finanzjament tar-riabilitazzjoni u appoġġ inizjali għar-rikostruzzjoni ta’ wara l-gwerra, fejn xieraq, bil-ħsieb li l-Ukrajna tiġi appoġġata fi triqitha lejn l-integrazzjoni Ewropea.

2.   Biex jintlaħaq l-objettiv ġenerali, l-objettivi speċifiċi ewlenin għandhom b’mod partikolari jkunu li jappoġġaw:

(a)

l-istabbiltà makrofinanzjarja, u biex jittaffew ir-restrizzjonijiet finanzjarji esterni u interni tal-Ukrajna;

(b)

aġenda ta’ riforma orjentata lejn il-fażi preparatorja bikrija tal-proċess ta’ qabel l-adeżjoni, kif xieraq, inkluż it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tal-Ukrajna, ir-riforma u t-tisħiħ tal-effettività tal-amministrazzjoni pubblika kif ukoll it-trasparenza, ir-riformi strutturali u l-governanza tajba fil-livelli kollha;

(c)

riabilitazzjoni ta’ funzjonijiet kritiċi u infrastruttura u għajnuna għan-nies fil-bżonn.

Artikolu 3

Oqsma ta’ appoġġ

Biex jilħaq l-objettivi tiegħu, l-Istrument għandu jappoġġa b’mod partikolari dawn li ġejjin:

(a)

il-finanzjament tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna, bil-ħsieb li tinżamm l-istabbiltà makrofinanzjarja tal-pajjiż;

(b)

ir-riabilitazzjoni, pereżempju fir-restawr tal-infrastruttura kritika, bħall-infrastruttura tal-enerġija, is-sistemi tal-ilma, in-netwerks tat-trasport, it-toroq jew il-pontijiet interni, jew f’setturi ekonomiċi strateġiċi u l-infrastruttura soċjali, bħal faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, skejjel, u akkomodazzjoni għal persuni rilokati, inkluża akkomodazzjoni temporanja u soċjali;

(c)

riformi settorjali u istituzzjonali, inklużi riformi kontra l-korruzzjoni u ġudizzjarji, ir-rispett għall-istat tad-dritt, il-governanza tajba, u l-modernizzazzjoni tal-istituzzjonijiet nazzjonali u lokali;

(d)

tħejjija għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna;

(e)

appoġġ għall-allinjament tal-qafas regolatorju tal-Ukrajna ma’ dak tal-Unjoni u l-integrazzjoni tal-Ukrajna fis-suq uniku, kif ukoll it-tisħiħ tal-iżvilupp ekonomiku u t-titjib tal-kompetittività;

(f)

it-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-Ukrajna permezz ta’ mezzi xierqa, inkluż l-użu ta’ assistenza teknika.

Artikolu 4

Appoġġ disponibbli permezz tal-Istrument

1.   L-appoġġ permezz tal-Istrument fil-forma ta’ self għandu jkun disponibbli, soġġett għall-Artikolu 5, għal ammont sa EUR 18 000 000 000 għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023 bi żborż possibbli sal-31 ta’ Marzu 2024.

L-appoġġ għandu jsir disponibbli progressivament, hekk kif il-garanziji tal-Istati Membri jidħlu fis-seħħ f’konformità mal-Artikolu 5(4), filwaqt li qatt ma jaqbeż l-ammonti koperti minn dawk il-ftehimiet ta’ garanzija.

Madankollu, mid-data tal-applikazzjoni ta’ emenda għar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093, jew is-suċċessur tiegħu, li tipprevedi garanzija tas-self imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu taħt il-baġit tal-Unjoni lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP u sal-limiti massimi msemmijin fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053, it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux jibqa’ japplika u l-appoġġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jsir disponibbli b’mod sħiħ.

