12.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 265/1


REGOLAMENT (UE) 2022/1925 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Settembru 2022

dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Is-servizzi diġitali b’mod ġenerali u l-pjattaformi online b’mod partikolari għandhom rwol dejjem aktar importanti fl-ekonomija, b’mod partikolari fis-suq intern, billi jippermettu lin-negozji jilħqu l-utenti madwar l-Unjoni, billi jiffaċilitaw il-kummerċ transfruntier u billi jiftħu opportunitajiet kompletament ġodda ta’ negozju għal għadd kbir ta’ kumpaniji fl-Unjoni għall-benefiċċju tal-konsumaturi fl-Unjoni.

(2)

Fl-istess ħin, fost dawk is-servizzi diġitali, is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandhom għadd ta’ karatteristiċi li jistgħu jiġu sfruttati mill-impriżi li jipprovduhom. Eżempju ta’ tali karatteristiċi tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma huwa l-ekonomiji ta’ skala estremi, li ħafna drabi jirriżultaw minn kostijiet marġinali kważi żero biex jiżdiedu l-utenti kummerċjali jew l-utenti finali. Karatteristiċi oħra bħal dawn tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma huma l-effetti qawwija ħafna tan-network, l-abbiltà li jikkollegaw ħafna utenti kummerċjali ma’ ħafna utenti finali permezz tad-diversi naħat li għandhom dawn is-servizzi, grad sinifikanti ta’ dipendenza tal-utenti kummerċjali u tal-utenti finali, l-effetti ta’ intrappolament tal-klijentela, in-nuqqas ta’ multi-homing għall-istess għan mill-utenti finali, l-integrazzjoni vertikali, u l-vantaġġi xprunati mid-data. Dawn il-karatteristiċi kollha, flimkien ma’ prattiki inġusti tal-impriżi li jipprovdu s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, jista’ jkollhom l-effett li jimminaw b’mod sostanzjali l-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, kif ukoll li jħallu impatt fuq il-korrettezza tar-relazzjoni kummerċjali bejn l-impriżi li jipprovdu dawn is-servizzi u l-utenti kummerċjali u l-utenti finali tagħhom. Fil-prattika, dan iwassal għal tnaqqis rapidu u potenzjalment estensiv fl-għażla tal-utenti kummerċjali u tal-utenti finali, u għalhekk jista’ jagħti lill-fornitur ta’ dawk is-servizzi l-pożizzjoni ta’ hekk imsejjaħ gwardjan. Fl-istess ħin, jenħtieġ li jiġi rikonoxxut li s-servizzi li jaġixxu f’kapaċità ta’ skop mhux kummerċjali bħal proġetti kollaborattivi jenħtieġ li ma jitqisux bħala servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għall-fini ta’ dan ir-Regolament.

(3)

Għadd żgħir ta’ impriżi kbar li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rnexxielhom jiksbu saħħa ekonomika konsiderevoli li tista’ tikkwalifikahom biex jiġu ddeżinjati bħala gwardjani skont dan ir-Regolament. Tipikament, dawn ikollhom l-abbiltà li jikkollegaw ħafna utenti kummerċjali ma’ ħafna utenti finali permezz tas-servizzi tagħhom, u li b’hekk tippermettilhom jisfruttaw il-vantaġġi tagħhom, bħall-aċċess tagħhom għal ammonti kbar ta’ data, minn qasam ta’ attività għal ieħor. Uħud minn dawk l-impriżi jeżerċitaw kontroll fuq ekosistemi sħaħ tal-pjattaformi fl-ekonomija diġitali u, strutturalment, ikun estremament diffiċli għal operaturi tas-suq eżistenti jew ġodda li jisfidawhom jew jikkontestawhom, irrispettivament minn kemm dawk l-operaturi tas-suq ikunu innovattivi u effiċjenti. Il-kontestabbiltà titnaqqas b’mod partikolari minħabba l-eżistenza ta’ ostakli kbar ħafna għad-dħul jew għall-ħruġ, inkluż kostijiet kbar ta’ investiment li ma jistgħux jiġu rkuprati, jew li diffiċli jiġu rkuprati fil-każ tal-ħruġ, u n-nuqqas ta’ aċċess, jew aċċess imnaqqas, għal xi inputs ewlenin fl-ekonomija diġitali, bħad-data. Bħala riżultat, tiżdied il-probabbiltà li s-swieq sottostanti ma jiffunzjonawx tajjeb, jew li dalwaqt ma jibqgħux jiffunzjonaw tajjeb.

(4)

Il-kombinament ta’ dawk il-karatteristiċi ta’ gwardjan aktarx li, ħafna drabi, iwassal għal żbilanċi serji fis-saħħa tan-negozjar u, b’konsegwenza, għal prattiki u kondizzjonijiet inġusti għall-utenti kummerċjali, u għall-utenti finali ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma pprovduti mill-gwardjani, għad-detriment tal-prezzijiet, il-kwalità, il-kompetizzjoni ġusta, l-għażla u l-innovazzjoni fis-settur diġitali.

(5)

Dan ħafna drabi jwassal biex il-proċessi tas-suq ma jkunux kapaċi jiżguraw riżultati ekonomiċi ġusti fejn jidħlu s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma. Minkejja li l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) japplikaw għall-imġiba tal-gwardjani, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet hu limitat għal ċerti każijiet ta’ saħħa fis-suq, pereżempju d-dominanza fuq swieq speċifiċi u ta’ mġiba antikompetittiva, u l-infurzar iseħħ ex post u jeħtieġ investigazzjoni estensiva ta’ fatti li spiss ikunu kumplessi ħafna abbażi ta’ każ b’każ. Barra minn hekk, id-dritt eżistenti tal-Unjoni ma jindirizzax, jew ma jindirizzax b’mod effettiv, l-isfidi għall-funzjonament effettiv tas-suq intern ikkawżati mill-imġiba tal-gwardjani li mhux neċessarjament ikunu dominanti f’termini tal-liġi tal-kompetizzjoni.

(6)

Il-gwardjani għandhom impatt sinifikanti fuq is-suq intern għax jipprovdu gateways għal għadd kbir ta’ utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali kullimkien fl-Unjoni u fi swieq differenti. L-impatt negattiv tal-prattiki inġusti fuq is-suq intern u l-kontestabbiltà partikolarment dgħajfa tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, inkluż l-implikazzjonijiet negattivi ta’ dawn il-prattiki inġusti fuq is-soċjetà u l-ekonomija, wasslu biex il-leġiżlaturi nazzjonali u r-regolaturi settorjali jieħdu azzjoni. Fil-livell nazzjonali diġà ġew adottati jew proposti għadd ta’ soluzzjonijiet regolatorji biex jindirizzaw prattiki inġusti u l-kontestabbiltà tas-servizzi diġitali jew għall-inqas rigward xi wħud minnhom. Dan ħoloq soluzzjonijiet regolatorji diverġenti li jwassal għall-frammentazzjoni tas-suq intern, u għalhekk żied ir-riskju ta’ kostijiet ogħla tal-konformità minħabba settijiet differenti ta’ rekwiżiti regolatorji nazzjonali.

(7)

Għaldaqstant, l-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jistipula regoli li jiżguraw il-kontestabbiltà u l-korrettezza għas-swieq fis-settur diġitali b’mod ġenerali, u għall-utenti kummerċjali u l-utenti finali tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ipprovduti mill-gwardjani b’mod partikolari. L-utenti kummerċjali u l-utenti finali ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma pprovduti mill-gwardjani jenħtieġ li jingħataw salvagwardji regolatorji xierqa fl-Unjoni kollha kontra l-prattiki inġusti tal-gwardjani, sabiex jiġi ffaċilitat in-negozju transfruntier fl-Unjoni u b’hekk jitjieb il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u tiġi eliminata l-frammentazzjoni li teżisti jew li aktarx tinħoloq fl-oqsma speċifiċi koperti minn dan ir-Regolament. Barra minn hekk, filwaqt li l-gwardjani għandhom it-tendenza li jadottaw mudelli ta’ negozju u strutturi algoritmiċi globali jew tal-inqas pan-Ewropej, dawn jistgħu jadottaw, u wħud minnhom diġà adottaw, kondizzjonijiet u prattiki kummerċjali differenti fi Stati Membri differenti, li jista’ joħloq diskrepanzi bejn il-kondizzjonijiet kompetittivi għall-utenti ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma pprovduti mill-gwardjani, għad-detriment tal-integrazzjoni tas-suq intern.

(8)

Bl-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali diverġenti, jistgħu jiġu eliminati l-ostakli għal-libertà li jiġu pprovduti u riċevuti servizzi, inkluż servizzi bl-imnut, fis-suq intern. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi stabbilit sett immirat ta’ obbligi legali armonizzati fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu żgurati swieq diġitali kontestabbli u ġusti li jinkludu l-preżenza ta’ gwardjani fi ħdan is-suq intern għall-benefiċċju tal-ekonomija tal-Unjoni kollha kemm hi u fl-aħħar mill-aħħar tal-konsumaturi tal-Unjoni.

(9)

Frammentazzjoni tas-suq intern tista’ tiġi evitata b’mod effettiv biss jekk l-Istati Membri ma jitħallewx japplikaw regoli nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li jsegwu l-istess objettivi bħalu. Dak ma jipprekludix il-possibbiltà li jiġu applikati regoli nazzjonali oħra għall-gwardjani, skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament, li jsegwu objettivi leġittimi oħra ta’ interess pubbliku kif stipulati fit-TFUE jew li jsegwu raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku kif rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti tal-Ġustizzja”).

(10)

Fl-istess ħin, peress li dan ir-Regolament għandu l-għan li jikkomplementa l-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni, jenħtieġ li japplika mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 101 u 102 TFUE, għar-regoli nazzjonali korrispondenti dwar il-kompetizzjoni u għal regoli nazzjonali oħra dwar il-kompetizzjoni dwar l-imġiba unilaterali li huma bbażati fuq valutazzjoni individwalizzata tal-pożizzjonijiet u tal-imġiba fis-suq, inkluż l-effetti attwali jew potenzjali tagħha u l-kamp ta’ applikazzjoni preċiż tal-imġiba pprojbita, u li jipprevedu l-possibbiltà li l-impriżi jagħmlu argumenti għall-effiċjenza u ta’ ġustifikazzjoni effettiva għall-imġiba inkwistjoni, u għar-regoli nazzjonali dwar il-kontroll tal-fużjonijiet. Madankollu, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli ma taffettwax l-obbligi imposti fuq il-gwardjani skont dan ir-Regolament u l-applikazzjoni uniformi u effettiva tagħhom fis-suq intern.

(11)

L-objettiv tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u tar-regoli nazzjonali korrispondenti dwar il-kompetizzjoni li jikkonċernaw l-imġiba multilaterali u unilaterali antikompetittiva kif ukoll il-kontroll tal-fużjonijiet hu l-protezzjoni tal-kompetizzjoni mhux imxekkla fis-suq. Dan ir-Regolament għandu objettiv komplementari għal, iżda differenti minn, dak li jipproteġi l-kompetizzjoni mhux imxekkla fi kwalunkwe suq partikolari, kif definit skont il-liġi tal-kompetizzjoni, jiġifieri li jiġi żgurat li s-swieq fejn hemm gwardjani jkunu u jibqgħu kontestabbli u ġusti, indipendentement mill-effetti attwali, potenzjali jew preżunti tal-imġiba ta’ gwardjan partikolari kopert minn dan ir-Regolament dwar il-kompetizzjoni fuq suq partikolari. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu l-għan li jipproteġi interess legali differenti minn dak protett minn dawk ir-regoli u jenħtieġ li japplika mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom.

(12)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika wkoll mingħajr preġudizzju għar-regoli li jirriżultaw minn atti oħra tal-liġi tal-Unjoni li jirregolaw ċerti aspetti tal-forniment tas-servizzi koperti minn dan ir-Regolament, b’mod partikolari r-Regolamenti (UE) 2016/679 (4) u (UE) 2019/1150 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament dwar suq intern għas-servizzi diġitali, u d-Direttivi 2002/58/KE (6), 2005/29/KE (7), 2010/13/UE (8), (UE) 2015/2366 (9), (UE) 2019/790 (10) u (UE) 2019/882 (11) tal-Parlament u tal-Kunsill, u d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE (12), kif ukoll regoli nazzjonali mmirati biex jinfurzaw jew jimplimentaw dawk l-atti legali tal-Unjoni.

(13)

Il-kontestabbiltà dgħajfa u l-prattiki inġusti fis-settur diġitali huma aktar frekwenti u evidenti f’ċerti servizzi diġitali milli f’oħrajn. Dan hu l-każ b’mod partikolari għas-servizzi diġitali mifruxa u użati b’mod komuni li jintermedjaw direttament l-aktar bejn l-utenti kummerċjali u l-utenti finali u meta karatteristiċi bħall-ekonomiji ta’ skala estremi, effetti qawwija ħafna tan-network, l-abbiltà li jikkollegaw ħafna utenti kummerċjali ma’ ħafna utenti finali permezz tad-diversi naħat li għandhom dawn is-servizzi, l-effetti ta’ intrappolament tal-klijentela, in-nuqqas ta’ multi-homing jew l-integrazzjoni vertikali huma l-aktar prevalenti. Ħafna drabi jkun hemm biss impriża kbira waħda jew ftit impriżi kbar li jipprovdu dawk is-servizzi diġitali. Dawk l-impriżi dehru l-aktar bħala gwardjani għall-utenti kummerċjali u għall-utenti finali, b’impatti estensivi. B’mod partikolari, kisbu l-abbiltà li jistabbilixxu faċilment kondizzjonijiet u termini kummerċjali b’mod unilaterali u detrimentali għall-utenti kummerċjali u l-utenti finali tagħhom. Għaldaqstant, jeħtieġ li ssir enfasi biss fuq dawk is-servizzi diġitali li jintużaw l-aktar mill-utenti kummerċjali u mill-utenti finali u meta t-tħassib dwar il-kontestabbiltà dgħajfa u l-prattiki inġusti mill-gwardjani jkun aktar evidenti u urġenti mill-perspettiva tas-suq intern.

(14)

B’mod partikolari, is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online, il-magni tat-tiftix online, is-sistemi operattivi, in-networking soċjali online, is-servizzi ta’ pjattaforma tal-video-sharing, is-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri, is-servizzi ta’ cloud computing, l-assistenti virtwali, il-web browsers u s-servizzi ta’ reklamar online, inkluż is-servizzi ta’ intermedjazzjoni tar-reklamar, kollha għandhom il-kapaċità li jaffettwaw għadd kbir ta’ utenti finali u negozji, li jinvolvi riskju ta’ prattiki kummerċjali inġusti. Għalhekk, jenħtieġ li dawn jiġu inklużi fid-definizzjoni ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma u jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online jistgħu jkunu attivi wkoll fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, u jistgħu jintermedjaw jew jintużaw biex jipprovdu dawn is-servizzi kif elenkati b’mod mhux eżawrjenti fl-Anness II għad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjoni ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jenħtieġ li tkun newtrali fir-rigward tat-teknoloġija u jenħtieġ li tinftiehem bħala li tinkludi dawk is-servizzi li jiġu pprovduti fuq diversi mezzi jew apparati jew permezz tagħhom, bħal TV konness, kif ukoll servizzi diġitali integrati fil-vetturi. F’ċerti ċirkostanzi, il-kunċett ta’ utenti finali jenħtieġ li jkun jinkludi lill-utenti li tradizzjonalment jitqiesu bħala utenti kummerċjali, iżda f’sitwazzjoni partikolari ma jużawx is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma biex jipprovdu oġġetti jew servizzi lil utenti finali oħra, bħal pereżempju n-negozji li jiddependu fuq servizzi ta’ cloud computing għall-finijiet tagħhom stess.

(15)

Il-fatt li servizz diġitali jikkwalifika bħala servizz ewlieni ta’ pjattaforma fih innifsu ma jwassalx għal tħassib serju biżżejjed dwar il-kontestabbiltà jew il-prattiki inġusti. Dan it-tħassib ifeġġ biss meta servizz ewlieni ta’ pjattaforma jikkostitwixxi gateway importanti u jitħaddem minn impriża b’impatt sinifikanti fis-suq intern u b’pożizzjoni stabbilita u dejjiema, jew minn impriża li hija prevista li ser tgawdi minn din il-pożizzjoni fil-futur qrib. Għaldaqstant, is-sett immirat ta’ regoli armonizzati f’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika biss għall-impriżi ddeżinjati abbażi ta’ dawk it-tliet kriterji oġġettivi, u jenħtieġ li dawn il-kriterji japplikaw biss għas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tagħhom li individwalment jikkostitwixxu gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali. Il-fatt li hemm il-possibbiltà li impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma mhux biss tintermedja bejn l-utenti kummerċjali u l-utenti finali, iżda wkoll bejn l-utenti finali stess, pereżempju fil-każ ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri, jenħtieġ li ma jipprekludix il-konklużjoni li din l-impriża hija jew tista’ tkun gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali.

(16)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament għall-impriżi li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li aktarx jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti oġġettivi, u meta l-prattiċi inġusti li jdgħajfu l-kontestabbiltà jkunu l-aktar prevalenti u l-aktar li jħallu impatt, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tiddeżinja direttament bħala gwardjani dawk l-impriżi li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li jilħqu ċerti limiti kwantitattivi. Dawn l-impriżi jenħtieġ li fi kwalunkwe każ ikunu soġġetti għal proċess rapidu tad-deżinjazzjoni li jenħtieġ li jibda ladarba dan ir-Regolament isir applikabbli.

(17)

Il-fatt li impriża jkollha fatturat sinifikanti ħafna fl-Unjoni u li tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma f’mill-inqas tliet Stati Membri jikkostitwixxi indikazzjoni konvinċenti li dik l-impriża għandha impatt sinifikanti fuq is-suq intern. Dan hu minnu wkoll meta impriża li tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma f’mill-inqas tliet Stati Membri jkollha kapitalizzazzjoni tas-suq sinifikanti ħafna jew valur ġust tas-suq ekwivalenti. Għaldaqstant, jenħtieġ li jkun preżunt li impriża li tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma għandha impatt sinifikanti fuq is-suq intern meta tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma f’mill-inqas tliet Stati Membri u meta jew il-fatturat tal-grupp tagħha realizzat fl-Unjoni jkun daqs jew jaqbeż limitu għoli speċifiku, jew meta l-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-grupp tkun daqs jew taqbeż ċertu valur assolut għoli. Fil-każ ta’ impriżi li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li jappartjenu għal impriżi li mhumiex elenkati pubblikament, jenħtieġ li l-valur ġust tas-suq ekwivalenti jintuża bħala r-referenza. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-Kummissjoni tuża s-setgħa tagħha li tadotta atti delegati biex tiżviluppa metodoloġija oġġettiva biex jiġi kkalkulat dak il-valur.

Fatturat għoli tal-grupp realizzat fl-Unjoni flimkien mal-limitu tal-utenti fl-Unjoni ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jirriflettu abbiltà relattivament b’saħħitha li dawk l-utenti jiġu monetizzati. Kapitalizzazzjoni tas-suq għolja relattiva għall-istess limitu tal-utenti fl-Unjoni tirrifletti potenzjal relattivament sinifikanti li dawk l-utenti jiġu monetizzati fil-futur qrib. Dan il-potenzjal ta’ monetizzazzjoni min-naħa tiegħu jirrifletti, fil-prinċipju, il-pożizzjoni ta’ gateway tal-impriżi kkonċernati. Barra minn hekk, iż-żewġ indikaturi jirriflettu l-kapaċità finanzjarja tal-impriżi kkonċernati, inkluż l-abbiltà tagħhom li jisfruttaw l-aċċess tagħhom għas-swieq finanzjarji biex isaħħu l-pożizzjoni tagħhom. Dan jista’, pereżempju, iseħħ meta dan l-aċċess superjuri jintuża biex jiġu akkwistati impriżi oħra, abbiltà li min-naħa tagħha ntweriet li tista’ tħalli effetti negattivi fuq l-innovazzjoni. Il-kapitalizzazzjoni tas-suq tista’ wkoll tirrifletti l-pożizzjoni u l-effett futuri mistennija tal-impriżi kkonċernati fuq is-suq intern, minkejja fatturat attwali li potenzjalment ikun relattivament baxx. Il-valur tal-kapitalizzazzjoni tas-suq jenħtieġ li jkun ibbażat fuq livell li jirrifletti l-kapitalizzazzjoni medja tas-suq tal-akbar impriżi elenkati pubblikament fl-Unjoni tul perjodu xieraq.

(18)

Filwaqt li kapitalizzazzjoni tas-suq li tkun daqs jew taqbeż il-limitu fl-aħħar sena finanzjarja jenħtieġ li tagħti lok għal preżunzjoni li impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandha impatt sinifikanti fuq is-suq intern, kapitalizzazzjoni tas-suq sostnuta tal-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tkun daqs jew taqbeż il-limitu għal tliet snin jew aktar jenħtieġ li titqies li tkompli ssaħħaħ dik il-preżunzjoni.

(19)

B’kuntrast ma’ dan, jista’ jkun hemm għadd ta’ fatturi li jikkonċernaw il-kapitalizzazzjoni tas-suq li jkunu jitolbu valutazzjoni fil-fond biex jiġi ddeterminat jekk impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jenħtieġx li titqies li għandha impatt sinifikanti fuq is-suq intern. Dan jista’ jkun il-każ meta l-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma fis-snin finanzjarji preċedenti kienet ferm aktar baxxa mil-limitu u l-volatilità tal-kapitalizzazzjoni tas-suq tagħha tul il-perjodu osservat kienet sproporzjonata mal-volatilità ġenerali tas-suq tal-ekwità, jew meta t-trajettorja tal-kapitalizzazzjoni tas-suq tagħha, meta mqabbla max-xejriet tas-suq, ma kinitx konsistenti ma’ tkabbir rapidu u unidirezzjonali.

(20)

Jekk ikun hemm għadd kbir ħafna ta’ utenti kummerċjali li jiddependu fuq servizz ewlieni ta’ pjattaforma biex jilħqu lil għadd kbir ħafna ta’ utenti finali attivi kull xahar, l-impriża li tipprovdi dak is-servizz tkun tista’ tinfluwenza l-operazzjonijiet ta’ parti sostanzjali tal-utenti kummerċjali għall-vantaġġ tagħha u dan jindika, fil-prinċipju, li dik l-impriża hija gateway importanti. Il-livelli rilevanti rispettivi għal dawk in-numri jenħtieġ li jiġu stabbiliti b’mod li jirrappreżentaw perċentwal sostantiv tal-popolazzjoni kollha tal-Unjoni fir-rigward tal-utenti finali u tal-popolazzjoni kollha tan-negozji li jużaw servizzi ewlenin ta’ pjattaformi biex jiddeterminaw il-limitu għall-utenti kummerċjali. L-utenti finali u l-utenti kummerċjali attivi jenħtieġ li jiġu identifikati u kkalkulati b’tali mod li jirrappreżentaw b’mod adegwat ir-rwol u l-firxa tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma speċifiku inkwistjoni. Sabiex tiġi pprovduta ċertezza legali għall-gwardjani, jenħtieġ li l-elementi li jiddeterminaw l-għadd ta’ utenti finali u utenti kummerċjali attivi għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma jiġu stipulati f’Anness għal dan ir-Regolament. Dawn l-elementi jistgħu jiġu affettwati minn żviluppi teknoloġiċi u żviluppi oħrajn. Jenħtieġ għalhekk li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati biex temenda dan ir-Regolament billi taġġorna l-metodoloġija u l-lista ta’ indikaturi użati biex jiġi ddeterminat l-għadd ta’ utenti finali attivi u utenti kummerċjali attivi.

(21)

Pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tagħha jew il-prevedibbiltà li fil-futur titgawda din il-pożizzjoni sseħħ b’mod partikolari meta l-kontestabbiltà tal-pożizzjoni tal-impriża li tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma tkun limitata. Dan aktarx iseħħ meta dik l-impriża tkun ipprovdiet servizz ewlieni ta’ pjattaforma f’mill-inqas tliet Stati Membri lil għadd kbir ħafna ta’ utenti kummerċjali u utenti finali fuq perjodu ta’ mill-inqas 3 snin.

(22)

Dawn il-limiti jistgħu jiġu affettwati minn żviluppi tas-suq u dawk tekniċi. Għalhekk jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati biex tispeċifika l-metodoloġija li tiddetermina jekk intlaħqux il-limiti kwantitattivi, u biex taġġustaha regolarment skont l-iżviluppi tas-suq u dawk teknoloġiċi, fejn ikun meħtieġ. Jenħtieġ li dawn l-atti delegati ma jemendawx il-limiti kwantitattivi stipulati f’dan ir-Regolament.

(23)

Impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jenħtieġ li tkun tista’, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, tirribatti l-preżunzjoni li l-impriża jkollha impatt sinifikanti fuq is-suq intern billi turi li, minkejja li tosserva l-limiti kwantitattivi stipulati f’dan ir-Regolament, hija ma tissodisfax ir-rekwiżiti għad-deżinjazzjoni ta’ gwardjan. Jenħtieġ li l-oneru tal-evidenza li l-preżunzjoni li tirriżulta mill-osservanza tal-limiti kwantitattivi ma għandhiex tapplika jaqa’ fuq dik l-impriża. Fil-valutazzjoni tagħha tal-evidenza u l-argumenti ppreżentati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis biss dawk l-elementi li huma relatati direttament mal-kriterji kwantitattivi, jiġifieri l-impatt tal-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma fuq is-suq intern lil hinn mid-dħul jew mill-kapitalizzazzjoni tas-suq, bħad-daqs tagħha f’termini assoluti, u l-għadd ta’ Stati Membri li fihom tkun preżenti; b’kemm l-għadd reali tal-utenti kummerċjali u l-utenti finali jaqbeż il-limiti u l-importanza tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma tal-impriża, meta titqies l-iskala kumplessiva tal-attivitajiet tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rispettiv; u l-għadd ta’ snin li għalihom ikunu ġew osservati l-limiti.

Kwalunkwe ġustifikazzjoni għal raġunijiet ekonomiċi abbażi tad-definizzjoni tas-swieq jew turi effiċjenzi li jirriżultaw minn tip speċifiku ta’ mġiba mill-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jenħtieġ li titwarrab, għaliex mhijiex rilevanti għad-deżinjazzjoni ta’ gwardjan. Jekk l-argumenti li jitressqu ma jkunux sostanzjati biżżejjed għaliex ma jqajmux dubji manifestament dwar il-preżunzjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Kummissjoni tiċħad l-argumenti fil-limitu ta’ żmien ta’ 45 jum tax-xogħol ipprovduti għad-deżinjazzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tieħu deċiżjoni billi tibbaża fuq l-informazzjoni disponibbli dwar il-limiti kwantitattivi meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tfixkel l-investigazzjoni billi ma tikkonformax mal-miżuri investigattivi li tieħu l-Kummissjoni.

(24)

Jenħtieġ li tkun prevista wkoll il-valutazzjoni tar-rwol ta’ gwardjan ta’ impriżi li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li ma josservawx il-limiti kwantitattivi kollha, fid-dawl tar-rekwiżiti oġġettivi ġenerali li dawn ikollhom impatt sinifikanti fuq is-suq intern, jaġixxu bħala gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali u jibbenefikaw minn pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tagħhom jew ikun prevedibbli li ser jagħmlu dan fil-futur qrib. Meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tkun intrapriża ta’ daqs medju, żgħira jew mikro, jenħtieġ li l-valutazzjoni tqis bir-reqqa jekk din l-impriża tkunx tista’ timmina b’mod sostanzjali l-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, peress li dan ir-Regolament primarjament huwa mmirat lejn impriżi kbar b’saħħa ekonomika konsiderevoli minflok intrapriżi ta’ daqs medju, żgħar jew mikro.

(25)

Valutazzjoni bħal din tista’ ssir biss fid-dawl ta’ investigazzjoni tas-suq, filwaqt li jitqiesu l-limiti kwantitattivi. Fil-valutazzjoni tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni ssegwi l-objettivi li tippreserva u trawwem l-innovazzjoni u l-kwalità tal-prodotti u s-servizzi diġitali, il-grad sa fejn il-prezzijiet huma ġusti u kompetittivi, u l-grad sa fejn il-kwalità jew l-għażla għall-utenti kummerċjali u għall-utenti finali hija tajba jew għadha tajba. Jistgħu jitqiesu elementi li huma speċifiċi għall-impriżi li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma kkonċernati, bħall-ekonomiji ta’ skala jew ta’ firxa estremi, l-effetti qawwija ħafna tan-network, il-vantaġġi xprunati mid-data, l-abbiltà li jikkollegaw ħafna utenti kummerċjali ma’ ħafna utenti finali permezz tad-diversi naħat li għandhom dawk is-servizzi, l-effetti ta’ intrappolament tal-klijentela, in-nuqqas ta’ multi-homing, l-istruttura korporattiva f’konglomerat jew l-integrazzjoni vertikali. Barra minn hekk, kapitalizzazzjoni tas-suq għolja ħafna, proporzjon għoli ħafna tal-valur tal-ekwità fuq il-profitt jew fatturat għoli ħafna li ġej mill-utenti finali ta’ servizz ewlieni wieħed ta’ pjattaforma jistgħu jintużaw bħala indikaturi tal-potenzjal ta’ ingranaġġ ta’ dawn l-impriżi u tal-iżbilanċ tas-suq favur tagħhom. Flimkien mal-kapitalizzazzjoni tas-suq, rati relattivi ta’ tkabbir għoljin huma eżempji ta’ parametri dinamiċi li huma partikolarment rilevanti biex jiġu identifikati dawn l-impriżi li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li għalihom ikun prevedibbli li ser isiru stabbiliti u dejjiema. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tieħu deċiżjoni billi tislet inferenzi avversi mill-fatti disponibbli meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni billi ma tikkonformax mal-miżuri investigattivi li tieħu l-Kummissjoni.

(26)

Jenħtieġ li jkun hemm subsett partikolari tar-regoli li japplika għal dawk l-impriżi li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li għalihom ikun prevedibbli li fil-futur qrib ser igawdu pożizzjoni stabbilita u dejjiema. L-istess karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jagħmluhom suxxettibbli għal żbilanċ: ladarba impriża li tipprovdi s-servizz ewlieni ta’ pjattaforma tkun kisbet ċertu vantaġġ fuq ir-rivali jew sfidanti potenzjali f’termini ta’ skala jew saħħa ta’ intermedjazzjoni, il-pożizzjoni tagħha tista’ ssir inattakkabbli u s-sitwazzjoni tista’ tevolvi sal-punt li aktarx issir stabbilita u dejjiema fil-futur qrib. L-impriżi jistgħu jippruvaw jinduċu dan l-iżbilanċ u joħorġu bħala gwardjani billi jużaw uħud mill-kondizzjonijiet u l-prattiki inġusti regolati skont dan ir-Regolament. F’sitwazzjoni bħal din, jidher li huwa xieraq li jsir intervent qabel ma s-suq jiżbilanċja b’mod irriversibbli.

(27)

Madankollu, dan l-intervent bikri jenħtieġ li jkun limitat għall-impożizzjoni biss ta’ dawk l-obbligi li jkunu meħtieġa u xierqa biex jiżguraw li s-servizzi inkwistjoni jibqgħu kontestabbli u jippermettu li jiġi evitat ir-riskju kwalifikat ta’ kondizzjonijiet u prattiki inġusti. L-obbligi li jipprevjenu lill-impriża kkonċernata li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma milli tgawdi minn pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tagħha, bħal dawk li jipprevjenu l-ingranaġġ u dawk li jiffaċilitaw il-qlib u l-multi-homing huma mmirati b’mod aktar dirett lejn dan il-għan. Barra minn hekk, biex tiġi żgurata l-proporzjonalità, minn dak is-subsett ta’ obbligi jenħtieġ li l-Kummissjoni tapplika biss dawk li huma meħtieġa u proporzjonati biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u jenħtieġ li twettaq rieżami regolari biex tara jekk dawk l-obbligi għandhomx jinżammu, jitneħħew jew jiġu adattati.

(28)

L-applikazzjoni biss ta’ dawk l-obbligi li huma meħtieġa u proporzjonati biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tippermetti lill-Kummissjoni tintervjeni fil-ħin u b’mod effettiv, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-proporzjonalità tal-miżuri kkunsidrati. Dan għandu wkoll iserraħ ras il-parteċipanti attwali jew potenzjali fis-suq rigward il-kontestabbiltà u l-korrettezza tas-servizzi kkonċernati.

(29)

Il-gwardjani jenħtieġ li jikkonformaw mal-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament fejn jidħol kull wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni rilevanti. L-obbligi jenħtieġ li jiġu applikati filwaqt li titqies il-pożizzjoni ta’ konglomerat tal-gwardjani, fejn ikun applikabbli. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Kummissjoni timponi miżuri ta’ implimentazzjoni fuq il-gwardjan permezz ta’ deċiżjoni. Dawk il-miżuri ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li jitfasslu b’mod effettiv, billi jitqiesu l-karatteristiċi tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma u r-riskji possibbli ta’ ċirkomvenzjoni, u f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali tal-impriżi kkonċernati, kif ukoll dawk tal-partijiet terzi.

