26.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 276/60


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2060

tal-14 ta’ Ġunju 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji għall-valutazzjoni tal-mudellabbiltà tal-fatturi ta’ riskju skont l-approċċ ta’ mudell intern (IMA) u li jispeċifikaw il-frekwenza ta’ dik il-valutazzjoni skont l-Artikolu 325be(3) ta’ dak ir-Regolament

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 325be(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-valutazzjoni tal-mudellabbiltà tal-fatturi ta’ riskju msemmija fl-Artikolu 325be(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jenħtieġ li tiddetermina l-miżura ta’ riskju xierqa li għandha tintuża mill-istituzzjonijiet biex jikkalkolaw ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq ta’ kull fattur ta’ riskju inkluż, jew li jinsab fil-proċess li jiġi inkluż, fl-approċċ alternattiv tal-mudell intern tal-istituzzjonijiet stabbilit fil-Parti Tlieta, it-Titolu IV, il-Kapitolu 1b, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Jenħtieġ li l-fatturi ta’ riskju li jistgħu jiġu mmudellati jkunu soġġetti għall-kejl tar-riskju tan-nuqqas mistenni kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 325bb tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, filwaqt li l-fatturi ta’ riskju li ma jistgħux jiġu mmudellati jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-kejl tar-riskju tax-xenarju ta’ kriżi, ikkalkolat f’konformità mal-Artikolu 325bk ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Il-kejl tar-riskju tan-nuqqas mistenni jenħtieġ li jkopri d-distribuzzjoni probabilistika tal-fatturi ta’ riskju fuq perjodu storiku twil biżżejjed, li fih tkun osservabbli d-data tas-suq rilevanti għal dawk il-fatturi ta’ riskju. Għalhekk, fattur ta’ riskju jenħtieġ li jitqies bħala mudellabbli fejn ikun hemm disponibbli għadd suffiċjenti ta’ prezzijiet verifikabbli osservabbli li jkunu rappreżentattivi ta’ dak il-fattur ta’ riskju. Sabiex titwettaq dik il-valutazzjoni, jenħtieġ li jkun xieraq perjodu ta’ osservazzjoni ta’ 12-il xahar li jintemm fid-data ta’ referenza ta’ rapportar preċedenti. Madankollu, biex jitqies dewmien possibbli fid-disponibbiltà tad-data, l-istituzzjonijiet jenħtieġ li jitħallew jissostitwixxu dak il-perjodu ta’ osservazzjoni ta’ 12-il xahar b’perjodu ta’ 12-il xahar spostat. Sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-prattiki madwar l-Unjoni, tali bidla jenħtieġ li tkun limitata għal xahar. Għall-istess raġuni, l-istituzzjonijiet jenħtieġ li japplikaw tali perjodi ttrasferiti b’mod konsistenti fil-fatturi ta’ riskju kollha tal-istess tip, u jipprovdu lill-awtorità kompetenti tagħhom b’dokumentazzjoni dettaljata fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ tali perjodi ttrasferiti.

(3)

Huwa mistenni li l-istituzzjonijiet jista’ ma jkollhomx l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tal-mudellabbiltà tal-fatturi ta’ riskju mill-attività ta’ negozjar tagħhom stess. Għalhekk, meta jiġi vvalutat jekk il-fatturi ta’ riskju jkunux mudellabbli, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jitħallew jużaw ukoll informazzjoni dwar il-prezzijiet miksuba minn bejjiegħa terzi, dment li dawk il-prezzijiet ikunu verifikabbli u li dawk il-bejjiegħa terzi jkunu soġġetti għal awditu indipendenti rigward il-validità tal-informazzjoni tagħhom dwar il-prezzijiet.

(4)

Pass ewlieni fil-valutazzjoni ta’ jekk il-fatturi ta’ riskju jkunux mudellabbli huwa l-valutazzjoni tar-rappreżentattività tal-prezzijiet verifikabbli identifikati għal dawk il-fatturi ta’ riskju. Prezz verifikabbli jenħtieġ li jitqies rappreżentattiv ta’ fattur ta’ riskju ta’ istituzzjoni fejn l-istituzzjoni tkun tista’ tieħu l-valur tal-fattur ta’ riskju mill-valur tal-prezz verifikabbli bl-użu ta’ metodoloġiji kwantitattivi użati b’mod komuni. Għadd ta’ dawk il-metodoloġiji jeħtieġu data addizzjonali tal-input sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jieħdu l-valur ta’ fattur ta’ riskju, li jagħmilha aktar kumplessa biex juru r-rappreżentattività tal-prezzijiet verifikabbli. Għalhekk, dawk il-metodoloġiji, kif ukoll id-data addizzjonali tal-input, fejn meħtieġ, jenħtieġ li jkunu bbażati fuq informazzjoni oġġettiva u ddokumentata kif xieraq, u b’hekk l-istituzzjonijiet ma jitħallewx jużaw suppożizzjonijiet mhux sodi. Minħabba n-nuqqas ta’ verifikabbiltà u rappreżentattività tagħhom, f’konformità ma’ standards internazzjonali, ir-rikonċiljazzjonijiet jew il-valutazzjonijiet tal-kollateral jenħtieġ li ma jitqisux bħala sorsi eliġibbli ta’ prezzijiet verifikabbli.