2.   Għandu jkun disponibbli wkoll appoġġ addizzjonali permezz tal-Istrument għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2027, soġġett għall-Artikolu 7(1), biex ikopri n-nefqa skont l-Artikolu 17. Dan l-appoġġ addizzjonali jista’ jkun disponibbli wara l-31 ta’ Diċembru 2027 soġġett għall-Artikolu 7(1).

3.   Ammonti addizzjonali disponibbli skont l-Artikolu 7(2) u (4) ta’ dan ir-Regolament jistgħu jiġu implimentati bħala appoġġ mhux ripagabbli fejn previst fil-MtQ li għandu jiġi konkluż skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament jew skont ir-Regolamenti (UE) 2021/947 u (KE) Nru 1257/96 għall-finanzjament ta’ miżuri li jilħqu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 2(2), punti (b) u (c) ta’ dan ir-Regolament skont ir-regoli ta’ dawk ir-Regolamenti.

4.   L-ammonti msemmija fil-paragrafu 3 jistgħu jkopru n-nefqa ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrument u għall-kisba tal-objettivi tiegħu, inkluż l-appoġġ amministrattiv assoċjat mal-attivitajiet ta’ tħejjija, segwitu, monitoraġġ, kontroll, awditjar u evalwazzjoni meħtieġa għal tali implimentazzjoni, kif ukoll in-nefqa fil-kwartieri ġenerali u fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni għall-appoġġ amministrattiv u ta’ koordinazzjoni meħtieġ għall-Istrument, u għall-ġestjoni tal-operazzjonijiet iffinanzjati permezz tal-Istrument, inkluż azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, u sistemi korporattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni.

Artikolu 5

Kontribuzzjonijiet fil-forma ta’ garanziji mill-Istati Membri

1.   L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu billi jipprovdu garanziji sa ammont totali ta’ EUR 18 000 000 000 fir-rigward tal-appoġġ permezz tal-Istrument fil-forma ta’ self imsemmi fl-Artikolu 4(1).

2.   Meta jsiru kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri, dawn għandhom jiġu pprovduti fil-forma ta’ garanziji irrevokabbli, mhux kundizzjonali u b’talba permezz ta’ ftehim ta’ garanzija li għandu jiġi konkluż mal-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 6.

3.   Is-sehem relattiv tal-kontribuzzjoni tal-Istat Membru kkonċernat (koeffiċjent tal-kontribuzzjoni) għall-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jikkorrispondi għas-sehem relattiv ta’ dak l-Istat Membru fl-ING totali tal-Unjoni, kif jirriżulta mill-intestatura “Dħul Ġenerali” tal-baġit għall-2023, Parti A (“Finanzjament tal-baġit annwali tal-Unjoni, Introduzzjoni”), Tabella 4, kolonna (1), stabbilit fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2023, kif adottat definittivament fit-23 ta’ Novembru 2022.

4.   Il-garanziji għandhom isiru effettivi fir-rigward ta’ kull Stat Membru mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta’ garanzija msemmi fl-Artikolu 6, bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat.

5.   L-ammonti li jirriżultaw minn talbiet għal ħlas tal-garanziji għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern f’konformità mal-Artikolu 21(2), il-punt (a)(ii), tar-Regolament Finanzjarju għar-ripagament tal-obbligazzjonijiet finanzjarji mill-appoġġ permezz tal-Istrument fil-forma ta’ self imsemmi fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament.

6.   Qabel ma titlob għall-ħlas tal-garanziji pprovduti mill-Istati Membri, il-Kummissjoni, fid-diskrezzjoni u r-responsabbiltà unika tagħha, għandha teżamina l-miżuri kollha disponibbli fl-istrateġija ta’ finanzjament diversifikat prevista fl-Artikolu 220a tar-Regolament Finanzjarju, f’konformità mal-limiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Tali eżami ma għandux jaffettwa n-natura irrevokabbli, bla kundizzjonijiet u fuq talba tal-garanziji pprovduti skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Fit-talba għall-ħlas tal-garanziji, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri dwar l-eżami, kif xieraq.