(30)

In-natura teknoloġika kumplessa u li tinbidel malajr ħafna tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma teħtieġ rieżami regolari tal-istatus tal-gwardjani, inkluż ta’ dawk li huwa previst li fil-futur qrib ser igawdu minn pożizzjoni stabbilità u dejjiema fl-operazzjonijiet tagħhom. Biex il-parteċipanti kollha fis-suq, inkluż il-gwardjani, jingħataw iċ-ċertezza meħtieġa fir-rigward tal-obbligi legali applikabbli, hemm bżonn limitu ta’ żmien għal dawn ir-rieżamijiet regolari. Huwa importanti li dawn ir-rieżamijiet isiru wkoll b’mod regolari u mill-inqas kull 3 snin. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi ċċarat li mhux kull bidla fil-fatti li abbażi tagħhom impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tkun ġiet iddeżinjata bħala gwardjan għandha teħtieġ emenda fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni. L-emenda ser tkun meħtieġa biss jekk il-bidla fil-fatti twassal ukoll għal bidla fil-valutazzjoni. Jenħtieġ li jiġi vvalutat jekk dan ikunx il-każ abbażi ta’ valutazzjoni każ b’każ tal-fatti u taċ-ċirkostanzi.

(31)

Sabiex jiġu ssalvagwardjati l-kontestabbiltà u l-korrettezza tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma pprovduti mill-gwardjani, jeħtieġ jiġi previst b’mod ċar u mhux ambigwu sett ta’ regoli armonizzati fir-rigward ta’ dawk is-servizzi. Dawn ir-regoli huma meħtieġa biex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ effetti dannużi ta’ prattiki mill-gwardjani, għall-benefiċċju tal-ambjent kummerċjali fis-servizzi kkonċernati, tal-utenti, u fl-aħħar mill-aħħar tas-soċjetà kollha kemm hi. L-obbligi jikkorrispondu għal dawk il-prattiki li jitqiesu li jimminaw il-kontestabbiltà jew li huma inġusti, jew it-tnejn li huma, meta jitqiesu l-karatteristiċi tas-settur diġitali u li għandhom impatt dirett partikolarment negattiv fuq l-utenti kummerċjali u l-utenti finali. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament jqisu b’mod speċifiku n-natura tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma pprovduti. Jenħtieġ li l-obbligi f’dan ir-Regolament mhux biss jiżguraw il-kontestabbiltà u l-korrettezza fir-rigward tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni, iżda wkoll fir-rigward ta’ prodotti u servizzi diġitali oħra li fihom il-gwardjani jisfruttaw il-pożizzjoni ta’ gateway tagħhom, li spiss jiġu pprovduti flimkien mas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew b’appoġġ għalihom.

(32)

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-kontestabbiltà tkun relatata mal-abbiltà tal-impriżi li jegħlbu b’mod effettiv l-ostakli għad-dħul u għall-espansjoni u li jisfidaw lill-gwardjan fuq il-merti tal-prodotti u s-servizzi tagħhom. Il-karatteristiċi tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma fis-settur diġitali, bħall-effetti tan-network, l-ekonomiji ta’ skala b’saħħithom, u l-benefiċċji mid-data llimitaw il-kontestabbiltà ta’ dawk is-servizzi u l-ekosistemi relatati. Kontestabbiltà dgħajfa bħal din tnaqqas l-inċentivi għall-innovazzjoni u t-titjib tal-prodotti u s-servizzi għall-gwardjan, l-utenti kummerċjali tiegħu, l-isfidanti u l-klijenti tiegħu u b’hekk taffettwa b’mod negattiv il-potenzjal tal-innovazzjoni tal-ekonomija usa’ tal-pjattaformi online. Il-kontestabbiltà tas-servizzi fis-settur diġitali tista’ tkun limitata wkoll jekk ikun hemm aktar minn gwardjan wieħed għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprojbixxi ċerti prattiki mill-gwardjani li jistgħu jżidu l-ostakli għad-dħul jew għall-espansjoni, u jimponi ċerti obbligi fuq il-gwardjani li għandhom it-tendenza li jnaqqsu dawk l-ostakli. Jenħtieġ li l-obbligi jindirizzaw ukoll sitwazzjonijiet fejn il-pożizzjoni tal-gwardjan tista’ tiġi stabbilita sa tali punt li l-kompetizzjoni bejn il-pjattaformi ma tkunx effettiva fi żmien qasir, li jfisser li l-kompetizzjoni bejn il-pjattaformi jeħtieġ li tinħoloq jew tiżdied.

(33)

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li n-nuqqas ta’ korrettezza jkun relatat ma’ żbilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-utenti kummerċjali meta l-gwardjan jikseb vantaġġ sproporzjonat. Jenħtieġ li l-parteċipanti fis-suq, inkluż l-utenti kummerċjali ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma u fornituri alternattivi ta’ servizzi pprovduti flimkien ma’ dawn is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew b’appoġġ għalihom, ikollhom l-abbiltà li jiksbu b’mod adegwat il-benefiċċji li jirriżultaw mill-isforzi innovattivi jew sforzi oħra tagħhom. Minħabba l-pożizzjoni ta’ gateway u s-saħħa tan-negozjar superjuri tagħhom, huwa possibbli li l-gwardjani jġibu ruħhom b’mod li ma jippermettix lil oħrajn jiksbu bis-sħiħ il-benefiċċji tal-kontributi tagħhom stess, u jistabbilixxu b’mod unilaterali kondizzjonijiet żbilanċjati għall-użu tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tagħhom jew tas-servizzi pprovduti flimkien mas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tagħhom jew b’appoġġ għalihom. Dan l-iżbilanċ mhuwiex eskluż mill-fatt li l-gwardjan joffri servizz partikolari mingħajr ħlas lil grupp speċifiku ta’ utenti, u jista’ jikkonsisti wkoll fl-esklużjoni tal-utenti kummerċjali jew fid-diskriminazzjoni kontrihom, b’mod partikolari jekk dawn tal-aħħar jikkompetu mas-servizzi pprovduti mill-gwardjan. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jimponi obbligi fuq il-gwardjani li jindirizzaw din l-imġiba.

(34)

Il-kontestabbiltà u l-korrettezza huma marbutin flimkien. In-nuqqas ta’ kontestabbiltà jew kontestabbiltà dgħajfa għal ċertu servizz jistgħu jippermettu lil gwardjan jieħu sehem fi prattiki inġusti. Bl-istess mod, prattiki inġusti minn gwardjan jistgħu jnaqqsu l-possibbiltà li l-utenti kummerċjali jew utenti oħra jikkontestaw il-pożizzjoni tal-gwardjan. Għalhekk, obbligu partikolari f’dan ir-Regolament jista’ jindirizza ż-żewġ elementi.

(35)

L-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament huma għalhekk meħtieġa biex jindirizzaw tħassib identifikat dwar l-ordni pubbliku, meta ma jkun hemm l-ebda miżura alternattiva u inqas restrittiva li effettivament tikseb l-istess riżultat, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġi salvagwardjat l-ordni pubbliku, titħares il-privatezza u jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali frawdolenti u qarrieqa.

(36)

Il-gwardjani spiss jiġbru direttament data personali tal-utenti finali għall-fini li jipprovdu servizzi ta’ reklamar online meta l-utenti finali jużaw siti web u applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi. Il-partijiet terzi jipprovdu wkoll lill-gwardjani bid-data personali tal-utenti finali tagħhom sabiex jagħmlu użu minn ċerti servizzi pprovduti mill-gwardjani fil-kuntest tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tagħhom, bħal udjenzi personalizzati. L-ipproċessar, għall-fini tal-forniment ta’ servizzi ta’ reklamar online, ta’ data personali minn partijiet terzi li jużaw servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jagħti lill-gwardjani vantaġġi potenzjali f’termini ta’ akkumulazzjoni tad-data, u b’hekk jiżdiedu l-ostakli għad-dħul. Dan għaliex il-gwardjani jipproċessaw data personali minn għadd ferm akbar ta’ partijiet terzi minn impriżi oħra. Vantaġġi simili jirriżultaw (i) mill-kombinament ta’ data personali ta’ utenti finali miġbura minn servizz ewlieni ta’ pjattaforma ma’ data miġbura minn servizzi oħra, (ii) mill-użu inkroċjat ta’ data personali minn servizz ewlieni ta’ pjattaforma f’servizzi oħra pprovduti separatament mill-gwardjan, b’mod partikolari servizzi li mhumiex ipprovduti flimkien mas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti jew b’appoġġ għalih, u viċe versa, jew (iii) mill-aċċess b’reġistrazzjoni tal-utenti finali ma’ servizzi differenti tal-gwardjani sabiex tiġi kkombinata data personali. Sabiex jiġi żgurat li l-gwardjani ma jimminawx b’mod inġust il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, jenħtieġ li l-gwardjani jippermettu lill-utenti finali tagħhom li jagħżlu liberament li jipparteċipaw f’dawn il-prattiki ta’ pproċessar tad-data u aċċess b’reġistrazzjoni billi joffru alternattiva inqas personalizzata iżda ekwivalenti, u mingħajr ma jagħmlu użu mis-servizz ewlieni ta’ pjattaforma jew ċerti funzjonalitajiet tiegħu kondizzjonali fuq il-kunsens tal-utent finali. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li gwardjan li jipproċessa data personali jew li jagħti aċċess b’reġistrazzjoni lil utenti finali għal servizz, filwaqt li jibbaża fuq il-bażi legali skont l-Artikolu 6(1), il-punti (c), (d) u (e), tar-Regolament (UE) 2016/679, iżda mhux fuq l-Artikolu 6(1), il-punti (b) u (f) ta’ dak ir-Regolament.

(37)

L-alternattiva inqas personalizzata jenħtieġ li ma tkunx differenti jew ta’ kwalità degradata meta mqabbla mas-servizz ipprovdut lill-utenti finali li jipprovdu l-kunsens, sakemm degradazzjoni fil-kwalità ma tkunx konsegwenza diretta tal-fatt li l-gwardjan ma jkunx jista’ jipproċessa din id-data personali jew jagħti aċċess b’reġistrazzjoni lil utenti finali għal servizz. Jenħtieġ li ma jkunx aktar diffiċli biex jingħata l-kunsens milli biex ma jingħatax. Meta l-gwardjan jitlob il-kunsens, jenħtieġ li jippreżenta b’mod proattiv soluzzjoni faċli għall-utent finali biex jipprovdi, jimmodifika jew jirtira l-kunsens b’mod espliċitu, ċar u sempliċi. B’mod partikolari, il-kunsens jenħtieġ li jingħata permezz ta’ azzjoni jew dikjarazzjoni affermattiva ċara li tistabbilixxi indikazzjoni mogħtija liberament, speċifika, infurmata u mhux ambigwa ta’ qbil mill-utent finali, kif definit fir-Regolament (UE) 2016/679. Fil-mument tal-għoti tal-kunsens, u fejn ikun applikabbli biss, l-utent finali jenħtieġ li jiġi infurmat li jekk ma jagħtix il-kunsens, dan jista’ jwassal għal offerta inqas personalizzata, iżda li mill-bqija s-servizz ewlieni ta’ pjattaforma mhux ser jinbidel u l-ebda funzjoni mhi ser titrażżan. F’każijiet eċċezzjonali, jekk il-kunsens ma jkunx jista’ jingħata direttament lis-servizz ewlieni ta’ pjattaforma tal-gwardjan, l-utenti finali jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħtu l-kunsens permezz ta’ kull servizz ta’ parti terza li jagħmel użu minn dak is-servizz ewlieni ta’ pjattaforma, biex il-gwardjan ikun jista’ jipproċessa data personali għall-finijiet tal-forniment ta’ servizzi ta’ reklamar online.

Fl-aħħar nett, jenħtieġ li jkun faċli li l-kunsens jiġi rtirat daqskemm ikun faċli li dan jingħata. Jenħtieġ li l-gwardjani ma jfasslux, ma jorganizzawx jew ma joperawx l-interfaċċi online tagħhom b’mod li jqarraq, jimmanipula jew b’xi mod ieħor joħloq distorsjoni materjali jew ixekkel l-abbiltà tal-utenti finali li jagħtu l-kunsens tagħhom b’mod liberu. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-gwardjani ma jitħallewx iħeġġu lill-utenti finali aktar minn darba fis-sena biex jagħtu l-kunsens għall-istess skop ta’ pproċessar li għalih inizjalment ma jkunux taw il-kunsens tagħhom jew li jkunu rtiraw il-kunsens tagħhom. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679, inkluż il-qafas ta’ infurzar tiegħu, li jibqa’ applikabbli b’mod sħiħ fir-rigward ta’ kwalunkwe pretensjoni mis-suġġetti tad-data relatata ma’ ksur tad-drittijiet tagħhom skont dak ir-Regolament.

(38)

It-tfal jistħoqqilhom protezzjoni speċifika fir-rigward tad-data personali tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu tad-data personali tagħhom għall-finijiet ta’ komunikazzjoni kummerċjali jew għall-ħolqien ta’ profili tal-utenti. Il-protezzjoni tat-tfal online hija objettiv importanti tal-Unjoni u jenħtieġ li tiġi riflessa fil-liġi rilevanti tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li jitqies b’mod debitu Regolament dwar suq intern għas-servizzi diġitali. Ma hemm xejn f’dan ir-Regolament li jeżenta lill-gwardjani mill-obbligu li jipproteġu lit-tfal stipulat fil-liġi applikabbli tal-Unjoni.

(39)

F’ċerti każijiet, pereżempju permezz tal-impożizzjoni ta’ termini u kondizzjonijiet kuntrattwali, il-gwardjani jistgħu jillimitaw l-abbiltà tal-utenti kummerċjali tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online tagħhom li joffru prodotti jew servizzi lil utenti finali b’kondizzjonijiet aktar favorevoli, inkluż il-prezz, permezz ta’ servizzi oħra ta’ intermedjazzjoni online jew permezz ta’ mezzi ta’ bejgħ online dirett. Meta dawn ir-restrizzjonijiet ikunu relatati ma’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online ta’ partijiet terzi, dawn jillimitaw il-kontestabbiltà bejn il-pjattaformi, li bħala riżultat tillimita l-għażla ta’ servizzi alternattivi ta’ intermedjazzjoni online għall-utenti finali. Meta dawn ir-restrizzjonijiet ikunu relatati ma’ mezzi ta’ bejgħ online dirett, dawn jillimitaw b’mod inġust il-libertà tal-utenti kummerċjali li jużaw dawn il-mezzi. Biex jiġi żgurat li l-utenti kummerċjali tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online tal-gwardjani jkunu jistgħu jagħżlu liberament servizzi alternattivi ta’ intermedjazzjoni online jew mezzi ta’ bejgħ online dirett u jiddifferenzjaw il-kondizzjonijiet li bihom joffru l-prodotti jew is-servizzi tagħhom lill-utenti finali, jenħtieġ li ma jkunx aċċettabbli li l-gwardjani jillimitaw lill-utenti kummerċjali milli jagħżlu li jiddifferenzjaw il-kondizzjonijiet kummerċjali, inkluż il-prezz. Jenħtieġ li din ir-restrizzjoni tapplika għal kwalunkwe miżura b’effett ekwivalenti, bħal żieda fir-rati tal-kummissjoni jew it-tneħħija tal-offerti tal-utenti kummerċjali mil-lista.

(40)

Biex jiġi evitat li tissaħħaħ aktar id-dipendenza tagħhom fuq is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjani, u sabiex jiġi promoss il-multi-homing, l-utenti kummerċjali ta’ dawk il-gwardjani jenħtieġ li jkunu ħielsa li jippromwovu u jagħżlu l-mezz ta’ distribuzzjoni li huma jqisu l-aktar xieraq għall-fini li jinteraġixxu ma’ kwalunkwe utent finali li dawk l-utenti kummerċjali jkunu diġà kisbu permezz tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma pprovduti mill-gwardjan jew permezz ta’ mezzi oħra. Dan jenħtieġ li japplika għall-promozzjoni tal-offerti, inkluż permezz ta’ applikazzjoni tas-software tal-utent kummerċjali, u għal kwalunkwe forma ta’ komunikazzjoni u konklużjoni ta’ kuntratti bejn l-utenti kummerċjali u l-utenti finali. Utent finali akkwistat huwa utent finali li jkun diġà daħal f’relazzjoni kummerċjali mal-utent kummerċjali u, fejn ikun applikabbli, il-gwardjan ikun ġie remunerat direttament jew indirettament mill-utent kummerċjali talli jkun iffaċilita l-akkwiżizzjoni inizjali tal-utent finali mill-utent kummerċjali. Relazzjonijiet kummerċjali bħal dawn jistgħu jkunu jew fuq bażi bi ħlas jew bla ħlas, pereżempju provi bla ħlas jew livelli ta’ servizz bla ħlas, u jistgħu jkunu saru jew fuq is-servizz ewlieni ta’ pjattaforma tal-gwardjan jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor. Min-naħa l-oħra, l-utenti finali jenħtieġ li jkunu liberi wkoll li jagħżlu l-offerti ta’ dawn l-utenti kummerċjali u li jidħlu f’kuntratti magħhom permezz tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan, jekk ikun applikabbli, jew minn mezz dirett ta’ distribuzzjoni tal-utent kummerċjali jew mezz indirett ieħor li juża dan l-utent kummerċjali.

(41)

Jenħtieġ li l-abbiltà tal-utenti finali li jakkwistaw kontenut, abbonamenti, karatteristiċi jew oġġetti oħra barra mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan ma tiddgħajjifx jew ma tiġix ristretta. B’mod partikolari, jenħtieġ li tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-gwardjani jillimitaw lill-utenti finali milli jaċċessaw jew jużaw dawn is-servizzi permezz ta’ applikazzjoni tas-software li topera fuq is-servizz ewlieni ta’ pjattaforma tagħhom. Pereżempju, jenħtieġ li l-abbonati għal kontenut online li jinxtara barra minn applikazzjoni tas-software, ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software jew assistent virtwali ma jitwaqqfux milli jaċċessaw dan il-kontenut online fuq applikazzjoni tas-software fuq is-servizz ewlieni ta’ pjattaforma tal-gwardjan sempliċiment għax ikun inxtara barra minn tali applikazzjoni tas-software, ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software jew assistent virtwali.

(42)

Biex ikun żgurat ambjent kummerċjali ġust u titħares il-kontestabbiltà tas-settur diġitali, huwa importanti li jiġi salvagwardjat id-dritt tal-utenti kummerċjali u l-utenti finali, inkluż l-informaturi, li jqajmu tħassib dwar prattiki inġusti minn gwardjani u jirrappurtaw kwalunkwe kwistjoni ta’ nonkonformità mal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali rilevanti ma’ kwalunkwe awtorità amministrattiva jew awtorità pubblika oħra rilevanti, inkluż il-qrati nazzjonali. Pereżempju, huwa possibbli li l-utenti kummerċjali jew l-utenti finali ser ikunu jridu jilmentaw dwar tipi differenti ta’ prattiki inġusti, bħal kondizzjonijiet ta’ aċċess diskriminatorji, għeluq mhux ġustifikat ta’ kontijiet tal-utenti kummerċjali jew raġunijiet mhux ċari għat-tneħħija ta’ prodott mil-lista. Għalhekk jenħtieġ li tiġi pprojbita kwalunkwe prattika li b’xi mod timpedixxi jew tostakola lil dawk l-utenti milli jqajmu t-tħassib tagħhom jew ifittxu rimedju disponibbli, pereżempju bi klawżoli ta’ kunfidenzjalità fi ftehimiet jew termini oħra bil-miktub. Din il-projbizzjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-utenti kummerċjali u tal-gwardjani li jistipulaw it-termini tal-użu fil-ftehimiet tagħhom, inkluż l-użu ta’ mekkaniżmi legali għall-immaniġġjar tal-ilmenti, inkluż kwalunkwe użu ta’ mekkaniżmi alternattivi ta’ soluzzjoni għat-tilwim jew tal-ġuriżdizzjoni ta’ qrati speċifiċi f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali rispettiva. Dan jenħtieġ li jkun ukoll mingħajr preġudizzju għar-rwol li jaqdu l-gwardjani fil-ġlieda kontra l-kontenut illegali online.

(43)

Ċerti servizzi pprovduti flimkien ma’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti tal-gwardjan jew b’appoġġ għalihom, bħal servizzi ta’ identifikazzjoni, magni tal-web browser, servizzi ta’ pagament jew servizzi tekniċi li jappoġġaw il-forniment ta’ servizzi ta’ pagament, bħal sistemi ta’ pagament għal xiri fl-applikazzjoni stess, huma kruċjali għall-utenti kummerċjali biex iwettqu n-negozju tagħhom u jippermettulhom jottimizzaw is-servizzi. B’mod partikolari, kull browser huwa mibni fuq magna tal-web browser li hija responsabbli għall-funzjonalità essenzjali tal-browser bħall-veloċità, l-affidabbiltà u l-kompatibbiltà mal-web. Meta l-gwardjani joperaw u jimponu magni tal-web browser, dawn ikunu f’pożizzjoni li jiddeterminaw il-funzjonalità u l-istandards li ser japplikaw mhux biss għall-web browsers tagħhom stess, iżda wkoll għal web browsers kompetituri u, bħala riżultat, għal applikazzjonijiet tas-software tal-internet. Għalhekk, jenħtieġ li l-gwardjani ma jużawx il-pożizzjoni tagħhom biex jirrikjedu lill-utenti kummerċjali dipendenti tagħhom jużaw kwalunkwe servizz ipprovdut flimkien mas-servizzi ewlienin ta’ pjattaforma jew b’appoġġ għalihom mill-gwardjan innifsu bħala parti mill-forniment ta’ servizzi jew prodotti minn dawk l-utenti kummerċjali. Sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha l-gwardjani jimponu indirettament fuq l-utenti kummerċjali s-servizzi tagħhom stess ipprovduti flimkien ma’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew b’appoġġ għalihom, il-gwardjani jenħtieġ li jkunu pprojbiti wkoll milli jirrikjedu lill-utenti finali jużaw dawn is-servizzi, meta dak ir-rekwiżit jiġi impost fil-kuntest tas-servizz ipprovdut lill-utenti finali mill-utent kummerċjali li juża s-servizz ewlieni ta’ pjattaforma tal-gwardjan. Dik il-projbizzjoni għandha l-għan li tħares il-libertà tal-utent kummerċjali li jagħżel servizzi alternattivi għal dawk tal-gwardjan, iżda jenħtieġ li ma tiġix interpretata bħala li tobbliga lill-utent kummerċjali joffri dawn l-alternattivi lill-utenti finali tiegħu.

(44)

L-imġiba li tirrikjedi lill-utenti kummerċjali jew l-utenti finali jabbonaw għal kwalunkwe servizz ewlieni ieħor tal-pjattaforma ta’ gwardjani elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni jew jirreġistraw miegħu jew li jilħqu l-limiti ta’ utenti finali attivi u utenti kummerċjali attivi stabbiliti f’dan ir-Regolament, bħala kondizzjoni biex jużaw, jaċċessaw, isiru membri jew jirreġistraw għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma tagħti lill-gwardjani mezz kif jaqbdu u jorbtu utenti kummerċjali u utenti finali ġodda għas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tagħhom billi jiżguraw li l-utenti kummerċjali ma jkunux jistgħu jaċċessaw servizz ewlieni ta’ pjattaforma wieħed mingħajr ma mill-inqas jirreġistraw jew joħolqu kont sabiex jirċievu t-tieni servizz ewlieni ta’ pjattaforma. Dik l-imġiba tagħti wkoll vantaġġ potenzjali lill-gwardjani f’termini ta’ akkumulazzjoni tad-data. Għaldaqstant, din l-imġiba tagħti lok biex jinħolqu ostakli għad-dħul u jenħtieġ li tiġi pprojbita.

(45)

Il-kondizzjonijiet li skonthom il-gwardjani jipprovdu servizzi ta’ reklamar online lill-utenti kummerċjali, inkluż lir-reklamaturi u lill-pubblikaturi, spiss ma jkunux trasparenti u ċari. Dan in-nuqqas ta’ trasparenza huwa parzjalment marbut mal-prattiki ta’ ftit pjattaformi, iżda huwa dovut ukoll għall-kumplessità enormi tar-reklamar programmatiku tal-lum. Dak is-settur huwa meqjus li sar inqas trasparenti wara l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida dwar il-privatezza. Dan spiss iwassal għal nuqqas ta’ informazzjoni u għarfien għar-reklamaturi u għall-pubblikaturi dwar il-kondizzjonijiet tas-servizzi ta’ reklamar online li jixtru u jimmina l-abbiltà tagħhom li jaqilbu bejn impriżi li jipprovdu servizzi ta’ reklamar online. Barra minn hekk, il-kostijiet tas-servizzi ta’ reklamar online skont dawn il-kondizzjonijiet aktarx ikunu akbar minn kemm ikunu f’ambjent ta’ pjattaforma aktar ġust, aktar trasparenti u kontestabbli. Dawk il-kostijiet akbar aktarx jiġu riflessi fil-prezzijiet li l-utenti finali jħallsu għal ħafna prodotti u servizzi ta’ kuljum li jiddependu fuq l-użu ta’ servizzi ta’ reklamar online. Għalhekk l-obbligi ta’ trasparenza jenħtieġ li jirrikjedu lill-gwardjani jagħtu informazzjoni mingħajr ħlas lir-reklamaturi u lill-pubblikaturi, li lilhom jipprovdu servizzi ta’ reklamar online, li permezz tagħha ż-żewġ naħat ikunu jistgħu jifhmu l-prezz imħallas għal kull wieħed mis-servizzi differenti ta’ reklamar online pprovduti bħala parti mill-katina tal-valur rilevanti ta’ reklamar, meta tintalab din l-informazzjoni.

Din l-informazzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta, fuq talba, lil reklamatur fil-livell ta’ reklam individwali fir-rigward tal-prezz u t-tariffi mitluba lil dak ir-reklamatur u, soġġett għal ftehim mill-pubblikatur li jkollu l-inventarju fejn jintwera r-reklam, ir-remunerazzjoni riċevuta minn dak il-pubblikatur li jkun ta l-kunsens tiegħu. L-għoti ta’ din l-informazzjoni kuljum jippermetti lir-reklamaturi jirċievu informazzjoni li għandha livell suffiċjenti ta’ granularità meħtieġ biex jitqabblu l-kostijiet tal-użu tas-servizzi ta’ reklamar online tal-gwardjani mal-kostijiet tal-użu tas-servizzi ta’ reklamar online ta’ impriżi alternattivi. Meta xi pubblikatur ma jagħtix il-kunsens tiegħu għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni rilevanti mar-reklamatur, il-gwardjan jenħtieġ li jipprovdi lir-reklamatur bl-informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni medja ta’ kuljum li jirċievu dawk il-pubblikaturi għar-reklami rilevanti. L-istess obbligu u prinċipji ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni rilevanti dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ reklamar online jenħtieġ li japplikaw fir-rigward ta’ talbiet mill-pubblikaturi. Peress li l-gwardjani jistgħu jużaw mudelli tal-ipprezzar differenti għall-forniment ta’ servizzi ta’ reklamar online lir-reklamaturi u lill-pubblikaturi, pereżempju prezz għal kull impressjoni, għal kull viżwalizzazzjoni jew kwalunkwe kriterju ieħor, il-gwardjani jenħtieġ li jipprovdu wkoll il-metodu li bih jiġu kkalkulati l-prezzijiet u r-remunerazzjonijiet kollha.

(46)

F’ċerti ċirkostanzi, gwardjan ikollu rwol doppju bħala impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, fejn jipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma, u possibbilment servizzi oħra pprovduti flimkien ma’ dak is-servizz ewlieni ta’ pjattaforma jew b’appoġġ għalih lill-utenti kummerċjali tiegħu, filwaqt li fl-istess ħin jikkompeti jew bi ħsiebu jikkompeti ma’ dawk l-istess utenti kummerċjali fil-proviżjoni tal-istess servizzi jew prodotti, jew oħrajn simili, lill-istess utenti finali. F’dawk iċ-ċirkostanzi, gwardjan jista’ jieħu vantaġġ mir-rwol doppju tiegħu biex juża d-data, ġenerata jew ipprovduta mill-utenti kummerċjali tiegħu fil-kuntest ta’ attivitajiet minn dawk l-utenti kummerċjali waqt l-użu tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew is-servizzi pprovduti flimkien ma’ dawk is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew b’appoġġ għalihom, għall-fini tas-servizzi jew il-prodotti tiegħu stess. Id-data tal-utent kummerċjali tista’ tinkludi wkoll kwalunkwe data ġenerata jew ipprovduta matul l-attivitajiet tal-utenti finali tiegħu. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, fejn gwardjan jipprovdi suq online jew ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software lill-utenti kummerċjali, u fl-istess ħin jipprovdi servizzi bħala impriża li tipprovdi servizzi online għall-konsumatur jew applikazzjonijiet tas-software. Biex jiġi evitat li l-gwardjani jibbenefikaw inġustament mir-rwol doppju tagħhom, jeħtieġ li jiġi żgurat li dawn ma jużaw l-ebda data aggregata jew mhux aggregata, li tista’ tinkludi data anonimizzata u personali li ma tkunx disponibbli pubblikament biex jipprovdu servizzi simili għal dawk tal-utenti kummerċjali tagħhom. Jenħtieġ li dak l-obbligu japplika għall-gwardjan bħala ħaġa waħda, inkluż iżda mhux limitat għall-unità kummerċjali tiegħu li tikkompeti mal-utenti kummerċjali ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma.

(47)

L-utenti kummerċjali jistgħu wkoll jixtru servizzi ta’ reklamar online mingħand impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma bil-għan li jipprovdu oġġetti u servizzi lill-utenti finali. F’dan il-każ, jista’ jiġri li d-data ma tiġix iġġenerata fuq is-servizz ewlieni ta’ pjattaforma iżda tiġi pprovduta lis-servizz ewlieni ta’ pjattaforma mill-utent kummerċjali jew tiġi ġenerata abbażi tal-operazzjonijiet tiegħu permezz tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma kkonċernat. F’ċerti każijiet, dak is-servizz ewlieni ta’ pjattaforma li jipprovdi reklamar jista’ jkollu rwol doppju kemm bħala impriża li tipprovdi servizzi ta’ reklamar online kif ukoll bħala impriża li tipprovdi servizzi li jikkompetu ma’ utenti kummerċjali. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-obbligu li jipprojbixxi lil gwardjan bi rwol doppju milli juża data tal-utenti kummerċjali japplika wkoll fir-rigward tad-data li servizz ewlieni ta’ pjattaforma jkun irċieva mingħand negozji bil-għan li jipprovdi servizzi ta’ reklamar online relatat ma’ dak is-servizz ewlieni ta’ pjattaforma.

(48)

Fir-rigward tas-servizzi ta’ cloud computing, jenħtieġ li l-obbligu li ma tintużax id-data ta’ utenti kummerċjali jestendi għal data pprovduta jew ġenerata minn utenti kummerċjali tal-gwardjan fil-kuntest tal-użu tagħhom tas-servizz ta’ cloud computing tal-gwardjan, jew permezz tal-ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software tiegħu li jagħti aċċess għal applikazzjonijiet tas-software lil utenti finali ta’ servizzi ta’ cloud computing. Jenħtieġ li dak l-obbligu ma jaffettwax id-dritt tal-gwardjan li juża data aggregata biex jipprovdi servizzi oħra pprovduti flimkien mas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma tagħhom jew b’appoġġ għalih, bħal servizzi ta’ analitika tad-data, soġġett għal konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE, u mal-obbligi rilevanti f’dan ir-Regolament dwar tali servizzi.

(49)

Gwardjan jista’ juża mezzi differenti biex jiffavorixxi s-servizzi jew il-prodotti tiegħu stess jew ta’ parti terza fuq is-sistema operattiva, l-assistent virtwali jew il-web browser tiegħu, għad-detriment tal-istess servizz jew ta’ servizzi simili li l-utenti finali jistgħu jiksbu permezz ta’ partijiet terzi oħra. Dan jista’ pereżempju jiġri meta ċerti applikazzjonijiet tas-software jew servizzi jiġu installati minn qabel minn gwardjan. Biex l-utenti finali jkunu jistgħu jagħżlu, jenħtieġ li l-gwardjani ma jżommux lill-utenti finali milli jneħħu kwalunkwe applikazzjoni tas-software installata fuq is-sistema operattiva tagħhom. Jenħtieġ li l-gwardjan ikun jista’ jirrestrinġi biss tali diżinstallazzjoni meta tali applikazzjonijiet tas-software jkunu essenzjali għall-funzjonament tas-sistema operattiva jew tal-apparat. Jenħtieġ li l-gwardjani jippermettu wkoll lill-utenti finali jibdlu faċilment is-settings prestabbiliti fuq is-sistema operattiva, l-assistent virtwali u l-web browser meta dawk is-settings prestabbiliti jiffavorixxu l-applikazzjonijiet tas-software u s-servizzi tagħhom stess. Dan jinkludi l-wiri ta’ skrin ta’ għażla, fil-mument tal-ewwel użu mill-utenti ta’ magna tat-tiftix online, assistent virtwali jew web browser tal-gwardjan elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni, li jagħmilha possibbli għall-utenti finali li jagħżlu servizz prestabbilit alternattiv meta s-sistema operattiva tal-gwardjan tidderieġi lill-utenti finali lejn dik il-magna tat-tiftix online, l-assistent virtwali jew il-web browser u meta l-assistent virtwali jew il-web browser tal-gwardjan jidderieġi lill-utent lejn il-magna tat-tiftix online elenkata fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni.

(50)

Ir-regoli li gwardjan jistabbilixxi għad-distribuzzjoni ta’ applikazzjonijiet tas-software jistgħu, f’ċerti ċirkostanzi, jirrestrinġu l-abbiltà tal-utenti finali li jinstallaw u jużaw b’mod effettiv applikazzjonijiet tas-software ta’ parti terza jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software fuq hardware jew sistemi operattivi ta’ dak il-gwardjan u jirrestrinġu l-abbiltà tal-utenti finali li jaċċessaw tali applikazzjonijiet tas-software jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software barra mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ta’ dak il-gwardjan. Dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jillimitaw l-abbiltà tal-iżviluppaturi ta’ applikazzjonijiet tas-software li jużaw mezzi alternattivi tad-distribuzzjoni u l-abbiltà tal-utenti finali li jagħżlu bejn applikazzjonijiet differenti tas-software minn mezzi differenti tad-distribuzzjoni u jenħtieġ li jiġu projbiti bħala inġusti u li jistgħu jdgħajfu l-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma.