(5)

Meta l-fatturi ta’ riskju jkunu punti ta’ kurva, wiċċ jew kubu, kemm dawk il-fatturi ta’ riskju jkunu mudellabbli jenħtieġ li jiġi vvalutat skont kemm kull bucket ta’ dik il-kurva, wiċċ jew kubu, ikun mudellabbli, minħabba karatteristiċi komuni ta’ fatturi ta’ riskju li jappartjenu għal bucket partikolari. Għalhekk, il-mudellabbiltà ta’ dak il-bucket jenħtieġ li tiġi vvalutata b’referenza għall-prezzijiet verifikabbli kollha li jkunu allokati għal dak il-bucket, filwaqt li l-prezzijiet verifikabbli rappreżentattivi ta’ fattur ta’ riskju partikolari f’bucket jenħtieġ li jitqiesu bħala rappreżentattivi tal-fatturi ta’ riskju kollha li jappartjenu għall-istess bucket. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet jenħtieġ li jitħallew jagħżlu buckets standard, jew, fejn jitqies aktar xieraq għal kurva, wiċċ jew kubu speċifiku, buckets alternattivi żviluppati minnhom stess.

(6)

Barra minn hekk, il-kriterji għall-mudellabbiltà tal-fatturi ta’ riskju jenħtieġ li jkopru każijiet fejn istituzzjoni tuża funzjoni parametrika biex tirrappreżenta kurva, wiċċ jew kubu, u tistabbilixxi l-parametri tal-funzjoni bħala l-fatturi ta’ riskju fil-mudell tagħha tal-kejl tar-riskji. F’dawk il-każijiet, dawk il-kriterji jenħtieġ li jispeċifikaw kif jenħtieġ li titwettaq il-valutazzjoni tal-mudellabbiltà, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ dawk il-funzjonijiet parametriċi u tal-parametri ta’ funzjoni.

(7)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jiġu megħjuna jivvalutaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat kif ir-rekwiżit ta’ dokumentazzjoni ġenerali previst fl-Artikolu 325bi(1), il-punt (e), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandu jiġi applikat mill-istituzzjonijiet meta jivvalutaw jekk fattur ta’ riskju jkunx mudellabbli.

(8)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(9)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kriterji għall-valutazzjoni tal-mudellabbiltà ta’ fatturi ta’ riskju li ma jappartjenux għal kurva, wiċċ jew kubu

1.   Il-fatturi ta’ riskju tal-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 325be(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li ma jappartjenux għal kurva, wiċċ jew kubu għandhom jiġu vvalutati bħala mudellabbli meta jiġi ssodisfat wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(a)

matul perjodu ta’ osservazzjoni ta’ 12-il xahar li jintemm fid-data ta’ referenza ta’ rapportar preċedenti msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (b), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/451 (3), jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

għal dak il-fattur ta’ riskju, l-istituzzjoni tkun identifikat l-eżistenza ta’ mill-inqas 24 prezz li jkunu verifikabbli f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, li jkollhom dati ta’ osservazzjoni distinti u li jkunu kkunsidrati rappreżentattivi ta’ dak il-fattur ta’ riskju f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament;

(ii)

ma kienx hemm perjodu ta’ 90 jum jew aktar li fih kien hemm inqas minn erbgħa mill-prezzijiet verifikabbli msemmija fil-punt (i);

