14.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 293/9


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2229

tal-14 ta’ Novembru 2022

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 269/2014.

(2)

L-Unjoni tibqa' soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

(3)

Ir-reġim Iranjan jipprovdi appoġġ militari għall-gwerra ta' aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna. Fl-20 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1985 (2).

(4)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li żewġ individwi u żewġ entitajiet involuti fl-iżvilupp u l-kunsinna ta' Vetturi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord lir-Russja jenħtieġ li jinżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 269/2014.

(5)

Għalhekk l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1985 tal-20 ta’ Ottubru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 272 I, 20.10.2022, p. 1).


ANNESS

Il-persuni u l-entitajiet li ġejjin jinżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I tar- Regolament (UE) Nru 269/2014:

Persuni

 

Isem

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1266.

Hossein SALAMI

حسین سلامی

Data tat-twelid: 1960

Post tat-twelid: Golpayagan, l-Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Maġġur Ġeneral

Pożizzjoni: Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika

Il-Maġġur Ġenerali Hossein Salami huwa l-Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika, li jissorvelja l-iżvilupp tal-programm tal-Vetturi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord (UAV) tal-Iran kif ukoll it-trasferimenti tal-UAVs barra mill-pajjiż. F'din il-kapaċità, il-Maġġur Ġeneral Hossein Salami huwa responsabbli għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża relatata mal-UAVs, inkluż il-forniment ta' UAVs lill-Federazzjoni Russa għall-użu tagħhom fil-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna. Għalhekk, il-Maġġur Ġeneral Hossein Salami huwa responsabbli talli appoġġa azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

14.11.2022

1267.

Amir Ali HAJIZADEH

امیرعلی حاجیزاده

(magħruf ukoll bħala Amir Ali Haji ZADEH)

Data tat-twelid: 28.2.1962

Post tat-twelid: Tehran, l-Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Pożizzjoni: Kmandant tal-Forza Ajruspazjali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika

Il-Brigadier Ġeneral Amir Ali Hajizadeh huwa l-Kmandant tal-Forza Ajruspazjali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika, li jissorvelja l-iżvilupp tal-programm tal-Vetturi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord (UAV) tal-Iran kif ukoll it-trasferimenti tal-UAVs barra mill-pajjiż. F'din il-kapaċità, Amir Ali Hajizadeh huwa responsabbli għal kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża relatata mal-UAVs, inkluż il-forniment ta' UAVs lill-Federazzjoni Russa għall-użu tagħhom fil-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna. Għalhekk, il-Brigadier Ġeneral Amir Ali Hajizadeh huwa responsabbli talli appoġġa azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

14.11.2022”

Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

Data tal-elenkar

"120.

Forza Ajruspazjali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika

(IRGC ASF)

نیروی هوافضای سپاه پاسداران انقلاب اسلامی

(magħrufa wkoll bħala IRGC Air Force)

 

Il-Forza Ajruspazjali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC ASF) hija responsabbli għall-iżvilupp tal-programm ta' Vetturi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord (UAVs) tal-Iran, inkluż is-Shahed-136 u l-Mohajer-6, li jintużaw mill-Federazzjoni Russa fil-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna. Bħala l-operatur primarju tal-flotta ta' UAVs tal-Iran, l-IRGC ASF għandha rwol importanti fil-forniment ta' droni lill-alleati internazzjonali tal-Iran, inkluż il-Federazzjoni Russa. Għalhekk, l-IRGC ASF hija responsabbli talli appoġġat materjalment azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

14.11.2022

121.

Qods Aviation Industries (Industriji tal-Avjazzjoni Qods)

صنایع هوایی قدس

(magħrufin ukoll bħala Qods Aeronautics Industries)

 

Qods Aviation Industries hija kumpanija Iranjana li tfassal u timmanifattura Vetturi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord (UAVs). Hija sussidjarja tal-Iran Aviation Industries Organisation (IAIO), intrapriża tal-istat subordinata għall-Ministeru għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati (MODAFL) tal-Iran. Qods Aviation Industries tipproduċi d-droni Mohajer-6, li ġew fornuti lill-Federazzjoni Russa u użati fil-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna. Qods Aviation Industries hija għalhekk responsabbli talli appoġġat materjalment jew finanzjarjament azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

14.11.2022”