5.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 312/99


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2364

tad-2 ta’ Diċembru 2022

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-estensjoni tal-perjodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17, l-ewwel paragrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (2) tistabbilixxi s-sustanzi attivi li kienu ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(2)

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat tiskadi fil-15 ta’ Diċembru 2022. Fit-12 ta’ Diċembru 2019 tressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ dik is-sustanza skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (3).

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/724 (4) ħatar lil Franza, lill-Ungerija, lin-Netherlands u lill-Iżvezja biex jaġixxu b’mod konġunt bħala Stat Membru relatur għat-tiġdid tal-proċedura ta’ approvazzjoni għall-glifosat. L-erba’ Stati Membri ffurmaw il-Grupp ta’ Valutazzjoni dwar il-Glifosat (“Assessment Group on Glyphosate, AGG”). Fit-18 ta’ Awwissu 2020, l-AGG ikkonferma l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għat-tiġdid. Fil-15 ta’ Ġunju 2021, l-AGG ressaq l-abbozz inizjali tiegħu tar-Rapport ta’ Valutazzjoni tat-Tiġdid lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”).

(4)

Matul il-konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz inizjali tar-Rapport ta’ Valutazzjoni tat-Tiġdid dwar il-glifosat, tressqu għadd kbir ħafna ta’ kummenti lill-Awtorità. Barra minn hekk, fl-14 ta’ Marzu 2022, l-Awtorità talbet ammont sinifikanti ta’ informazzjoni addizzjonali mingħand l-applikant, li ġiet sottomessa fiż-żmien xieraq. Minbarra dan, l-AGG u l-Awtorità identifikaw għadd kbir ħafna ta’ punti li kellhom jiġu diskussi mill-esperti matul l-evalwazzjoni bejn il-pari. L-evalwazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali mill-AGG u l-evalwazzjoni bejn il-pari mwettqa skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 844/2012 mill-Awtorità jeħtieġu ħafna aktar żmien biex jitlestew.

(5)

Għaldaqstant, fl-10 ta’ Mejju 2022, l-Awtorità u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“ECHA”) infurmaw lill-Kummissjoni li l-adozzjoni tal-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-glifosat mill-Awtorità se tiġi ttardjata u li d-data tal-adozzjoni prevista ma kinitx se tkun qabel Lulju 2023. Dan ifisser li ma tista’ tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tal-glifosat qabel il-15 ta’ Diċembru 2022.

(6)

Billi għalhekk il-valutazzjoni tas-sustanza attiva glifosat ġiet ittardjata għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tal-applikant, jeħtieġ li l-perjodu ta’ approvazzjoni ta’ dik is-sustanza attiva jiġi estiż biex jingħata ż-żmien neċessarju biex titlesta l-valutazzjoni meħtieġa u sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tagħha.

(7)

Fil-każ li l-Kummissjoni tkun se tadotta Regolament li jipprevedi li l-approvazzjoni tal-glifosat ma tiġġeddidx minħabba li l-kriterji għall-approvazzjoni mhumiex issodisfati, il-Kummissjoni trid tiffissa d-data ta’ skadenza li tkun l-istess data ta’ qabel dan ir-Regolament, jew id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, dment li l-approvazzjoni tal-glifosat ma tiġġeddidx, u skont liema data tiġi l-aħħar. Fil-każ li l-Kummissjoni tkun se tadotta Regolament li jipprevedi t-tiġdid tal-approvazzjoni tal-glifosat, il-Kummissjoni se tara li tistabbilixxi, skont iċ-ċirkostanzi, l-eqreb data ta’ applikazzjoni possibbli.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.

(9)

Billi l-approvazzjoni attwali tal-glifosat tiskadi fil-15 ta’ Diċembru 2022, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun.

(10)

Il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf ma tax opinjoni qabel l-iskadenza stipulata mill-President tiegħu. Att ta’ implimentazzjoni ġie meqjus neċessarju u l-president issottometta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni lill-kumitat ta’ appell għal iktar deliberazzjonijiet. Il-kumitat ta’ appell ma tax opinjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, fis-sitt kolonna “Skadenza tal-approvazzjoni” tal-entrata 118, glifosat, id-data hija sostitwita bid-data “15 ta’ Diċembru 2023”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-2 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).

Għalkemm ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012 tħassar, ikompli japplika għall-proċedura għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-glifosat f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1740 (ĠU L 392, 23.11.2020, p. 20).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/724 tal-10 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 686/2012 fir-rigward tan-nominazzjoni ta’ Stati Membri relaturi u Stati Membri korelaturi għas-sustanzi attivi glifosfat, lambda ċjalotrina, imażamoks u pendimetalina u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012 fir-rigward tal-possibbiltà li grupp ta’ Stati Membri jassumu b’mod konġunt ir-rwol ta’ Stat Membru relatur (ĠU L 124, 13.5.2019, p. 32).