(b)

matul il-perjodu ta’ osservazzjoni ta’ 12-il xahar imsemmi fil-punt (a), l-istituzzjoni identifikat, għal dak il-fattur ta’ riskju, l-eżistenza ta’ mill-inqas 100 prezz li jkunu verifikabbli f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, li jkollhom dati ta’ osservazzjoni distinti u li jkunu kkunsidrati rappreżentattivi ta’ dak il-fattur ta’ riskju f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Istituzzjoni tista’ tissostitwixxi l-perjodu ta’ 12-il xahar imsemmi fil-paragrafu 1 b’perjodu ta’ 12-il xahar li jintemm mhux qabel xahar qabel id-data ta’ referenza ta’ rapportar preċedenti msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (b), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/451 (“perjodu ttrasferit”), meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-istituzzjoni tapplika dak il-perjodu ttrasferit b’mod konsistenti fil-fatturi kollha ta’ riskju tal-istess tip bħall-fattur ta’ riskju kkonċernat;

(b)

l-istituzzjoni tapplika dak il-perjodu ttrasferit b’mod konsistenti maż-żmien;

(c)

l-istituzzjoni tipprovdi lill-awtorità kompetenti b’deskrizzjoni dettaljata tal-applikazzjoni ta’ dak il-perjodu ttrasferit.

Artikolu 2

Prezzijiet verifikabbli

1.   Prezz għandu jitqies verifikabbli meta tiġi ssodisfata kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-prezz jinkiseb minn tranżazzjoni li għaliha l-istituzzjoni kienet waħda mill-partijiet u li daħlet fiha f’kundizzjonijiet ta’ distakkament;

(b)

il-prezz jinkiseb minn tranżazzjoni li jkunu daħlu fiha partijiet terzi f’kundizzjonijiet ta’ distakkament u li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 5;

(c)

il-prezz jinkiseb minn offerta kompetittiva reali bona fide u joffri kwotazzjonijiet ipprovduti f’kundizzjonijiet ta’ distakkament mill-istituzzjoni nnifisha jew minn partijiet terzi, il-valuri li bihom l-istituzzjoni jew il-partijiet terzi jkunu impenjaw ruħhom li jeżegwixxu tranżazzjoni f’konformità mad-drawwa tan-negozju u li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 5.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, prezz ma għandux jitqies bħala verifikabbli meta tiġi ssodisfata kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-prezz jinkiseb minn tranżazzjoni jew minn offerta u joffri kwotazzjonijiet bejn żewġ entitajiet tal-istess grupp;

(b)

il-prezz jinkiseb minn tranżazzjoni jew minn offerta u joffri kwotazzjonijiet ta’ volum negliġibbli meta mqabbel mal-volum tas-soltu ta’ tranżazzjonijiet jew kwotazzjonijiet li jirriflettu l-kundizzjonijiet attwali tas-suq;

(c)

il-prezz jinkiseb minn kwotazzjonijiet b’firxa bejn it-talba u l-offerta li tiddevja sostanzjalment minn firxiet bejn it-talba u l-offerta li jirriflettu l-kundizzjonijiet attwali tas-suq;

(d)

il-prezz jinkiseb minn tranżazzjoni li tkun twettqet bl-uniku fini li jiġi identifikat għadd suffiċjenti ta’ prezzijiet verifikabbli li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament;

(e)

il-prezz jinkiseb minn kwotazzjonijiet li jkunu twettqu bl-uniku fini li jiġi identifikat għadd suffiċjenti ta’ prezzijiet verifikabbli li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Id-data tal-osservazzjoni ta’ prezz verifikabbli għandha tkun identika għad-data li fiha tkun ġiet eżegwita t-tranżazzjoni jew għad-data li fiha jkunu twettqu l-kwotazzjonijiet tat-talba u l-offerta. Id-dati tal-osservazzjoni tal-prezzijiet verifikabbli għandhom jiġu rreġistrati abbażi ta’ żona ta’ ħin unika konsistenti fis-sorsi kollha tad-data.

4.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, bejjiegħ terz għandha tfisser impriża li tipprovdi data dwar tranżazzjonijiet jew kwotazzjonijiet lil istituzzjonijiet għall-finijiet tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, inklużi fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (36a) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u s-sistemi multilaterali kif definiti fl-Artikolu 4(1), tal-punt (19) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

5.   Tranżazzjoni jew kwotazzjonijiet ta’ talbiet u offerti għandhom jintużaw biss għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punti (b) u (c), fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

it-tranżazzjoni jew il-kwotazzjonijiet ikunu ġew ipproċessati permezz ta’ bejjiegħ terz, jew miġbura minnu;

(b)

il-bejjiegħ terz jew l-istituzzjoni tkun qablet li tipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni, meta tintalab tagħmel dan, evidenza tat-tranżazzjoni jew tal-kwotazzjonijiet u evidenza tal-verifikabbiltà tal-prezz miksub minn dik it-tranżazzjoni jew minn dawk il-kwotazzjonijiet;

