20.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 272/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1985

tal-20 ta’ Ottubru 2022

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 269/2014.

(2)

L-Unjoni tibqa' soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

(3)

Ir-reġim Iranjan jipprovdi appoġġ militari għall-gwerra ta' aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna. Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li tliet individwi u entità waħda involuti fl-iżvilupp u l-kunsinna ta' Vetturi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord lir-Russja jenħtieġ li jiżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014.

(4)

Għaldaqstant, l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat f’konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.


ANNESS

Il-persuni u l-entità li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014:

Persuni

 

Isem

Informazzjoni għall-Identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1263.

Mohammad Hossein BAGHERI

محمد حسین باقری

Post tat-twelid: Tehran, Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: Raġel

Grad: Maġġur Ġeneral

Pożizzjoni: Kap Kmandant tal-Forzi Armati tal-Iran

Il-Maġġur Ġeneral Mohammad Hossein Bagheri huwa l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati tal-Iran. Huwa jissorvelja l-programm militari ta' Vetturi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord (UAV) u għandu rwol fundamentali fil-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża tal-Iran mal-Federazzjoni Russa. Huwa involut ukoll fl-espansjoni barra mill-pajjiż ta' UAVs magħmula fl-Iran; f'din il-kapaċità, huwa inawgura linja ta' assemblaġġ fit-Taġikistan destinata għall-esportazzjoni ta' droni Ababil-2. Huwa pparteċipa wkoll fl-iżvilupp tad-droni Mohajer-6 u l-forniment tagħhom lill-Federazzjoni Russa għall-użu tagħhom fil-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna. Għaldaqstant, il-Maġġur Ġeneral Mohammad Hossein Bagheri huwa responsabbli li appoġġa azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Ukrajna.

20.10.2022

1264.

Sayed Hojatollah QUREISHI

سید حجت الله قریشی

magħruf ukoll bħala Sayyed Hojatolah GHOREISHI

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: Raġel

Grad: Ġeneral

Pożizzjoni: Kap tad-Diviżjoni tal-Provvista, ir-Riċerka u l-Affarijiet Industrijali fil-Ministeru għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati (MODAFL) tal-Iran

Il-Ġeneral Sayed Hojatollah Qureishi huwa l-Kap tad-Diviżjoni tal-Provvista, ir-Riċerka u l-Affarijiet Industrijali fil-Ministeru għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati (MODAFL) tal-Iran u huwa responsabbli għan-negozjar tal-ftehim mal-Federazzjoni Russa fir-rigward tal-forniment ta' Vetturi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord (UAVs) magħmula fl-Iran għall-użu tagħhom fil-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna. Għaldaqstant, il-Ġeneral Sayed Hojatollah Qureishi huwa responsabbli li appoġġa azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

20.10.2022

1265.

Saeed AGHAJANI/ Saeed Ara Jani / Said Ara Jani / Said Agha Jani

سعید آقاجانی

Data tat-twelid: 3.4.1969

Sess: Raġel

Passaport: Passaport V47528711 (Iran)

Nazzjonalita: Iranjana

Grad: Brigadier Ġeneral

Pożizzjoni: Kmandant tal-Kmand tal-UAVs tal-Forza Ajruspazjali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC ASF)

Il-Brigadier Ġeneral Saeed Aghajani huwa l-Kmandant tal-Kmand tal-UAVs tal-Forza Ajruspazjali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC ASF), is-sinsla tal-programm tal-Vetturi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord (UAVs) tal-Iran. Il-Brigadier Ġeneral Saeed Aghajani jissorvelja u jidderieġi l-ippjanar, it-tagħmir u t-taħriġ għall-operazzjonijiet tal-UAVs tal-Iran, li jinkludu wkoll il-forniment ta' droni lill-alleati internazzjonali tal-Iran, inkluż il-Federazzjoni Russa. Għaldaqstant, il-Brigadier Ġeneral Saeed Aghajani huwa responsabbli li appoġġa azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

20.10.2022”

Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni għall-Identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

Data tal-elenkar

“119.

Shahed Aviation Industries magħrufa wkoll bħala Shahed Aviation Industries Research Center

صنایع هوایی شاهد

مرکز تحقیقات صنایع هوایی شاهد

 

Shahed Aviation Industries hija kumpanija marbuta mal-Forza Ajruspazjali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika fl-Iran li hija responsabbli għat-tfassil u l-iżvilupp tas-serje Shahed ta' Vetturi tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord (UAVs) tal-Iran. Id-droni tas-serje Shahed ġew fornuti lill-Federazzjoni Russa u huma użati fil-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna. Għaldaqstant, Shahed Aviation Industries hija responsabbli li appoġġat materjalment azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

20.10.2022”