Biex tiġi żgurata l-kontestabbiltà, jenħtieġ li l-gwardjan jippermetti wkoll li l-applikazzjonijiet tas-software jew il-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi jħeġġu lill-utent finali jiddeċiedi jekk dak is-servizz għandux isir dak prestabbilit u jagħmilha possibbli li dik il-bidla ssir faċilment. Biex jiġi żgurat li applikazzjonijiet tas-software jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi ma jipperikolawx l-integrità tal-hardware jew tas-sistema operattiva pprovduta mill-gwardjan, jenħtieġ li jkun possibbli għall-gwardjan ikkonċernat li jimplimenta miżuri tekniċi jew kuntrattwali proporzjonati biex jikseb dak il-għan jekk il-gwardjan juri li tali miżuri huma meħtieġa u ġustifikati u li ma hemm l-ebda mezz inqas restrittiv biex tiġi salvagwardata l-integrità tal-hardware jew tas-sistema operattiva. Jenħtieġ li l-integrità tal-hardware jew tas-sistema operattiva tinkludi kwalunkwe opzjoni ta’ disinn li jeħtieġ li tiġi implimentata u miżmuma sabiex il-hardware jew is-sistema operattiva tiġi protetta kontra aċċess mhux awtorizzat, billi jiġi żgurat li l-kontrolli tas-sigurtà speċifikati għall-hardware jew għas-sistema operattiva kkonċernati ma jkunux jistgħu jiġu kompromessi. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li applikazzjonijiet tas-software jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi ma jdgħajfux is-sigurtà tal-utenti finali, jenħtieġ li jkun possibbli għall-gwardjan li jimplimenta miżuri u settings strettament meħtieġa u proporzjonati, minbarra settings prestabbiliti, biex l-utenti finali jkunu jistgħu jipproteġu b’mod effettiv is-sigurtà fir-rigward ta’ applikazzjonijiet tas-software jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi jekk il-gwardjan juri li tali miżuri u settings huma strettament meħtieġa u ġustifikati u li ma hemm l-ebda mezz inqas restrittiv biex jintlaħaq dak il-għan. Jenħtieġ li l-gwardjan ma jitħalliex jimplimenta tali miżuri bħala setting prestabbilit jew bħala installazzjoni minn qabel.

(51)

Il-gwardjani spiss ikunu integrati vertikalment u joffru ċerti prodotti jew servizzi lill-utenti finali permezz tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tagħhom stess, jew permezz ta’ utent kummerċjali li jkollhom kontroll fuq u dan ta’ spiss iwassal għal kunflitti ta’ interess. Dan jista’ jinkludi s-sitwazzjoni meta gwardjan jipprovdi s-servizzi ta’ intermedjazzjoni online tiegħu stess permezz ta’ magna tat-tiftix online. Meta joffru dawk il-prodotti jew is-servizzi fuq is-servizz ewlieni ta’ pjattaforma, il-gwardjani jistgħu jirriżervaw pożizzjoni aħjar, f’termini ta’ klassifikazzjoni, u indiċjar u crawling relatati, għall-offerta tagħhom stess minn dik tal-prodotti jew is-servizzi ta’ partijiet terzi li joperaw ukoll fuq dak is-servizz ewlieni ta’ pjattaforma. Dan jista’ jseħħ pereżempju fil-każ ta’ prodotti jew servizzi, inkluż servizzi ewlenin oħra ta’ pjattaforma, li jkunu kklassifikati fir-riżultati kkomunikati mill-magni tat-tiftix online, jew li jkunu inkorporati parzjalment jew kompletament fir-riżultati ta’ magni tat-tiftix online, fi gruppi ta’ riżultati speċjalizzati f’ċertu suġġett, murija flimkien mar-riżultati ta’ magna tat-tiftix online, li jkunu kkunsidrati jew użati minn ċerti utenti finali bħala servizz distint mill-magna tat-tiftix online jew addizzjonali għaliha.

Eżempji oħra huma dawk ta’ applikazzjonijiet tas-software li jitqassmu permezz ta’ ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software, jew videos imqassma permezz ta’ pjattaforma ta’ video-sharing, jew prodotti jew servizzi li jingħataw prominenza u jintwerew fin-newsfeed ta’ servizz ta’ networking soċjali online, jew prodotti jew servizzi klassifikati fir-riżultati ta’ tiftix jew li jintwerew f’suq online, jew prodotti jew servizzi offruti permezz ta’ assistenti virtwali. Tali riżerva ta’ pożizzjoni aħjar tal-offerta tal-gwardjan stess tista’ sseħħ anki qabel il-klassifikazzjoni wara tfittxija, bħal waqt il-crawling u l-indiċjar. Pereżempju, il-gwardjan jista’ diġà jiffavorixxi l-kontenut tiegħu stess fuq dak ta’ partijiet terzi waqt il-crawling, bħala proċess ta’ skoperta li permezz tiegħu jkun qed jinstab kontenut ġdid u aġġornat, kif ukoll waqt l-indiċjar, li jinvolvi l-ħżin u l-organizzazzjoni tal-kontenut misjub matul il-proċess ta’ crawling. F’dawk iċ-ċirkostanzi, il-gwardjan ikun f’pożizzjoni bi rwol doppju bħala intermedjarju għal impriżi terzi u bħala impriża li tipprovdi direttament prodotti jew servizzi. Għaldaqstant, tali gwardjani għandhom l-abbiltà li jdgħafju direttament il-kontestabbiltà ta’ dawk il-prodotti jew is-servizzi fuq dawk is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, għad-detriment tal-utenti kummerċjali li mhumiex ikkontrollati mill-gwardjan.

(52)

F’sitwazzjonijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-gwardjan ma jkun involut fl-ebda forma ta’ trattament differenzjat jew preferenzjali fil-klassifikazzjoni fuq is-servizz ewlieni ta’ pjattaforma, u indiċjar u crawling relatati, sew jekk b’mezzi legali, kummerċjali jew tekniċi, favur prodotti jew servizzi li joffri hu stess jew permezz ta’ utent kummerċjali li jikkontrolla. Sabiex jiġi żgurat li dan l-obbligu jkun effettiv, jenħtieġ li l-kondizzjonijiet li japplikaw għal tali klassifikazzjoni jkunu wkoll ġeneralment ġusti u trasparenti. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-klassifikazzjoni tkopri kull forma ta’ prominenza relattiva, inkluż il-wiri, il-klassifikazzjoni, il-konnessjoni jew ir-riżultati tal-vuċi u jenħtieġ li tinkludi wkoll każijiet fejn servizz ewlieni ta’ pjattaforma jippreżenta jew jikkomunika riżultat wieħed biss lill-utent finali. Biex jiġi żgurat li dan l-obbligu jkun effettiv u ma jkunx jista’ jiġi evitat, jenħtieġ li dan l-obbligu japplika wkoll għal kwalunkwe miżura li għandha effett ekwivalenti għat-trattament differenzjat jew preferenzjali fil-klassifikazzjoni. Jenħtieġ li l-linji gwida adottati skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/1150 jiffaċilitaw ukoll l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dan l-obbligu.

(53)

Jenħtieġ li l-gwardjani ma jirrestrinġux jew jipprevjenu l-għażla libera tal-utenti finali billi teknikament jew b’mod ieħor jipprevjenu l-qlib bejn applikazzjonijiet tas-software u servizzi differenti, jew l-abbonament għalihom. Dan jagħmilha possibbli li aktar impriżi joffru s-servizzi tagħhom, u b’hekk fl-aħħar mill-aħħar tiġi pprovduta għażla akbar lill-utenti finali. Jenħtieġ li l-gwardjani jiżguraw għażla libera irrispettivament minn jekk ikunux il-manifattur ta’ kwalunkwe hardware li permezz tiegħu jiġu aċċessati applikazzjonijiet tas-software jew servizzi bħal dawn u jenħtieġ li ma joħolqux ostakli tekniċi artifiċjali jew ostakli oħra biex jagħmlu l-qlib impossibbli jew ineffettiv. Jenħtieġ li s-sempliċi offerta ta’ prodott jew servizz partikolari lill-konsumaturi, inkluż permezz ta’ installazzjoni minn qabel, kif ukoll permezz tat-titjib tal-offerta lill-utenti finali, bħal tnaqqis fil-prezzijiet jew kwalità aħjar, ma tinftiehemx bħala li tikkostitwixxi ostaklu projbit għall-qlib.

(54)

Il-gwardjani jistgħu jfixklu l-abbiltà tal-utenti finali li jaċċessaw kontenut u servizzi online, inkluż applikazzjonijiet tas-software. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-utenti finali ta’ aċċess għal internet miftuħ ma jiġux kompromessi mill-imġiba tal-gwardjani. Il-gwardjani jistgħu wkoll jillimitaw teknikament l-abbiltà tal-utenti finali li jaqilbu b’mod effettiv bejn impriżi differenti li jipprovdu servizz ta’ aċċess għall-internet, b’mod partikolari permezz tal-kontroll tagħhom fuq hardware jew sistemi operattivi. Dan ifixkel il-kondizzjonijiet ekwi għas-servizzi ta’ aċċess għall-internet u fl-aħħar mill-aħħar jagħmel ħsara lill-utenti finali. Jenħtieġ, għaldaqstant, li jiġi żgurat li l-gwardjani ma jirrestrinġux bla bżonn lill-utenti finali fl-għażla tal-impriża li tipprovdi s-servizzi ta’ aċċess għall-internet tagħhom.

(55)

Gwardjan jista’ jipprovdi servizzi jew hardware, bħal apparat li jista’ jintlibes, li jaċċessa karatteristiċi ta’ hardware jew software ta’ apparat aċċessat jew ikkontrollat permezz ta’ sistema operattiva jew assistent virtwali sabiex joffri funzjonalitajiet speċifiċi lill-utenti finali. F’dak il-każ, fornituri ta’ servizzi jew ta’ hardware kompetituri, bħall-fornituri ta’ apparat li jista’ jintlibes, jeħtieġu interoperabbiltà ugwalment effettiva mal-istess karatteristiċi ta’ hardware jew software, u aċċess għall-finijiet ta’ interoperabbiltà magħhom, biex ikunu jistgħu jipprovdu offerta kompetittiva lill-utenti finali.

(56)

Il-gwardjani jistgħu wkoll jaqdu rwol doppju bħala żviluppaturi ta’ sistemi operattivi u manifatturi ta’ apparat, inkluż kwalunkwe funzjonalità teknika li tali apparat jista’ jkollu. Pereżempju, gwardjan li jkun manifattur ta’ apparat jista’ jirrestrinġi l-aċċess għal uħud mill-funzjonalitajiet f’dak l-apparat, bħat-teknoloġija tal-komunikazzjoni b’kamp fil-qrib, elementi u proċessuri siguri, mekkaniżmi ta’ awtentikazzjoni u s-software użat biex jitħaddmu dawk it-teknoloġiji, li jistgħu jkunu meħtieġa għall-forniment effettiv ta’ servizz ipprovdut flimkien mas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma, jew b’appoġġ għalih, mill-gwardjan kif ukoll minn kwalunkwe impriża terza potenzjali li tipprovdi tali servizz.

(57)

Jekk rwoli doppji jintużaw b’mod li jipprevjeni lill-fornituri ta’ servizz u hardware alternattivi milli jkollhom aċċess b’kondizzjonijiet ugwali għall-istess sistema operattiva, karatterisitiċi ta’ hardware jew ta’ software li jkunu disponibbli jew użati mill-gwardjan fil-forniment tas-servizzi jew tal-hardware komplimentari jew ta’ appoġġ tiegħu stess, dan jista’ jdgħajjef b’mod sinifikanti l-innovazzjoni mit-tali fornituri alternattivi, kif ukoll l-għażla għall-utenti finali. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-gwardjani jkunu mitluba jiżguraw, mingħajr ħlas, interoperabbiltà effettiva mal-istess karatteristiċi tas-sistema operattiva, tal-hardware jew tas-software bħal dawk li huwa disponibbli jew użati fil-provvista tas-servizzi u l-hardware komplimentari u ta’ appoġġ tagħhom stess, kif ukoll aċċess, għall-finijiet ta’ interoperabbiltà, għal dawn il-karatteristiċi. Tali aċċess jista’ jkun meħtieġ bl-istess mod minn applikazzjonijiet ta’ software relatati mas-servizzi rilevanti pprovduti flimkien mas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma jew b’appoġġ għalih sabiex jiġu żviluppati u pprovduti b’mod effettiv funzjonalitajiet interoperabbli ma’ dawk ipprovduti mill-gwardjani. L-għan tal-obbligi huwa li l-partijiet terzi kompetituri jkunu jistgħu jinterkonnettjaw permezz ta’ interfaċċi jew soluzzjonijiet simili għall-karatteristiċi rispettivi b’mod effettiv daqs is-servizzi jew il-hardware tal-gwardjan stess.

(58)

Il-kondizzjonijiet li skonthom il-gwardjani jipprovdu servizzi ta’ reklamar online lill-utenti kummerċjali, inkluż kemm ir-reklamaturi kif ukoll il-pubblikaturi, spiss ma jkunux trasparenti u ċari. Dan spiss iwassal għal nuqqas ta’ informazzjoni għar-reklamaturi u għall-pubblikaturi dwar l-effett ta’ reklam partikolari. Biex jittejbu ulterjorment il-ġustizzja, it-trasparenza u l-kontestabbiltà tas-servizzi ta’ reklamar online elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni, kif ukoll dawk integrati għalkollox ma’ servizzi ewlenin oħra ta’ pjattaforma tal-istess impriża, jenħtieġ li l-gwardjani jipprovdu lir-reklamaturi u lill-pubblikaturi, u lil partijiet terzi awtorizzati mir-reklamaturi u mill-pubblikaturi, meta mitluba, b’aċċess mingħajr ħlas għall-għodod tal-kejl tal-prestazzjoni tal-gwardjani u għad-data, inkluż data aggregata u mhux aggregata, meħtieġa għar-reklamaturi, partijiet terzi awtorizzati bħal aġenziji tar-reklamar li jaġixxu f’isem kumpanija li tqiegħed ir-reklamar, u għall-pubblikaturi biex iwettqu l-verifika indipendenti tagħhom stess tal-forniment tas-servizzi ta’ reklamar online rilevanti.

(59)

Il-gwardjani jibbenefikaw minn aċċess għal ammonti kbar ta’ data li jiġbru waqt li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, kif ukoll servizzi diġitali oħra. Sabiex jiġi żgurat li l-gwardjani ma jdgħajfux il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, jew il-potenzjal ta’ innovazzjoni tas-settur diġitali dinamiku, billi jirrestrinġu l-qlib jew il-multi-homing, l-utenti finali, kif ukoll partijiet terzi awtorizzati minn utent finali, jenħtieġ li jingħataw aċċess effettiv u immedjat għad-data li pprovdew jew li kienet iġġenerata permezz tal-attività tagħhom fuq is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti tal-gwardjan. Jenħtieġ li d-data tasal f’format li jista’ jiġi aċċessat u użat minnufih u b’mod effettiv mill-utent finali jew mill-parti terza rilevanti awtorizzata mill-utent finali li lilu tiġi trasferita d-data. Jenħtieġ li l-gwardjani jiżguraw ukoll, permezz ta’ miżuri tekniċi adatti u ta’ kwalità għolja, bħal interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, li l-utenti finali jew partijiet terzi awtorizzati mill-utenti finali jkunu jistgħu jittrasferixxu liberament d-data b’mod kontinwu u f’ħin reali. Jenħtieġ li dan japplika wkoll għal kwalunkwe data oħra f’livelli differenti ta’ aggregazzjoni meħtieġa biex tali portabbiltà tkun effettivament possibbli. Biex jiġi evitat id-dubju, l-obbligu fuq il-gwardjan li jiżgura l-portabbiltà effettiva tad-data skont dan ir-Regolament jikkomplementa d-dritt għall-portabbiltà tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679. Jenħtieġ li l-iffaċilitar tal-qlib jew il-multi-homing imbagħad iwassal għal għażla akbar għall-utenti finali u jaġixxi bħala inċentiv biex il-gwardjani u l-utenti kummerċjali jinnovaw.

(60)

L-utenti kummerċjali li jużaw servizzi ewlenin ta’ pjattaforma pprovduti minn gwardjani, u l-utenti finali ta’ dawn l-utenti kummerċjali jipprovdu u jiġġeneraw ammont enormi ta’ data. Biex jiġi żgurat li l-utenti kummerċjali jkollhom aċċess għad-data rilevanti ġġenerata b’dan il-mod, jenħtieġ li l-gwardjan, fuq it-talba tagħhom, jipprovdi aċċess effettiv u mingħajr ħlas għal din id-data. Jenħtieġ li dan l-aċċess jingħata wkoll lil partijiet terzi kkuntrattati mill-utent kummerċjali li jkunu qed jaġixxu bħala proċessuri ta’ din id-data għall-utent kummerċjali. Jenħtieġ li l-aċċess jinkludi l-aċċess għal data pprovduta jew iġġenerata mill-istess utenti kummerċjali u l-istess utenti finali ta’ dawk l-utenti kummerċjali fil-kuntest ta’ servizzi oħra pprovduti mill-istess gwardjan, inkluż servizzi pprovduti flimkien ma’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, jew b’appoġġ għalihom, meta din tkun marbuta b’mod inseparabbli mat-talba rilevanti. Għal dan il-għan, jenħtieġ li gwardjan ma juża l-ebda restrizzjoni kuntrattwali jew xi restrizzjoni oħra biex jipprevjeni lill-utenti kummerċjali milli jaċċessaw data rilevanti u jenħtieġ li jippermetti lill-utenti kummerċjali jiksbu kunsens mingħand l-utenti finali tagħhom għal tali aċċess u rkupru tad-data, meta tali kunsens ikun meħtieġ skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE. Jenħtieġ li l-gwardjani jiżguraw ukoll l-aċċess kontinwu u f’ħin reali għal tali data permezz ta’ miżuri tekniċi adatti, pereżempju permezz tal-istabbiliment ta’ interfaċċi ta’ kwalità għolja għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet jew għodod integrati għal utenti kummerċjali ta’ volum żgħir.

(61)

Il-valur tal-magni tat-tiftix online għall-utenti kummerċjali u l-utenti finali rispettivi tagħhom jiżdied meta jiżdied l-għadd totali ta’ utenti tali. Impriżi li jipprovdu magni tat-tiftix online jiġbru u jaħżnu settijiet tad-data aggregata li jkun fihom informazzjoni dwar x’fittxew l-utenti u kif dawn interaġixxew mar-riżultati li ġew ipprovduti bihom. Impriżi li jipprovdu magni tat-tiftix online jiġbru din id-data mit-tiftixiet li jsiru fuq il-magni tat-tiftix online tagħhom stess u, meta applikabbli, mit-tiftixiet li jsiru fuq il-pjattaformi tas-sħab kummerċjali downstream tagħhom. L-aċċess mill-gwardjani għal din id-data dwar il-klassifikazzjoni, il-mistoqsijiet, il-klikks u l-għadd ta’ dehriet jikkostitwixxi ostaklu importanti għad-dħul u l-espansjoni, u dan idgħajjef il-kontestabbiltà tal-magni tat-tiftix online. Jenħtieġ għalhekk li l-gwardjani jkunu mitluba jipprovdu aċċess, b’termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji, għal dik id-data dwar il-klassifikazzjoni, il-mistoqsijiet, il-klikks u l-għadd ta’ dehriet b’rabta ma’ tiftixiet mingħajr ħlas u bi ħlas iġġenerati mill-konsumaturi fuq magni tat-tiftix online lil impriżi oħra li jipprovdu servizzi tali, biex dawk l-impriżi ta’ parti terzi jkunu jistgħu jottimizzaw is-servizzi tagħhom u jikkontestaw is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti. Jenħtieġ li dan l-aċċess jingħata wkoll lil partijiet terzi kkuntrattati minn fornitur ta’ magna tat-tiftix li jkunu qed jaġixxu bħala proċessuri ta’ din id-data għal dik il-magna tat-tiftix online. Meta jipprovdi aċċess għad-data tat-tiftix tiegħu, jenħtieġ li gwardjan jiżgura l-protezzjoni tad-data personali tal-utenti finali, inkluż kontra r-riskji possibbli ta’ riidentifikazzjoni, b’mezzi xierqa, bħall-anonimizzazzjoni ta’ tali data personali, mingħajr ma jiddegrada sostanzjalment il-kwalità jew l-utilità tad-data. Id-data rilevanti tiġi anonimizzata jekk id-data personali titbiddel b’mod irriversibbli b’tali mod li l-informazzjoni ma tkunx relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli jew fejn id-data personali ssir anonima b’tali mod li s-suġġett tad-data ma jkunx jew ma jkunx għadu identifikabbli.

(62)

Għall-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software, il-magni tat-tiftix online u s-servizzi ta’ networking soċjali online elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni, jenħtieġ li l-gwardjani jippubblikaw u japplikaw kondizzjonijiet ġenerali ta’ aċċess li jenħtieġ li jkunu ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji. Jenħtieġ li dawk il-kondizzjonijiet ġenerali jipprevedu mekkaniżmu alternattiv għas-soluzzjoni tat-tilwim ibbażat fl-Unjoni li jkun faċilment aċċessibbli, imparzjali, indipendenti u mingħajr ħlas għall-utent kummerċjali, mingħajr preġudizzju għall-kost tal-utent kummerċjali stess u miżuri proporzjonati mmirati lejn il-prevenzjoni tal-abbuż tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim mill-utenti kummerċjali. Jenħtieġ li l-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim ikun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-utenti kummerċjali li jfittxu rimedju quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali. B’mod partikolari, il-gwardjani li jipprovdu aċċess għal ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software huma gateway importanti għall-utenti kummerċjali li jipprovaw jilħqu lill-utenti finali. Fid-dawl tal-iżbilanċ fis-saħħa tan-negozjar bejn dawk il-gwardjani u l-utenti kummerċjali tal-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software tagħhom, jenħtieġ li dawk il-gwardjani ma jitħallewx jimponu kondizzjonijiet ġenerali, inkluż kondizzjonijiet tal-ipprezzar, li jkunu inġusti jew li jwasslu għal differenzjazzjoni mhux ġustifikata.

Jenħtieġ li l-kondizzjonijiet tal-ipprezzar jew kondizzjonijiet ġenerali oħra tal-aċċess jitqiesu inġusti jekk iwasslu għal żbilanċ tad-drittijiet u l-obbligi imposti fuq l-utenti kummerċjali jew jagħtu vantaġġ lill-gwardjan li jkun sproporzjonat għas-servizz ipprovdut mill-gwardjan lill-utenti kummerċjali jew iwasslu għal żvantaġġ għall-utenti kummerċjali meta jipprovdu l-istess servizzi jew servizzi simili bħall-gwardjan. Il-punti ta’ riferiment li ġejjin jistgħu jservu bħala kejl biex jiġi determinat kemm huma ġusti l-kondizzjonijiet ġenerali tal-aċċess: il-prezzijiet mitluba jew il-kondizzjonijiet imposti għall-istess servizz jew servizzi simili minn fornituri oħra ta’ ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software; il-prezzijiet mitluba jew il-kondizzjonijiet imposti mill-fornitur ta’ ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software għal servizzi differenti relatati jew simili jew lil tipi differenti ta’ utenti finali; il-prezzijiet mitluba jew il-kondizzjonijiet imposti mill-fornitur ta’ ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software għall-istess servizz f’reġjuni ġeografiċi differenti; il-prezzijiet mitluba jew il-kondizzjonijiet imposti mill-fornitur ta’ ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software għall-istess servizz li l-gwardjan jipprovdi lilu nnifsu. Jenħtieġ li dan l-obbligu ma jistabbilixxix dritt ta’ aċċess u jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-abbiltà tal-fornituri ta’ ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software, magni tat-tiftix online u servizzi ta’ networking soċjali online li jieħdu r-responsabbiltà meħtieġa fil-ġlieda kontra kontenut illegali u mhux mixtieq kif stabbilit fir-Regolament dwar is-suq intern għas-servizzi diġitali.

(63)

Il-gwardjani jistgħu jxekklu l-abbiltà tal-utenti kummerċjali u tal-utenti finali li jtemmu l-abbonament tagħhom minn servizz ewlieni ta’ pjattaforma li jkunu abbonaw għalih qabel. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-gwardjani jdgħajfu d-drittijiet tal-utenti kummerċjali u tal-utenti finali li jagħżlu liberament liema servizz ewlieni ta’ pjattaforma jużaw. Sabiex tiġi salvagwardjata l-għażla libera tal-utenti kummerċjali u tal-utenti finali, jenħtieġ li gwardjan ma jitħalliex jagħmilha diffiċli jew ikkumplikata bla bżonn biex l-utenti kummerċjali jew l-utenti finali jtemmu abbonament minn servizz ewlieni ta’ pjattaforma. Jenħtieġ li l-għeluq ta’ kont jew it-tmiem ta’ abbonament ma jsirx aktar ikkumplikat mill-ftuħ ta’ kont jew mill-abbonament għall-istess servizz. Jenħtieġ li l-gwardjani ma jitolbux tariffi addizzjonali meta jitterminaw kuntratti mal-utenti finali jew l-utenti kummerċjali tagħhom. Jenħtieġ li l-gwardjani jiżguraw li l-kondizzjonijiet għat-terminazzjoni tal-kuntratti jkunu dejjem proporzjonati u jkunu jistgħu jiġu eżerċitati mingħajr diffikultà żejda mill-utenti finali, bħal, pereżempju, fir-rigward tar-raġunijiet għat-terminazzjoni, il-perjodu ta’ notifika, jew il-forma ta’ tali terminazzjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli f’konformità mal-liġi tal-Unjoni li tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi li jikkonċernaw il-kondizzjonijiet tat-terminazzjoni tal-forniment ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma mill-utenti finali.

(64)

In-nuqqas ta’ interoperabbiltà jippermetti lill-gwardjani li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri jibbenefikaw minn effetti qawwija tan-network, li jikkontribwixxi għad-dgħufija tal-kontestabbiltà. Barra minn hekk, irrispettivament minn jekk l-utenti finali jagħmlux “multi-homing”, il-gwardjani spiss jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri bħala parti mill-ekosistema tal-pjattaforma tagħhom, u dan ikompli jaggrava l-ostakli għad-dħul għal fornituri alternattivi ta’ servizzi tali u jżid l-ispejjeż biex l-utenti finali jaqilbu. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u, b’mod partikolari, għall-kondizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 61 tagħha, jenħtieġ għalhekk li l-gwardjani jiżguraw, mingħajr ħlas u fuq talba, interoperabbiltà ma’ ċerti funzjonalitajiet bażiċi tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali tagħhom indipendenti min-numri li jipprovdu lill-utenti finali tagħhom stess u lil fornituri terzi ta’ dawn is-servizzi.

Jenħtieġ li l-gwardjani jiżguraw l-interoperabbiltà ta’ fornituri terzi ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li joffru jew biħsiebhom joffru s-servizzi tagħhom ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri lil utenti finali u lil utenti kummerċjali fl-Unjoni. Biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni prattika ta’ tali interoperabbiltà, jenħtieġ li l-gwardjan ikkonċernat ikun mitlub jippubblika offerta ta’ referenza li tistabbilixxi d-dettalji tekniċi u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali tal-interoperabbiltà mas-servizzi tiegħu ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kummissjoni, jekk applikabbli, li tikkonsulta lill-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, sabiex tiddetermina jekk id-dettalji tekniċi u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali ppubblikati fl-offerta ta’ referenza li l-gwardjan ikun beħsiebu jimplimenta jew ikun implimenta jiżgurawx il-konformità ma’ dan l-obbligu.

Fil-każijiet kollha, jenħtieġ li l-gwardjan u l-fornitur rikjedenti jiżguraw li l-interoperabbiltà ma ddgħajjifx livell għoli ta’ sigurtà u protezzjoni tad-data f’konformità mal-obbligi tagħhom stabbiliti f’dan ir-Regolament u fil-liġi applikabbli tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE. Jenħtieġ li l-obbligu relatat mal-interoperabbiltà jkun mingħajr preġudizzju għall-informazzjoni u l-għażliet li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti finali tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri tal-gwardjan u tal-fornitur rikjedenti skont dan ir-Regolament u liġijiet oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679.

(65)

Biex tiġi żgurata l-effettività tal-obbligi stabbiliti b’dan ir-Regolament, filwaqt li jiġi żgurat ukoll li dawk l-obbligi jkunu limitati għal dak li hu meħtieġ biex jiġu żgurati l-kontestabbiltà u l-indirizzar tal-effetti dannużi tal-prattiki inġusti mill-gwardjani, hu importanti li jiġu definiti u ċirkoskritti b’mod ċar biex il-gwardjan ikun jista’ jikkonforma magħhom bis-sħiħ, filwaqt li jikkonforma bis-sħiħ mal-liġi applikabbli, u b’mod partikolari mar-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE u l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, iċ-ċibersigurtà, is-sikurezza tal-prodotti u r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà, inkluż id-Direttiva (UE) 2019/882 u d-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). Jenħtieġ li l-gwardjani jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament mid-disinn. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-miżuri meħtieġa jiġu integrati kemm jista’ jkun fid-disinn teknoloġiku użat mill-gwardjani.

Xi drabi jista’ jkun xieraq li l-Kummissjoni, wara djalogu mal-gwardjan ikkonċernat u wara li tagħti lok biex il-partijiet terzi jgħaddu l-kummenti, tispeċifika ulterjorment uħud mill-miżuri li l-gwardjan ikkonċernat jenħtieġ li jadotta biex jikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi li huma suxxettibbli li jiġu speċifikati aktar jew, fil-każ ta’ ċirkomvenzjoni, mal-obbligi kollha. B’mod partikolari, jenħtieġ li tali speċifikazzjoni ulterjuri tkun possibbli fejn l-implimentazzjoni ta’ obbligu suxxettibbli li jiġi speċifikat aktar tista’ tiġi affettwata minn varjazzjonijiet ta’ servizzi f’kategorija unika ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jkun possibbli għall-gwardjan li jitlob lill-Kummissjoni tibda proċess li permezz tiegħu l-Kummissjoni tkun tista’ tispeċifika aktar uħud mill-miżuri li l-gwardjan ikkonċernat jenħtieġ li jadotta biex jikkonforma b’mod effettiv ma’ dawk l-obbligi.

Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha diskrezzjoni dwar jekk u meta tali speċifikazzjoni ulterjuri jenħtieġ li tiġi pprovduta, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, proporzjonalità, u amministrazzjoni tajba. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi r-raġunijiet prinċipali li fuqhom hija bbażata l-valutazzjoni tagħha, inkluż kwalunkwe prijorita’ tal-infurzar. Jenħtieġ li dan id-djalogu ma jintużax biex idgħajjef l-effettività ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, dan il-proċess huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi nonkonformità ma’ kwalunkwe wieħed mill-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament minn gwardjan, inkluż il-possibbiltà li jiġu imposti multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ terġa’ tiftaħ il-proċedimenti, inkluż fejn jirriżulta li l-miżuri speċifikati ma jkunux effettivi. Jenħtieġ li ftuħ mill-ġdid minħabba speċifikazzjoni ineffettiva adottata b’deċiżjoni jippermetti lill-Kummissjoni temenda l-ispeċifikazzjoni b’mod prospettiv. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ wkoll tistabbilixxi perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih il-proċedimenti jistgħu jerġgħu jinfetħu jekk jirriżulta li l-miżuri speċifikati ma jkunux effettivi.

(66)

Bħala element addizzjonali biex tiġi żgurata l-proporzjonalità, jenħtieġ li l-gwardjani jingħataw opportunità li jitolbu s-sospensjoni, sa fejn ikun meħtieġ, ta’ obbligu speċifiku f’ċirkostanzi eċċezzjonali li jkunu lil hinn mill-kontroll tal-gwardjan, bħal f’każ ta’ xokk estern mhux previst li jkun elimina temporanjament parti sinifikanti mid-domanda tal-utent finali għas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, meta l-gwardjan juri li l-konformità ma’ obbligu speċifiku tipperikola l-vijabilità ekonomika tal-operazzjonijiet tal-Unjoni tal-gwardjan ikkonċernat. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tidentifika ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali għall-ġustifikazzjoni tas-sospensjoni u tirrieżaminaha fuq bażi regolari sabiex tivvaluta jekk il-kondizzjonijiet għall-għoti tagħha jkunux għadhom vijabbli.

(67)

F’ċirkostanzi eċċezzjonali, ġustifikati minħabba r-raġunijiet limitati ta’ saħħa pubblika jew sigurtà pubblika, stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi li obbligu speċifiku ma japplikax għal servizz ewlieni speċifiku ta’ pjattaforma. Jekk issir ħsara lil tali interessi pubbliċi li jista’ jindika li l-kost għas-soċjetà inġenerali tal-infurzar ta’ ċertu obbligu hu, f’każ eċċezzjonali speċifiku, kbir wisq u għaldaqstant sproporzjonat. Fejn ikun il-każ, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tiffaċilita l-konformità billi tivvaluta jekk sospensjoni jew eżenzjoni limitata u debitament ġustifikata tkunx ġustifikata. Jenħtieġ li dan jiżgura l-proporzjonalità tal-obbligi f’dan ir-Regolament mingħajr ma jdgħajjef l-effetti ex ante intenzjonati fuq il-korrettezza u l-kontestabbiltà. Meta tingħata eżenzjoni bħal din, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha kull sena.

