8.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 316/42


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2389

tas-7 ta’ Diċembru 2022

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni uniformi tar-rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi fuq il-kunsinni ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li jidħlu fl-Unjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari il-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi r-regoli dwar it-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq oġġetti li jidħlu fl-Unjoni sabiex jivverifikaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-katina agroalimentari tal-Unjoni.

(2)

Ir-regoli tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (2) dwar ir-rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li jidħlu fl-Unjoni għandhom jieqfu japplikaw fl-14 ta’ Diċembru 2022. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli ġodda, filwaqt li jitqies il-qafas stabbilit bir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u ir-Regolament (UE) 2017/625, biex tiġi żgurata l-kontinwità tad-dispożizzjonijiet rilevanti mill-14 ta’ Diċembru 2022.

(3)

Ir-rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi jenħtieġ li jiġu stabbiliti skont ir-riskju maħluq minn kull oġġett jew kategorija ta’ oġġetti għas-saħħa tal-pjanti.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li r-rati ta’ frekwenza tal-verifiki fiżiċi meħtieġa skont dan ir-Regolament jiġu ssodisfati b’mod uniformi, jenħtieġ li f’dan ir-Regolament issir dispożizzjoni biex is-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali (IMSOC) imsemmija fl-Artikolu 131 tar-Regolament (UE) 2017/625 tintuża għall-għażla tal-kunsinni għall-verifiki fiżiċi.

(5)

Ir-rati ta’ frekwenza stabbiliti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu applikabbli għall-oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/625 li jidħlu fl-Unjoni bl-eċċezzjoni tal-oġġetti fi tranżitu.

(6)

Sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni fitosanitarja, ir-rata ta’ frekwenza bażika għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi fuq il-kunsinni tal-oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/625 jenħtieġ li tkun ta’ 100 %.

(7)

Madankollu, għal raġunijiet ta’ rispons proporzjonat għar-riskju fitosanitarju rispettiv, jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi stabbilita r-rata ta’ frekwenza tal-verifiki tal-identità u tal-verifiki fiżiċi tal-kunsinni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra f’livell aktar baxx minn 100 %.

(8)

Madankollu, jenħtieġ li r-rata ta’ frekwenza ta’ 100 % tapplika għall-verifiki fiżiċi u għall-verifiki tal-identità tal-pjanti kollha maħsuba għat-tħawwil, u għal kwalunkwe pjanta, prodott mill-pjanti jew oġġett ieħor, li jkun soġġett għal miżura prevista fl-atti adottati f’konformità mal-Artikolu 28(1), l-Artikolu 30(1) u l-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, minħabba r-riskju fitosanitarju miżjud ta’ dawk il-komoditajiet.

(9)

Peress li l-kondizzjonijiet u l-kriterji biex jiġu stabbiliti t-tipi u r-rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki għall-pjanti, għall-prodotti mill-pjanti u għal oġġetti oħra, applikabbli skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1756/2004 (4), urew li huma effettivi, jenħtieġ li dawn jiġu stabbiliti kif xieraq f’dan ir-Regolament. Dawk il-kondizzjonijiet u l-kriterji jinkludu, b’mod partikolari, l-għażla tal-kunsinni għall-verifiki fiżiċi, ir-rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi u l-kriterji għall-istabbiliment u għall-modifika tar-rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra, jew tal-kategoriji tagħhom.

(10)

Abbażi tal-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 125(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, dwar l-eżitu tal-kontrolli mwettqa mill-esperti tal-Kummissjoni f’pajjiżi terzi skont l-Artikolu 120(1) ta’ dak ir-Regolament u abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz tal-IMSOC, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu mmodifikati r-rati ta’ frekwenza għall-verifiki fiżiċi abbażi tal-kriterji għall-istabbiliment u l-modifika tar-rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra, jew tal-kategoriji tagħhom stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(11)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jippreżentaw applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jimmodifikaw ir-rata ta’ frekwenza tal-verifiki tal-identità u tal-verifiki fiżiċi fuq kunsinni ta’ pjanta, prodott mill-pjanti jew oġġett ieħor, jew ta’ kategorija tagħhom, biex jiżguraw l-aġġornament ta’ dawk ir-rati ta’ frekwenza abbażi tal-aktar żviluppi ġodda fil-qasam, u sabiex il-Kummissjoni tiddetermina jekk tali modifika tkunx xierqa.