7.   B’deroga mill-Artikolu 211(4), il-punt (c) tar-Regolament Finanzjarju, ammonti rkuprati mill-Ukrajna fir-rigward tal-appoġġ permezz tal-Istrument fil-forma ta’ self imsemmi fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu rimborżati lil dawk l-Istati Membri sal-ammont tat-talba għal ħlas ta’ garanzija onorat mill-Istati Membri skont l-Artikolu 6, il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament.

Article 6

Ftehimiet ta’ garanzija

Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta’ garanzija ma’ kull Stat Membru li jipprovdi garanzija msemmija fl-Artikolu 5. Dak il-ftehim għandu jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw il-garanzija, li għandhom ikunu l-istess għall-Istati Membri kollha, inklużi, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet:

(a)

li jistabbilixxu l-obbligu tal-Istati Membri li jonoraw it-talbiet ta’ garanzija magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-appoġġ permezz tal-Istrument fil-forma ta’ self imsemmi fl-Artikolu 4(1);

(b)

li jiżguraw li t-talbiet għal ħlas ta’ garanzija jsiru pro rata, bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni msemmi fl-Artikolu 5(3), fuq bażi temporanja, il-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni għandu jiġi aġġustat b’mod proporzjonat sakemm il-ftehimiet ta’ garanzija kollha bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri jidħlu fis-seħħ f’konformità mal-Artikolu 5(4);

(c)

li jipprovdu li t-talbiet għall-ħlas ta’ garanzija jiżguraw l-abilità tal-Unjoni li tħallas lura l-fondi mislufa, skont l-Artikolu 16(1), fis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji wara nonpagament mill-Ukrajna, inkluż każijiet ta’ bidliet fl-iskeda ta’ pagamenti għal kwalunkwe raġuni kif ukoll nonpagamenti mistennija u mhux mistennija;

(d)

li jiżguraw li fejn Stat Membru jonqos, għal kollox jew parzjalment, li jonora talba għal ħlas ta’ garanzija fil-ħin, il-Kummissjoni, sabiex tkopri l-parti li tikkorrispondi għall-Istat Membru kkonċernat, għandu jkollha d-dritt li tagħmel talbiet addizzjonali għal ħlas ta’ garanzija fuq garanziji pprovduti minn Stati Membri oħra. Tali talbiet addizzjonali għal ħlas għandhom isiru pro rata għas-sehem relattiv ta’ kull wieħed mill-Istati Membri l-oħrajn fl-ING tal-Unjoni kif msemmi fl-Artikolu 5(3) u adattati mingħajr ma jittieħed kont tas-sehem relattiv tal-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru li jkun naqas milli jonora t-talba għal ħlas ta’ garanzija għandu jibqa’ responsabbli li jonoraha, u għandu jkun responsabbli wkoll għal kwalunkwe kost li jirriżulta. L-Istati Membri l-oħrajn għandhom jiġu rimborżati għal kwalunkwe kontribuzzjoni addizzjonali mill-ammonti rkuprati mill-Kummissjoni mill-Istat Membru li jkun naqas milli jonora talba għal ħlas. Il-garanzija mitluba minn Stat Membru għandha tkun limitata, fiċ-ċirkostanzi kollha, għall-ammont globali tal-garanzija kkontribwit minn dak l-Istat Membru skont il-ftehim ta’ garanzija;

(e)

fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-ħlas;

(f)

li jiżguraw li l-garanziji għandhom jieqfu jkunu eżerċitabbli mid-data tal-applikazzjoni ta’ emenda għar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093, jew is-suċċessur tiegħu, li tipprevedi garanzija tas-self imsemmi fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament taħt il-baġit tal-Unjoni lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP u sal-limiti massimi msemmijin fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053.