(c)

il-bejjiegħ terz ikun ikkomunika lill-istituzzjoni d-data li fiha t-tranżazzjoni jew il-kwotazzjonijiet ikunu ġew osservati, u sett minimu ta’ informazzjoni dwar it-tranżazzjoni jew il-kwotazzjonijiet li jippermettu lill-istituzzjoni tidentifika l-prezz verifikabbli għall-fatturi ta’ riskju li għalihom dak il-prezz miksub minn dik it-tranżazzjoni jew dawk il-kwotazzjonijiet ikun rappreżentattiv f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament;

(d)

l-istituzzjoni tkun ivverifikat li l-bejjiegħ terz ikun soġġett, mill-inqas darba fis-sena, għal awditu indipendenti minn impriża terza, skont it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 325bi(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, rigward il-validità tal-informazzjoni, il-governanza u l-proċessi tal-prezzijiet tiegħu, u jkollu aċċess għar-riżultati u għar-rapporti tal-awditjar, sabiex ikun jista’ jikkomunika lill-awtorità kompetenti tiegħu, meta jkunu mitluba, dawk ir-riżultati u r-rapporti.

6.   Għall-finijiet tal-paragrafu 5, il-punt (d), l-awditu indipendenti għandu jivvaluta dawn kollha li ġejjin:

(a)

jekk il-bejjiegħ terz għandux l-informazzjoni meħtieġa biex jivverifika li l-prezz huwa verifikabbli u biex jimmappja l-prezz verifikabbli mal-fatturi ta’ riskju li għalihom dak il-prezz ikun rappreżentattiv skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament;

(b)

jekk il-bejjiegħ terz ikunx jista’ juri l-integrità tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a);

(c)

jekk il-bejjiegħ terz ikollux fis-seħħ proċessi interni u għadd suffiċjenti ta’ persunal b’livell ta’ ħiliet xierqa għall-ġestjoni tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a);

(d)

jekk, meta bejjiegħ terz ma jipprovdix lill-istituzzjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex tivverifika l-verifikabbiltà tal-prezz, il-bejjiegħ terz ikunx kuntrattwalment obbligat li jkun ikkontrolla l-verifikabbiltà tal-prezz.

7.   Meta bejjiegħ terz ma jipprovdix lill-istituzzjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex tivverifika l-verifikabbiltà tal-prezz, l-istituzzjoni għandha tkun tista’ turi lill-awtorità kompetenti tagħha li l-bejjiegħ terz ikun kuntrattwalment obbligat li jkun ikkontrolla l-verifikabbiltà tal-prezz.

Artikolu 3

Rappreżentattività tal-prezzijiet verifikabbli għall-fatturi ta’ riskju

1.   Prezz verifikabbli għandu jitqies rappreżentattiv ta’ fattur ta’ riskju mid-data tal-osservazzjoni tiegħu meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikun hemm relazzjoni mill-qrib bejn il-fattur ta’ riskju u l-prezz verifikabbli;

(b)

l-istituzzjoni tkun speċifikat metodoloġija li tkun valida fil-kunċett sabiex jiġi estratt il-valur tal-fattur ta’ riskju mill-valur tal-prezz verifikabbli.

Għall-finijiet tal-punt (b), kwalunkwe data tal-input jew fattur ta’ riskju użat fil-metodoloġija għajr il-prezz verifikabbli għandu jkun ibbażat fuq data oġġettiva.

2.   Kwalunkwe prezz verifikabbli jista’ jingħadd bħala osservazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 1 għall-fatturi kollha ta’ riskju li għalihom ikun rappreżentattiv f’konformità mal-paragrafu 1.

3.   Meta istituzzjoni tuża fattur sistematiku tar-riskju ta’ kreditu jew ta’ ekwità biex tkopri movimenti fis-suq kollu għal attributi partikolari ta’ aggregazzjoni ta’ emittenti, inkluż il-pajjiż, ir-reġjun jew is-settur ta’ dawk l-emittenti, il-prezzijiet verifikabbli tal-indiċijiet tas-suq jew l-istrumenti tal-emittenti individwali għandhom jitqiesu bħala rappreżentattivi għal dak il-fattur ta’ riskju sistematiku biss meta jikkondividu l-istess attributi bħal dak il-fattur ta’ riskju sistematiku.