(68)

Fiż-żmien stipulat għall-konformità mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-gwardjani jinfurmaw lill-Kummissjoni, permezz ta’ rappurtar obbligatorju, dwar il-miżuri li beħsiebhom jimplimentaw jew li implimentaw sabiex jiżguraw konformità effettiva ma’ dawk l-obbligi, inkluż dawk il-miżuri li jikkonċernaw il-konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, sa fejn dawn ikunu rilevanti għall-konformità mal-obbligi previsti skont dan ir-Regolament, li għandu jippermetti lill-Kummissjoni tissodisfa l-obbligi tagħha skont dan ir-Regolament. Barra minn hekk, filwaqt li jitqies l-interess leġittimu ta’ gwardjani fir-rigward tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom u ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra, jenħtieġ li jiġi ppubblikat sommarju mhux kunfidenzjali, ċar u li jinftiehem, ta’ din l-informazzjoni. Jenħtieġ li din il-pubblikazzjoni mhux kunfidenzjali tippermetti lill-partijiet terzi jivvalutaw jekk il-gwardjani jikkonformawx mal-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li tali rappurtar ikun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni ta’ infurzar mill-Kummissjoni fi kwalunkwe ħin wara r-rappurtar. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika online link għas-sommarju mhux kunfidenzjali tar-rapport, kif ukoll l-informazzjoni pubblika l-oħra kollha abbażi tal-obbligi ta’ informazzjoni skont dan ir-Regolament, sabiex tiżgura li din l-informazzjoni tkun aċċessibbli b’mod komprensiv u li tista’ tintuża, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

(69)

Jenħtieġ li l-obbligi tal-gwardjani jiġu aġġornati biss wara investigazzjoni bir-reqqa tan-natura u l-impatt ta’ prattiki speċifiċi li, wara investigazzjoni fil-fond, jaf ikunu għadhom kif ġew identifikati bħala inġusti jew li jillimitaw il-kontestabbiltà bl-istess mod bħall-prattiki inġusti stabbiliti f’dan ir-Regolament filwaqt li potenzjalment jistgħu jevitaw l-għan tas-sett attwali ta’ obbligi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tniedi investigazzjoni bil-ħsieb li tiddetermina jekk l-obbligi eżistenti jeħtieġx jiġu aġġornati, jew fuq inizjattiva tagħha stess jew wara talba ġustifikata ta’ mill-inqas tliet Stati Membri. Meta jippreżentaw tali talbiet ġustifikati, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jinkludu informazzjoni dwar offerti introdotti ġodda ta’ prodotti, servizzi, software jew karatteristiċi li jqajmu tħassib dwar il-kontestabbiltà jew il-korrettezza, kemm jekk implimentati fil-kuntest ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma eżistenti jew mod ieħor. Fejn, wara investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni tqis li jkun meħtieġ li jiġu modifikati elementi essenzjali ta’ dan ir-Regolament, bħall-inklużjoni ta’ obbligi ġodda li jitbiegħdu mill-istess kwistjonijiet ta’ kontestabbiltà jew ta’ korrettezza indirizzati minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tressaq proposta biex jiġi emendat dan ir-Regolament.

(70)

Minħabba s-setgħa ekonomika sostanzjali tal-gwardjani, huwa importanti li l-obbligi jiġu applikati b’mod effettiv u li ma jiġux evitati. Għal dak il-għan, jenħtieġ li r-regoli inkwistjoni japplikaw għal kwalunkwe prattika minn gwardjan, irrispettivament mill-forma tagħha u irrispettivament minn jekk għandhiex natura kuntrattwali, kummerċjali, teknika jew xi natura oħra, sa fejn il-prattika tikkorrispondi għat-tip ta’ prattika li hi s-suġġett ta’ wieħed mill-obbligi stabbiliti minn dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-gwardjani ma jinvolvux ruħhom f’imġiba li ddgħajjef l-effettività tal-projbizzjonijiet u l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Tali mġiba tinkludi d-disinn użat mill-gwardjan, il-preżentazzjoni tal-għażliet tal-utent finali b’mod mhux newtrali, jew l-użu tal-istruttura, il-funzjoni jew il-mod ta’ tħaddim ta’ interfaċċa tal-utent jew parti minnha biex tnaqqas jew tfixkel l-awtonomija, it-teħid ta’ deċiżjonijiet jew l-għażla tal-utent. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-gwardjan ma jitħalliex jinvolvi ruħu f’xi mġiba li ddgħajjef l-interoperabbiltà kif meħtieġ skont dan ir-Regolament, bħal pereżempju billi juża miżuri tekniċi ta’ protezzjoni mhux ġustifikati, termini diskriminatorji ta’ servizz, jitlob b’mod illegali dritt tal-awtur fuq interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet jew jipprovdi informazzjoni qarrieqa. Jenħtieġ li l-gwardjani ma jitħallewx jevitaw id-deżinjazzjoni tagħhom billi artifiċjalment jikkategorizzaw, jiddividu, jissuddividu, jifframmentaw jew jaqsmu s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tagħhom biex jevitaw il-limiti kwantitattivi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(71)

Biex tiġi żgurata l-effettività tar-rieżami tal-istatus ta’ gwardjan, kif ukoll il-possibbiltà li tiġi aġġustata l-lista tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma pprovduti minn gwardjan, jenħtieġ li l-gwardjani jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-akkwiżizzjonijiet kollha ppjanati, qabel l-implimentazzjoni tagħhom, ta’ impriżi oħra li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew kwalunkwe servizz ieħor provdut fis-settur diġitali jew servizzi oħra li jippermettu l-ġbir ta’ data. Jenħtieġ li din l-informazzjoni ma sservix biss għall-proċess ta’ rieżami fir-rigward tal-istatus ta’ gwardjani individwali, iżda tipprovdi wkoll informazzjoni li hija kruċjali għall-monitoraġġ ta’ xejriet usa’ ta’ kontestabbiltà fis-settur diġitali u għalhekk tista’ tkun fattur utli biex jitqies fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tas-suq previsti minn dan ir-Regolament. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri b’tali informazzjoni, minħabba l-possibbiltà li l-informazzjoni tintuża għal finijiet nazzjonali ta’ kontroll tal-fużjonijiet u peress li, taħt ċerti ċirkostanzi, l-awtorità kompetenti nazzjonali tista’ tirreferi dawk l-akkwiżizzjonijiet lill-Kummissjoni għall-finijiet ta’ kontroll tal-fużjonijiet. Jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tippubblika kull sena lista ta’ akkwiżizzjonijiet li tkun ġiet informata dwarhom mill-gwardjan. Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-utilità neċessarji ta’ tali informazzjoni għal finijiet differenti previsti minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-gwardjani jipprovdu mill-inqas informazzjoni dwar l-impriżi kkonċernati mill-konċentrazzjoni, il-fatturat annwali tagħhom fl-Unjoni u madwar id-dinja, il-qasam ta’ attività tagħhom, inkluż l-attivitajiet relatati direttament mal-konċentrazzjoni, il-valur tat-tranżazzjoni jew stima tagħha, sommarju tal-konċentrazzjoni, inkluż in-natura tagħha u r-raġuni għaliha, kif ukoll lista tal-Istati Membri kkonċernati mill-operazzjoni.

(72)

L-interessi ta’ protezzjoni tad-data u tal-privatezza tal-utenti finali huma rilevanti għal kwalunkwe valutazzjoni tal-effetti negattivi potenzjali tal-prattika osservata tal-gwardjani li jiġbru u jakkumulaw ammonti kbar ta’ data mingħand l-utenti finali. L-iżgurar ta’ livell adegwat ta’ trasparenza tal-prattiki ta’ tfassil ta’ profili użati mill-gwardjani, inkluż, iżda mhux biss, it-tfassil ta’ profili fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4, punt (4), tar-Regolament (UE) 2016/679, jiffaċilita l-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma. It-trasparenza tpoġġi pressjoni esterna fuq il-gwardjani biex ma jagħmlux it-tfassil profond tal-profili tal-konsumaturi l-istandard tal-industrija, peress li l-parteċipanti ġodda potenzjali jew in-negozji ġodda ma jistgħux jaċċessaw id-data sal-istess punt u profondità, u fuq skala simili. Trasparenza akbar jenħtieġ li tippermetti lil impriżi oħra li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma biex jiddifferenzjaw lilhom infushom aħjar bl-użu ta’ garanziji tal-privatezza superjuri.

Biex jiġi żgurat livell minimu ta’ effettività ta’ dan l-obbligu ta’ trasparenza, jenħtieġ li l-gwardjani jipprovdu tal-inqas deskrizzjoni awditjata b’mod indipendenti tal-bażi li fuqha jsir it-tfassil tal-profili, inkluż jekk tkunx qed tintuża data personali u data li tkun ġejja mill-attività tal-utent f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, l-ipproċessar applikat, l-għan li għalih jiġi mħejji u eventwalment użat il-profil, id-durata tat-tfassil tal-profili, l-impatt ta’ dan it-tfassil tal-profili fuq is-servizzi tal-gwardjan, u l-passi meħuda biex b’mod effettiv l-utenti finali jkunu konxji tal-użu rilevanti ta’ dan it-tfassil tal-profili, kif ukoll il-passi biex jiġi mitlub il-kunsens tagħhom jew biex jiġu pprovduti bil-possibbiltà li jiċħdu jew jirtiraw il-kunsens. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tittrasferixxi d-deskrizzjoni awditjata lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data biex tinforma l-infurzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tiżviluppa l-metodoloġija u l-proċedura għad-deskrizzjoni awditjata, f’konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, is-soċjetà ċivili u l-esperti, f’konformità mar-Regolamenti (UE) Nru 182/2011 (16) u (UE) 2018/1725 (17) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(73)

Biex tiġi żgurata l-kisba sħiħa u dejjiema tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta jekk impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jenħtieġx tiġi deżinjata bħala gwardjan mingħajr ma tissodisfa l-limiti kwantitattivi stabbiliti f’dan ir-Regolament; jekk in-nonkonformità sistematika minn gwardjan teżiġix l-impożizzjoni ta’ rimedji addizzjonali; jekk fis-settur diġitali jenħtieġx li jiżdiedu aktar servizzi mal-lista ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma; u jekk hemmx bżonn jiġu investigati prattiki addizzjonali li huma inġusti b’mod simili u li jillimitaw il-kontestabbiltà tas-swieq diġitali. Din il-valutazzjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq investigazzjonijiet tas-suq li għandhom isiru f’perjodu xieraq ta’ żmien, bl-użu ta’ proċeduri u skadenzi ċari, biex jiġi appoġġat l-effett ex ante ta’ dan ir-Regolament fuq il-kontestabbiltà u l-korrettezza fis-settur diġitali, u biex jiġi provdut il-livell meħtieġ ta’ ċertezza legali.

(74)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun kapaċi ssib, wara investigazzjoni tas-suq, li impriża li tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma tissodisfa l-kriterji kwalitattivi ġenerali kollha biex tiġi identifikata bħala gwardjan. Imbagħad jenħtieġ li dik l-impriża, fil-prinċipju, tikkonforma mal-obbligi rilevanti kollha stabbiliti minn dan ir-Regolament. Madankollu, għal gwardjani li ġew deżinjati mill-Kummissjoni minħabba li huwa prevedibbli li fil-futur qrib ser igawdu minn pożizzjoni stabbilita u dejjiema, jenħtieġ li l-Kummissjoni timponi biss dawk l-obbligi li huma meħtieġa u xierqa biex jiġi evitat li l-gwardjan ikkonċernat jikseb pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tiegħu. Fir-rigward ta’ dawn il-gwardjani emerġenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis li dan l-istatus fil-prinċipju huwa ta’ natura temporanja, u għalhekk jenħtieġ jiġi deċiż f’mument partikolari jekk tali impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandhiex tiġi soġġetta għas-sett sħiħ ta’ obbligi tal-gwardjani għax tkun kisbet pożizzjoni stabbilita u dejjiema, jew il-kondizzjonijiet għad-deżinjazzjoni fl-aħħar mill-aħħar mhumiex issodisfati u għalhekk l-obbligi kollha imposti qabel jenħtieġ li jitneħħew.

(75)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinvestiga u tivvaluta jekk humiex ġustifikati rimedji addizzjonali komportamentali jew, meta xieraq, strutturali, biex jiġi żgurat li l-gwardjan ma jkunx jista’ jfixkel l-objettivi ta’ dan ir-Regolament b’nonkonformità sistematika ta’ obbligu wieħed jew aktar stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dan huwa l-każ fejn il-Kummissjoni tkun ħarġet kontra gwardjan mill-inqas tliet deċiżjonijiet ta’ nonkonformità f’perjodu ta’ 8 snin, li jistgħu jikkonċernaw servizzi ewlenin differenti ta’ pjattaforma u obbligi differenti stabbiliti f’dan ir-Regolament, u jekk il-gwardjan ikun żamm, estenda jew saħħaħ ulterjorment l-impatt tiegħu fis-suq intern, id-dipendenza ekonomika tal-utenti kummerċjali u l-utenti finali tiegħu fuq is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan jew it-tisħiħ tal-pożizzjoni tiegħu. Jenħtieġ li gwardjan jitqies li żamm, estenda jew saħħaħ il-pożizzjoni ta’ gwardjan tiegħu meta, minkejja l-azzjonijiet ta’ infurzar meħuda mill-Kummissjoni, dak il-gwardjan ikun għadu jżomm jew ikun kompla jikkonsolida jew saħħaħ l-importanza tiegħu bħala gateway għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali.

F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li timponi kwalunkwe rimedju, komportamentali jew strutturali, filwaqt li tqis kif xieraq il-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tipprojbixxi, sa fejn tali rimedju jkun proporzjonat u meħtieġ sabiex jinżammu jew jiġu restawrati l-korrettezza u l-kontestabbiltà kif affettwati min-nonkonformità sistematika, matul perjodu ta’ żmien limitat, il-gwardjan milli jidħol f’konċentrazzjoni fir-rigward ta’ dawk is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew is-servizzi l-oħra pprovduti fis-settur diġitali jew servizzi li jippermettu l-ġbir ta’ data li huma affettwati min-nonkonformità sistematika. Sabiex tiffaċilita l-involviment effettiv ta’ partijiet terzi u l-possibbiltà li jiġu ttestjati rimedji qabel l-applikazzjoni tiegħu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali dettaljat tal-każ u l-miżuri li għandhom jittieħdu. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ terġa’ tiftaħ il-proċedimenti, inkluż fejn jirriżulta li r-rimedji speċifikati ma kienu effettivi. Jenħtieġ li ftuħ mill-ġdid minħabba rimedji ineffettivi adottati b’deċiżjoni jippermetti lill-Kummissjoni temenda r-rimedji b’mod prospettiv. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ wkoll tistabbilixxi perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih il-proċedimenti jistgħu jerġgħu jinfetħu jekk jirriżulta li r-rimedji ma kinux effettivi.

(76)

Meta, waqt investigazzjoni dwar nonkonformità sistematika, gwardjan joffri impenji lill-Kummissjoni, jenħtieġ li din tal-aħħar tkun tista’ tadotta deċiżjoni li permezz tagħha dawn l-impenji jsiru vinkolanti fuq il-gwardjan ikkonċernat, meta tiskopri li l-impenji jiżguraw konformità effettiva mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dik id-deċiżjoni jenħtieġ ukoll tikkonstata li ma għadx hemm raġunijiet għal azzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tan-nonkonformità sistematika taħt investigazzjoni. Fil-valutazzjoni ta’ jekk l-impenji offruti mill-gwardjan humiex suffiċjenti biex jiżguraw konformità effettiva mal-obbligi skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni titħalla tqis it-testijiet imwettqa mill-gwardjan biex juri l-effettività tal-impenji offruti fil-prattika. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivverifika li d-deċiżjoni dwar l-impenji tiġi rispettata bis-sħiħ u tilħaq l-objettivi tagħha, u jenħtieġ li tkun intitolata li terġa’ tiftaħ id-deċiżjoni jekk issib li l-impenji mhumiex effettivi.

(77)

Is-servizzi fis-settur diġitali u t-tipi ta’ prattiki relatati ma’ dawn is-servizzi jistgħu jinbidlu malajr u b’mod sinifikanti. Biex jiġi żgurat li dan ir-Regolament jibqa’ aġġornat u jikkostitwixxi rispons regolatorju effettiv u olistiku għall-problemi li joħolqu l-gwardjani, hu importanti li jiġi previst rieżami regolari tal-listi tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, kif ukoll tal-obbligi previsti f’dan ir-Regolament. Dan hu partikolarment importanti biex jiġi żgurat li prattika li x’aktar tillimita l-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew li hija inġusta tiġi identifikata. Filwaqt li, minħabba li n-natura tas-settur diġitali hija waħda li tinbidel b’mod dinamiku, hu importanti li jsir rieżami regolari biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-kondizzjonijiet regolatorji, jenħtieġ li kwalunkwe rieżami jsir fi żmien raġonevoli u xieraq. Jenħtieġ li l-investigazzjonijiet tas-suq jiżguraw ukoll li l-Kummissjoni jkollha bażi evidenzjarja soda li fuqha tkun tista’ tivvaluta jekk għandhiex tipproponi li jiġi emendat dan ir-Regolament sabiex jiġu rieżaminati, espanduti, jew deskritti f’aktar dettall, il-listi tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma. Jenħtieġ ukoll jiżguraw ugwalment li l-Kummissjoni jkollha bażi evidenzjarja soda li fuqha tkun tista’ tivvaluta jekk jenħtieġx tipproponi li temenda l-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament jew jekk jenħtieġx tadotta att delegat li jaġġorna dawn l-obbligi.

(78)

Fir-rigward tal-imġiba mill-gwardjani li mhix koperta mill-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà li tiftaħ investigazzjoni tas-suq dwar servizzi ġodda u prattiki ġodda għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ jekk l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament għandhomx jiġu ssupplimentati permezz ta’ att delegat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-għoti ta’ setgħa stipulat għal tali atti delegati f’dan ir-Regolament, jew billi tippreżenta proposta biex jiġi emendat dan ir-Regolament. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni, f’każijiet xierqa, tiftaħ proċedimenti skont l-Artikolu 101 jew 102 TFUE. Jenħtieġ li tali proċedimenti jitwettqu f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (18). F’każijiet ta’ urġenza minħabba r-riskju ta’ ħsara serja u irreparabbli lill-kompetizzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra li tadotta miżuri interim f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(79)

Fil-każ li l-gwardjani jinvolvu ruħhom fi prattika li tkun inġusta jew li tillimita l-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li huma diġà deżinjati skont dan ir-Regolament iżda mingħajr ma tali prattiki jkunu espliċitament koperti mill-obbligi stabbiliti minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ taġġorna dan ir-Regolament b’atti delegati. Jenħtieġ li dawn l-aġġornamenti b’att delegat ikunu soġġetti għall-istess standard investigattiv u għalhekk jenħtieġ li jiġu preċeduti b’ investigazzjoni tas-suq. Jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tapplika standard predefinit fl-identifikazzjoni ta’ tali tipi ta’ prattiki. Jenħtieġ li dan l-istandard legali jiżgura li t-tip ta’ obbligi li l-gwardjani jistgħu fi kwalunkwe ħin jaffaċċjaw skont dan ir-Regolament ikun prevedibbli biżżejjed.

(80)

Biex tiżgura implimentazzjoni u konformità effettivi ma’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha setgħat investigattivi u ta’ infurzar b’saħħithom biex tkun tista’ tinvestiga, tinforza u tissorvelja r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament, filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw ir-rispett għad-dritt fundamentali ta’ smigħ u ta’ aċċess għall-fajl fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ infurzar. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddisponi minn dawn is-setgħat investigattivi anki bil-għan li twettaq investigazzjonijiet tas-suq, inkluż bil-għan li taġġorna u tirrieżamina dan ir-Regolament.

(81)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa titlob l-informazzjoni meħtieġa għall-fini ta’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha aċċess għal kwalunkwe dokument, data, bażi tad-data, algoritmu u informazzjoni rilevanti meħtieġa biex tiftaħ u twettaq investigazzjonijiet u biex tissorvelja l-konformità mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament, irrispettivament minn min ikollu fil-pussess tiegħu tali informazzjoni, u irrispettivament mill-forma jew mill-format tagħha, il-mezz tal-ħżin tagħha, jew il-post fejn hi maħżuna.

(82)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ titlob direttament lil impriżi jew lil assoċjazzjonijiet ta’ impriżi biex jipprovdu kwalunkwe evidenza, data u informazzjoni rilevanti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni rilevanti mingħand l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru, jew mingħand kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għall-fini ta’ dan ir-Regolament. Meta jikkonformaw ma’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-impriżi huma obbligati jwieġbu mistoqsijiet fattwali u jipprovdu dokumenti.

(83)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata wkoll is-setgħa li twettaq spezzjonijiet ta’ kwalunkwe impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi u li tintervista kwalunkwe persuna li tista’ tkun fil-pussess ta’ informazzjoni utli u li tirreġistra d-dikjarazzjonijiet magħmula.

(84)

Il-miżuri interim jistgħu jkunu għodda importanti biex jiġi żgurat li, waqt li tkun għaddejja investigazzjoni, il-ksur li jkun qed jiġi investigat ma jwassalx għal ħsara serja u irreparabbli għall-utenti kummerċjali jew għall-utenti finali tal-gwardjani. Din l-għodda hija importanti biex jiġu evitati żviluppi li jistgħu jkunu diffiċli ħafna li jitreġġgħu lura b’deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fi tmiem il-proċedimenti. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tordna miżuri interim fil-kuntest ta’ proċedimenti miftuħa bil-ħsieb tal-adozzjoni possibbli ta’ deċiżjoni ta’ nonkonformità. Jenħtieġ li din is-setgħa tapplika f’każijiet fejn il-Kummissjoni tkun għamlet sejba prima facie ta’ ksur tal-obbligi minn gwardjani u fejn ikun hemm riskju ta’ ħsara serja u irreparabbli għall-utenti kummerċjali jew għall-utenti finali tal-gwardjani. Jenħtieġ li miżuri interim japplikaw biss għal perjodu speċifikat, jew wieħed li jintemm bil-konklużjoni tal-proċedimenti mill-Kummissjoni, jew għal perjodu fiss li jista’ jiġġedded dment li jkun neċessarju u xieraq.

(85)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex tissorvelja l-implimentazzjoni effettiva tal-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament u l-konformità magħhom. Jenħtieġ li dawn l-azzjonijiet jinkludu l-abbiltà tal-Kummissjoni li taħtar esperti esterni indipendenti u awdituri biex jgħinu lill-Kummissjoni f’dan il-proċess, inkluż, meta applikabbli, minn awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, bħal awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data jew tal-konsumatur. Meta taħtar awdituri, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura rotazzjoni suffiċjenti.

(86)

Jenħtieġ li l-konformità mal-obbligi imposti minn dan ir-Regolament tkun infurzabbli permezz ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali. Għal dak il-għan, jenħtieġ jiġu stipulati wkoll livelli xierqa ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali għal nonkonformità mal-obbligi u ksur tar-regoli proċedurali soġġetti għal perjodi ta’ preskrizzjoni xierqa, f’konformità mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ne bis in idem. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jikkoordinaw l-isforzi ta’ infurzar tagħhom sabiex jiżguraw li dawk il-prinċipji jiġu rispettati. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis kwalunkwe multa u penali imposti fuq l-istess persuna ġuridika għall-istess fatti permezz ta’ deċiżjoni finali fi proċedimenti relatati ma’ ksur ta’ regoli oħra tal-Unjoni jew nazzjonali, sabiex tiżgura li l-multi u l-penali globali imposti jikkorrispondu għas-serjetà tal-ksur imwettaq.

(87)

Biex jiġi żgurat l-irkupru effettiv tal-multi imposti fuq assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għal ksur li jkunu wettqu, jeħtieġ jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li skonthom jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kummissjoni li titlob il-pagament tal-multa mill-membri ta’ dik l-assoċjazzjoni ta’ impriżi meta din ma tkunx solventi.

(88)

Fil-kuntest tal-proċedimenti mwettqa skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-impriża kkonċernati tingħata d-dritt ta’ smigħ mill-Kummissjoni u jenħtieġ li d-deċiżjonijiet meħuda jiġu ppubbliċizzati b’mod wiesa’. Filwaqt li jiġu żgurati d-drittijiet għal amministrazzjoni tajba, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl u d-dritt għal smigħ, huwa essenzjali li tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali. Barra minn hekk, filwaqt li tirrispetta l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe informazzjoni li fuqha tiġi bbażata d-deċiżjoni tiġi żvelata sal-punt li jippermetti lid-destinatarju tad-deċiżjoni jifhem il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li wasslu għad-deċiżjoni. Jeħtieġ ukoll li jiġi żgurat li l-Kummissjoni tuża biss l-informazzjoni miġbura skont dan ir-Regolament għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ħlief fejn ikun speċifikament previst mod ieħor. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li jkun possibbli, taħt ċerti kondizzjonijiet, għal ċerti rekords kummerċjali, bħall-komunikazzjoni bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom, li jitqiesu kunfidenzjali jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet rilevanti.

(89)

Meta tkun qed tħejji sommarji mhux kunfidenzjali għall-pubblikazzjoni sabiex effettivament tippermetti lill-partijiet terzi interessati jipprovdu kummenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis kif xieraq l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom u ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra.

(90)

L-infurzar koerenti, effettiv u komplementari tal-istrumenti legali disponibbli applikati għall-gwardjani jeħtieġ kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali fl-ambitu tal-kompetenzi tagħhom. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali jikkooperaw u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom meħtieġa għall-infurzar tal-istrumenti legali disponibbli applikati lill-gwardjani fis-sens ta’ dan ir-Regolament u jirrispettaw il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera stabbilit fl-Artikolu 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Jenħtieġ li jkun possibbli li l-appoġġ mill-awtoritajiet nazzjonali lill-Kummissjoni jinkludi li l-Kummissjoni tingħata l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-pussess tagħhom jew li l-Kummissjoni, fuq it-talba tagħha, tkun megħjuna fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq id-dmirijiet tagħha aħjar skont dan ir-Regolament.

(91)

Il-Kummissjoni hija l-unika awtorità li għandha s-setgħa li tinforza dan ir-Regolament. Sabiex il-Kummissjoni tiġi appoġġata, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tagħhom li jinfurzaw ir-regoli tal-kompetizzjoni biex iwettqu investigazzjonijiet dwar nonkonformità possibbli minn gwardjani ma’ ċertu obbligi skont dan ir-Regolament. Dan jista’ jkun rilevanti, b’mod partikolari, għal każijiet fejn ma jistax jiġi determinat mill-bidu jekk l-imġiba ta’ gwardjan hix kapaċi tikser dan ir-Regolament, ir-regoli tal-kompetizzjoni li l-awtorità kompetenti nazzjonali għandha s-setgħa li tinforza, jew it-tnejn li huma. Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti nazzjonali li tinforza r-regoli tal-kompetizzjoni tirrapporta lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet tagħha dwar nonkonformità possibbli minn gwardjani ma’ ċertu obbligi skont dan ir-Regolament bil-ħsieb li l-Kummissjoni tiftaħ proċedimenti biex tinvestiga kwalunkwe nonkonformità bħala l-uniku infurzatur tad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha diskrezzjoni sħiħa biex tiddeċiedi jekk tiftaħx proċedimenti tali. Sabiex jiġu evitati investigazzjonijiet sovrapposti skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti nazzjonali tinforma lill-Kummissjoni qabel ma tieħu l-ewwel miżura investigattiva tagħha fir-rigward ta’ nonkonformità possibbli minn gwardjani ma’ ċertu obbligi skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jikkooperaw u jikkoordinaw ukoll mill-qrib mal-Kummissjoni meta jinfurzaw ir-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni kontra l-gwardjani, inkluż fir-rigward tal-istabbiliment ta’ multi. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni meta jibdew proċedimenti bbażati fuq ir-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni kontra gwardjani, kif ukoll qabel ma jimponu obbligi fuq il-gwardjani f’tali proċedimenti. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li l-informazzjoni tal-abbozz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, fejn applikabbli, isservi bħala notifika skont dan ir-Regolament.

(92)

Sabiex jiġu salvagwardati l-applikazzjoni u l-infurzar armonizzati ta’ dan ir-Regolament, huwa importanti li jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali, inkluż il-qrati nazzjonali, ikollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jmorrux kontra deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-qrati nazzjonali jitħallew jitolbu lill-Kummissjoni tibgħatilhom informazzjoni jew opinjonijiet dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tressaq osservazzjonijiet bil-fomm jew bil-miktub lill-qrati nazzjonali. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-abbiltà tal-qrati nazzjonali li jitolbu deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

(93)

Sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-komplementarjetà effettiva fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u ta’ regolamenti settorjali oħra applikabbli għall-gwardjani, jenħtieġ li l-Kummissjoni tibbenefika mill-għarfien espert ta’ grupp ta’ livell għoli ddedikat. Jenħtieġ li jkun possibbli li dak il-grupp ta’ livell għoli jassisti wkoll lill-Kummissjoni permezz ta’ konsulenza, għarfien espert u rakkomandazzjonijiet, fejn rilevanti, fi kwistjonijiet ġenerali relatati mal-implimentazzjoni jew l-infurzar ta’ dan ir-Regolament. Il-grupp ta’ livell għoli jenħtieġ li jkun magħmul mill-korpi u n-networks Ewropej rilevanti, u l-kompożizzjoni tiegħu jenħtieġ li tiżgura livell għoli ta’ għarfien espert u bilanċ ġeografiku. Il-membri tal-grupp ta’ livell għoli jenħtieġ li jirrappurtaw b’mod regolari lill-korpi u n-networks li jirrappreżentaw rigward il-kompiti mwettqa fil-kuntest tal-grupp, u jikkonsultawhom f’dak ir-rigward.

(94)

Peress li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament huma soġġetti għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja f’konformità mat-TFUE, f’konformità mal-Artikolu 261 TFUE, jenħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ġuriżdizzjoni illimitata fir-rigward ta’ pagamenti ta’ multi u penali.

(95)

Jenħtieġ li jkun possibbli li l-Kummissjoni tkun tista’ tiżviluppa linji gwida biex tipprovdi gwida ulterjuri dwar aspetti differenti ta’ dan ir-Regolament jew biex tassisti lill-impriżi li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma fl-implimentazzjoni tal-obbligi skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li jkun possibbli li tali gwida tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq l-esperjenza li l-Kummissjoni tikseb permezz tal-monitoraġġ tal-konformità ma’ dan ir-Regolament. Il-ħruġ ta’ kwalunkwe linja gwida skont dan ir-Regolament huwa prerogattiva u fid-diskrezzjoni unika tal-Kummissjoni u jenħtieġ li ma jitqiesx bħala element kostituttiv biex jiġi żgurat li l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jikkonformaw mal-obbligi skont dan ir-Regolament.

(96)

L-implimentazzjoni ta’ xi wħud mill-obbligi tal-gwardjani, bħal dawk relatati mal-aċċess għad-data, il-portabbiltà jew l-interoperabbiltà tad-data, tista’ tiġi ffaċilitata bl-użu ta’ standards tekniċi. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Kummissjoni tkun tista’, fejn xieraq u meħtieġ, titlob lill-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex jiżviluppawhom.

(97)

Sabiex jiġu żgurati swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali fl-Unjoni fejn ikunu preżenti gwardjani, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-metodoloġija biex jiġi determinat jekk il-livelli limitu kwantitattivi rigward l-utenti finali attivi u l-utenti kummerċjali attivi għad-deżinjazzjoni ta’ gwardjani humiex issodisfati, li hija inkluża f’Anness għal dan ir-Regolament, fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni ulterjuri tal-elementi addizzjonali tal-metodoloġija li ma jaqgħux f’dak l-Anness biex jiġi determinat jekk il-limiti kwantitattivi rigward id-deżinjazzjoni ta’ gwardjani humiex issodisfati, u fir-rigward tas-supplimentar tal-obbligi eżistenti stabbiliti f’dan ir-Regolament fejn, abbażi ta’ investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni tkun identifikat il-ħtieġa li jiġu aġġornati l-obbligi li jindirizzaw il-prattiki li jillimitaw il-kontestabbiltà ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew li huma inġusti, u l-aġġornament ikkunsidrat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-għoti ta’ setgħa stipulat għal tali atti delegati f’dan ir-Regolament.

(98)

Meta jiġu adottati atti delegati taħt dan ir-Regolament, huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (19). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni involuti fit-tħejjija ta’ atti delegati.