Artikolu 7

Kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri u terzi persuni

1.   L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu għall-Istrument bl-ammonti msemmija fl-Artikolu 4(2). Is-sehem relattiv tal-kontribuzzjoni tal-Istat Membru kkonċernat għal dawk l-ammonti għandu jikkorrispondi għas-sehem relattiv ta’ dak l-Istat Membru fl-ING totali tal-Unjoni. Għall-kontribuzzjonijiet għas-sena n, is-sehem relattiv ibbażat fuq l-ING għandu jiġi kkalkulat bħala s-sehem fl-ING totali tal-Unjoni, kif jirriżulta mill-kolonna rispettiva fil-parti tad-dħul tal-aħħar baġit annwali tal-Unjoni jew fil-baġit emendatorju annwali tal-Unjoni adottat għas-sena n-1.

L-appoġġ permezz tal-Istrument f’dan il-paragrafu għandu jsir disponibbli fir-rigward ta’ kwalunkwe ammont stabbilit fi ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru rispettiv wara li dak il-ftehim jidħol fis-seħħ.

2.   L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu għall-Istrument b’ammonti addizzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 4(3).

3.   Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern f’konformità mal-Artikolu 21(2), il-punt (a)(ii), tar-Regolament Finanzjarju.

4.   Pajjiżi terzi u terzi persuni interessati jistgħu jikkontribwixxu wkoll għal appoġġ mhux ripagabbli permezz tal-Istrument b’ammonti addizzjonali msemmija fl-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari relatati mal-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 2(2), il-punti (b) u (c) ta’ dan ir-Regolament. Dawk il-kontribuzzjonijiet għandhom jikkostitwixxu fi dħul assenjat estern f’konformità mal-Artikolu 21(2), il-punti (d) u (e) tar-Regolament Finanzjarju.

TAQSIMA 2

Kundizzjonijiet tal-appoġġ permezz tal-Istrument

Artikolu 8

Prekundizzjoni għall-appoġġ permezz tal-Istrument

1.   Prekundizzjoni għall-għoti tal-appoġġ permezz tal-Istrument għandha tkun li l-Ukrajna tkompli żżomm u tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi sistema parlamentari b’diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u li tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

2.   Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jimmonitorjaw it-twettiq tal-prekundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 matul il-perjodu kollu tal-appoġġ ipprovdut permezz tal-Istrument, b’mod partikolari qabel ma jsiru l-iżborżi, filwaqt li, kif xieraq, jitqies ir-rapport regolari tat-tkabbir tal-Kummissjoni. Iċ-ċirkostanzi fl-Ukrajna u l-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-liġi marzjali hemmhekk għandhom jitqiesu wkoll.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (15).

Artikolu 9

Memorandum ta’ Qbil

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi memorandum ta’ qbil (“MtQ”) mal-Ukrajna li għandu b’mod partikolari jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ politika, l-ippjanar finanzjarju indikattiv u r-rekwiżiti ta’ rappurtar, kif imsemmi fl-Artikolu 10 li l-assistenza tal-Unjoni permezz tal-Istrument għandha tkun marbuta magħhom.

Il-kundizzjonijiet ta’ politika għandhom ikunu marbuta, kif xieraq, fil-kuntest tas-sitwazzjoni ġenerali fl-Ukrajna, mal-objettivi u l-implimentazzjoni tagħhom imsemmija rispettivament fl-Artikoli 2 u 3 u mal-prekundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 8. Dawn għandhom jinkludu impenn għall-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba b’enfasi fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-ġlieda kontra l-frodi u l-evitar ta’ konflitti ta’ interess u l-istabbiliment ta’ qafas trasparenti u responsabbli għall-ġestjoni tar-riabilitazzjoni u, fejn xieraq, tar-rikostruzzjoni.

2.   Il-MtQ jista’ jiġi rivedut mill-Kummissjoni f’nofs it-terminu. Il-Kummissjoni tista’ temenda l-MtQ wara r-rieżami.

3.   Il-MtQ għandu jiġi adottat u emendat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 19(2).

Artikolu 10

Rekwiżiti ta’ rapportar

1.   Ir-rekwiżiti ta’ rappurtar għall-Ukrajna għandhom jiġu inklużi fil-MtQ u għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-użu tal-appoġġ ipprovdut permezz tal-Istrument.