Artikolu 4

Kriterji għall-valutazzjoni tal-mudellabbiltà ta’ fatturi ta’ riskju li jappartjenu għal kurva, wiċċ jew kubu

1.   Il-fatturi ta’ riskju għall-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 325be(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li jappartjenu għal kurva, wiċċ jew kubu għandhom jiġu vvalutati bħala mudellabbli billi jiġu applikati l-passi li ġejjin fl-ordni li ġejja:

(a)

għal kull kurva, wiċċ jew kubu, l-istituzzjoni tiddetermina l-buckets rilevanti tal-fatturi ta’ riskju f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament;

(b)

l-istituzzjoni tiddetermina l-mudellabbiltà tal-buckets rilevanti msemmija fil-punt (a) f’konformità mal-paragrafu 2;

(c)

l-istituzzjoni tqis bħala mudellabbli kwalunkwe fattur ta’ riskju li jappartjeni għal bucket li jkun tqies bħala mudellabbli f’konformità mal-paragrafu 2.

2.   Il-kriterji għall-valutazzjoni ta’ jekk bucket ikunx mudellabbli għandhom ikunu waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

matul perjodu ta’ osservazzjoni ta’ 12-il xahar li jintemm fid-data ta’ referenza ta’ rapportar preċedenti msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (b), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/451:

(i)

għal dak il-bucket, l-istituzzjoni identifikat l-eżistenza ta’ mill-inqas 24 prezz li jkunu verifikabbli f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, li jkollhom dati ta’ osservazzjoni distinti u li jkunu allokati għal dak il-bucket, u

(ii)

ma kienx hemm perjodu ta’ 90 jum jew aktar li fih kien hemm inqas minn erbgħa mill-prezzijiet verifikabbli msemmija fil-punt (i);

(b)

matul il-perjodu ta’ osservazzjoni ta’ 12-il xahar imsemmi fil-punt (a), għal dak il-bucket, l-istituzzjoni identifikat l-eżistenza ta’ mill-inqas 100 prezz li huma verifikabbli f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, li għandhom dati ta’ osservazzjoni distinti u li huma allokati lil dak il-bucket.

3.   Istituzzjoni tista’ tissostitwixxi l-perjodu ta’ 12-il xahar imsemmi fil-paragrafu 2 b’perjodu ta’ 12-il xahar li jintemm mhux qabel xahar qabel id-data ta’ referenza ta’ rapportar preċedenti msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (b), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/451 (“perjodu ttrasferit”), meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-istituzzjoni tapplika dak il-perjodu ttrasferit b’mod konsistenti tul il-buckets kollha ta’ kurva, wiċċ jew kubu;

(b)

l-istituzzjoni tapplika dak il-perjodu ttrasferit b’mod konsistenti maż-żmien;

(c)

l-istituzzjoni tipprovdi lill-awtorità kompetenti tagħha b’deskrizzjoni dettaljata tal-applikazzjoni ta’ dak il-perjodu ttrasferit.

4.   Prezz verifikabbli għandu jiġi allokat għal bucket fejn ikun rappreżentattiv f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament għal fattur ta’ riskju li jappartjeni għal dak il-bucket.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafu 4, istituzzjoni tista’ tikkunsidra bħala fattur ta’ riskju kwalunkwe punt tal-kurva, wiċċ jew kubu li jappartjeni għall-bucket, irrispettivament minn jekk tali punt ikunx fattur ta’ riskju inkluż fil-mudell tagħha ta’ kejl tar-riskji.

Artikolu 5

Approċċi ta’ bucketing għal fatturi ta’ riskju li jappartjenu għal kurvi, uċuħ jew kubi

1.   Għal kull kurva, wiċċ jew kubu li għalihom jappartjeni fattur ta’ riskju, l-istituzzjonijiet għandhom jiddeterminaw il-buckets ta’ dik il-kurva, wiċċ jew kubu billi jużaw jew il-buckets standard definiti minn qabel imsemmija fil-paragrafu 2, jew buckets definiti mill-istituzzjonijiet infushom, dment li dawk l-istituzzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-paragrafu 3.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-buckets standard definiti minn qabel għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

id-disa’ buckets imsemmija fir-ringiela i tat-Tabella 1 tal-paragrafu 3 għall-fatturi ta’ riskju b’dimensjoni ta’ maturità waħda “t”, espressi fi snin, li ġew assenjati lill-kategoriji ta’ fatturi ta’ riskju wesgħin li ġejjin:

(i)

“rata tal-imgħax”, għajr dawk il-fatturi ta’ riskju assenjati għas-subkategorija tal-fattur ta’ riskju wiesa’ “volatilità”;

