14.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2202

tad-29 ta’ Awwissu 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi lista tal-proġetti transfruntiera magħżula fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(1), il-punt (b), tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/1153 jipprevedi appoġġ tal-Unjoni għall-proġetti transfruntiera magħżula fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli (proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli) li jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni, għat-tlestija tas-suq intern tal-enerġija u għat-titjib tas-sigurtà tal-provvista.

(2)

L-għażla ta’ dawk il-proġetti hija soġġetta għall-kriterji ġenerali u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1153 u spjegati aktar fid-dettall fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/342 (2).

(3)

Ladarba jintgħażlu, il-proġetti jkunu eliġibbli għall-finanzjament mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Barra minn hekk, l-inklużjoni tal-proġetti magħżula fil-lista tagħtihom bosta benefiċċji għax iżżidilhom il-viżibbiltà.

(4)

Fl-4 ta’ Marzu 2022 ġiet ippubblikata sejħa għal proposti dwar proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli, li għalqet fl-10 ta’ Mejju 2022. Il-proġetti li applikaw ġew ivvalutati minn esperti esterni u minn esperti mill-Kummissjoni u mill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent.

(5)

L-abbozz tal-lista tal-proġetti għall-għażla ġie maqbul mill-grupp għall-proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli previst fil-punt 4(b) tal-Anness, il-Parti IV, tar-Regolament (UE) 2021/1153. Il-lista tal-proġetti magħżula fiha proġetti li jikkontribwixxu għall-isfruttament kosteffettiv tal-enerġija rinnovabbli fis-setturi tal-elettriku u tat-tisħin, u li se jiġu implimentati permezz ta’ teknoloġiji rinnovabbli differenti, inkluż l-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta u fuq l-art u l-fotovoltajċi solari, kif ukoll permezz ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi bħall-produzzjoni tal-idroġenu u tal-ammonjaka.

(6)

L-inklużjoni tal-proġetti fil-lista tal-proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli hija mingħajr preġudizzju għall-konformità tagħhom mal-liġi applikabbli tal-UE, inkluż mal-eżitu tal-valutazzjoni ambjentali u mal-proċeduri tal-permessi.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-lista tal-proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija magħżula skont il-Parti IV, il-punt 4(g) tal-Anness tar-Regolament (UE) 2021/1153 għandha tkun kif ġej:

Numru tal-proġett

Isem il-proġett

Żviluppaturi tal-proġett

Pajjiżi parteċipanti

2022-05

ELWIND — Proġett ibridu konġunt bejn l-Estonja u l-Latvja għall-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta

Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u Komunikazzjonijiet tal-Estonja; Ministeru tal-Ekonomija tal-Latvja

L-Estonja u l-Latvja

2022-07

CEO — Alleanza għall-Katina tal-Valur Ewropea u Transfruntiera tal-Idroġenu Ekoloġiku

EON.SE; ENEL Green Power Spa; IBERDROLA CLIENTES S.A.U.

Il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u n-Netherlands

2022-10

Tisħin distrettwali newtrali għall-klima fil-belt Ewropea ta’ Goerlitz Zgorzelec

Stadtwerke Görlitz AG; SEC Zgorzelec Sp. z o.o.

Il-Ġermanja u l-Polonja

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Awwissu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 249, 14.7.2021, p. 38.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/342 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterji speċifiċi tal-għażla u d-dettalji tal-proċess għall-għażla ta’ proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli (ĠU L 62, 1.3.2022, p. 1).