2.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika, f’intervalli regolari, l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar u l-progress li jkun sar lejn l-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ politika stabbiliti fil-MtQ. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati ta’ dik il-verifika.

TAQSIMA 3

Rilaxx tal-appoġġ permezz tal-Istrument, valutazzjoni u obbligi ta’ informazzjoni

Artikolu 11

Rilaxx tal-appoġġ permezz tal-Istrument

1.   Soġġett għar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 12, l-appoġġ permezz tal-Istrument għandu jsir disponibbli mill-Kummissjoni f’pagamenti parzjali. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-perjodu ta’ żmien għall-iżborż ta’ kull pagament parzjali. Pagament parzjali jista’ jiġi żborżat f’parti waħda jew iktar.

2.   Ir-rilaxx tal-appoġġ permezz tal-Istrument għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-valutazzjoni tagħha tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ politika inklużi fil-MtQ.

Artikolu 12

Deċiżjoni dwar ir-rilaxx tal-appoġġ permezz tal-Istrument

1.   L-Ukrajna għandha tippreżenta talba għal fondi qabel l-iżborż ta’ kull pagament parzjali, akkumpanjata minn rapport f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-MtQ.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali, skont il-valutazzjoni tagħha tar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ir-rispett għall-prekondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 8;

(b)

l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-obbligi ta’ rapportar miftiehma fil-MtQ;

(c)

l-progress sodisfaċenti lejn l-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ politika stabbiliti fil-MtQ.

3.   Qabel ma jiġi żborżat l-ammont massimu tal-appoġġ permezz tal-Istrument, il-Kummissjoni għandha tivverifika l-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ politika kollha stabbiliti fil-MtQ.

Artikolu 13

Tnaqqis, sospensjoni u kanċellazzjoni tal-appoġġ permezz tal-Istrument

1.   Jekk il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna jonqsu b’mod fundamentali matul il-perjodu tal-iżborż tal-appoġġ tal-Unjoni permezz tal-Istrument meta mqabbel mal-proġettazzjonijiet inizjali, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas l-ammont tal-appoġġ, tissospendih jew tikkanċellah.

2.   Meta r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 12(2) ma jiġux issodisfati, il-Kummissjoni għandha tissospendi jew tikkanċella l-iżborż tal-appoġġ permezz tal-Istrument.

Artikolu 14

Valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-appoġġ permezz tal-Istrument

Matul l-implimentazzjoni tal-Istrument, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, permezz ta’ valutazzjoni operazzjonali, li tista’ titwettaq flimkien mal-valutazzjoni operazzjonali prevista skont id-Deċiżjonijiet (UE) 2022/1201 u (UE) 2022/1628, is-solidità tal-arranġamenti finanzjarji tal-Ukrajna, il-proċeduri amministrattivi, u l-mekkaniżmi ta’ kontroll interni u esterni li huma rilevanti għall-appoġġ permezz tal-Istrument.

Artikolu 15

Informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fir-rigward tal-appoġġ tal-Unjoni permezz tal-Istrument, inklużi l-iżborżi tiegħu, u l-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11, u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet bid-dokumenti rilevanti fi żmien debitu. F’każ ta’ sospensjoni jew kanċellazzjoni skont l-Artikolu 13(2), hija għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-raġunijiet għas-sospensjoni jew il-kanċellazzjoni.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI RELATATI MAL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-APPOĠĠ

Artikolu 16

Operazzjonijiet mutwatarji u mutwanti

1.   Sabiex tiffinanzja l-appoġġ permezz tal-Istrument fil-forma ta’ self, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f’isem l-Unjoni, li tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji f’konformità mal-Artikolu 220a tar-Regolament Finanzjarju.