(99)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjonibiex tispeċifika l-miżuri li għandhom jiġu implimentati mill-gwardjani sabiex jikkonformaw b’mod effettiv mal-obbligi skont dan ir-Regolament; biex tissospendi, kompletament jew parzjalment, obbligu speċifiku impost fuq gwardjan; biex teżenta gwardjan, kompletament jew parzjalment, minn obbligu speċifiku; biex tispeċifika l-miżuri li għandhom jiġu implimentati minn gwardjan meta jevita l-obbligi skont dan ir-Regolament; biex tikkonkludi investigazzjoni tas-suq għad-deżinjazzjoni tal-gwardjani; biex timponi rimedji fil-każ ta’ nonkonformità sistematika; biex tordna miżuri interim kontra gwardjan; biex tagħmel l-impenji vinkolanti fuq gwardjan; biex tistabbilixxi s-sejba tagħha ta’ nonkonformità; biex tistabbilixxi l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta’ penali; biex tiddetermina l-forma, il-kontenut u dettalji oħra ta’ notifiki, sottomissjonijiet ta’ informazzjoni, talbiet motivati u rapporti regolatorji trażmessi mill-gwardjani; biex tistabbilixxi arranġamenti operazzjonali u tekniċi fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà u l-metodoloġija u l-proċedura għad-deskrizzjoni awditjata tat-tekniki użati għat-tfassil tal-profili tal-konsumaturi; biex tipprevedi arranġamenti prattiċi għall-proċedimenti, l-estensjonijiet tal-iskadenzi, l-eżerċitar tad-drittijiet matul il-proċedimenti, it-termini tal-iżvelar, kif ukoll il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(100)

Jenħtieġ li l-proċedura ta’ eżami tintuża għall-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni dwar l-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Il-proċedura konsultattiva jenħtieġ tintuża għall-bqija tal-atti ta’ implimentazzjoni previsti minn dan ir-Regolament. Dan huwa ġġustifikat mill-fatt li dawk l-atti ta’ implimentazzjoni li fadal huma relatati mal-aspetti prattiċi tal-proċeduri stipulati f’dan ir-Regolament, bħall-forma, il-kontenut u dettalji oħra ta’ diversi passi proċedurali, mal-arranġamenti prattiċi ta’ passi proċedurali differenti, bħal, pereżempju, l-estensjoni ta’ skadenzi proċedurali jew id-dritt għal smigħ, kif ukoll mad-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni individwali indirizzati lill-gwardjan.

(101)

F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011, kull Stat Membru jenħtieġ li jkun rappreżentat fil-kumitat konsultattiv u jiddeċiedi dwar il-kompożizzjoni tad-delegazzjoni tiegħu. Tali delegazzjoni tista’ tinkludi, fost l-oħrajn, esperti mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, li jkollhom l-għarfien espert rilevanti għal kwistjoni speċifika ppreżentata lill-kumitat konsultattiv.

(102)

L-informaturi jistgħu jġibu informazzjoni ġdida għall-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti li tista’ tgħin lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw ksur ta’ dan ir-Regolament u tippermettilhom jimponu penali. Jenħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ arranġamenti adegwati li jippermettu lill-informaturi jwissu lill-awtoritajiet kompetenti dwar ksur reali jew potenzjali ta’ dan ir-Regolament u li l-informaturi jiġu protetti minn kwalunkwe ritaljazzjoni. Għal dak il-għan, jenħtieġ li f’dan ir-Regolament jiġi previst li d-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) hija applikabbli għar-rappurtar ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament u għall-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw tali ksur.

(103)

Sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali, l-applikabbiltà, skont dan ir-Regolament, tad-Direttiva (UE) 2019/1937 għar-rapporti ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament u għall-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw tali ksur jenħtieġ li tiġi riflessa f’dik id-Direttiva. Jenħtieġ għalhekk li l-Anness għad-Direttiva (UE) 2019/1937 jiġi emendat skont dan. Huwa f’idejn l-Istati Membri li jiżguraw li dik l-emenda tkun riflessa fil-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom adottati f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/1937, għalkemm l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali mhijiex kondizzjoni għall-applikabbiltà ta’ dik id-Direttiva għar-rappurtar ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament u għall-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(104)

Il-konsumaturi jenħtieġ li jkunu intitolati jinfurzaw id-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-obbligi imposti fuq il-gwardjani skont dan ir-Regolament permezz ta’ azzjonijiet rappreżentattivi f’konformità mad-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21). Għal dak il-għan, dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprevedi li d-Direttiva (UE) 2020/1828 hija applikabbli għall-azzjonijiet rappreżentattivi mressqa kontra l-ksur mill-gwardjani tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jagħmlu ħsara jew li jistgħu jagħmlu ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi. Jenħtieġ għalhekk li l-Anness għal dik id-Direttiva jiġi emendat skont dan. Huwa f’idejn l-Istati Membri li jiżguraw li dik l-emenda tkun riflessa fil-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom adottati f’konformità mad-Direttiva (UE) 2020/1828, għalkemm l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali f’dan ir-rigward mhijiex kondizzjoni għall-applikabbiltà ta’ dik id-Direttiva għal dawk l-azzjonijiet rappreżentattivi. L-applikabbiltà tad-Direttiva (UE) 2020/1828 għall-azzjonijiet rappreżentattivi mressqa kontra l-ksur mill-gwardjani tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jagħmlu ħsara jew li jistgħu jagħmlu ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi jenħtieġ li tibda mid-data tal-applikazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri meħtieġa għat-traspożizzjoni ta’ dik id-Direttiva, jew mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, skont liema minnhom tkun l-aktar reċenti.

(105)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa perjodikament dan ir-Regolament u timmonitorja mill-qrib l-effetti tiegħu fuq il-kontestabbiltà u l-ġustizzja tar-relazzjonijiet kummerċjali fl-ekonomija tal-pjattaformi online, b’mod partikolari biex tistabbilixxi l-ħtieġa ta’ emendi fid-dawl ta’ żviluppi teknoloġiċi jew kummerċjali rilevanti. Dik l-evalwazzjoni jenħtieġ li tinkludi r-rieżami regolari tal-lista tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma u tal-obbligi indirizzati lill-gwardjani, kif ukoll l-infurzar tagħhom biex jiġi żgurat li s-swieq diġitali madwar l-Unjoni jkunu kontestabbli u ġusti. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu li jikkonċerna l-interoperabbiltà tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi indipendenti min-numri. Biex tinkiseb stampa wiesgħa tal-iżviluppi fis-settur diġitali, jenħtieġ li l-evalwazzjoni tqis l-esperjenzi tal-Istati Membri u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kummissjoni li tikkunsidra wkoll l-opinjonijiet u r-rapporti ppreżentati lilha mill-Osservatorju dwar l-Ekonomija tal-Pjattaformi Online li ġie stabbilit għall-ewwel darba bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018)2393 tas-26 ta’ April 2018. Wara l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ tieħu l-miżuri xierqa. Jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm livell għoli ta’ protezzjoni u rispett għad-drittijiet u l-valuri komuni, b’mod partikolari l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, bħala objettiv fit-twettiq tal-valutazzjonijiet u tar-rieżami tal-prattiki u tal-obbligi previsti f’dan ir-Regolament.

(106)

Mingħajr preġudizzju għall-proċedura baġitarja u permezz tal-istrumenti finanzjarji eżistenti, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata riżorsi umani, finanzjarji u tekniċi adegwati biex jiġi żgurat li tkun tista’ twettaq id-dmirijiet tagħha b’mod effettiv u teżerċita s-setgħat tagħha b’rabta mal-infurzar ta’ dan ir-Regolament.

(107)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiżgura settur diġitali kontestabbli u ġust b’mod ġenerali u servizzi ewlenin ta’ pjattaforma b’mod partikolari, bil-ħsieb li jippromwovi l-innovazzjoni, il-kwalità għolja tal-prodotti u s-servizzi diġitali, prezzijiet ġusti u kompetittivi, kif ukoll kwalità għolja u għażla għall-utenti finali fis-settur diġitali, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-mudell kummerċjali u l-operazzjonijiet tal-gwardjani u l-iskala u l-effetti tal-operazzjonijiet tagħhom, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv.

(108)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fl-10 ta’ Frar 2021 (22).

(109)

Dan ir-Regolament iħares id-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 16, 47 u 50 tagħha. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jirrispettaw dawk id-drittijiet u l-prinċipji,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jikontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jistabbilixxi regoli armonizzati li jiżguraw swieq kontestabbli u ġusti għan-negozji kollha fis-settur diġitali madwar l-Unjoni fejn ikunu preżenti gwardjani, għall-benefiċċju tal-utenti kummerċjali u tal-utenti finali.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal servizzi ewlenin ta’ pjattaforma pprovduti jew offruti minn gwardjani lil utenti kummerċjali stabbiliti fl-Unjoni jew lil utenti finali stabbiliti jew li jinsabu fl-Unjoni, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment jew ta’ residenza tal-gwardjani u irrispettivament mil-liġi applikabbli mod ieħor għall-forniment ta’ servizz.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal swieq relatati ma’:

(a)

networks tal-komunikazzjoni elettronika kif definit fl-Artikolu 2, punt (1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(b)

servizzi tal-komunikazzjoni elettronika kif definit fl-Artikolu 2, punt (4) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, għajr dawk relatati ma’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri.

4.   Fir-rigward ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali kif definit fl-Artikolu 2, punt (5) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għas-setgħat u r-responsabbiltajiet mogħtija lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u lil awtoritajiet kompetenti oħra permezz tal-Artikolu 61 ta’ dik id-Direttiva.

5.   Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern, l-Istati Membri ma għandhomx jimponu obbligi ulterjuri fuq il-gwardjani permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew miżuri amministrattivi bil-għan li jiżguraw swieq kontestabbli u ġusti. Xejn f’dan ir-Regolament ma jipprekludi lill-Istati Membri milli jimponu obbligi fuq l-impriżi, inkluż impriżi li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, għal kwistjonijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, dment li dawk l-obbligi jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni u ma jirriżultawx mill-fatt li l-impriżi rilevanti jkollhom l-istatus ta’ gwardjan skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament..

6.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Huwa wkoll mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’:

(a)

regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni li jipprojbixxu ftehimiet li jkunu antikompetittivi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, prattiki miftiehma u abbużi ta’ pożizzjonijiet dominanti;

(b)

regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni li jipprojbixxu forom oħra ta’ mġiba unilaterali dment li dawn jiġu applikati għall-impriżi li mhumiex gwardjani jew jammontaw għall-impożizzjoni ta’ aktar obbligi fuq il-gwardjani; u

(c)

ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (23) u r-regoli nazzjonali dwar il-kontroll tal-amalgamazzjonijiet.

7.   L-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib u jikkoordinaw l-azzjonijiet ta’ infurzar tagħhom abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 37 u 38.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“gwardjan” tfisser impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, ddeżinjata skont l-Artikolu 3;

(2)

“servizz ewlieni ta’ pjattaforma” tfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

servizzi ta’ intermedjazzjoni online;

(b)

magni tat-tiftix online;

(c)

servizzi ta’ networking soċjali online;

(d)

servizzi ta’ pjattaforma tal-video-sharing;

(e)

servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri;

(f)

sistemi operattivi;

(g)

web browsers;

(h)

assistenti virtwali;

(i)

servizzi ta’ cloud computing;

(j)

servizzi ta’ reklamar online, inkluż kwalunkwe network ta’ reklamar, skambji ta’ reklamar u kwalunkwe servizz ieħor ta’ intermedjazzjoni tar-reklamar, ipprovduti minn impriża li tipprovdi kwalunkwe mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma elenkati fil-punti (a) sa (i);

(3)

“servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” tfisser kwalunkwe servizz kif definit fl-Artikolu 1(1), punt (b), tad-Direttiva (UE) 2015/1535;

(4)

“settur diġitali” tfisser is-settur tal-prodotti u s-servizzi pprovduti permezz ta’, jew permezz ta’, servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni;

(5)

“servizzi ta’ intermedjazzjoni online” tfisser servizzi ta’ intermedjazzjoni online kif definit fl-Artikolu 2, punt (2), tar-Regolament (UE) 2019/1150;

(6)

“magna tat-tiftix online” tfisser magna tat-tiftix online kif definit fl-Artikolu 2, punt (5), tar-Regolament (UE) 2019/1150;

(7)

“servizz ta’ networking soċjali online” tfisser pjattaforma li tippermetti lill-utenti finali jikkonnettjaw u jikkomunikaw ma’ xulxin, jikkondividu l-kontenut u jiskopru utenti u kontenut oħrajn fost diversi apparati, u b’mod partikolari permezz ta’ chats, posts, vidjos u rakkomandazzjonijiet;

(8)

‘‘servizz ta’ pjattaforma tal-video-sharing’’ tfisser servizz ta’ pjattaforma tal-video-sharing kif definit fl-Artikolu 1(1), punt (aa), tad-Direttiva 2010/13/UE;

(9)

“servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri” tfisser servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri kif definit fl-Artikolu 2, punt (7), tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(10)

“sistema operattiva” tfisser software tas-sistema li jikkontrolla l-funzjonijiet bażiċi tal-hardware jew tas-software u li jippermetti li l-applikazzjonijiet tas-software jaħdmu fuqu;

(11)

“web browser” tfisser applikazzjoni tas-software li tippermetti l-utenti finali jaċċessaw u jinteraġixxu ma’ kontenut ospitat fuq servers konnessi ma’ networks bħall-internet, inkluż browsers awtonomi kif ukoll browsers integrati jew inkorporati f’software jew apparat simili;

(12)

‘‘assistent virtwali’’ tfisser software li jista’ jipproċessa domandi, kompiti jew mistoqsijiet, inkluż dawk ibbażati fuq awdjo, viżiv, input bil-miktub, ġesti jew mozzjonijiet, u li, abbażi ta’ dawk id-domandi, il-kompiti jew il-mistoqsijiet, jipprovdi aċċess għal servizzi oħra jew jikkontrolla apparati fiżiċi konnessi;

(13)

“servizz ta’ cloud computing” tfisser servizz ta’ cloud computing kif definit fl-Artikolu 4, punt (19), tad-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24);

(14)

“ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software” tfisser tip ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li hu ffukat fuq applikazzjonijiet tas-software bħala l-prodott jew is-servizz intermedjat;

(15)

“applikazzjoni tas-software” tfisser prodott jew servizz diġitali li jaħdem fuq sistema operattiva;

(16)

“servizz ta’ pagament” tfisser servizz ta’ pagament kif definit fl-Artikolu 4, punt (3) tad-Direttiva (UE) 2015/2366;

(17)

‘‘servizz tekniku ta’ appoġġ għas-servizz ta’ pagament’’ tfisser servizz skont it-tifsira tal-Artikolu 3, punt (j), tad-Direttiva (UE) 2015/2366;

(18)

‘‘sistema ta’ pagament għal xiri in-app’’ tfisser applikazzjoni tas-software, servizz jew interfaċċa tal-utent li tiffaċilita x-xiri ta’ kontenut diġitali jew servizzi diġitali fi ħdan applikazzjoni ta’ software, inkluż kontenut, abbonamenti, karatteristiċi jew funzjonalità, u l-pagamenti għal tali xiri;

(19)

“servizz ta’ identifikazzjoni” tfisser tip ta’ servizz ipprovdut flimkien ma’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew b’appoġġ għalihom li jippermetti kwalunkwe tip ta’ verifika tal-identità tal-utenti finali jew tal-utenti kummerċjali, irrispettivament mit-teknoloġija użata;

(20)

“utent finali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tuża servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, għajr utent kummerċjali;

(21)

“utent kummerċjali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi f’kapaċità kummerċjali jew professjonali u li tuża servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għall-fini li tipprovdi, jew waqt li tkun qed tipprovdi, oġġetti jew servizzi lill-utenti finali;

(22)

‘‘klassifikazzjoni’’ tfisser il-prominenza relattiva mogħtija lil prodotti jew servizzi offruti permezz ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, servizzi ta’ networking soċjali online, servizzi ta’ pjattaforma tal-video-sharing jew assistenti virtwali, jew ir-rilevanza mogħtija lir-riżultati tat-tiftix minn magni tat-tiftix online, kif ippreżentati, organizzati jew ikkomunikati mill-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ intermedjazzjoni online, servizzi ta’ networking soċjali online, servizzi ta’ pjattaforma tal-video-sharing, assistenti virtwali jew magni tat-tiftix online, irrispettivament mill-mezzi teknoloġiċi użati għal tali preżentazzjoni, organizzazzjoni jew komunikazzjoni u irrispettivament minn jekk jiġix ippreżentat jew ikkomunikat riżultat wieħed biss;

(23)

“riżultati tat-tiftix” tfisser kwalunkwe informazzjoni fi kwalunkwe format, inkluż outputs testwali, grafiċi, vokali jew oħrajn, irritornati bi tweġiba għal, u relatati ma’, mistoqsija ta’ tfittxija, irrispettivament minn jekk l-informazzjoni rritornata hijiex riżultat imħallas jew mhux imħallas, tweġiba diretta jew kwalunkwe prodott, servizz jew informazzjoni offruti b’rabta mar-riżultati organiċi, jew murija flimkien magħhom jew integrata parzjalment jew kompletament magħhom;

(24)

“data” tfisser kwalunkwe rappreżentazzjoni diġitali ta’ atti, fatti jew informazzjoni u kwalunkwe kompilazzjoni ta’ dawn l-atti, fatti jew informazzjoni, inkluż fil-forma ta’ reġistrazzjoni awdjo, viżiva jew awdjoviżiva;

(25)

“data personali” tfisser data personali kif definit fl-Artikolu 4, punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(26)

“data mhux personali” tfisser data għajr id-data personali;

(27)

‘‘impriża’’ tfisser entità involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata, inkluż l-intrapriżi relatati jew l-impriżi konnessi kollha li jiffurmaw grupp permezz tal-kontroll dirett jew indirett ta’ intrapriża jew impriża minn intrapriża jew impriża oħra;

(28)

“kontroll” tfisser il-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq impriża, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004;

(29)

‘‘interoperabbiltà’’ tfisser l-abbiltà li tiġi skambjata informazzjoni u li l-informazzjoni li tkun ġiet skambjata permezz ta’ interfaċċi jew soluzzjonijiet oħra tintuża b’mod reċiproku, sabiex l-elementi kollha tal-hardware jew tas-software jaħdmu ma’ hardware u software ieħor u mal-utenti fil-modi kollha li bihom huma maħsuba biex jiffunzjonaw;

(30)

“fatturat” tfisser l-ammont derivat minn impriża fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004;

(31)

“tfassil tal-profili” tfisser tfassil tal-profili kif definit fl-Artikolu 4, punt (4), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(32)

“kunsens” tfisser kunsens kif definit fl-Artikolu 4, punt (11), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(33)

“qorti nazzjonali” tfisser qorti jew tribunal ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

KAPITOLU II

GWARDJANI

Artikolu 3

Deżinjazzjoni tal-gwardjani

1.   Impriża għandha tiġi deżinjata bħala gwardjan jekk:

(a)

ikollha impatt sinifikanti fuq is-suq intern;

(b)

tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma li jkun gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lil utenti finali; u

(c)

tgawdi minn pożizzjoni stabbilita u dejjiema, fl-operazzjonijiet tagħha, jew ikun prevedibbli li fil-futur qrib ser tgawdi tali pożizzjoni.

2.   Impriża għandha titqies li tissodisfa r-rekwiżiti rispettivi fil-paragrafu 1:

(a)

fir-rigward tal-paragrafu 1, punt (a), meta tikseb fatturat annwali fl-Unjoni ta’ EUR 7,5 biljun jew aktar f’kull waħda mill-aħħar tliet snin finanzjarji, jew meta l-kapitalizzazzjoni medja tas-suq tagħha jew il-valur ġust ekwivalenti tas-suq tagħha jammontaw għal mill-inqas EUR 75 biljun fl-aħħar sena finanzjarja, u tkun tipprovdi l-istess servizz ewlieni ta’ pjattaforma f’mill-inqas tliet Stati Membri;

(b)

fir-rigward tal-paragrafu 1, punt (b), meta tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma li fl-aħħar sena finanzjarja jkollu ta’ mill-inqas 45 miljun utent finali attiv fix-xahar stabbiliti jew li jinsabu fl-Unjoni u mill-inqas 10 000 utent kummerċjali attiv fis-sena stabbiliti fl-Unjoni, identifikati u kkalkulati skont il-metodoloġija u l-indikaturi stabbiliti fl-Anness;

(c)

fir-rigward tal-paragrafu 1, punt (c), fejn il-limiti fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu jkunu ntlaħqu f’kull waħda mit-tliet snin finanzjarji tal-aħħar.

3.   Meta impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tilħaq il-limiti kollha fil-paragrafu 2, din għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’dan mingħajr dewmien u, fi kwalunkwe każ, fi żmien xahrejn wara li dawk il-limiti jkunu ntlaħqu u tipprovdilha l-informazzjoni rilevanti identifikata fil-paragrafu 2. Dik in-notifika għandha tinkludi l-informazzjoni rilevanti identifikata fil-paragrafu 2 għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma tal-impriża li tilħaq il-limiti fil-paragrafu 2, punt (b). Kull meta servizz ewlieni ta’ pjattaforma ieħor ipprovdut mill-impriża li qabel kienet iddeżinjata bħala gwardjan jilħaq il-limiti fil-paragrafu 2, punti (b) u (c), tali impriża għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’dan fi żmien xahrejn wara li jintlaħqu dawk il-limiti.

Meta l-impriża li tipprovdi s-servizz ewlieni ta’ pjattaforma tonqos milli tinnotifika lill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u tonqos milli tipprovdi sal-iskadenza stabbilita mill-Kummissjoni fit-talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 21 l-informazzjoni rilevanti kollha li hija meħtieġa biex il-Kummissjoni tiddeżinja l-impriża kkonċernata bħala gwardjan skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni xorta waħda għandha tkun intitolata tiddeżinja lil dik l-impriża bħala gwardjan, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni.

Meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tikkonforma mat-talba għal informazzjoni skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jew meta l-informazzjoni hija pprovduta wara l-iskadenza msemmija f’dak is-subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tapplika l-proċedura stabbilita fil-paragrafu 4.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiddeżinja bħala gwardjan, mingħajr dewmien żejjed u sa mhux aktar tard minn 45 jum tax-xogħol wara li tirċievi l-informazzjoni kompluta msemmija fil-paragrafu 3, impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tilħaq il-limiti kollha tal-paragrafu 2.

5.   L-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tista’ tippreżenta, bin-notifika tagħha, argumenti sostanzjati biżżejjed biex turi li, eċċezzjonalment, għalkemm tilħaq il-limiti kollha fil-paragrafu 2, minħabba ċ-ċirkostanzi li fihom jopera s-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, hija ma tissodisfax ir-rekwiżiti elenkati fil-paragrafu 1.

Meta l-Kummissjoni tqis li l-argumenti mressqa skont l-ewwel subparagrafu mill-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ma jkunux sostanzjati biżżejjed minħabba li ma jixħtux dubju ċar fuq il-preżunzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, hija tista’ tirrifjuta dawk l-argumenti fil-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 4, mingħajr ma tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(3).

Meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tippreżenta tali argumenti sostanzjati biżżejjed li b’mod ċar jixħtu dubju fuq il-preżunzjonijiet fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’, minkejja l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, fil-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(3).

Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ma setgħetx turi li s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti li tipprovdi ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, hija għandha tiddeżinja lil dik l-impriża bħala gwardjan skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(3).

6.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika l-metodoloġija li tiddetermina jekk jintlaħqux il-limiti kwantitattivi stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u biex taġġusta dik il-metodoloġija regolarment skont żviluppi teknoloġiċi u tas-suq, fejn meħtieġ.

7.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex temenda dan ir-Regolament billi taġġorna l-metodoloġija u l-lista ta’ indikaturi stabbiliti fl-Anness.

8.   Il-Kummissjoni għandha tiddeżinja bħala gwardjan, f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 17, kwalunkwe impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tissodisfa kull wieħed mir-rekwiżiti tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, iżda li ma tilħaqx kull wieħed mil-limiti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tqis l-elementi kollha li ġejjin jew uħud minnhom, sa fejn huma rilevanti għall-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tkun qed tiġi kkunsidrata:

(a)

id-daqs, inkluż il-fatturat u l-kapitalizzazzjoni tas-suq, l-operazzjonijiet u l-pożizzjoni ta’ dik l-impriża;

(b)

l-għadd ta’ utenti kummerċjali li jużaw is-servizz ewlieni ta’ pjattaforma biex jilħqu l-utenti finali, u l-għadd ta’ utenti finali;

(c)

l-effetti tan-network u vantaġġi xprunati mid-data, b’mod partikolari b’rabta mal-aċċess ta’ dik l-impriża għad-data personali u data mhux personali u l-ġbir tagħha, jew il-kapaċitajiet analitiċi tagħha;

(d)

kwalunkwe skala u effett tal-kamp ta’ applikazzjoni li minnhom tibbenefika l-impriża, inkluż fir-rigward tad-data, u, fejn rilevanti, tal-attivitajiet tagħha barra mill-Unjoni;

(e)

l-intrappolament tal-utent kummerċjali jew tal-utent finali, inkluż l-ispejjeż tal-bdil u l-preġudizzji marbutin mal-imġiba li jnaqqsu l-abbiltà tal-utenti kummerċjali u tal-utenti finali li jibdlu s-servizz jew jużaw multi-homing;

(f)

struttura korporattiva ta’ konglomerat jew integrazzjoni vertikali ta’ dik l-impriża, pereżempju li tippermetti lil dik l-impriża li tissussidja reċiprokament, tikkombina data minn sorsi differenti jew tingrana l-pożizzjoni tagħha; jew

(g)

karatteristiċi strutturali oħra tan-negozju jew tas-servizz.

Fit-twettiq tal-valutazzjoni tagħha skont dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tqis l-iżviluppi prevedibbli b’rabta mal-elementi elenkati fit-tieni subparagrafu, inkluż kwalunkwe konċentrazzjoni ppjanata li tinvolvi impriża oħra li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew li tipprovdi kwalunkwe servizz ieħor fis-settur diġitali jew li tippermetti l-ġbir ta’ data.

Meta impriża li tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma li ma tilħaqx il-limiti kwantitattivi tal-paragrafu 2 tonqos b’mod sinifikanti milli tikkonforma mal-miżuri investigattivi ordnati mill-Kummissjoni, u dak in-nuqqas jippersisti wara li dik l-impriża tkun ġiet mistiedna tikkonforma f’limitu ta’ żmien raġonevoli u tressaq osservazzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tiddeżinja dik l-impriża bħala gwardjan abbażi tal-fatti disponibbli għall-Kummissjoni.

9.   Għal kull impriża ddeżinjata bħala gwardjan skont il-paragrafu 4 jew 8, il-Kummissjoni għandha telenka fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti li huma pprovduti fi ħdan dik l-impriża u li individwalment huma gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali kif imsemmi fil-paragrafu 1, punt (b).

10.   Il-gwardjan għandu jikkonforma mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 fi żmien 6 xhur wara li servizz ewlieni ta’ pjattaforma jkun ġie elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 4

Rieżami tal-istatus tal-gwardjan

1.   Meta tintalab, jew b’inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra mill-ġdid, temenda jew tħassar fi kwalunkwe mument deċiżjoni tad-deżinjazzjoni adottata skont l-Artikolu 3 għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

tkun saret bidla sostanzjali fi kwalunkwe wieħed mill-fatti li fuqhom issejset id-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni;

(b)

id-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni tkun issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina regolarment, u mill-inqas kull 3 snin, jekk il-gwardjani għadhomx jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1). Dak ir-rieżami għandu jeżamina wkoll jekk il-lista ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan li huma individwalment gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1), punt (b), teħtieġx li tiġi emendata. Dawk ir-rieżamijiet ma għandu jkollhom l-ebda effett ta’ sospensjoni fuq l-obbligi tal-gwardjan.

Il-Kummissjoni għandha teżamina wkoll mill-inqas kull sena jekk impriżi ġodda li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jissodisfawx dawk ir-rekwiżiti.

Meta l-Kummissjoni, abbażi tar-rieżamijiet skont l-ewwel subparagrafu, issib li nbidlu l-fatti li fuqhom issejset id-deżinjazzjoni tal-impriżi li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma bħala gwardjani, hija għandha tadotta deċiżjoni li tikkonferma, temenda jew tħassar id-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna kontinwament il-lista tal-gwardjani u l-lista tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li għalihom jeħtieġ jikkonformaw mal-obbligi stipulati fil-Kapitolu III.

KAPITOLU III

PRATTIKI TA’ GWARDJANI LI JILLIMITAW IL-KONTESTABBILTÀ JEW LI HUMA INĠUSTI

Artikolu 5

Obbligi għall-gwardjani

1.   Il-gwardjan għandu jikkonforma mal-obbligi kollha stabbiliti f’dan l-Artikolu fir-rigward ta’ kull wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tiegħu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9).

2.   Il-gwardjan ma għandux jagħmel dan li ġej:

(a)

jipproċessa, għall-fini tal-forniment ta’ servizzi ta’ reklamar online, data personali tal-utenti finali li jużaw servizzi ta’ partijiet terzi li jagħmlu użu minn servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan;

(b)

jikkombina data personali mis-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti ma’ data personali minn kwalunkwe servizz ewleni ulterjuri ta’ pjattaforma jew minn kwalunkwe servizz ieħor ipprovdut mill-gwardjan jew ma’ data personali minn servizzi ta’ partijiet terzi;

(c)

juża b’mod inkroċjat data personali mis-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti f’servizzi oħra pprovduti separatament mill-gwardjan, inkluż servizzi ewlenin oħra ta’ pjattaforma, u viċi versa; u

(d)

jikkonnettja utenti finali għal servizzi oħra tal-gwardjan sabiex jikkombina data personali,

sakemm l-utent finali ma jkunx ġie ppreżentat bl-għażla speċifika u ma jkunx ta l-kunsens fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4, punt (11), u l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2016/679.

Meta l-kunsens mogħti għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu jkun ġie rrifjutat jew irtirat mill-utent finali, il-gwardjan ma għandux jirrepeti t-talba tiegħu għal kunsens għall-istess fini aktar minn darba f’perjodu ta’ sena.

Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-gwardjan jiddependi fuq l-Artikolu 6(1), punti (c), (d) u (e) tar-Regolament (UE) 2016/679, fejn applikabbli.

3.   Il-gwardjan ma għandux jipprevjeni lill-utenti kummerċjali milli joffru l-istess prodotti jew servizzi lill-utenti finali permezz tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online ta’ partijiet terzi jew permezz tal-kanal ta’ bejgħ dirett online tagħhom bi prezzijiet jew b’kundizzjonijiet differenti minn dawk offruti mis-servizzi ta’ intermedjazzjoni online tal-gwardjan.

4.   Il-gwardjan għandu jippermetti lill-utenti kummerċjali, mingħajr ħlas, jikkomunikaw u jippromwovu offerti, inkluż b’kondizzjonijiet differenti, lill-utenti finali akkwistati permezz tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma tiegħu jew b’mezzi oħra, u jikkonkludu kuntratti ma’ dawk l-utenti finali, irrispettivament minn jekk jużawx is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan għal dak l-iskop.

5.   Il-gwardjan għandu jippermetti lill-utenti finali jaċċessaw u jużaw, permezz tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tiegħu, il-kontenut, l-abbonamenti, il-karatteristiċi jew oġġetti oħra billi jużaw l-applikazzjoni tas-software ta’ utent kummerċjali, inkluż meta dawk l-utenti finali jkunu akkwistaw tali oġġetti mingħand l-utent kummerċjali rilevanti mingħajr ma jużaw is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan.

6.   Il-gwardjan ma għandux jipprevjeni jew jirrestrinġi direttament jew indirettament lill-utenti kummerċjali jew lill-utenti finali milli jqajmu kwalunkwe kwistjoni ta’ nonkonformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni jew dik nazzjonali mill-gwardjan ma’ kwalunkwe awtorità pubblika rilevanti, inkluż il-qrati nazzjonali, b’rabta ma’ kwalunkwe prattika tal-gwardjan. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-utenti kummerċjali u tal-gwardjani li jistabbilixxu fil-ftehimiet tagħhom it-termini tal-użu tal-mekkaniżmi legali għat-trattament tal-ilmenti.

7.   Il-gwardjan ma għandux jirrikjedi lill-utenti finali jużaw, jew lill-utenti kummerċjali jużaw, joffru, jew jinteroperaw ma’ servizz ta’ identifikazzjoni, web browsers jew servizz ta’ pagament, jew servizzi tekniċi li jappoġġjaw il-forniment ta’ servizzi ta’ pagament, bħal sistemi ta’ pagament għal xiri in-app, ta’ dak il-gwardjan fil-kuntest ta’ servizzi pprovduti mill-utenti kummerċjali li jużaw is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ta’ dak il-gwardjan.

8.   Il-gwardjan ma għandux jirrikjedi lill-utenti kummerċjali jew lill-utenti finali jabbonaw ma’, jew jirreġistraw ma’, kwalunkwe servizz ewlieni ulterjuri ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) jew li jilħaq il-limiti fl-Artikolu 3(2), punt (b), bħala kondizzjoni biex ikunu jistgħu jużaw, jaċċessaw, jirreġistraw għal jew jirreġistraw ma’ xi wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ta’ dak il-gwardjan elenkati skont dak l-Artikolu.

9.   Il-gwardjan għandu, fuq talba tar-reklamatur, jipprovdi lil kull reklamatur li lilu jipprovdi servizzi ta’ reklamar online, jew lil partijiet terzi awtorizzati mir-reklamaturi, informazzjoni rigward dan li ġej, ta’ kuljum u mingħajr ħlas dwar kull reklam li jsir mir-reklamatur:

(a)

il-prezz u t-tariffi mħallsa minn dak ir-reklamatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, għal kull wieħed mis-servizzi ta’ reklamar online rilevanti pprovduti mill-gwardjan,

(b)

ir-remunerazzjoni li jirċievi l-pubblikatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, soġġett għall-kunsens tal-pubblikatur; u

(c)

il-metriċi li fuqhom jiġi kkalkulat kull wieħed mill-prezzijiet, it-tariffi u r-remunerazzjonijiet.

F’każ li pubblikatur ma jagħtix il-kunsens tiegħu għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni riċevuta, kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, il-gwardjan għandu jipprovdi lil kull reklamatur mingħajr ħlas informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni medja ta’ kuljum riċevuta minn dak il-pubblikatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, għar-reklami rilevanti.