(ii)

“rata tal-kambju”, għajr dawk il-fatturi ta’ riskju assenjati għas-subkategorija tal-fattur ta’ riskju wiesa’ “volatilità”;

(iii)

“komodità”, għajr dawk il-fatturi ta’ riskju assenjati lis-subkategoriji tal-fattur ta’ riskju wiesa’ “volatilità tal-enerġija”, “volatilità tal-emissjonijiet tal-karbonju”, “volatilità tal-metall prezzjuż u volatilità tal-metall mhux ferruż” u “volatilitajiet oħra tal-komoditajiet”;

(b)

is-sitt buckets imsemmija fir-ringiela ii tat-Tabella 1 tal-paragrafu 3 għal kull dimensjoni ta’ maturità “t” ta’ fatturi ta’ riskju, b’aktar minn dimensjoni ta’ maturità waħda, espressi fi snin, li ġew assenjati lill-kategoriji ta’ fatturi ta’ riskju wesgħin li ġejjin:

(i)

“rata tal-imgħax”, għajr għall-fatturi ta’ riskju assenjati għas-subkategorija tal-fattur ta’ riskju wiesa’ “volatilità”;

(ii)

“rata tal-kambju”, għajr għall-fatturi ta’ riskju assenjati għas-subkategorija tal-fattur ta’ riskju wiesa’ “volatilità”;

(iii)

“komodità”, għajr dawk il-fatturi ta’ riskju assenjati lis-subkategoriji tal-fattur ta’ riskju wiesa’ “volatilità tal-enerġija”, “volatilità tal-emissjonijiet tal-karbonju”, “volatilità tal-metall prezzjuż u volatilità tal-metall mhux ferruż” u “volatilitajiet oħra tal-komoditajiet”;

(c)

il-ħames buckets imsemmija fir-ringiela iii tat-Tabella 1 tal-paragrafu 3 għal kull dimensjoni ta’ maturità “t” għal fatturi ta’ riskju b’dimensjoni ta’ maturità waħda jew aktar, espressi fi snin, li ġew assenjati lill-kategoriji ta’ fatturi ta’ riskju wesgħin li ġejjin:

(i)

“firxa tal-kreditu”, għajr dawk il-fatturi ta’ riskju assenjati għas-subkategorija tal-fattur ta’ riskju wiesa’ “volatilità”;

(ii)

“ekwità”, għajr dawk il-fatturi ta’ riskju assenjati lis-subkategoriji tal-fattur ta’ riskju wiesa’ “volatilità (kapitalizzazzjoni kbira)” u “volatilità (kapitalizzazzjoni żgħira tas-suq)”;

(d)

il-ħames buckets imsemmija fir-ringiela iv tat-Tabella 1 tal-paragrafu 3 għal kwalunkwe fattur ta’ riskju b’dimensjoni waħda jew b’diversi dimensjonijiet ta’ karattru monetarju, kif espressi bl-użu tad-delta tal-opzjoni (“δ”);

(e)

il-ħames buckets imsemmija fir-ringiela iii tat-Tabella 1 tal-paragrafu 3 u l-ħames buckets imsemmija fir-ringiela iv tat-Tabella 1 tal-paragrafu 3 għall-fatturi ta’ riskju li ġew assenjati għall-kategoriji tal-fatturi ta’ riskju wiesa’ li ġejjin:

(i)

“rata tal-kambju”, għal dawk il-fatturi ta’ riskju assenjati għas-subkategorija tal-fattur ta’ riskju wiesa’ “volatilità”;

(ii)

“firxa tal-kreditu”, għal dawk il-fatturi ta’ riskju assenjati għas-subkategorija tal-fattur ta’ riskju wiesa’ “volatilità”;

(iii)

“ekwità”, għal dawk il-fatturi ta’ riskju assenjati lis-subkategoriji tal-fattur ta’ riskju wiesa’ “volatilità (kapitalizzazzjoni kbira)” u “volatilità (kapitalizzazzjoni żgħira tas-suq)”;

(iv)

“komodità”, għal dawk il-fatturi ta’ riskju assenjati lis-subkategoriji tal-fattur ta’ riskju wiesa’ “volatilità tal-enerġija”, “volatilità tal-emissjonijiet tal-karbonju”, “volatilità tal-metall prezzjuż u volatilità tal-metall mhux ferruż” u “volatilitajiet oħra tal-komoditajiet”;

(f)

is-sitt buckets imsemmija fir-ringiela ii tat-Tabella 1 tal-paragrafu 3, il-ħames buckets imsemmija fir-ringiela iii tat-Tabella 1 tal-paragrafu 3 u l-ħames buckets imsemmija fir-ringiela iv tat-Tabella 1 tal-paragrafu 3 għall-fatturi ta’ riskju assenjati għall-kategorija tal-fatturi ta’ riskju wiesa’ “rata tal-imgħax” u għas-subkategorija tal-fattur ta’ riskju wiesa’ “volatilità” b’dimensjoni ta’ maturità, ta’ skadenza u ta’ flus.