2.   It-termini dettaljati tal-appoġġ permezz tal-Istrument fil-forma ta’ self għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim ta’ self f’konformità mal-Artikolu 220 tar-Regolament Finanzjarju, li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Ukrajna. Is-self għandu jkollu tul massimu ta’ 35 snin.

3.   B’deroga mill-Artikolu 31(3), it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) 2021/947, l-assistenza makrofinanzjarja pprovduta lill-Ukrajna fil-forma ta’ self permezz tal-Istrument ma għandhiex tiġi appoġġata mill-Garanzija għall-Azzjoni Esterna.

L-ebda proviżjonament għas-self skont dan ir-Regolament ma għandu jkun kostitwit u, b’deroga mill-Artikolu 211(1) tar-Regolament Finanzjarju, ma għandha tiġi stabbilita l-ebda rata ta’ proviżjonament bħala perċentwal tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 17

Sussidji tar-rata tal-imgħax

1.   B’deroga mill-Artikolu 220(5), il-punt (e), tar-Regolament Finanzjarju u soġġett għar-riżorsi disponibbli, l-Unjoni tista’ ġġarrab l-imgħax billi tagħti sussidju tar-rata tal-imgħax u tkopri l-ispejjeż amministrattivi relatati mas-self, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż relatati mal-ħlas lura bikri tas-self, fir-rigward tas-self skont dan ir-Regolament.

2.   L-Ukrajna tista’ titlob is-sussidju tar-rata tal-imgħax u l-kopertura tal-ispejjeż amministrattivi mill-Unjoni kull sena.

Artikolu 18

Ftehim ta’ finanzjament għal appoġġ mhux ripagabbli

It-termini dettaljati tal-appoġġ mhux ripagabbli msemmija fl-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim ta’ finanzjament li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Ukrajna. B’deroga mill-Artikolu 220(5) tar-Regolament Finanzjarju, il-ftehim ta’ finanzjament għandu jkun fih biss id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 220(5), il-punti (a), (b) u (c), tiegħu. Il-ftehim ta’ finanzjament għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kontrolli, awditi, prevenzjoni ta’ frodi u irregolaritajiet oħra, u l-irkupru ta’ fondi.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI U FINALI

Artikolu 19

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 20

Rapport annwali

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament, inkluża evalwazzjoni ta’ dik l-implimentazzjoni. Dan ir-rapport għandu:

(a)

jeżamina l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni permezz tal-Istrument;

(b)

jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tal-Ukrajna, kif ukoll l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet imsemmija fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament;

(c)

jindika r-rabta bejn ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-MtQ, is-sitwazzjoni makrofinanzjarja kontinwa tal-Ukrajna u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-pagamenti parzjali tal-appoġġ permezz tal-Istrument.

2.   Mhux aktar tard minn sentejn wara t-tmiem tal-perjodu ta’ disponibbiltà, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni ex post, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-appoġġ komplut tal-Unjoni permezz tal-Istrument u sa liema punt dan ikkontribwixxa għall-għanijiet tal-assistenza.

Artikolu 21

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Novembru 2022 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-10 ta’ Diċembru 2022 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2022 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3).

(3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/313 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-24 ta’ Frar 2022 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lill-Ukrajna (ĠU L 55, 28.2.2022, p. 4).

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna (ĠU L 186, 13.7.2022, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Settembru 2022 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna, li ssaħħaħ il-fond ta’ proviżjonament komuni permezz ta’ garanziji mill-Istati Membri u permezz ta’ proviżjonament speċifiku għal xi obbligazzjonijiet finanzjarji relatati mal-Ukrajna ggarantiti skont id-Deċiżjoni 466/2014/UE, u li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 (ĠU L 245, 22.9.2022, p. 1).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1968 tas-17 ta’ Ottubru 2022 dwar Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine) (ĠU L 270, 18.10.2022, p. 85).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2021/836 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 185, 26.5.2021, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja (ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sa 2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).

(13)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).

(14)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(15)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).