10.   Il-gwardjan għandu, fuq talba tal-pubblikatur, jipprovdi lil kull pubblikatur li lilu jipprovdi servizzi ta’ reklamar online, jew lil partijiet terzi awtorizzati mill-pubblikatur, informazzjoni rigward dan li ġej, ta’ kuljum u mingħajr ħlas dwar kull reklam muri fuq l-inventarju tal-pubblikatur:

(a)

ir-remunerazzjoni riċevuta u t-tariffi mħallsa minn dak il-pubblikatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, għal kull wieħed mis-servizzi ta’ reklamar online rilevanti pprovduti mill-gwardjan;

(b)

il-prezz imħallas mir-reklamatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, soġġett għall-kunsens tar-reklamatur; u

(c)

il-metriċi li fuqhom jiġi kkalkulat kull wieħed mill-prezzijiet u r-remunerazzjonijiet.

F’każ li reklamatur ma jagħtix il-kunsens tiegħu għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni, il-gwardjan għandu jipprovdi lil kull pubblikatur informazzjoni mingħajr ħlas dwar il-prezz medju ta’ kuljum imħallas minn dak ir-reklamatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, għar-reklami rilevanti.

Artikolu 6

Obbligi għall-gwardjani li huma suxxettibbli li jiġu speċifikati aktar skont l-Artikolu 8

1.   Il-gwardjan għandu jikkonforma mal-obbligi kollha stabbilti f’dan l-Artikolu fir-rigward ta’ kull wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tiegħu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9).

2.   Il-gwardjan ma għandux juża, f’kompetizzjoni mal-utenti kummerċjali, kwalunkwe data li ma tkunx disponibbli għall-pubbliku li tiġi ġġenerata jew ipprovduta minn dawk l-utenti kummerċjali fil-kuntest tal-użu tagħhom tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jew tas-servizzi pprovduti flimkien mas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jew b’appoġġ għalihom, inkluż data ġġenerata jew ipprovduta mill-konsumaturi ta’ dawk l-utenti kummerċjali.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, id-data li mhijiex disponibbli pubblikament għandha tinkludi kwalunkwe data aggregata u mhux aggregata ġġenerata mill-utenti kummerċjali li tista’ tiġi dedotta mill-attivitajiet kummerċjali tal-utenti kummerċjali jew tal-konsumaturi tagħhom jew miġbura permezz tagħhom, inkluż data dwar il-klikks, it-tiftix, il-viżjonijiet u l-vuċi, dwar is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jew dwar servizzi pprovduti flimkien ma’, jew b’appoġġ għas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti tal-gwardjan.

3.   Il-gwardjan għandu jippermetti u jagħmel possibbli b’mod tekniku li l-utenti finali jneħħu faċilment kwalunkwe applikazzjoni tas-software fis-sistema operattiva tal-gwardjan, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li dak il-gwardjan jillimita din id-diżinstallazzjoni b’rabta ma’ applikazzjonijiet tas-software li huma essenzjali għall-funzjonament tas-sistema operattiva jew tal-apparat u li ma jistgħux teknikament jiġu offruti waħedhom minn partijiet terzi.

Il-gwardjan għandu jippermetti u jagħmel possibbli b’mod tekniku li l-utenti finali jibdlu faċilment is-settings prestabbiliti fis-sistema operattiva, l-assistent virtwali u l-web browser tal-gwardjan li jidderieġu jew imexxu lill-utenti finali lejn prodotti jew servizzi pprovduti mill-gwardjan. Dan jinkludi t-tħeġġiġ tal-utenti finali, fil-mument tal-ewwel użu mill-utenti finali ta’ magna tat-tiftix online, assistent virtwali jew web browser tal-gwardjan elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), biex jagħżlu, minn lista tal-fornituri tas-servizzi ewlenin disponibbli, il-magna tat-tiftix online, l-assistent virtwali jew il-web browser li s-sistema operattiva tal-gwardjan tidderieġi jew tmexxi lill-utenti b’mod awtomatiku, u l-magna tat-tiftix online li l-assistent virtwali u l-web browser tal-gwardjan jidderieġu jew imexxu lill-utenti b’mod prestabbilit.

4.   Il-gwardjan għandu jippermetti u jagħmel possibbli b’mod tekniku l-installazzjoni u l-użu effettiv ta’ applikazzjonijiet tas-software jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi li jużaw, jew li joperaw ma’, sistemi operattivi tiegħu, u jippermetti li dawk l-applikazzjonijiet tas-software jew il-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software jiġu aċċessati b’mezzi oħra għajr is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti ta’ dak il-gwardjan. Fejn applikabbli, il-gwardjan ma għandux iwaqqaf l-applikazzjonijiet tas-software jew il-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ parti terza li jkunu niżżlu milli jħeġġu lill-utenti finali jiddeċiedu jekk iridux jissettjawhom bħala prestabbiliti. Il-gwardjan għandu jagħmilha possibbli b’mod tekniku li l-utenti finali li jiddeċiedu li jissettjaw dik l-applikazzjoni tas-software jew il-ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software li jkunu niżżlu bħala prestabbiliti biex iwettqu dik il-bidla faċilment.

Il-gwardjan ma għandux jitwaqqaf milli jieħu, sa fejn huma strettament meħtieġa u proporzjonati, miżuri biex jiżgura li applikazzjonijiet tas-software jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi ma jipperikolawx l-integrità tal-hardware jew tas-sistema operattiva pprovduta mill-gwardjan, dment li tali miżuri jkunu debitament ġustifikati mill-gwardjan.

Barra minn hekk, il-gwardjan ma għandux jitwaqqaf milli japplika, sa fejn huma strettament meħtieġa u proporzjonati, miżuri u settings għajr settings prestabbiliti, li jippermettu lill-utenti finali jipproteġu b’mod effettiv is-sigurtà fir-rigward ta’ applikazzjonijiet tas-software jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi, dment li tali miżuri u settings għajr settings prestabbiliti jkunu debitament ġustifikati mill-gwardjan.

5.   Il-gwardjan ma għandux jittratta b’mod aktar favorevoli, fil-klassifikazzjoni u fl-indiċjar u l-crawling relatati, servizzi u prodotti offruti mill-gwardjan innifsu meta mqabbla ma’ servizzi jew prodotti simili ta’ parti terza. Il-gwardjan għandu japplika kondizzjonijiet trasparenti, ġusti u mhux diskriminatorji għal tali klassifikazzjoni.

6.   Il-gwardjan ma għandux jillimita teknikament jew b’xi mod ieħor l-abbiltà tal-utenti finali li jaqilbu bejn, u jabbonaw ma’, applikazzjonijiet tas-software u servizzi differenti li jiġu aċċessati bl-użu tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan, inkluż fir-rigward tal-għażla ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet għall-utenti finali.

7.   Il-gwardjan għandu jippermetti lill-fornituri ta’ servizzi u lill-fornituri ta’ hardware, mingħajr ħlas, interoperabbiltà effettiva ma’, u aċċess għall-finijiet ta’ interoperabbiltà għall-istess karatteristiċi tal-hardware u tas-software aċċessati jew ikkontrollati permezz tas-sistema operattiva jew l-assistent virtwali elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) li jkunu disponibbli għas-servizzi jew il-hardware ipprovduti mill-gwardjan. Barra minn hekk, il-gwardjan għandu jippermetti lill-utenti kummerċjali u lill-fornituri alternattivi ta’ servizzi pprovduti flimkien ma’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, jew b’appoġġ għalihom, mingħajr ħlas, interoperabbiltà effettiva ma’, u aċċess għall-finijiet ta’ interoperabbiltà għall-istess sistema operattiva, tal-hardware jew tal-karatteristiċi tas-software, irrispettivament minn jekk dawk il-karatteristiċi jkunux parti mis-sistema operattiva, kif ikunu disponibbli jew użati minn dak il-gwardjan meta jipprovdi tali servizzi.

Il-gwardjan ma għandux jitwaqqaf milli jieħu miżuri strettament meħtieġa u proporzjonati biex jiżgura li l-interoperabbiltà ma tikkompromettix l-integrità tas-sistema operattiva, tal-assistent virtwali, tal-karatteristiċi tal-hardware jew tas-software pprovduti mill-gwardjan, dment li tali miżuri jkunu debitament ġustifikati mill-gwardjan.

8.   Il-gwardjan għandu jipprovdi lir-reklamaturi u lill-pubblikaturi, kif ukoll lil partijiet terzi awtorizzati minn reklamaturi u pubblikaturi, fuq talba tagħhom u mingħajr ħlas, aċċess għall-għodod tal-kejl tal-prestazzjoni tal-gwardjan u għad-data meħtieġa biex ir-reklamaturi u l-pubblikaturi jwettqu l-verifika indipendenti tagħhom stess tal-inventarju tar-reklami, inkluż data aggregata u mhux aggregata. Tali data għandha tiġi pprovduta b’mod li jippermetti lir-reklamaturi u lill-pubblikaturi jħaddmu l-għodod ta’ verifika u ta’ kejl tagħhom stess biex jivvalutaw il-prestazzjoni tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma pprovduti mill-gwardjani.

9.   Il-gwardjan għandu jipprovdi lill-utenti finali u lil partijiet terzi awtorizzati minn utent finali, fuq talba tagħhom u mingħajr ħlas, portabbiltà effettiva tad-data pprovduta mill-utent finali jew iġġenerata permezz tal-attività tal-utent finali fil-kuntest tal-użu tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, inkluż billi jipprovdi, mingħajr ħlas, għodod biex jiffaċilita l-eżerċizzju effettiv ta’ tali portabbiltà tad-data, u inkluż bil-forniment ta’ aċċess kontinwu u f’ħin reali għal tali data.

10.   Il-gwardjan għandu jipprovdi lill-utenti kummerċjali u lil partijiet terzi awtorizzati minn utent kummerċjali, fuq talba tagħhom, mingħajr ħlas, b’aċċess u użu effettiv, ta’ kwalità għolja, kontinwu u f’ħin reali, tad-data aggregata u mhux aggregata, inkluż data personali, li tkun ipprovduta jew iġġenerata fil-kuntest tal-użu tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jew tas-servizzi pprovduti flimkien mas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti, jew b’appoġġ għalihom, mill-utenti kummerċjali u mill-utenti finali li jinteraġixxu mal-prodotti jew is-servizzi pprovduti minn dawk l-utenti kummerċjali. Fir-rigward tad-data personali, il-gwardjan għandu jipprovdi għal tali aċċess għal data personali u użu tagħha biss meta d-data tkun konnessa direttament mal-użu li jkun sar mill-utenti finali fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi offruti mill-utent kummerċjali rilevanti permezz tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, u meta l-utenti finali jaċċettaw din il-kondiviżjoni billi jagħtu l-kunsens tagħhom.

11.   Il-gwardjan għandu jipprovdi lil kwalunkwe impriża terza li tipprovdi magni tat-tiftix online, fuq talba tagħha, b’termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji, b’aċċess għal data dwar il-klassifikazzjoni, il-mistoqsijiet, il-klikks u l-għadd ta’ dehriet fir-rigward ta’ tiftix mingħajr ħlas u bi ħlas iġġenerati mill-utenti finali fuq il-magni tat-tiftix online tiegħu. Kwalunkwe data bħal din dwar il-mistoqsijiet, il-klikks u l-viżjonijiet li tikkostitwixxi data personali għandha tiġi anonimizzata.

12.   Il-gwardjan għandu japplika kondizzjonijiet ġenerali tal-aċċess ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji għall-utenti kummerċjali għall-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software, għall-magni tat-tiftix online u għas-servizzi ta’ networking soċjali online tiegħu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9).

Għal dak il-għan, il-gwardjan għandu jippubblika l-kondizzjonijiet ġenerali tal-aċċess, inkluż mekkaniżmu alternattiv għas-soluzzjoni tat-tilwim.

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-kondizzjonijiet ġenerali tal-aċċess ippubblikati jikkonformawx ma’ dan il-paragrafu.

13.   Il-gwardjan ma għandux ikollu kondizzjonijiet ġenerali għat-terminazzjoni tal-forniment ta’ servizz ewlieni tal-pjattaforma li jkunu sproporzjonati. Il-gwardjan għandu jiżgura li l-kondizzjonijiet ta’ terminazzjoni jkunu jistgħu jiġu eżerċitati mingħajr diffikultà żejda.

Artikolu 7

Obbligu għall-gwardjani dwar l-interoperabbiltà tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri

1.   Meta gwardjan jipprovdi servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li huma elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), dan għandu jagħmel il-funzjonalitajiet bażiċi tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri tiegħu interoperabbli mas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri ta’ fornitur ieħor li joffri jew li biħsiebu joffri dawn is-servizzi fl-Unjoni, billi jipprovdi l-interfaċċi tekniċi meħtieġa jew soluzzjonijiet simili li jiffaċilitaw l-interoperabbiltà, fuq talba, u mingħajr ħlas.

2.   Il-gwardjan għandu jagħmel mill-inqas il-funzjonalitajiet bażiċi li ġejjin imsemmija fil-paragrafu 1 interoperabbli meta l-gwardjan innifsu jipprovdi dawk il-funzjonalitajiet lill-utenti finali tiegħu stess:

(a)

wara l-elenkar fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9):

(i)

messaġġi testwali minn tarf sa tarf bejn żewġ utenti finali individwali;

(ii)

kondiviżjoni ta’ stampi, messaġġi bil-vuċi, vidjos u fajls mehmuża oħra f’komunikazzjoni minn tarf sa tarf bejn żewġ utenti finali individwali.

(b)

fi żmien sentejn mid-deżinjazzjoni:

(i)

messaġġi testwali minn tarf sa tarf fi gruppi ta’ utenti finali individwali;

(ii)

kondiviżjoni ta’ stampi, messaġġi bil-vuċi, vidjos u fajls mehmuża oħra f’komunikazzjoni minn tarf sa tarf bejn chat fi grupp u utent finali individwali;

(c)

fi żmien erba’ snin mid-deżinjazzjoni:

(i)

telefonati bil-vuċi minn tarf sa tarf bejn żewġ utenti finali individwali;

(ii)

telefonati bil-vidjo minn tarf sa tarf bejn żewġ utenti finali individwali;

(iii)

telefonati bil-vuċi minn tarf sa tarf bejn chat fi grupp u utent finali individwali;

(iv)

telefonati bil-vidjo minn tarf sa tarf bejn chat fi grupp u utent finali individwali.

3.   Il-livell ta’ sigurtà, inkluż il-kriptaġġ minn tarf sa tarf, fejn applikabbli, li l-gwardjan jipprovdi lill-utenti finali tiegħu stess għandu jiġi ppreservat fis-servizzi interoperabbli kollha.

4.   Il-gwardjan għandu jippubblika offerta ta’ referenza li tistabbilixxi d-dettalji tekniċi u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali tal-interoperabbiltà mas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri tiegħu, inkluż id-dettalji meħtieġa dwar il-livell ta’ sigurtà u l-kriptaġġ minn tarf sa tarf. Il-gwardjan għandu jippubblika dik l-offerta ta’ referenza fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 3(10) u jaġġornaha meta jkun meħtieġ.

5.   Wara l-pubblikazzjoni tal-offerta ta’ referenza skont il-paragrafu 4, kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li joffri jew li biħsiebu joffri tali servizzi fl-Unjoni jista’ jitlob interoperabbiltà mas-servizzi tal-komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri pprovduti mill-gwardjan. Tali talba tista’ tkopri wħud mill-funzjonalitajiet bażiċi jew il-funzjonalitajiet kollha elenkati fil-paragrafu 2. Il-gwardjan għandu jikkonforma ma’ kwalunkwe talba raġonevoli għal interoperabbiltà fi żmien tliet xhur wara li jirċievi dik it-talba billi jagħmel il-funzjonalitajiet bażiċi mitluba operazzjonali.

6.   Il-Kummissjoni tista’, eċċezzjonalment, fuq talba motivata tal-gwardjan, testendi l-limiti ta’ żmien għall-konformità skont il-paragrafu 2 jew 5 meta l-gwardjan juri li dan huwa meħtieġ biex tiġi żgurata interoperabbiltà effettiva u biex jinżamm il-livell meħtieġ ta’ sigurtà, inkluż kriptaġġ minn tarf sa tarf, fejn applikabbli.

7.   L-utenti finali tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri tal-gwardjan u tal-fornitur rikjedenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri għandhom jibqgħu liberi li jiddeċiedu jekk jagħmlux użu mill-funzjonalitajiet bażiċi interoperabbli li jistgħu jiġu pprovduti mill-gwardjan skont il-paragrafu 1.

8.   Il-gwardjan għandu jiġbor u jiskambja mal-fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li jagħmel talba għall-interoperabbiltà d-data personali biss tal-utenti finali li tkun strettament meħtieġa biex tiġi pprovduta interoperabbiltà effettiva. Kwalunkwe ġbir ta’ dan it-tip u skambju tad-data personali tal-utenti finali għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE.

9.   Il-gwardjan ma għandux jitwaqqaf milli jieħu miżuri biex jiżgura li l-fornituri terzi ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li jitolbu l-interoperabbiltà ma jipperikolawx l-integrità, is-sigurtà u l-privatezza tas-servizzi tiegħu, dment li dawn il-miżuri jkunu strettament meħtieġa u proporzjonati u jkunu debitament ġustifikati mill-gwardjan.

Artikolu 8

Konformità mal-obbligi għall-gwardjani

1.   Il-gwardjan għandu jiżgura u juri konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament. Il-miżuri implimentati mill-gwardjan biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawk l-Artikoli għandhom ikunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u tal-obbligu rilevanti. Il-gwardjan għandu jiżgura li l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri tikkonforma mal-liġi applikabbli, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679, id-Direttiva 2002/58/KE, il-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-sikurezza tal-prodotti, kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà.

2.   Il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ gwardjan skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tiftaħ proċedimenti skont l-Artikolu 20.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni, li jispeċifika l-miżuri li l-gwardjan ikkonċernat għandu jimplimenta sabiex jikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat fi żmien sitt xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20 f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

Meta jinfetħu proċedimenti fuq inizjattiva tagħha stess għal ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13, tali miżuri jistgħu jikkonċernaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7.

3.   Gwardjan jista’ jitlob lill-Kummissjoni tidħol fi proċess biex tiddetermina jekk il-miżuri li dak il-gwardjan ikun beħsiebu jimplimenta jew li jkun implimenta biex jiżgura l-konformità mal-Artikoli 6 u 7 humiex effettivi biex jintlaħaq l-objettiv tal-obbligu rilevanti fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan. Il-Kummissjoni għandu jkollha d-diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk tidħolx f’tali proċess, filwaqt li tirrispetta l-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba.

Fit-talba tiegħu, il-gwardjan għandu jipprovdi sottomissjoni motivata biex jispjega l-miżuri li jkun beħsiebu jimplimenta jew li jkun implimenta. Barra minn hekk, il-gwardjan għandu jipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni motivata tiegħu li tista’ tiġi kondiviża ma’ partijiet terzi skont il-paragrafu 6.

4.   Il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 29, 30 u 31.

5.   Bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-deċiżjoni skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet preliminari tagħha lill-gwardjan fi żmien tliet xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20. Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega l-miżuri li qed tqis li ser tieħu jew li tqis li l-gwardjan ikkonċernat għandu jieħu biex is-sejbiet preliminari jiġu indirizzati b’mod effettiv.

6.   Sabiex il-partijiet terzi interessati jkunu jistgħu jipprovdu kummenti b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha, meta tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan skont il-paragrafu 5 jew malajr kemm jista’ jkun wara dan, tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u l-miżuri li tkun qed tqis li tieħu jew li tqis li għandu jieħu l-gwardjan ikkonċernat. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih għandhom jiġu pprovduti tali kummenti.

7.   Meta tispeċifika l-miżuri skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri jkunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u l-obbligu rilevanti, u jkunu proporzjonati fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan u s-servizz rilevanti.

8.   Għall-finijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-obbligi skont l-Artikoli 6(11) u (12), il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk il-miżuri intenzjonati jew implimentati jiżgurawx li ma jkunx fadal żbilanċ fid-drittijiet u l-obbligi għall-utenti kummerċjali u li l-miżuri ma jagħtux vantaġġ huma stess lill-gwardjan li jkun sproporzjonat għas-servizz ipprovdut mill-gwardjan lill-utenti kummerċjali.

9.   Fir-rigward ta’ proċedimenti skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’, fuq talba jew fuq inizjattiva tagħha stess, tiddeċiedi li terġa’ tiftaħhom meta:

(a)

tkun saret bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset id-deċiżjoni; jew

(b)

id-deċiżjoni tkun issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa; jew

(c)

il-miżuri kif speċifikati fid-deċiżjoni ma jkunux effettivi.

Artikolu 9

Sospensjoni

1.   Meta l-gwardjan juri f’talba motivata li l-konformità ma’ obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikolu 5, 6 jew 7 għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) tipperikola, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tal-gwardjan, il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tiegħu fl-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha li tissospendi b’mod eċċezzjonali, kompletament jew parzjalment, l-obbligu speċifiku msemmi f’dik it-talba motivata (“id-deċiżjoni ta’ sospensjoni”). F’dak l-att ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tissostanzja d-deċiżjoni ta’ sospensjoni tagħha billi tidentifika ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw is-sospensjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jkun limitat sal-punt u l-perjodu ta’ żmien meħtieġa biex tiġi indirizzata theddida bħal din għall-vijabbiltà tal-gwardjan. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tadotta dak l-att ta’ implimentazzjoni mingħajr dewmien u sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tirċievi talba motivata sħiħa. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Meta tingħata s-sospensjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha ta’ sospensjoni kull sena, sakemm ma jkunx speċifikat intervall iqsar f’dik id-deċiżjoni. Wara dan ir-rieżami l-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni kompletament jew parzjalment, jew tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet fil-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.

3.   F’każijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni ta’ obbligu speċifiku msemmija fil-paragrafu 1 għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar ta’ pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont dak il-paragrafu. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.

4.   Fil-valutazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 3, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tal-gwardjan fl-Unjoni kif ukoll fuq partijiet terzi, b’mod partikolari l-SMEs u l-konsumaturi. Is-sospensjoni tista’ tiġi soġġetta għal kondizzjonijiet u obbligi li jridu jiġu ddefiniti mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn dawk l-interessi u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Eżenzjoni għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika u sigurtà pubblika

1.   Il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi fuq talba motivata ta’ gwardjan jew fuq inizjattiva tagħha stess, tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha, biex teżenta lil dak il-gwardjan, kompletament jew parzjalment, minn obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikolu 5, 6 jew 7 fir-rigward ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), meta tali eżenzjoni tkun ġustifikata għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu (“id-deċiżjoni ta’ eżenzjoni”). Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni fi żmien tliet xhur wara li tirċievi talba motivata kompluta u għandha tipprovdi dikjarazzjoni motivata li tispjega r-raġunijiet għall-eżenzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Meta tingħata eżenzjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha dwar l-eżenzjoni jekk ir-raġuni għall-eżenzjoni ma tibqax teżisti jew mill-inqas kull sena. Wara dan ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni kompletament jew parzjalment, jew tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.

3.   Eżenzjoni skont il-paragrafu 1 tista’ tingħata biss għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jew sigurtà pubblika.

4.   F’każijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan jew fuq inizjattiva tagħha stess, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni ta’ obbligu speċifiku msemmija fil-paragrafu 1 għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar ta’ pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont dak il-paragrafu. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.

5.   Fil-valutazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 4, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq ir-raġunijiet fil-paragrafu 3, kif ukoll l-effetti fuq il-gwardjan ikkonċernat u fuq partijiet terzi. Il-Kummissjoni tista’ tissoġġetta s-sospensjoni għal kondizzjonijiet u obbligi sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-miri segwiti mir-raġunijiet fil-paragrafu 3 u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Rappurtar

1.   Fi żmien sitt xhur wara d-deżinjazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 3, u skont l-Artikolu 3(10), il-gwardjan għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’rapport li jiddeskrivi b’mod dettaljat u trasparenti l-miżuri li jkun implimenta biex jiżgura l-konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7.

2.   Sal-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1, il-gwardjan għandu jippubblika u jipprovdi lill-Kummissjoni sommarju mhux kunfidenzjali ta’ dak ir-rapport.

Il-gwardjan għandu jaġġorna dak ir-rapport u dak is-sommarju mhux kunfidenzjali mill-inqas darba fis-sena.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel link għal dak is-sommarju mhux kunfidenzjali disponibbli fuq is-sit web tagħha.

Artikolu 12

Aġġornament tal-obbligi għall-gwardjani

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex jissupplimentaw dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6. Dawk l-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 19 li tkun identifikat il-ħtieġa li dawk l-obbligi jinżammu aġġornati sabiex jindirizzaw prattiki li jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma jew li jkunu inġusti bl-istess mod bħall-prattiki indirizzati mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 5 u 6.

2.   Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ att delegat adottat skont il-paragrafu 1 għandu jkun limitat għal:

(a)

l-estensjoni ta’ obbligu li japplika biss għal ċerti servizzi ewlenin tal-pjattaforma, għal servizzi ewlenin oħra tal-pjattaforma elenkati fl-Artikolu 2, punt (2);

(b)

l-estensjoni ta’ obbligu li jkun ta’ benefiċċju għal ċerti utenti kummerċjali jew utenti finali sabiex ikun ta’ benefiċċju għal utenti kummerċjali jew utenti finali oħra;

(c)

l-ispeċifikazzjoni tal-mod li bih għandhom jitwettqu l-obbligi stipulati fl-Artikoli 5 u 6 mill-gwardjani sabiex tiġi żgurata konformità effettiva ma’ dawk l-obbligi;

(d)

l-estensjoni ta’ obbligu li japplika biss b’rabta ma’ ċerti servizzi pprovduti flimkien ma’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, jew b’appoġġ għalihom, għal servizzi oħra pprovduti flimkien ma’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew b’appoġġ għalihom;

(e)

l-estensjoni ta’ obbligu li japplika biss fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ data li għandu japplika fir-rigward ta’ tipi oħra ta’ data;

(f)

iż-żieda ta’ aktar kondizzjonijiet fejn obbligu jimponi ċerti kondizzjonijiet fuq l-imġiba ta’ gwardjan; jew

(g)

l-applikazzjoni ta’ obbligu li jirregola r-relazzjoni bejn diversi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan u r-relazzjoni bejn servizz ewlieni ta’ pjattaforma u servizzi oħra tal-gwardjan.

3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex temenda dan ir-Regolament fir-rigward tal-lista ta’ funzjonalitajiet bażiċi identifikati fl-Artikolu 7(2), billi żżid jew tneħħi l-funzjonalitajiet tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri.

Dawk l-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 19 li tkun identifikat il-ħtieġa li dawk l-obbligi jinżammu aġġornati sabiex jindirizzaw prattiki li jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew li jkunu inġusti bl-istess mod bħall-prattiki indirizzati mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 7.

4.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex tissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligi fl-Artikolu 7 billi tispeċifika l-mod li bih dawk l-obbligi għandhom jitwettqu sabiex tiġi żgurata konformità effettiva ma’ dawk l-obbligi. Dawk l-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 19 li tkun identifikat il-ħtieġa li dawk l-obbligi jinżammu aġġornati sabiex jindirizzaw prattiki li jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew li jkunu inġusti bl-istess mod bħall-prattiki indirizzati mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 7.

5.   Prattika kif imsemmija fil-paragrafi 1, 3 u 4 għandha titqies bħala li tillimita l-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew li tkun inġusta meta:

(a)

dik il-prattika jkunu involuti fiha l-gwardjani u tkun kapaċi timpedixxi l-innovazzjoni u tillimita l-għażla għall-utenti kummerċjali u l-utenti finali minħabba li:

(i)

taffettwa jew tirriskja li taffettwa l-kontestabbiltà ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma jew servizzi oħra fis-settur diġitali fuq bażi dejjiema minħabba li toħloq jew issaħħaħ ostakli għad-dħul għal impriżi oħra jew biex jespandu bħala fornituri ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma jew servizzi oħra fis-settur diġitali; jew

(ii)

tipprevjeni lil operaturi oħra milli jkollhom l-istess aċċess għal input ewlieni bħall-gwardjan; jew

(b)

ikun hemm żbilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-utenti kummerċjali u l-gwardjan jikseb vantaġġ mill-utenti kummerċjali li jkun sproporzjonat għas-servizz ipprovdut minn dak il-gwardjan lil dawk l-utenti kummerċjali.

Artikolu 13

Antiċirkomvenzjoni

1.   Impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ma għandhiex tissegmenta, tiddividi, tissuddividi, tifframmenta jew taqsam dawk is-servizzi permezz ta’ mezzi kuntrattwali, kummerċjali, tekniċi jew kwalunkwe mezz ieħor sabiex jiġu evitati l-limiti kwantitattivi stipulati fl-Artikolu 3(2). L-ebda prattika bħal din ta’ impriża ma għandha tipprevjeni lill-Kummissjoni milli tiddeżinjaha bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(4).

2.   Il-Kummissjoni tista’, meta tissuspetta li impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tkun involuta fi prattika stipulata fil-paragrafu 1, titlob mingħand dik l-impriża kwalunkwe informazzjoni li hija tqis meħtieġa biex tiddetermina jekk dik l-impriża tkunx involuta f’tali prattika.

3.   Il-gwardjan għandu jiżgura li l-obbligi tal-Artikoli 5, 6 u 7 jiġu rrispettati għalkollox u b’mod effettiv.

4.   Il-gwardjan ma għandux ikun involut fi kwalunkwe mġiba li timmina l-konformità effettiva mal-obbligi tal-Artikoli 5, 6 u 7 irrispettivament minn jekk dik l-imġiba tkunx ta’ natura kuntrattwali, kummerċjali jew teknika, jew ta’ kwalunkwe natura oħra, jew tikkonsisti fl-użu ta’ tekniki komportamentali jew disinn tal-interfaċċa.

5.   Meta jkun meħtieġ il-kunsens għall-ġbir, l-ipproċessar, l-użu trażversali u l-kondiviżjoni ta’ data personali biex tiġi żgurata konformità ma’ dan ir-Regolament, gwardjan għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jew jippermetti li l-utenti kummerċjali jiksbu direttament il-kunsens meħtieġ għall-ipproċessar tagħha, meta dak il-kunsens ikun meħtieġ skont ir-Regolament (UE) 2016/679 jew id-Direttiva 2002/58/KE, jew inkella li jikkonforma mar-regoli u l-prinċipji tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u tal-privatezza b’modi oħra, inkluż billi jipprovdi data anonimizzata lill-utenti kummerċjali kif xieraq u meta xieraq. Il-gwardjan ma għandux jagħmel il-kisba ta’ dak il-kunsens mingħand l-utent kummerċjali aktar diffiċli milli għas-servizzi tiegħu stess.

6.   Il-gwardjan ma għandux inaqqas il-kundizzjonijiet jew il-kwalità ta’ xi servizz ewlieni ta’ pjattaforma pprovdut lil utenti kummerċjali jew lil utenti finali li jeżerċitaw id-drittijiet jew l-għażliet stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7, jew jagħmel l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet jew l-għażliet diffiċli b’mod mhux xieraq, inkluż billi joffri għażliet lill-utent finali b’mod mhux newtrali, jew billi jdgħajjef l-awtonomija tal-utenti finali jew tal-utenti kummerċjali, it-teħid tad-deċiżjonijiet jew l-għażla ħielsa tal-utent permezz tal-istruttura, id-disinn, il-funzjoni jew il-mod tal-operat ta’ interfaċċa tal-utent jew parti minnha.

7.   Meta l-gwardjan jevita jew jipprova jevita kwalunkwe wieħed mill-obbligi fl-Artikolu 5, 6 jew 7 b’mod deskritt fil-paragrafi 4, 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ tiftaħ proċedimenti skont l-Artikolu 20 u tadotta att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(2) sabiex tispeċifika l-miżuri li l-gwardjan għandu jimplimenta.

8.   Il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu hu mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 29, 30 u 31.

Artikolu 14

Obbligu tal-għoti ta’ informazzjoni dwar il-konċentrazzjonijiet

1.   Gwardjan għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar kull konċentrazzjoni maħsuba skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004, meta l-entitajiet li jkunu qed jiġu fużi jew il-mira ta’ konċentrazzjoni jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew xi servizz ieħor fis-settur diġitali jew jippermettu l-ġbir ta’ data, irrispettivament minn jekk tkunx notifikabbli lill-Kummissjoni skont dak ir-Regolament jew lil awtorità kompetenti nazzjonali tal-kompetizzjoni skont ir-regoli nazzjonali dwar il-fużjonijiet.

Gwardjan għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar din il-konċentrazzjoni qabel l-implimentazzjoni tagħha u wara l-konklużjoni tal-ftehim, it-tħabbira tal-offerta pubblika, jew l-akkwiżizzjoni ta’ interess kontrollanti.

2.   L-informazzjoni pprovduta mill-gwardjan skont il-paragrafu 1 għandha mill-inqas tiddeskrivi l-impriżi milquta mill-konċentrazzjoni, il-fatturati annwali tagħhom fl-Unjoni u madwar id-dinja, l-oqsma ta’ attività tagħhom, inkluż l-attivitajiet relatati direttament mal-konċentrazzjoni u l-valur tat-tranżazzjoni tal-ftehim jew stima tagħha flimkien ma’ sommarju tal-konċentrazzjoni, inkluż in-natura tagħha u r-raġuni għaliha u lista tal-Istati Membri kkonċernati mill-konċentrazzjoni.

L-informazzjoni pprovduta mill-gwardjan għandha tiddeskrivi wkoll, għal kwalunkwe servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, il-fatturati annwali tagħhom fl-Unjoni, l-għadd tagħhom ta’ utenti kummerċjali attivi annwali u l-għadd tagħhom ta’ utenti finali attivi ta’ kull xahar, rispettivament.