Għall-finijiet tal-punt (d), għas-swieq tal-opzjoni li jużaw konvenzjonijiet oħra għajr id-delta tal-opzjoni għad-definizzjoni tal-karattru monetarju, l-istituzzjonijiet għandhom jikkonvertu l-buckets imsemmija fir-ringiela iv tat-Tabella 1 tal-paragrafu 3 għall-konvenzjonijiet prevalenti f’dawk is-swieq tal-opzjonijiet bl-użu ta’ tekniki kwantitattivi derivati mill-mudelli tal-ipprezzar proprji tal-istituzzjoni dment li dawk il-mudelli tal-ipprezzar ikunu ġew dokumentati sew u jkunu ġew rieżaminati b’mod indipendenti.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, bucket standard jista’ jiġi suddiviż f’buckets iżgħar.

Tabella 1

Nru. tal-bucket.

1

2

3

4

5

6

7

8

9

i.

0 ≤ t < 0,75

0,75 ≤ t <1,5

1,5 ≤ t <4

4 ≤ t < 7

7 ≤ t < 12

12 ≤ t < 18

18 ≤ t < 25

25 ≤ t < 35

35 ≤ t

ii.

0 ≤ t <0,75

0,75 ≤ t < 4

4 ≤ t < 10

10 ≤ t < 18

18 ≤ t < 30

30 ≤ t

 

 

 

iii.

0 ≤ t < 1,5

1,5 ≤ t < 3,5

3,5 ≤ t < 7,5

7,5 ≤ t < 15

15 ≤ t

 

 

 

 

iv.

0 ≤ δ < 0,05

0,05 ≤ δ < 0,3

0,3 ≤ δ < 0.7

0,7 ≤ δ < 0,95

0,95 ≤ δ ≤ 1

 

 

 

 

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-istituzzjonijiet jistgħu jistabbilixxu huma stess buckets għal kurva, wiċċ jew kubu partikolari fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-buckets ikopru l-kurva, il-wiċċ jew il-kubi kollha;

(b)

il-buckets ma jkunux sovrapposti;

(c)

kull bucket fih eżattament fattur ta’ riskju wieħed li huwa parti mill-kalkolu tal-bidliet teoretiċi fil-valur tal-portafoll ta’ wieħed mill-postijiet tan-negozjar tal-istituzzjoni biex tiġi vvalutata l-konformità mar-rekwiżiti tal-attribuzzjoni tal-profitt u t-telf stabbiliti fl-Artikolu 325bg tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

5.   Għall-valutazzjoni tal-mudellabbiltà tal-fatturi ta’ riskju tal-kategorija tal-fattur ta’ riskju wiesa’ “firxa ta’ kreditu” li jappartjenu għal ċertu bucket ta’ maturità, istituzzjoni tista’ talloka mill-ġdid il-prezzijiet verifikabbli ta’ bucket għall-bucket li jmiss relatat ma’ maturitajiet iqsar biss meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-istituzzjoni ma jkollha l-ebda fattur ta’ riskju li jappartjeni għall-bucket li jikkorrispondi għall-maturitajiet itwal u għalhekk ma tuża l-ebda wieħed minn dawn il-fatturi ta’ riskju fil-mudell tagħha tal-ġestjoni tar-riskju;

(b)

kwalunkwe prezz verifikabbli jingħadd biss f’bucket ta’ maturità wieħed;

(c)

kwalunkwe prezz verifikabbli jiġi riallokat darba biss.