(12)

Ir-rati ta’ frekwenza jenħtieġ li jiġu rieżaminati kull sena wara li jitqiesu l-elementi stabbiliti fil-punti (i), (ii), (iv), (v) u (vi) tal-Artikolu 54(3)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625, biex tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.

(13)

Fl-interess tal-effiċjenza tal-kontrolli uffiċjali, jenħtieġ li r-rati ta’ frekwenza ddeterminati f’konformità ma’ dan ir-Regolament ikunu kkomunikati permezz tal-IMSOC.

(14)

Il-kontrolli uffiċjali, il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi jenħtieġ li jitwettqu b’tali mod li ma jkunx possibbli għall-operatur responsabbli mill-kunsinna li jipprevedi jekk xi kunsinna partikolari tkunx se tiġi soġġetta għall-verifiki fiżiċi.

(15)

Peress li dan ir-Regolament jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet fl-oqsma koperti mir-Regolament (KE) Nru 1756/2004, dak ir-Regolament jenħtieġ li jitħassar b’effett mid-data speċifikata f’dan ir-Regolament.

(16)

Peress li r-regoli tad-Direttiva 2000/29/KE ma jibqgħux japplikaw fl-14 ta’ Diċembru 2022, jenħtieġ li r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament japplikaw mill-14 ta’ Diċembru 2022. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sabiex tiġi żgurata dik id-data tal-applikazzjoni.

(17)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni uniformi tar-rata ta’ frekwenza xierqa, u l-modifiki ta’ dik ir-rata, tal-verifiki tal-identità u tal-verifiki fiżiċi fuq il-kunsinni tal-oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/625 li jidħlu fl-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament:

1.

“rata ta’ frekwenza” tfisser il-perċentwal minimu ta’ kunsinni ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 1, iddeterminat f’konformità ma’ dan ir-Regolament, tal-għadd ta’ kunsinni li jkunu waslu fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jew fil-punt ta’ kontroll matul is-sena kalendarja, li fuqu għandhom jitwettqu l-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi mill-awtoritajiet kompetenti;

2.

“IMSOC” tfisser is-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 131 tar-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 3

Għażla tal-kunsinni għall-verifiki fiżiċi

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħżlu l-kunsinni għall-verifiki fiżiċi f’konformità mal-proċedura li ġejja:

(a)

għandha tintgħażel kunsinna aleatorja b’mod awtomatiku mill-IMSOC;

(b)

l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jagħżlu l-kunsinna f’konformità mal-punt (a) jew jagħżlu kunsinna differenti tal-istess kategorija ta’ oġġetti u tal-istess oriġini tal-oġġetti.

2.   Għal kull kunsinna magħżula għall-verifiki fiżiċi f’konformità mal-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki tal-identità kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2130 (5).

Artikolu 4

Rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki tal-identità u verifiki fiżiċi fuq kunsinni ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra, b’rati ta’ frekwenza ddeterminati f’konformità mal-paragrafi 2 sa 6.

2.   Ir-rata ta’ frekwenza bażika għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi fuq il-kunsinni tal-oġġetti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun ta’ 100 %.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2, il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi tal-kunsinni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra, kif elenkati fl-Anness I bl-oriġini rispettiva tagħhom mill-pajjiżi terzi kollha jew minn ċerti pajjiżi terzi, għandhom ikunu soġġetti għar-rati ta’ frekwenza rispettivi speċifikati f’dak l-Anness.

4.   Ir-rati ta’ frekwenza skont il-paragrafu 3 ma għandhomx japplikaw għal:

(a)

pjanti maħsuba għat-tħawwil;

(b)

kwalunkwe pjanta, prodott mill-pjanti jew oġġett ieħor li huwa soġġett għal miżura prevista fl-atti adottati f’konformità mal-Artikoli 28(1), 30(1) u 49(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

5.   Ir-rati ta’ frekwenza skont il-paragrafu 3 għandhom jiġu ddeterminati f’konformità mal-kriterji elenkati fl-Anness II.