3.   Jekk, wara kwalunkwe konċentrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, servizzi ewlenin addizzjonali ta’ pjattaforma jilħqu individwalment il-limiti fl-Artikolu 3(2), punt (b), il-gwardjan ikkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan fi żmien xahrejn mill-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni u jipprovdi l-informazzjoni lill-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 3(2).

4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bi kwalunkwe informazzjoni li tirċievi skont il-paragrafu 1 u tippubblika kull sena l-lista tal-akkwiżizzjonijiet li dwarhom tkun ġiet infurmata mill-gwardjani skont dak il-paragrafu.

Il-Kummissjoni għandha tqis l-interess leġittimu tal-impriżi li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ikunu protetti.

5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jużaw l-informazzjoni li jirċievu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu biex jitolbu lill-Kummissjoni teżamina l-konċentrazzjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.

Artikolu 15

Obbligu ta’ awditu

1.   Fi żmien sitt xhur wara d-deżinjazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 3, gwardjan għandu jippreżenta deskrizzjoni awditjata b’mod indipendenti lill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe teknika għat-tfassil tal-profili dwar il-konsumaturi li l-gwardjan japplika għas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tiegħu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) jew fl-ambitu ta’ tali servizzi. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik id-deskrizzjoni awditjata lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 46(1), punt (g), biex tiżviluppa l-metodoloġija u l-proċedura tal-awditu.

3.   Il-gwardjan għandu jagħmel disponibbli għall-pubbliku ħarsa ġenerali tad-deskrizzjoni awditjata msemmija fil-paragrafu 1. Meta jagħmel dan, il-gwardjan għandu jkun jista’ jqis il-ħtieġa li jiġu rrispettati s-sigrieti kummerċjali tiegħu. Il-gwardjan għandu jaġġorna dik id-deskrizzjoni u dik il-ħarsa ġenerali mill-inqas darba fis-sena.

KAPITOLU IV

INVESTIGAZZJONI TAS-SUQ

Artikolu 16

Ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq

1.   Meta l-Kummissjoni tkun beħsiebha twettaq investigazzjoni tas-suq bil-ħsieb ta’ adozzjoni possibbli ta’ deċiżjonijiet skont l-Artikoli 17, 18 u 19, din għandha tadotta deċiżjoni tal-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ teżerċita s-setgħat investigattivi tagħha skont dan ir-Regolament qabel ma tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont dak il-paragrafu.

3.   Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tispeċifika:

(a)

id-data tal-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq;

(b)

id-deskrizzjoni tal-kwistjoni li dwarha qed issir l-investigazzjoni tas-suq;

(c)

l-iskop tal-investigazzjoni tas-suq.

4.   Il-Kummissjoni tista’ tiftaħ mill-ġdid investigazzjoni tas-suq li tkun għalqet meta:

(a)

tkun saret bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 17, 18 jew 19; jew

(b)

id-deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 17, 18 jew 19 tkun issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

5.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lil awtorità kompetenti nazzjonali waħda jew aktar biex tassistiha fl-investigazzjoni tas-suq tagħha.

Artikolu 17

Investigazzjoni tas-suq għad-deżinjazzjoni tal-gwardjani

1.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq biex teżamina jekk impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandhiex tiġi ddeżinjata bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(8), jew sabiex tidentifika s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li għandhom jiġu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9). Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq tagħha fi żmien 12-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Sabiex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq tagħha, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Waqt investigazzjoni tas-suq skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma kkonċernata fi żmien sitt xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega jekk tqisx, fuq bażi proviżorja, li jkun xieraq li dik l-impriża tiġi ddeżinjata bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(8), u li s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jiġu elenkati skont l-Artikolu 3(9).

3.   Meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tissodisfa l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2), iżda tkun ippreżentat argumenti sostanzjati biżżejjed skont l-Artikolu 3(5) li b’mod ċar ikunu qajmu dubji dwar il-preżunzjoni fl-Artikolu 3(2), il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq fi żmien ħames xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).

F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu lill-impriża kkonċernata fi żmien tliet xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).

4.   Meta l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 3(8), tiddeżinja bħala gwardjan impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tkun għadha ma tgawdix pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tagħha, iżda li prevedibbilment ser tgawdi minn pożizzjoni bħal din fil-futur qrib, tista’ tiddikjara applikabbli għal dak il-gwardjan wieħed jew aktar mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5(3) sa (6) u l-Artikolu 6(4), (7), (9), (10) u (13), kif speċifikat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddikjara applikabbli biss dawk l-obbligi li huma xierqa u meħtieġa biex jiġi evitat li l-gwardjan ikkonċernat jikseb pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tiegħu, b’mezzi inġusti. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina din id-deżinjazzjoni f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 4.

Artikolu 18

Investigazzjoni tas-suq dwar nonkonformità sistematika

1.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq bil-għan li teżamina jekk gwardjan kienx involut f’nonkonformità sistematika. Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi dik l-investigazzjoni tas-suq fi żmien 12-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Meta l-investigazzjoni tas-suq turi li gwardjan ikun kiser b’mod sistematiku wieħed jew aktar mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 jew 7 u jkun żamm, saħħaħ jew estenda l-pożizzjoni ta’ gwardjan tiegħu fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jimponi fuq dan il-gwardjan kwalunkwe rimedju komportamentali jew strutturali li jkun proporzjonat u meħtieġ biex tiġi żgurata konformità effettiva ma’ dan ir-Regolament. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Ir-rimedju impost f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jinkludi, sa fejn tali rimedju jkun proporzjonat u meħtieġ sabiex jinżammu jew jiġu restawrati l-korrettezza u l-kontestabbiltà kif affettwati min-nonkonformità sistematika, il-projbizzjoni, matul perjodu limitat, għall-gwardjan milli jidħol f’konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 fir-rigward tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew is-servizzi l-oħra pprovduti fis-settur diġitali jew li jippermetti l-ġbir ta’ data li hija affettwata min-nonkonformità sistematika.

3.   Gwardjan għandu jitqies li jkun wettaq nonkonformità sistematika mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7, meta l-Kummissjoni tkun ħarġet mill-inqas tliet deċiżjonijiet ta’ nonkonformità skont l-Artikolu 29 kontra gwardjan b’rabta ma’ xi wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tiegħu fi żmien tmien snin qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq fid-dawl tal-adozzjoni possibbli ta’ deċiżjoni skont dan l-Artikolu.

4.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan ikkonċernat fi żmien sitt xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Fis-sejbiet preliminari tagħha, il-Kummissjoni għandha tispjega jekk preliminarjament tqisx li l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu huma ssodisfati u liema rimedju/i tqis preliminarjament li huma meħtieġa u proporzjonati.

5.   Sabiex il-partijiet terzi interessati jkunu jistgħu jipprovdu kummenti b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha, fl-istess ħin li tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan skont il-paragrafu 4 jew malajr kemm jista’ jkun wara dan, tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u r-rimedji li tkun qed tqis li timponi. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih għandhom jiġu pprovduti tali kummenti.

6.   Meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tadotta deċiżjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu billi tagħmel vinkolanti l-impenji offruti mill-gwardjan skont l-Artikolu 25, hija għandha tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u l-kontenut ewlieni tal-impenji. Il-partijiet terzi interessati jistgħu jressqu l-kummenti tagħhom f’perjodu ta’ żmien raġonevoli li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni.

7.   Matul l-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni tista’ testendi t-tul ta’ żmien tal-investigazzjoni meta tali estensjoni tkun iġġustifikata għal raġunijiet oġġettivi u proporzjonati. L-estensjoni tista’ tapplika għall-iskadenza sa meta l-Kummissjoni jkollha tippreżenta s-sejbiet preliminari tagħha, jew għall-iskadenza tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. It-tul ta’ żmien totali ta’ kwalunkwe estensjoni jew estensjonijiet skont dan il-paragrafu ma għandux jaqbeż is-sitt xhur.

8.   Sabiex jiġi żgurat li l-gwardjan jikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi tiegħu stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7, il-Kummissjoni għandha regolarment tirrieżamina r-rimedji li timponi f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tkun intitolata li timmodifika dawk ir-rimedji jekk, wara investigazzjoni ġdida tas-suq, issib li mhumiex effettivi.

Artikolu 19

Investigazzjoni tas-suq dwar servizzi ġodda u prattiki ġodda

1.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq bil-għan li teżamina jekk servizz wieħed jew aktar fis-settur diġitali għandhomx jiżdiedu mal-lista tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma stipulati fl-Artikolu 2, punt (2) jew bil-għan li tidentifika prattiki li jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma jew li jkunu inġusti, u li ma jkunux indirizzati b’mod effettiv minn dan ir-Regolament. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe sejba rilevanti ta’ proċedimenti skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE dwar is-swieq diġitali kif ukoll kwalunkwe żvilupp rilevanti ieħor.

2.   Il-Kummissjoni tista’, meta twettaq investigazzjoni tas-suq skont il-paragrafu 1, tikkonsulta lil partijiet terzi, inkluż l-utenti kummerċjali u l-utenti finali tas-servizzi fis-settur diġitali li jkunu qed jiġu investigati u lill-utenti kummerċjali u lill-utenti finali li jkunu soġġetti għal prattiki li jkunu qed jiġu investigati.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika s-sejbiet tagħha f’rapport fi żmien 18-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).

Dak ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u, fejn xieraq, għandu jkun akkumpanjat minn:

(a)

proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament ħalli jiġu inklużi servizzi addizzjonali fis-settur diġitali fil-lista tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma stipulata fl-Artikolu 2, punt (2), jew biex jiġu inklużi obbligi ġodda fil-Kapitolu III; jew

(b)

abbozz ta’ att delegat li jissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6, jew abbozz ta’ att delegat li jemenda jew jissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 7, kif previst fl-Artikolu 12.

Fejn xieraq, il-proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tista’ wkoll tipproponi li jitneħħew is-servizzi eżistenti mil-lista tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma stipulata fl-Artikolu 2, punt (2), jew biex jitneħħew obbligi eżistenti mill-Artikolu 5, 6 jew 7.

KAPITOLI V

SETGĦAT INVESTIGATTIVI, TA’ INFURZAR U TA’ MONITORAĠĠ

Artikolu 20

Ftuħ ta’ proċedimenti

1.   Meta l-Kummissjoni tkun beħsiebha tiftaħ proċedimenti bil-ħsieb li tadotta deċiżjonijiet skont l-Artikoli 8, 29 u 30, din għandha tadotta deċiżjoni tal-ftuħ ta’ proċediment.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ teżerċita s-setgħat investigattivi tagħha skont dan ir-Regolament qabel ma tiftaħ proċedimenti skont dak il-paragrafu.

Artikolu 21

Talbiet għall-informazzjoni

1.   Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew deċiżjoni, titlob li impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, b’talba sempliċi jew b’deċiżjoni, titlob aċċess għal kwalunkwe data u algoritmi ta’ impriżi u informazzjoni dwar l-ittestjar, kif ukoll titlob spjegazzjonijiet dwarhom.

2.   Meta tibgħat talba sempliċi għal informazzjoni lil impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, il-Kummissjoni għandha tiddikjara l-bażi legali u l-iskop tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandha tingħata l-informazzjoni, kif ukoll il-multi previsti fl-Artikolu 30 applikabbli għall-għoti ta’ informazzjoni jew spjegazzjonijiet mhux kompluti, skorretti jew qarrieqa.

3.   Meta l-Kummissjoni titlob l-informazzjoni mingħand impriżi u assoċjazzjonijiet tal-impriżi permezz ta’ deċiżjoni, din għandha tiddikjara l-bażi legali u l-iskop tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandha tingħata l-informazzjoni. Meta l-Kummissjoni titlob li l-impriżi jipprovdu aċċess għal kwalunkwe data, algoritmi u informazzjoni dwar l-ittestjar, din għandha tiddikjara l-iskop tat-talba u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandu jingħata. Għandha tindika wkoll il-multi previsti fl-Artikolu 30, u tindika jew timponi l-pagamenti perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 31. Għandha tindika wkoll id-dritt li d-deċiżjoni tiġi rieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.   L-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jagħtu l-informazzjoni mitluba f’isem l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata. L-avukati awtorizzati debitament biex jaġixxu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli għalkollox jekk l-informazzjoni mogħtija tkun mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

5.   Meta jintalbu mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jagħtu l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-pussess tagħhom lill-Kummissjoni biex twettaq il-kompiti assenjati lilha minn dan ir-Regolament.

Artikolu 22

Setgħa biex isiru intervisti u jittieħdu dikjarazzjonijiet

1.   Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tintervista kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li taċċetta intervista biex tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tkun intitolata li tirreġistra tali intervisti bi kwalunkwe mezz tekniku.

2.   Fejn intervista skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ssir fil-bini ta’ impriża, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru li qed jinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) u li fit-territorju tiegħu qed issir l-intervista. Jekk dik l-awtorità titlob hekk, l-uffiċjali tagħha jistgħu jassistu lill-uffiċjali u persuni oħra li qed jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu l-intervista.

Artikolu 23

Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet

1.   Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa ta’ impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi.

2.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni għandhom is-setgħa li:

(a)

jidħlu fi kwalunkwe bini, art u mezz tat-trasport tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi;

(b)

jeżaminaw il-kotba u rekords oħra marbuta man-negozju, irrispettivament mill-mezz li fih kienu maħżuna;

(c)

jieħdu jew jiksbu fi kwalunkwe forma kopji ta’ jew siltiet minn tali kotba jew rekords;

(d)

jirrikjedu li l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi tipprovdi aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-prattiki kummerċjali tagħha u spjegazzjoni dwarhom u li jirreġistraw jew jiddokumentaw l-ispjegazzjonijiet mogħtija permezz ta’ kwalunkwe mezz tekniku;

(e)

jissiġillaw kwalunkwe bini kummerċjali u kotba jew rekords għall-perjodu ta’ żmien tal-ispezzjoni u sa fejn meħtieġ;

(f)

jistaqsu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi għal spjegazzjonijiet ta’ fatti jew dokumenti marbuta mas-suġġett u mal-għan tal-ispezzjoni u li jirrekordjaw it-tweġibiet permezz ta’ kwalunkwe mezz tekniku.

3.   Biex twettaq l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ titlob l-assistenza ta’ awdituri jew esperti maħtura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 26(2), kif ukoll l-assistenza tal-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni.

4.   Waqt l-ispezzjonijiet il-Kummissjoni, l-awdituri jew l-esperti maħtura minnha u l-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni, jistgħu jirrikjedu li l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi tipprovdi aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-imġiba fin-negozju tagħha u spjegazzjonijiet dwarhom. Il-Kummissjoni u l-awdituri jew l-esperti maħtura minnha u l-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni jistgħu jindirizzaw mistoqsijiet lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal.

5.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu spezzjoni għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom billi jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-multi previsti mill-Artikolu 30 applikabbli f’każ li l-produzzjoni tal-kotba jew rekords oħra meħtieġa relatati man-negozju ma jkunux kompluti jew fejn it-tweġibiet għall-mistoqsijiet skont il-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu ma jkunux korretti jew ikunu qarrieqa. F’ħin biżżejjed qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat avviż dwar l-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ser isseħħ.

6.   L-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jeħtieġ jissottomettu ruħhom għal spezzjoni ordnata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni, tistabbilixxi d-data meta din għandha tibda u tindika l-multi u l-penali perjodiċi ta’ pagamenti previsti fl-Artikoli 30 u 31 rispettivament, kif ukoll id-dritt li dik id-deċiżjoni tiġi rieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

7.   Il-persuni awtorizzati jew maħtura mill-awtorità kompetenti nazzjonali li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), u l-uffiċjali tagħhom, tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni, għandhom, fuq talba ta’ dik l-awtorità jew tal-Kummissjoni, jgħinu b’mod attiv lill-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, għandhom jingħataw is-setgħat stipulati fil-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

8.   Fejn l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni isibu li impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi topponi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħtihom l-għajnuna neċessarja, u jirrikjedi, fejn xieraq, l-għajnuna tal-pulizija jew ta’ awtorità ta’ infurzar oħra ekwivalenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom.

9.   Jekk, skont ir-regoli nazzjonali, l-assistenza prevista fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja, il-Kummissjoni jew l-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) jew l-uffiċjali awtorizzati minn dawk l-awtoritajiet għandhom japplikaw għaliha. Tista’ wkoll issir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni bħala miżura ta’ prekawzjoni.

10.   Meta tkun saret applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-ispezzjoni. Fil-kontroll tagħha tal-proporzjonalità tal-miżuri koerċittivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-Kummissjoni, direttament jew permezz tal-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru għal spjegazzjonijiet dettaljati b’mod partikolari dwar ir-raġunijiet li jkollha l-Kummissjoni biex tissuspetta ksur ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll dwar is-serjetà tal-ksur suspettat u dwar in-natura tal-involviment tal-impriża kkonċernata. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma tistax tqajjem dubji dwar il-ħtieġa li ssir spezzjoni u lanqas ma tista’ titlob li tingħata l-informazzjoni fil-fajl tal-Kummissjoni. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss.

Artikolu 24

Miżuri interim

F’każ ta’ urġenza minħabba r-riskju ta’ dannu serju u irreparabbli għall-utenti kummerċjali jew għall-utenti finali tal-gwardjani, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jordna miżuri interim kontra gwardjan abbażi ta’ sejba prima facie ta’ ksur tal-Artikolu 5, 6 jew 7. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat biss fil-kuntest ta’ proċedimenti miftuħa bil-ħsieb tal-adozzjoni possibbli ta’ deċiżjoni ta’ nonkonformità skont l-Artikolu 29(1). Dan għandu japplika biss għal perjodu ta’ żmien speċifikat u jista’ jiġġedded sa fejn dan ikun meħtieġ u xieraq. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

Artikolu 25

Impenji

1.   Jekk, waqt proċedimenti skont l-Artikolu 18, il-gwardjan ikkonċernat joffri impenji għas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti biex jiżgura konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jagħmel dawk l-impenji vinkolanti għal dak il-gwardjan u tiddikjara li ma hemmx raġunijiet oħra għal azzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Il-Kummissjoni tista’, meta tintalab jew b’inizjattiva tagħha stess, tiftaħ mill-ġdid il-proċedimenti rilevanti b’deċiżjoni, meta:

(a)

tkun saret bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset id-deċiżjoni;

(b)

il-gwardjan kkonċernat jaġixxi kontra l-impenji tiegħu;

(c)

id-deċiżjoni kienet issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa mogħtija mill-partijiet;

(d)

l-impenji ma jkunux effettivi.

3.   Jekk il-Kummissjoni jidhrilha li l-impenji magħmula mill-gwardjan ikkonċernat ma jistgħux jiżguraw konformità effettiva mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7, din għandha tispjega r-raġunijiet għalfejn mhix ser tagħmel dawk l-impenji vinkolanti, fid-deċiżjoni li tikkonkludi l-proċedimenti rilevanti.

Artikolu 26

Monitoraġġ ta’ obbligi u miżuri

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex timmonitorja l-implimentazzjoni effettiva u l-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7 u d-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 8, 18, 24, 25 u 29. Dawk l-azzjonijiet jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, l-impożizzjoni ta’ obbligu fuq il-gwardjan li jżomm id-dokumenti kollha meqjusa rilevanti għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dawk l-obbligi u deċiżjonijiet u tal-konformità magħhom.

2.   L-azzjonijiet skont il-paragrafu 1 jistgħu jinkludu l-ħatra ta’ esperti u awdituri esterni indipendenti, kif ukoll il-ħatra ta’ uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri, biex jassistu lill-Kummissjoni timmonitorja l-obbligi u l-miżuri u biex jipprovdu kompetenza jew għarfien speċifiku lill-Kummissjoni.

Artikolu 27

Informazzjoni minn partijiet terzi

1.   Kwalunkwe parti terza, inkluż utenti kummerċjali, kompetituri jew utenti finali tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), kif ukoll ir-rappreżentanti tagħhom, jistgħu jinfurmaw lill-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru, li tinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), jew lill-Kummissjoni direttament, dwar kwalunkwe prattika jew imġiba mill-gwardjani li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), u l-Kummissjoni għandu jkollhom diskrezzjoni sħiħa fir-rigward tal-miżuri xierqa u ma għandhom l-ebda obbligu li jsegwu l-informazzjoni riċevuta.

3.   Fejn l-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tiddetermina, abbażi tal-informazzjoni riċevuta skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, li jista’ jkun hemm kwistjoni ta’ nonkonformità ma’ dan ir-Regolament, hija għandha tittrasferixxi dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni.

Artikolu 28

Funzjoni ta’ verifika tal-konformità

1.   Il-gwardjani għandhom jintroduċu funzjoni ta’ verifika tal-konformità li tkun indipendenti mill-funzjonijiet operazzjonali tal-gwardjan u tkun magħmula minn uffiċjal tal-konformità wieħed jew aktar, inkluż il-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità.

2.   Il-gwardjan għandu jiżgura li l-funzjoni ta’ verifika tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1 ikollha awtorità, statura u riżorsi suffiċjenti, kif ukoll aċċess għall-korp maniġerjali tal-gwardjan biex jimmonitorja l-konformità tal-gwardjan ma’ dan ir-Regolament.

3.   Il-korp maniġerjali tal-gwardjan għandu jiżgura li l-uffiċjali tal-konformità maħtura skont il-paragrafu 1 ikollhom il-kwalifiki professjonali, l-għarfien, l-esperjenza u l-abbiltà meħtieġa biex iwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafu 5.

Il-korp maniġerjali tal-gwardjan għandu jiżgura wkoll li tali kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità jkun maniġer superjuri indipendenti b’responsabbiltà distinta għall-funzjoni ta’ verifika tal-konformità.

4.   Il-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità għandu jirrapporta direttament lill-korp maniġerjali tal-gwardjan u jista’ jqajjem tħassib u jwissi lil dak il-korp fejn jirriżultaw riskji ta’ nonkonformità ma’ dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-korp maniġerjali fil-funzjonijiet superviżorji u maniġerjali tiegħu.

Il-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità ma għandux jitneħħa mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-korp maniġerjali tal-gwardjan.

5.   L-uffiċjali tal-konformità maħtura mill-gwardjan skont il-paragrafu 1 għandu jkollhom il-kompiti li ġejjin:

(a)

l-organizzazzjoni, il-monitoraġġ u s-superviżjoni tal-miżuri u l-attivitajiet tal-gwardjani li għandhom l-għan li jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament;

(b)

l-infurmar u l-għoti ta’ pariri lill-maniġment u lill-impjegati tal-gwardjan dwar il-konformità ma’ dan ir-Regolament;

(c)

fejn applikabbli, il-monitoraġġ tal-konformità mal-impenji magħmula vinkolanti skont l-Artikolu 25, mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-Kummissjoni tkun tista’ taħtar esperti esterni indipendenti skont l-Artikolu 26(2);

(d)

il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni għall-fini ta’ dan ir-Regolament.

6.   Il-gwardjani għandhom jikkomunikaw l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità lill-Kummissjoni.

7.   Il-korp maniġerjali tal-gwardjan għandu jiddefinixxi, jissorvelja u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta’ governanza tal-gwardjan li jiżguraw l-indipendenza tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità, inkluż it-tqassim tar-responsabbiltajiet fl-organizzazzjoni tal-gwardjan u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess.

8.   Il-korp maniġerjali għandu japprova u jirrevedi perjodikament, mill-inqas darba fis-sena, l-istrateġiji u l-politiki għall-bidu, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-konformità ma’ dan ir-Regolament.

9.   Il-korp maniġerjali għandu jiddedika biżżejjed ħin għall-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-verifika tal-konformità ma’ dan ir-Regolament. Huwa għandu jipparteċipa b’mod attiv fid-deċiżjonijiet relatati mal-ġestjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament u jiżgura li jiġu allokati riżorsi adegwati għalih.

Artikolu 29

Nonkonformità

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi s-sejba tagħha ta’ nonkonformità (“id-deċiżjoni ta’ nonkonformità”) meta ssib li gwardjan ma jikkonformax ma’ wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

kwalunkwe wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 5, 6 jew 7;

(b)

il-miżuri speċifikati mill-Kummissjoni f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8(2);

(c)

ir-rimedji imposti skont l-Artikolu 18(1);

(d)

il-miżuri interim ordnati skont l-Artikolu 24; jew

(e)

l-impenji magħmula vinkolanti legalment skont l-Artikolu 25.

Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tadotta d-deċiżjoni ta’ nonkonformità tagħha fi żmien 12-il xahar mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20.

3.   Qabel ma tadotta d-deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan ikkonċernat. F’dawk is-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega l-miżuri li qed tqis li ser tieħu jew li tqis li l-gwardjan għandu jieħu biex is-sejbiet preliminari jiġu indirizzati b’mod effettiv.

4.   Fejn ikollha l-ħsieb li tadotta deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta ma’ partijiet terzi.

5.   Fid-deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni għandha tordna lill-gwardjan biex iwaqqaf in-nonkonformità fi żmien xieraq u biex jagħti spjegazzjonijiet dwar kif jippjana li jikkonforma ma’ dik id-deċiżjoni.

6.   Il-gwardjan għandu jagħti deskrizzjoni lill-Kummissjoni tal-miżuri li jkun ħa biex jiżgura l-verifika tal-konformità mad-deċiżjoni ta’ nonkonformità.

7.   Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tadottax deċiżjoni ta’ nonkonformità, hija għandha tagħlaq il-proċedimenti permezz ta’ deċiżjoni.

Artikolu 30

Multi

1.   Fid-deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq gwardjan li ma jaqbżux l-10 % tal-fatturat dinji totali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti meta ssib li l-gwardjan, intenzjonalment jew b’negliġenza, jonqos milli jikkonforma ma’:

(a)

kwalunkwe wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7;

(b)

il-miżuri speċifikati mill-Kummissjoni f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8(2);

(c)

ir-rimedji imposti skont l-Artikolu 18(1);

(d)

il-miżuri interim ordnati skont l-Artikolu 24; jew

(e)

l-impenji magħmula vinkolanti legalment skont l-Artikolu 25.

2.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fid-deċiżjoni ta’ nonkonformità l-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq gwardjan sa 20 % tal-fatturat totali tiegħu madwar id-dinja fis-sena finanzjarja preċedenti meta ssib li gwardjan ikun wettaq l-istess ksur jew ksur simili ta’ obbligu stipulat fl-Artikolu 5, 6 jew 7 fir-rigward tal-istess servizz ewlieni ta’ pjattaforma li nstab li wettaq f’deċiżjoni ta’ nonkonformità adottata fit-tmien snin preċedenti.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni, li timponi fuq impriżi, inkluż gwardjani fejn applikabbli, u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, multi li ma jaqbżux 1 % tal-fatturat dinji totali tagħhom fis-sena finanzjarja preċedenti meta dawn intenzjonalment jew b’negliġenza:

(a)

jonqsu milli jipprovdu informazzjoni fil-limitu ta’ żmien li hija meħtieġa għall-valutazzjoni tad-deżinjazzjoni tagħhom bħala gwardjani skont l-Artikolu 3 jew jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa;

(b)

jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligu li jinnotifikaw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(3);

(c)

jonqsu milli jinnotifikaw informazzjoni jew jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa li hija meħtieġa skont l-Artikolu 14;

(d)

jonqsu milli jagħtu d-deskrizzjoni jew jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa li hija meħtieġa skont l-Artikolu 15;

(e)

jonqsu milli jipprovdu aċċess għad-data, algoritmi jew informazzjoni dwar ittestjar b’risposta għal talba magħmula skont l-Artikolu 21(3);

(f)

jonqsu milli jipprovdu l-informazzjoni mitluba fil-limitu ta’ żmien stabbilit skont l-Artikolu 21(3) jew jipprovdu informazzjoni jew spjegazzjonijiet skorretti, mhux kompluti jew qarrieqa li huma mitluba skont l-Artikolu 21 jew li huma mogħtija waqt intervista skont l-Artikolu 22;

(g)

jonqsu milli jirrettifikaw f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa mogħtija minn rappreżentant jew membru tal-persunal, jew jonqsu milli, jew jirrifjutaw li, jipprovdu informazzjoni kompluta dwar fatti relatati mas-suġġett u l-għan ta’ spezzjoni, skont l-Artikolu 23;

(h)

jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 23;

(i)

jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi imposti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 26;

(j)

jonqsu milli jintroduċu funzjoni ta’ verifika tal-konformità skont l-Artikolu 28; jew

(k)

jonqsu milli jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 34(4).

4.   Fl-iffissar tal-ammont ta’ multa, il-Kummissjoni għandha tqis il-gravità, it-tul ta’ żmien, ir-rikorrenza u, għall-multi imposti skont il-paragrafu 3, id-dewmien ikkawżat fil-proċedimenti.

5.   Meta tiġi imposta multa fuq assoċjazzjoni ta’ impriżi li tqis il-fatturat dinji tal-membri tagħha u dik l-assoċjazzjoni ma tkunx solventi, hija għandha tkun obbligata titlob kontribuzzjonijiet mingħand il-membri tagħha biex tkopri l-ammont tal-multa.

Meta dawn il-kontribuzzjonijiet ma jkunux saru lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob il-pagament tal-multa direttament mingħand kwalunkwe impriża li r-rappreżentanti tagħha kienu membri tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikkonċernati ta’ dik l-assoċjazzjoni.

Wara li tkun talbet il-pagament skont it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni tista’ titlob il-pagament tal-bilanċ minn kwalunkwe wieħed mill-membri tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi, meta meħtieġ, biex tiżgura l-pagament kollu tal-multa.

Iżda l-Kummissjoni ma għandhiex titlob pagament skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu mingħand impriżi li juru li ma implimentawx id-deċiżjoni tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi li kisru dan ir-Regolament, u ma kinux konxji mill-eżistenza tagħha, jew iddistanzjaw ruħhom b’mod attiv minnha qabel ma l-Kummissjoni tkun fetħet il-proċedimenti skont l-Artikolu 20.

Ir-responsabbiltà finanzjarja ta’ kull impriża fir-rigward tal-pagament tal-multa ma għandhiex taqbeż 20 % tal-fatturat dinji totali tagħha fis-sena finanzjarja preċedenti.

Artikolu 31

Pagamenti perjodiċi ta’ penali

1.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni li timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali fuq impriżi, inkluż fuq gwardjani meta applikabbli, u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għal kull jum li ma jaqbżux il-5 % tal-fatturat dinji medju ta’ kuljum fis-sena finanzjarja preċedenti, ikkalkulati mid-data stabbilita minn dik id-deċiżjoni, biex iġġegħelhom:

(a)

jikkonformaw mal-miżuri speċifikati mill-Kummissjoni f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8(2);

(b)

jikkonformaw mad-deċiżjoni skont l-Artikolu 18(1);

(c)

jipprovdu informazzjoni korretta u kompluta fil-limitu ta’ żmien mitlub f’talba għal informazzjoni magħmula permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 21;

(d)

jiżguraw l-aċċess għad-data, algoritmi u informazzjoni dwar ittestjar b’risposta għal talba magħmula skont l-Artikolu 21(3) u jagħtu spjegazzjonijiet dwarhom kif teżiġi deċiżjoni skont l-Artikolu 21;

(e)

jissottomettu ruħhom għal spezzjoni li ġiet ordnata b’deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 23;

(f)

jikkonformaw ma’ deċiżjoni li tordna miżuri interim meħuda skont l-Artikolu 24;

(g)

jikkonformaw mal-impenji magħmula vinkolanti legalment b’deċiżjoni skont l-Artikolu 25(1);

(h)

jikkonformaw ma’ deċiżjoni skont l-Artikolu 29(1).

2.   Meta l-impriżi, jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, ikunu ssodisfaw l-obbligu li l-pagament perjodiku ta’ penali kien maħsub jinforza, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni, li jistabbilixxi l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta’ penali f’ċifra aktar baxxa minn dik li tirriżulta mid-deċiżjoni oriġinali. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

Artikolu 32

Perjodi ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ penali

1.   Is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikoli 30 u 31 għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.

2.   Iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta jitwettaq il-ksur. Iżda fil-każ ta’ ksur kontinwu u ripetut, iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta jieqaf il-ksur.

3.   Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjoni ta’ suq jew proċedimenti fir-rigward ta’ ksur għandha tinterrompi l-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi interrott b’effett mid-data meta l-azzjoni tiġi notifikata lil mill-inqas waħda mill-impriżi jew mill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li tkun ipparteċipat fil-ksur. L-azzjonijiet li jinterrompu d-dekorrenza tal-perjodu għandhom jinkludu b’mod partikolari dan li ġej:

(a)

talbiet għal informazzjoni mill-Kummissjoni;

(b)

awtorizzazzjonijiet bil-miktub biex jitwettqu spezzjonijiet maħruġa lill-uffiċjali tagħha mill-Kummissjoni;

(c)

il-ftuħ ta’ proċediment mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20.

4.   Kull interruzzjoni għandha tibda d-dekorrenza taż-żmien mill-ġdid. Iżda l-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jiskadi sal-jum meta jkun għadda perjodu daqs id-doppju tal-perjodu ta’ preskrizzjoni mingħajr ma l-Kummissjoni tkun imponiet multa jew pagament perjodiku ta’ penali. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-preskrizzjoni tkun ġiet sospiża skont il-paragrafu 5.

5.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 33

Perjodi ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali

1.   Is-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 30 u 31 għandha tkun soġġetta għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.

2.   Iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta d-deċiżjoni ssir finali.

3.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali għandu jiġi interrott:

(a)

b’notifika ta’ deċiżjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali jew li tirrifjuta applikazzjoni għall-varjazzjoni; jew

(b)

bi kwalunkwe azzjoni tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, li jaġixxi skont talba tal-Kummissjoni, maħsuba biex tinforza l-pagament tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali.