Artikolu 6

Kriterji għall-valutazzjoni tal-mudellabbiltà tal-fatturi ta’ riskju li jirrappreżentaw parametri ta’ funzjoni ta’ kurva, wiċċ jew kubu parametriċi

1.   Istituzzjonijiet li jużaw funzjoni parametrika waħda jew aktar biex jirrappreżentaw kurva, wiċċ jew kubu u jinkorporaw il-parametri ta’ funzjoni bħala fatturi ta’ riskju fil-mudelli interni tagħhom tal-kejl tar-riskju, għandhom jivvalutaw il-mudellabbiltà ta’ dawk il-parametri ta’ funzjoni billi japplikaw l-istadji li ġejjin fl-ordni li ġejja għal kull funzjoni parametrika:

(a)

dawk l-istituzzjonijiet jidentifikaw is-sett ta’ punti tal-kurva, tal-wiċċ jew tal-kubu li ntużaw biex tiġi kkalibrata l-funzjoni parametrika;

(b)

dawk l-istituzzjonijiet japplikaw l-approċċ tal-bucketing stabbilit fl-Artikolu 5(2) daqslikieku l-fatturi ta’ riskju fil-mudell tal-kejl tar-riskji tagħhom kienu l-punti identifikati skont il-punt (a);

(c)

dawk l-istituzzjonijiet jivvalutaw, f’konformità mal-Artikolu 4, il-paragrafi 2 u 3, il-mudellabbiltà tal-buckets li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-approċċ tal-bucketing stabbilit fl-Artikolu 5(2), daqslikieku l-fatturi ta’ riskju fil-mudell tal-kejl tar-riskji tagħhom kienu l-punti identifikati f’konformità mal-punt (a).

2.   Il-mudellabbiltà ta’ parametru tal-funzjoni parametrika kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tiġi vvalutata billi jiġi identifikat is-sett ta’ punti tal-kurva, tal-wiċċ jew tal-kubu li ntużaw biex jiġi kkalibrat dak il-parametru ta’ funzjoni. Meta l-punti identifikati jkunu jappartjenu biss għal buckets ivvalutati bħala mudellabbli skont il-paragrafu 1, il-punt (c), il-parametru ta’ funzjoni għandu jiġi vvalutat bħala mudellabbli.

Artikolu 7

Dokumentazzjoni

1.   L-istituzzjonijiet għandhom jiddokumentaw fil-politiki interni tagħhom dawn kollha li ġejjin:

(a)

is-sett u d-deskrizzjoni tal-fatturi ta’ riskju fil-mudell intern tagħhom tal-kejl tar-riskji soġġett għall-valutazzjoni tal-mudellabbiltà;

(b)

is-sorsi ta’ informazzjoni verifikabbli dwar il-prezzijiet użati biex tiġi vvalutata l-mudellabbiltà tal-fatturi ta’ riskju;

(c)

il-kriterji biex prezz jitqies verifikabbli f’konformità mal-Artikolu 2, inkluż deskrizzjoni ta’ kif l-istituzzjoni tivvaluta jekk il-volum ta’ tranżazzjoni jew ta’ kwotazzjoni impenjata huwiex mhux negliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 2(2), il-punt (b), u jekk il-firxa bejn it-talba u l-offerta tkunx raġonevoli kif imsemmi fl-Artikolu 2(2), il-punt (c);

(d)

il-proċess ta’ mmappjar u l-kriterji użati biex tiġi ddeterminata r-rappreżentattività tal-prezzijiet verifikabbli għall-fatturi ta’ riskju kif imsemmi fl-Artikolu 3, inkluż deskrizzjoni tal-metodoloġija speċifikata għall-estrazzjoni tal-valur tal-fattur ta’ riskju mill-prezzijiet verifikabbli u kwalunkwe input addizzjonali li l-metodoloġija potenzjalment teħtieġ;

(e)

il-valutazzjoni tal-mudellabbiltà għall-kurvi, l-uċuħ jew il-kubi parametriċi kif imsemmi fl-Artikolu 6;

(f)

l-użu tal-approċċi tal-bucketing msemmija fl-Artikolu 5, li jispeċifikaw ukoll jekk u kif l-istituzzjoni tapplika l-Artikolu 5(5);

(g)

l-użu tal-perjodu ttrasferit ta’ 12-il xahar f’konformità mal-Artikolu 1(2) jew mal-Artikolu 4(3).

2.   Għal kull fattur ta’ riskju, l-istituzzjonijiet għandhom iżommu rekord ta’ mill-inqas sena tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-mudellabbiltà tagħhom, inkluż id-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Għall-fatturi ta’ riskju li għalihom ma jkunx għadu disponibbli rekord ta’ sena ta’ riżultati, l-istituzzjonijiet għandhom iżommu r-rekord massimu disponibbli tar-riżultati.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/451 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rapportar superviżorju tal-istituzzjonijiet u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014 (ĠU L 97, 19.3.2021, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(5)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).