6.   Fejn l-importazzjonijiet ta’ pjanta, prodott mill-pjanti jew oġġett ieħor, jew kategorija tagħhom, ma jibqgħux jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Anness II, dik il-pjanta, il-prodott mill-pjanti jew l-oġġett l-ieħor għandhom jitneħħew mill-Anness I, kif iddeterminat mir-rieżami stipulat fl-Artikolu 6(2).

Artikolu 5

Applikazzjonijiet għall-modifika tar-rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi mwettqa fuq ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra

L-Istati Membri jistgħu jippreżentaw applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jimmodifikaw ir-rata ta’ frekwenza tal-verifiki tal-identità u tal-verifiki fiżiċi fuq kunsinni ta’ pjanta, prodott mill-pjanti jew oġġett ieħor, jew kategorija tagħhom, li jidħlu fl-Unjoni, sabiex il-Kummissjoni tistabbilixxi jekk tali modifika hijiex xierqa. L-applikazzjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni mniżżla fl-Anness III.

Artikolu 6

Modifika tar-rati ta’ frekwenza tal-verifiki tal-identità u tal-verifiki fiżiċi mwettqa fuq ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra

1.   Ir-rati ta’ frekwenza stabbiliti fl-Anness I għandhom jiġu modifikati fir-rigward tal-kriterji stabbiliti fil-punti (i), (ii), (iv), (v) u (vi) tal-Artikolu 54(3)(a), tar-Regolament (UE) 2017/625, il-kriterji stabbiliti fl-Anness II, u, fejn xieraq, fir-rigward tal-informazzjoni stabbilita fl-Anness III.

2.   Ir-rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi għall-pjanti, għall-prodotti mill-pjanti u għal oġġetti oħra, jew għall-kategoriji tagħhom, għandhom jiġu rieżaminati mill-inqas darba fis-sena, sabiex titqies l-informazzjoni l-ġdida miġbura permezz tal-IMSOC jew ipprovduta mill-Istati Membri, u modifikata skont dan.

3.   Il-Kummissjoni għandha tintroduċi, fejn applikabbli, fl-IMSOC kull modifika li ssir fil-lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra, jew kategoriji tagħhom, u għar-rati ta’ frekwenza, kif stabbilit fl-Anness I.

Artikolu 7

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1756/2004 jitħassar b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2022.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1756/2004 tal-11 ta’ Ottubru 2004 li jispeċifika l-kondizzjonijiet dettaljati għall-evidenza meħtieġa u l-kriterji għat-tip u l-livell ta’ riduzzjoni tal-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti ta’ ċerti pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra elenkati fil-Parti B tal-Anness V għad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE, (ĠU L 313, 12.10.2004, p. 6).

(5)  Ir-Regolament Ta’ Implimentazzjoni Tal-Kummissjoni (UE) 2019/2130 tal-25 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar l-operazzjonijiet li jridu jitwettqu waqt il-verifiki tad-dokumenti, tal-identità, u fiżiċi, fuq l-annimali u l-oġġetti li huma soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u wara li jkunu saru dawn il-verifiki (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 128).


ANNESS I

Rati ta’ frekwenza tal-verifiki tal-identità u tal-verifiki fiżiċi tal-kunsinni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra, jew kategoriji tagħhom, kif imsemmi fl-Artikolu 4(3)

Pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra, jew kategorija tagħhom

Pajjiż tal-oriġini

Rata ta’ frekwenza minima tal-verifiki tal-identità u tal-verifiki fiżiċi [%]

Fjuri maqtugħin

Aster

Iż-Żimbabwe

75

Dianthus

Il-Kolombja

3

Dianthus

L-Ekwador

15

Dianthus

Il-Kenja

5

Dianthus

It-Turkija

50

Gypsophila

L-Ekwador

5

Gypsophila

Il-Kenja

10

Phoenix

Il-Costa Rica

50

Rosa

Il-Kolombja

5

Rosa

L-Ekwador

1

Rosa

L-Etjopja

5

Rosa

Il-Kenja

10

Rosa

It-Tanzanija

100

Rosa

Iż-Żambja

50

Frott

Actinidia

Il-pajjiżi terzi kollha

10

Carica papaya

Il-pajjiżi terzi kollha

10

Fragaria

Il-pajjiżi terzi kollha

5

Persea americana

Il-pajjiżi terzi kollha

3

Rubus

Il-pajjiżi terzi kollha

5

Vitis

Il-pajjiżi terzi kollha

1

Malus

Pajjiżi terzi Ewropej (1)

15

Prunus

Pajjiżi terzi Ewropej (1) ,  (2)

15

Pyrus

Pajjiżi terzi Ewropej (1)

100

Vaccinium

Pajjiżi terzi Ewropej (1)

50

Citrus

L-Eġittu

50

Citrus

Iżrael

35

Citrus

Il-Messiku

25

Citrus

Il-Marokk

3

Citrus

Il-Perù

10

Citrus

It-Turkija

7

Citrus

L-Istati Uniti tal-Amerika

50

Malus

L-Arġentina

35

Malus

Il-Brażil

100

Malus

Iċ-Ċilì

5

Malus

New Zealand

10

Malus

L-Afrika t’Isfel

15

Mangifera

Il-Brażil

75

Passiflora

Il-Kolombja

5

Passiflora

Il-Kenja

75

Passiflora

Réunion

10

Passiflora

L-Afrika t’Isfel

75

Passiflora

Il-Vjetnam

15

Passiflora

Iż-Żimbabwe

100

Prunus

L-Arġentina

100

Prunus

Iċ-Ċilì

10

Prunus

Il-Marokk

100

Prunus persica

L-Afrika t’Isfel

50

Prunus - oħrajn

10

Prunus

It-Turkija

35

Prunus

L-Istati Uniti tal-Amerika

100

Psidium

Il-Brażil

100

Pyrus

L-Arġentina

25

Pyrus

Iċ-Ċilì

15

Pyrus

Iċ-Ċina

100

Pyrus

L-Afrika t’Isfel

10

Vaccinium

L-Arġentina

25

Vaccinium

Iċ-Ċilì

10

Vaccinium

Il-Perù

10

Ħxejjex

Capsicum

Iżrael

100

Capsicum

Il-Marokk

100

Solanum lycopersicum

Il-Gżejjer Kanarji

25

Solanum lycopersicum

Il-Marokk

1

Solanum melongena

Il-Kenja

100

Solanum melongena

It-Turkija

100

Ħxejjex tal-għeruq u t-tuberi, għajr it-tuberi tas-Solanum tuberosum L (3).

Il-pajjiżi terzi kollha (4)

5

Injam

Injam tal-koniferi (minbarra Larix)

Ir-Russja (il-partijiet li ġejjin biss: id-Distrett Federali Ċentrali (Tsentralny federalny okrug), id-Distrett Federali tal-Majjistral (Severo-Zapadny federalny okrug), id-Distrett Federali tan-Nofsinhar (Yuzhny federalny okrug), id-Distrett Federali Kawkasu tat-Tramuntana (Severo-Kavkazsky federalny okrug) u d-Distrett Federali tal-Volga (Privolzhsky federalny okrug))

1

Makkinarju Użat

Makkinarju u vetturi li jkunu tħaddmu għal skopijiet agrikoli jew tal-forestrija

Il-pajjiżi terzi kollha

10


(1)  L-Albanija, Andorra, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Gżejjer Faeroe, il-Georgia, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Moldova, Monaco, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, ir-Russja (il-partijiet biss li ġejjin: id-Distrett Federali Ċentrali (Tsentralny federalny okrug), id-Distrett Federali tal-Majjistral (Severo-Zapadny federalny okrug), id-Distrett Federali tan-Nofsinhar (Yuzhny federalny okrug), id-Distrett Federali Kawkasu tat-Tramuntana (Severo-Kavkazsky federalny okrug) u d-Distrett Federali tal-Volga (Privolzhsky federalny okrug)), San Marino, is-Serbja, it-Turkija, l-Ukrajna u r-Renju Unit.

(2)  Għajr it-Turkija

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 103).

(4)  Għajr il-Kamerun


ANNESS II

Kriterji għall-istabbiliment u l-modifika tar-rati ta’ frekwenza ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra, jew kategoriji tagħhom, kif imsemmi fl-Artikolu 4(5) u (6)

1.   

Tista’ tiġi stabbilita rata ta’ frekwenza ġdida fejn:

(a)

l-għadd medju ta’ kunsinni li jidħlu fl-Unjoni matul it-3 snin preċedenti jkun mill-inqas 200 fis-sena;

(b)

l-għadd minimu ta’ kunsinni ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra, jew kategoriji tagħhom, li jidħlu fl-Unjoni, li għalihom ikunu twettqu l-verifiki tad-dokumenti, il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi matul it-3 snin preċedenti, ikun mill-inqas 600;

(c)

l-għadd ta’ kunsinni ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra, jew kategoriji tagħhom, li nstabu infestati minn pesti tal-kwarantina fl-Unjoni kull sena jkun inqas minn 1 % tal-għadd totali ta’ kunsinni ta’ tali pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra, jew kategoriji tagħhom, importati fl-Unjoni;

2.   

Ir-rati ta’ frekwenza jistgħu jiġu modifikati billi jitqiesu:

(a)

l-indiċi ta’ mobbiltà stmat tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni fl-aktar stadju mobbli li fih jistgħu jiżviluppaw fuq il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra rilevanti, jew il-kategoriji tagħhom;

(b)

l-għadd ta’ kunsinni ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra, jew kategoriji tagħhom, li fuqhom twettqu l-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi matul is-sena ta’ qabel;

(c)

l-għadd totali, u d-dettalji ta’, nuqqasijiet ta’ konformità minħabba l-preżenza ta’ pesti tal-kwarantina fl-Unjoni relatati ma’ kunsinni importati skont dan ir-Regolament;

(d)

l-għadd totali ta’ kunsinni tal-oġġetti kkonċernati nnotifikati għal raġunijiet oħra għajr il-preżenza tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni u d-dettalji tagħhom; u

(e)

kwalunkwe fattur ieħor rilevanti għad-determinazzjoni tar-riskju fitosanitarju assoċjat mal-kummerċ ikkonċernat.


ANNESS IΙΙ

Informazzjoni meħtieġa għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet lill-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 5

L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 għandu jkun fiha:

(a)

id-deskrizzjoni tal-oġġetti kkonċernati;

(b)

l-oriġini tal-oġġetti kkonċernati;

(c)

il-volum ta’ importazzjoni fl-Istat Membru tal-oġġetti konċernati, espressi f’għadd ta’ kunsinni u piż jew biċċiet jew unitajiet;

(d)

il-lista tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni li x’aktarx jinġarru fuq il-prodott ikkonċernat;

(e)

l-għadd ta’ kunsinni tal-oġġetti kkonċernati li nstabu mhux konformi minħabba l-preżenza tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni msemmija fil-punt (d);

(f)

l-indiċi tal-mobbiltà stmat tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni msemmija fil-punt (d) fl-aktar stadju mobbli li fih l-organiżmu jista’ jiżviluppa fuq il-pjanta, il-prodott mill-pjanti jew l-oġġett l-ieħor rilevanti;

(g)

l-għadd ta’ kunsinni tal-oġġetti kkonċernati interċettati għal raġunijiet għajr il-preżenza tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni msemmija fil-punt (d);

(h)

l-għadd ta’ kunsinni tal-oġġetti konċernati fejn saru verifiki tal-identità u verifiki fiżiċi fuq is-saħħa tal-pjanti.

Fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-punti (c), (e), (g) u (h), il-fajl għandu jipprovdi data li tkopri l-perjodu ta’ mill-inqas 3 snin ta’ qabel is-sena li fiha jiġi sottomess.