4.   Kull interruzzjoni għandha tibda d-dekorrenza taż-żmien mill-ġdid.

5.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm:

(a)

jingħata l-ħin għall-pagament; jew

(b)

l-infurzar tal-pagament ikun sospiż skont deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew skont deċiżjoni minn qorti nazzjonali.

Artikolu 34

Dritt ta’ smigħ u ta’ aċċess għall-fajl

1.   Qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 8, l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 10(1), l-Artikoli 17, 18, 24, 25, 29 u 30, u l-Artikolu 31(2), il-Kummissjoni għandha tagħti l-opportunità ta’ smigħ lill-gwardjan jew lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati, dwar:

(a)

sejbiet preliminari tal-Kummissjoni, inkluż kwalunkwe kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha; u

(b)

miżuri li l-Kummissjoni jaf ikun beħsiebha tieħu fid-dawl tas-sejbiet preliminari skont il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu.

2.   Il-gwardjani, l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni fis-sejbiet preliminari tagħha li ma jistax ikun inqas minn 14-il jum.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq sejbiet preliminari, inkluż kwalunkwe kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha, li dwarhom setgħu jikkummentaw il-gwardjani, l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati.

4.   Id-drittijiet ta’ difiża tal-gwardjan, l-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ fi kwalunkwe proċediment. Il-gwardjan, l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati għandhom ikunu intitolati għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont termini ta’ divulgazzjoni, soġġett għall-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjonijiet li jistabbilixxu dawk it-termini ta’ divulgazzjoni. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. B’mod partikolari, id-dritt ta’ aċċess ma għandux jiġi estiż għal korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Xejn f’dan il-paragrafu ma għandu jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tikxef u tuża l-informazzjoni meħtieġa biex tipprova xi ksur.

Artikolu 35

Rappurtar annwali

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-progress li jkun sar lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi:

(a)

sommarju tal-attivitajiet tal-Kummissjoni inkluż kwalunkwe miżura jew deċiżjoni adottata u investigazzjonijiet tas-suq li jkunu għaddejjin b’rabta ma’ dan ir-Regolament;

(b)

is-sejbiet li jirriżultaw mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni mill-gwardjani tal-obbligi skont dan ir-Regolament;

(c)

valutazzjoni tad-deskrizzjoni awditjata msemmija fl-Artikolu 15;

(d)

ħarsa ġenerali lejn il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali b’rabta ma’ dan ir-Regolament;

(e)

ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet u l-kompiti mwettqa mill-Grupp ta’ Livell Għoli tar-Regolaturi Diġitali, inkluż kif għandhom jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-infurzar ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-rapport fuq is-sit web tagħha.

Artikolu 36

Segretezza professjonali

1.   L-informazzjoni miġbura skont dan ir-Regolament għandha tintuża għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 14 għandha tintuża għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 139/2004 u r-regoli nazzjonali dwar il-fużjonijiet.

3.   L-informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 15 għandha tintuża għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2016/679.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-iskambju u l-użu ta’ informazzjoni mogħtija għall-fini tal-użu skont l-Artikoli 38, 39, 41 u 43, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-uffiċjali u l-aġenti tagħhom u persuni oħra li jaħdmu bis-superviżjoni ta’ dawk l-awtoritajiet u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, inkluż l-awdituri u l-esperti maħtura skont l-Artikolu 26(2), ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni miksuba jew skambjata minnhom skont dan ir-Regolament u tat-tip kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali.

Artikolu 37

Kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib u jikkoordinaw l-azzjonijiet ta’ infurzar tagħhom biex jiżguraw infurzar koerenti, effettiv u komplementari tal-istrumenti legali disponibbli applikati għall-gwardjani skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-awtoritajiet nazzjonali fejn xieraq, dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 38

Kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jinfurzaw ir-regoli dwar il-kompetizzjoni

1.   Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) għandhom jikkooperaw bejniethom u jinfurmaw lil xulxin dwar l-azzjonijiet ta’ infurzar rispettivi tagħhom permezz tan-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK). Huma għandu jkollhom is-setgħa li jipprovdu lil xulxin kwalunkwe informazzjoni dwar kwistjoni ta’ fatt jew ta’ dritt, inkluż informazzjoni kunfidenzjali. Fejn l-awtorità kompetenti ma tkunx membru tan-NEK, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar każijiet li jikkonċernaw l-infurzar ta’ dan ir-Regolament u l-infurzar tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(6) ta’ tali awtoritajiet. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi tali arranġamenti f’att ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 46(1), punt (l).

2.   Fejn awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tkun biħsiebha tniedi investigazzjoni dwar gwardjani abbażi ta’ liġijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(6), hija għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-miktub dwar l-ewwel miżura investigattiva formali, qabel jew immedjatament wara l-bidu ta’ tali miżura. Din l-informazzjoni tista’ titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tal-Istati Membri l-oħra.

3.   Fejn awtorità nazzjonali nazzjonali tal-Istati Membri li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tkun biħsiebha timponi obbligi fuq gwardjani abbażi ta’ liġijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(6), hija għandha, sa mhux aktar tard minn 30 jum qabel l-adozzjoni tiegħu, tikkomunika l-abbozz tal-miżura lill-Kummissjoni billi tiddikjara r-raġunijiet għall-miżura. Fil-każ ta’ miżuri interim, l-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) għandha tikkomunika lill-Kummissjoni l-abbozz tal-miżuri previsti malajr kemm jista’ jkun, u mhux aktar tard minn immedjatament wara l-adozzjoni ta’ tali miżuri. Din l-informazzjoni tista’ titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tal-Istati Membri l-oħra.

4.   Il-mekkaniżmi ta’ informazzjoni previsti fil-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għal deċiżjonijiet previsti skont ir-regoli nazzjonali dwar il-fużjonijiet.

5.   L-informazzjoni skambjata skont il-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi skambjata u użata biss għall-fini ta’ koordinazzjoni tal-infurzar ta’ dan ir-Regolament u r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6).

6.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) biex jappoġġaw kwalunkwe investigazzjoni tas-suq tagħha skont dan ir-Regolament.

7.   Fejn ikollha l-kompetenza u s-setgħat investigattivi biex tagħmel dan skont il-liġi nazzjonali, awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tista’ fuq inizjattiva tagħha stess twettaq investigazzjoni dwar każ ta’ nonkonformità possibbli mal-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament fit-territorju tagħha. Qabel ma tieħu l-ewwel miżura investigattiva formali, dik l-awtorità għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-miktub.

Il-ftuħ ta' proċedimenti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20 għandu jeħles lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) mill-possibbiltà li jwettqu tali investigazzjoni jew għandu jtemm l-investigazzjoni fejn din tkun diġà għaddejja. Dawk l-awtoritajiet għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet ta’ tali investigazzjoni sabiex jappoġġaw lill-Kummissjoni fir-rwol tagħha bħala infurzatur uniku ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 39

Kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali

1.   Fi proċedimenti għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-qrati nazzjonali jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tittrażmettilhom l-informazzjoni fil-pussess tagħha jew l-opinjoni tagħha dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni kopja ta’ kwalunkwe sentenza bil-miktub tal-qrati nazzjonali li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Tali kopja għandha tintbagħat mingħajr dewmien wara li s-sentenza sħiħa bil-miktub tiġi nnotifikata lill-partijiet.

3.   Fejn l-applikazzjoni koerenti ta’ dan ir-Regolament teħtieġ hekk, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess, tista’ tissottometti osservazzjonijiet bil-miktub lill-qrati nazzjonali. Bil-permess tal-qorti inkwistjoni, hija tista’ tagħmel ukoll osservazzjonijiet bil-fomm.

4.   Għall-fini tat-tħejjija tal-osservazzjonijiet tagħhom biss, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-qorti nazzjonali rilevanti biex tittrażmetti jew tiżgura t-trażmissjoni lill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe dokument meħtieġ għall-valutazzjoni tal-każ.

5.   Il-qrati nazzjonali ma għandhomx jieħdu deċiżjoni li tmur kontra deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament. Huma għandhom jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni fi proċedimenti li tkun bdiet skont dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-qorti nazzjonali tista’ tivvaluta jekk huwiex neċessarju li tissospendi l-proċedimenti tagħha. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għall-qrati nazzjonali li jitolbu deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

Artikolu 40

Il-grupp ta’ livell għoli

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp ta’ livell għoli għall-Att dwar is-Swieq Diġitali (“il-grupp ta’ livell għoli”).

2.   Il-grupp ta’ livell għoli għandu jkun magħmul mill-korpi u n-networks Ewropej li ġejjin:

(a)

il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi,

(b)

il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

(c)

in-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni,

(d)

in-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, u

(e)

il-Grupp Regolatorju Ewropew ta’ Regolaturi tal-Media Awdjoviżiva.

3.   Il-korpi u n-networks Ewropej imsemmija fil-paragrafu 2 għandu jkollhom għadd ugwali ta’ rappreżentanti fil-grupp ta’ livell għoli. L-għadd massimu ta’ membri tal-grupp ta’ livell għoli ma għandux jaqbeż 30.

4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi ta’ segretarjat lill-grupp ta’ livell għoli sabiex tiffaċilita l-ħidma tiegħu. Il-grupp ta’ livell għoli għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni, li għandha tipparteċipa fil-laqgħat tiegħu. Il-grupp ta’ livell għoli għandu jiltaqa’ fuq talba tal-Kummissjoni mill-inqas darba kull sena kalendarja. Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ ukoll laqgħa tal-grupp meta tintalab tagħmel dan mill-maġġoranza tal-membri li jiffurmaw il-grupp sabiex tiġi indirizzata kwistjoni speċifika.

5.   Il-grupp ta’ livell għoli jista’ jipprovdi lill-Kummissjoni b’pariri u għarfien espert fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-membri tiegħu, inkluż:

(a)

pariri u rakkomandazzjonijiet li jaqgħu taħt l-għarfien espert tagħhom rilevanti għal kwalunkwe kwistjoni ġenerali ta’ implimentazzjoni jew ta’ infurzar ta’ dan ir-Regolament; jew

(b)

pariri u għarfien espert li jippromwovu approċċ regolatorju konsistenti fi strumenti regolatorji differenti.

6.   Il-grupp ta’ livell għoli jista’, b’mod partikolari, jidentifika u jivvaluta l-interazzjonijiet attwali u potenzjali bejn dan ir-Regolament u r-regoli speċifiċi għas-setturi applikati mill-awtoritajiet nazzjonali li jiffurmaw il-korpi u n-networks Ewropej imsemmija fil-paragrafu 2 u jippreżenta rapport annwali lill-Kummissjoni li jippreżenta tali valutazzjoni u jidentifika kwistjonijiet transregolatorji potenzjali. Tali rapport jista’ jkun akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet li għandhom l-għan li jikkonverġu lejn approċċi transdixxiplinari konsistenti u sinerġiji bejn l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u regolamenti settorjali oħra. Ir-rapport għandu jiġi komunikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

7.   Fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tas-suq f’servizzi ġodda u prattiki ġodda, il-grupp ta’ livell għoli jista’ jipprovdi għarfien espert lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġu emendati, miżjuda jew imneħħija regoli f’dan ir-Regolament, biex jiġi żgurat li s-swieq diġitali madwar l-Unjoni jkunu kontestabbli u ġusti.

Artikolu 41

Talba għal investigazzjoni tas-suq

1.   Tliet Stati Membri jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 17 għaliex huma jqisu li hemm raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li impriża għandha tiġi deżinjata bħala gwardjan.

2.   Stat Membru wieħed jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 18 għax iqisu li hemm raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li gwardjan ikun kiser b’mod sistematiku wieħed jew aktar mill-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7 u jkun żamm, saħħaħ jew estenda l-pożizzjoni ta’ gwardjan tiegħu fir-rigward tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 3(1).

3.   Tliet Stati Membri jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 19 għaliex huma jqisu li hemm raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li:

(a)

servizz wieħed jew aktar fis-settur diġitali jenħtieġ li jiżdiedu mal-lista ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma stabbilita fl-Artikolu 2, punt (2), jew

(b)

prattika waħda jew aktar mhumiex indirizzati b’mod effettiv minn dan ir-Regolament u jistgħu jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew ikunu inġusti.

4.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw evidenza li ssostni t-talbiet tagħhom skont il-paragrafi 1, 2 u 3. Għal talbiet skont il-paragrafu 3, tali evidenza tista’ tinkludi informazzjoni dwar offerti ġodda ta’ prodotti, servizzi, software jew karatteristiċi li jqajmu tħassib dwar kontestabbiltà jew korrettezza, kemm jekk implimentati fil-kuntest ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma eżistenti jew mod ieħor.

5.   Fi żmien erba’ xhur minn meta tirċievi talba skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk hemmx raġunijiet raġonevoli biex tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont il-paragrafu 1, 2 jew 3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati tal-valutazzjoni tagħha.

Artikolu 42

Azzjonijiet rappreżentattivi

Id-Direttiva (UE) 2020/1828 għandha tapplika għall-azzjonijiet rappreżentattivi mressqa kontra l-ksur mill-gwardjani tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jagħmlu ħsara jew li jistgħu jagħmlu ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi.

Artikolu 43

Rappurtar ta’ ksur u protezzjoni tal-persuni li jirrappurtaw

Id-Direttiva (UE) 2019/1937 għandha tapplika għar-rappurtar tal-ksur kollu ta’ dan ir-Regolament u għall-protezzjoni ta’ persuni li jirrappurtaw tali ksur.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 44

Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjonijiet li tieħu skont l-Artikoli 3 u 4, l-Artikolu 8(2), l-Artikoli 9, 10, 16 sa 20 u 24, l-Artikolu 25(1), l-Artikoli 29, 30 u 31. Din il-pubblikazzjoni għandha tiddikjara l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-deċiżjoni, inkluż kull penali impost.

2.   Il-pubblikazzjoni għandha tqis l-interess leġittimu tal-gwardjani jew ta’ partijiet terzi fil-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tagħhom.

Artikolu 45

Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja

F’konformità mal-Artikolu 261 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġuriżdizzjoni bla limiti biex tirrieżamina deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tkun imponiet multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali. Din tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament perjodiku ta’ penali imposti.

Artikolu 46

Dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu arranġamenti dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan li ġej:

(a)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tan-notifiki u s-sottomissjonijiet skont l-Artikolu 3;

(b)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tal-miżuri tekniċi li l-gwardjani għandhom jimplimentaw biex jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 5, 6 jew 7;

(c)

arranġamenti operazzjonali u tekniċi bil-ħsieb li tiġi implimentata l-interoperabbiltà tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri skont l-Artikolu 7;

(d)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tat-talba motivata skont l-Artikolu 8(3);

(e)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tat-talbiet motivati skont l-Artikoli 9 u 10;

(f)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti regolatorji pprovduti skont l-Artikolu 11;

(g)

il-metodoloġija u l-proċedura għad-deskrizzjoni awditjata tat-tekniki użati għat-tfassil tal-profili tal-konsumaturi prevista fl-Artikolu 15(1); meta tiżviluppa abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u tista’ tikkonsulta lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, lis-soċjetà ċivili u lil esperti rilevanti oħra

(h)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tan-notifiki u s-sottomissjonijiet magħmula skont l-Artikoli 14 u 15;

(i)

l-arranġamenti prattiċi tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet tas-suq skont l-Artikoli 17, 18 u 19, u l-proċedimenti skont l-Artikoli 24, 25 u 29;

(j)

l-arranġamenti prattiċi għall-eżerċitar tad-dritt ta’ smigħ previst fl-Artikolu 34;

(k)

l-arranġamenti prattiċi għat-termini ta’ divulgazzjoni previsti fl-Artikolu 34;

(l)

l-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali previsti fl-Artikoli 37 u 38; u

(m)

l-arranġamenti prattiċi għall-kalkolu u l-estensjoni tal-iskadenzi.

2.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punti (a) sa (k) u punt (m) ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punt (l), ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 50(3).

3.   Qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippubblika abbozz tagħha u tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jissottomettu l-kummenti tagħhom f’limitu ta’ żmien, li ma jistax ikun inqas minn xahar.

Artikolu 47

Linji Gwida

Il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida dwar kwalunkwe wieħed mill-aspetti ta’ dan ir-Regolament sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tiegħu.

Artikolu 48

Standardizzazzjoni

Fejn ikun xieraq u meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ tagħti s-setgħa lill-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament billi jiġu żviluppati standards xierqa.

Artikolu 49

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(6) u (7) u l-Artikolu 12(1), (3) u (4) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta' Novembru 2022. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 3(6) u (7), u l-Artikolu 12(1), (3) u (4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 3(6) u (7), u l-Artikolu 12(1), (3) u (4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 50

Proċedura ta’ Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat (“il-Kumitat Konsultattiv għas-Swieq Diġitali”). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn l-opinjoni tal-Kumitat tkun trid tinkiseb permezz tal-proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tittermina mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta’ żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-President tal-Kumitat hekk jiddeċiedi, jew maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Kumitat titlob li jsir hekk.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-opinjoni tal-kumitat lid-destinatarju ta’ deċiżjoni individwali, flimkien ma’ dik id-deċiżjoni. Għandha tippubblika l-opinjoni flimkien mad-deċiżjoni individwali, filwaqt li tqis l-interess leġittimu fil-protezzjoni tas-segretezza professjonali.

Artikolu 51

Emenda għad-Direttiva (UE) 2019/1937

Fil-Punti J tal-Parti I tal-Anness għad-Direttiva (UE) 2019/1937, jiżdied il-punt li ġej:

“(iv)

Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 21.9.2022, p. 1).”

Artikolu 52

Emenda għad-Direttiva (UE) 2020/1828

Fl-Anness I għad-Direttiva (UE) 2020/1828, jiżdied il-punt li ġej:

“(67)

Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 21.9.2022, p. 1).”

Artikolu 53

Rieżami

1.   Sat-3 ta' Mejju 2026, u sussegwentement kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha tevalwa dan ir-Regolament u tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

2.   L-evalwazzjonijiet għandhom jivvalutaw jekk intlaħqux l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament li jiżgura swieq kontestabbli u ġusti u jivvalutaw l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq l-utenti kummerċjali, speċjalment l-SMEs, u l-utenti finali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 jistax jiġi estiż għas-servizzi ta’ networking soċjali online.

3.   L-evalwazzjonijiet għandhom jistabbilixxu jekk jeħtieġx jiġu modifikati r-regoli, inkluż rigward il-lista tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma stipulata fl-Artikolu 2, punt (2), l-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 u l-infurzar tagħhom, biex jiġi żgurat li s-swieq diġitali madwar l-Unjoni jkunu kontestabbli u ġusti. Wara l-evalwazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa li jistgħu jinkludu proposti leġiżlattivi.

4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jipprovdu kull informazzjoni rilevanti li jkollhom li tintalab mill-Kummissjoni bl-iskop li jitħejja r-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 54

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mit-2 ta' Mejju 2023.

Madankollu, l-Artikolu 3(6) u (7) u l-Artikoli 40, 46, 47, 48, 49 u 50 għandhom japplikaw mill-1 ta' Novembru 2022 u l-Artikolu 42 u l-Artikolu 43 għandhom japplikaw mill-25 ta’ Ġunju 2023.

Madankollu, jekk id-data tal-25 ta’ Ġunju 2023 tippreċedi d-data tal-applikazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 43 għandha tiġi posposta sad-data tal-applikazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Settembru 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 64.

(2)  ĠU C 440, 29.10.2021, p. 67.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2022.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57).

(6)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(7)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

(8)  Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

(10)  Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).

(11)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

(12)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(14)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(15)  Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).

(16)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(18)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(19)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(20)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

(21)  Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 409, 4.12.2020, p. 1).

(22)  ĠU C 147, 26.4.2021, p. 4.

(23)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(24)  Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).


ANNESS

A.   “Ġenerali”

1.

Dan l-Anness għandu l-għan li jispeċifika l-metodoloġija għall-identifikazzjoni u l-kalkolu tal-“utenti finali attivi” u l-“utenti kummerċjali attivi” għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fl-Artikolu 2, punt (2). Huwa jipprovdi referenza biex impriża tkun tista’ tivvaluta jekk is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tagħha jissodisfawx il-limiti kwantitattivi stabbiliti fl-Artikolu 3(2), punt (b) u għalhekk ikun preżunt li jissodisfaw ir-rekwiżit fl-Artikolu 3(1), punt (b). Tali referenza għalhekk ser tkun ugwalment rilevanti għal kwalunkwe valutazzjoni usa’ skont l-Artikolu 3(8). Hija r-responsabbiltà tal-impriża li tasal għall-aħjar approssimazzjoni possibbli skont il-prinċipji komuni u l-metodoloġija speċifika stabbiliti f’dan l-Anness. Xejn f’dan l-Anness ma jipprekludi lill-Kummissjoni, fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament, milli tirrikjedi li l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma biex tipprovdi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati u kkalkulati l-“utenti finali attivi” u l-“utenti kummerċjali attivi”. Jenħtieġ li xejn f’dan l-Anness ma jikkostitwixxi bażi legali għat-traċċar tal-utenti. Il-metodoloġija li tinsab f’dan l-Anness hija wkoll mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu stipulat f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari fl-Artikolu 3(3) u (8) u l-Artikolu 13(3). B’mod partikolari, il-konformità meħtieġa mal-Artikolu 13(3) tfisser ukoll l-identifikazzjoni u l-ikkalkular tal-“utenti finali attivi” u l-“utenti kummerċjali attivi” abbażi ta’ kejl preċiż jew tal-aħjar approssimazzjoni disponibbli, f’konformità mal-kapaċitajiet ta’ identifikazzjoni u kalkolu attwali li l-impriża li tipprovdi s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandha fil-mument rilevanti. Dak il-kejl jew l-aħjar approssimazzjoni disponibbli għandhom ikunu konsistenti ma’, u jinkludu, dawk irrappurtati skont l-Artikolu 15.

2.

L-Artikolu 2, punti (20) u (21) jistabbilixxu d-definizzjonijiet ta’ “utent finali” u “utent kummerċjali”, li huma komuni għas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma kollha.

3.

Sabiex jidentifika u jikkalkula l-għadd ta’ “utenti finali attivi” u “utenti kummerċjali attivi”, dan l-Anness jirreferi għall-kunċett ta’ “utenti uniċi”. Il-kunċett ta’ “utenti uniċi” jinkludi “utenti finali attivi” u “utenti kummerċjali attivi” magħduda darba biss, għas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, matul perjodu ta’ żmien speċifikat (jiġifieri għal kull xahar fil-każ ta’ “utenti finali attivi” u għal kull sena fil-każ ta’ “utenti kummerċjali attivi”), irrispettivament minn kemm-il darba interaġew mas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti matul dak il-perjodu. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-istess persuna fiżika jew ġuridika tista’ simultanjament tkun “utent finali attiv” jew “utent kummerċjali attiv” għal servizzi ewlenin differenti ta’ pjattaforma.

B.   “Utenti finali attivi”

1.

L-għadd ta’ “utenti uniċi” fir-rigward ta’ “utenti finali attivi” għandhom jiġu identifikati skont l-aktar metrika preċiża rrappurtata mill-impriża li tipprovdi kwalunkwe wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, speċifikament:

a.

Huwa meqjus li l-ġbir ta’ data dwar l-użu ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma minn ambjenti aċċessati permezz ta’ reġistrazzjoni jew konnessjoni prima facie jippreżentaw l-aktar riskju baxx ta’ duplikazzjoni, pereżempju fir-rigward tal-imġiba tal-utent fuq l-apparati jew il-pjattaformi. Għalhekk, l-impriża għandha tippreżenta data anonimizzata aggregata dwar l-għadd ta’ utenti finali uniċi għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma rispettiv ibbażat fuq ambjenti aċċessati permezz ta’ reġistrazzjoni jew konnessjoni, jekk teżisti tali data.

b.

Fil-każ ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li huma aċċessati wkoll minn utenti finali barra ambjenti aċċessati permezz ta’ reġistrazzjoni jew konnessjoni, l-impriża għandha tippreżenta addizzjonalment data anonimizzata aggregata dwar l-għadd ta’ utenti finali uniċi tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma abbażi ta’ metrika alternattiva li taqbad ukoll utenti finali barra mill-ambjenti aċċessati permezz ta’ reġistrazzjoni jew konnessjoni, bħal indirizzi tal-protokoll tal-internet, identifikaturi tal-cookies jew identifikaturi oħra bħal tags ta’ identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju, dment li dawk l-indirizzi jew identifikaturi huma oġġettivament neċessarji biex jiġu pprovduti s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma.

2.

L-għadd ta’ “utenti finali attivi ta’ kull xahar” huwa bbażat fuq l-għadd medju ta’ utenti finali attivi ta’ kull xahar tul l-akbar parti tas-sena finanzjarja. Il-kunċett tal-“akbar parti tas-sena finanzjarja” huwa maħsub biex impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tkun tista’ tnaqqas ċifri outlier f’sena partikolari. Ċifri outlier minnhom infushom ifissru ċifri li jaqgħu b’mod sinifikanti barra ċ-ċifri normali u prevedibbli. Livelli għoljin ħafna jew tnaqqis mhux previst fl-involviment tal-utenti li seħħ matul xahar wieħed tas-sena finanzjarja huwa eżempju ta’ x’jista’ jikkostitwixxi tali ċifri outlier. Iċ-ċifri relatati ma’ okkorrenzi rikorrenti kull sena, bħall-promozzjonijiet tal-bejgħ annwali, mhumiex ċifri outlier

C.   “Utenti kummerċjali attivi”

L-għadd ta’ “utenti uniċi” fir-rigward ta’ “utenti kummerċjali attivi” għandu jiġi determinat, fejn applikabbli, fil-livell tal-kont b’kull kont kummerċjali distint assoċjat mal-użu ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma pprovdut mill-impriża li tikkostitwixxi utent kummerċjali uniku wieħed ta’ dak is-servizz ewlieni rispettiv ta’ pjattaforma. Jekk il-kunċett ta’ “kont kummerċjali” ma japplikax għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma partikolari, l-impriża rilevanti li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandha tiddetermina l-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi billi tirreferi għall-impriża rilevanti.

D.   “Preżentazzjoni ta’ informazzjoni”

1.

L-impriża li tippreżenta lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(3) informazzjoni dwar l-għadd ta’ utenti finali attivi u utenti kummerċjali attivi għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma għandha tkun responsabbli biex tiżgura l-kompletezza u l-preċiżjoni ta’ dik l-informazzjoni. F’dan ir-rigward:

a.

L-impriża għandha tkun responsabbli għall-preżentazzjoni tad-data għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma rispettiv li jevita l-għadd nieqes u l-għadd żejjed tal-għadd ta’ utenti finali attivi u utenti kummerċjali attivi (pereżempju, fejn l-utenti jaċċessaw is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma minn pjattaformi jew apparati differenti).

b.

L-impriża għandha tkun responsabbli biex tipprovdi spjegazzjonijiet preċiżi u konċiżi dwar il-metodoloġija użata biex tasal għall-informazzjoni u għal kwalunkwe riskju ta’ għadd nieqes jew għadd żejjed tal-għadd ta’ utenti finali attivi u utenti kummerċjali attivi għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma rispettiv u għas-soluzzjonijiet adottati biex jiġi indirizzat dak ir-riskju.

c.

L-impriża għandha tipprovdi data li tkun ibbażata fuq metrika alternattiva meta l-Kummissjoni jkollha tħassib dwar il-preċiżjoni tad-data pprovduta mill-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma.

2.

Għall-fini tal-kalkolu tan-numru ta’ “utenti finali attivi” u “utenti kummerċjali attivi”:

a.

L-impriża li tipprovdi servizz(i) ewlieni/ewlenin ta’ pjattaforma ma għandhiex tidentifika servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li jappartjenu għall-istess kategorija ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma skont l-Artikolu 2, punt (2) bħala distinti prinċipalment fuq il-bażi li jiġu pprovduti bl-użu ta’ ismijiet ta’ dominji differenti, kemm jekk dominji tal-ogħla livell tal-kodiċi tal-pajjiż (country code top-level domains - ccTLDs) jew dominji tal-ogħla livell ġeneriċi (generic top-level domains - gTLDs), jew kwalunkwe attribut ġeografiku.

b.

L-impriża li tipprovdi servizz(i) ewlieni/ewlenin ta’ pjattaforma għandha tqis bħala servizzi ewlenin ta’ pjattaforma distinti dawk is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, li jintużaw għal skopijiet differenti mill-utenti finali tagħhom jew mill-utenti kummerċjali tagħhom, jew mit-tnejn, anki jekk l-utenti finali jew l-utenti kummerċjali tagħhom jistgħu jkunu l-istess u anki jekk jappartjenu għall-istess kategorija ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma skont l-Artikolu 2, punt (2).

c.

L-impriża li tipprovdi servizz(i) ewlieni/ewlenin ta’ pjattaforma għandha tqis bħala servizzi ewlenin ta’ pjattaforma distinti dawk is-servizzi li l-impriża rilevanti toffri b’mod integrat, iżda li:

(i)

ma jagħmlux parti mill-istess kategorija ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma skont l-Artikolu 2, punt (2) jew

(ii)

jintużaw għal skopijiet differenti mill-utenti finali tagħhom jew mill-utenti kummerċjali tagħhom, jew mit-tnejn, anki jekk l-utenti finali u l-utenti kummerċjali tagħhom jistgħu jkunu l-istess u anki jekk jappartjenu għall-istess kategorija ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma skont l-Artikolu 2, punt (2).

E.   “Definizzjonijiet speċifiċi”

It-tabella hawn taħt tagħti definizzjonijiet speċifiċi ta’ “utenti finali attivi” u “utenti kummerċjali attivi” għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma.

Servizzi ewlenin ta’ pjattaforma

Utenti finali attivi

Utenti kummerċjali attivi

Servizzi ta’ intermedjazzjoni online

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kellhom kuntatt mas-servizz ta’ intermedjazzjoni online mill-inqas darba matul ix-xahar pereżempju billi aċċessaw attivament permezz ta’ konnessjoni, billi għamlu tfittxija, ikklikkjaw jew skrolljaw jew billi kkonkludew tranżazzjoni permezz tas-servizz ta’ intermedjazzjoni online mill-inqas darba matul ix-xahar.

L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li kellhom mill-inqas oġġett wieħed elenkat fis-servizz tal-intermedjazzjoni online matul is-sena kollha jew li kkonkludew tranżazzjoni attivata mis-servizz tal-intermedjazzjoni online matul is-sena.

Magni tat-tiftix online

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kellhom kuntatt mal-magna tat-tiftix online mill-inqas darba matul ix-xahar, pereżempju billi daħħlu mistoqsija.

L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi b’siti web tan-negozju (jiġifieri sit web użat f’kapaċità kummerċjali jew professjonali) indiċjati mill-magna tat-tiftix online jew parti mill-indiċi tagħha matul is-sena.

Servizzi ta’ networking soċjali online

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kellhom kuntatt mas-servizz ta’ networking soċjali online mill-inqas darba matul ix-xahar, pereżempju permezz ta’ log-in attiv, ftuħ ta’ paġna, skrolljar, ikklikkjar, reazzjoni, mistoqsija, kitba ta’ post jew kummenti.

L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li għandhom inklużjoni f’lista tan-negozju jew kont tan-negozju fis-servizz tan-networking soċjali online u li kellhom kuntatt b’xi mod mas-servizz tal-inqas darba matul is-sena, pereżempju permezz ta’ log-in attiv, ftuħ ta’ paġna, skrolljar, ikklikkjar, like, mistoqsija, kitba ta’ post, kummenti jew użu tal-għodod tiegħu għan-negozji.

Servizzi ta’ pjattaforma tal-video-sharing

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kellhom kuntatt mas-servizz ta’ pjattaforma tal-video-sharing mill-inqas darba matul ix-xahar, pereżempju billi raw parti minn kontenut awdjoviżiv, fittxew jew tellgħu kontenut awdjoviżiv, b’mod partikolari inkluż filmati maħluqa mill-utenti.

L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li pprovdew mill-inqas silta waħda ta’ kontenut awdjoviżiv imtella’ jew viżwalizzat fuq is-servizz ta’ pjattaforma tal-video-sharing matul is-sena.

Servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li bdew jew ipparteċipaw b’xi mod f’komunikazzjoni permezz tas-servizz ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri mill-inqas darba matul ix-xahar.

L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li użaw kont tan-negozju jew inkella bdew jew ipparteċipaw b’xi mod f’komunikazzjoni permezz tas-servizz ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri biex jikkomunikaw direttament ma’ utent aħħari mill-inqas darba matul is-sena.

Sistemi operattivi

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li użaw apparat bis-sistema operattiva, li ġie attivat, aġġornat jew intuża mill-inqas darba matul ix-xahar.

L-għadd ta’ developers uniċi li ppubblikaw, aġġornaw jew offrew mill-inqas applikazzjoni waħda ta’ software jew programm ta’ software bl-użu tal-lingwa tal-ipprogrammar jew kwalunkwe għodda għall-iżvilupp ta’ software tas-sistema operattiva, jew li jużaha b’xi mod, matul is-sena.

Assistent virtwali

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li involvew ruħhom mal-assistent virtwali bi kwalunkwe mod mill-inqas darba fix-xahar, bħal pereżempju billi jattivawh, jistaqsu mistoqsija, jaċċessaw servizz permezz ta’ kmand jew jikkontrollaw apparat tad-dar intelliġenti.

L-għadd ta’ żviluppaturi uniċi li offrew mill-inqas applikazzjoni ta’ software ta’ assistent virtwali waħda jew funzjonalità biex jagħmlu applikazzjoni tas-software eżistenti aċċessibbli permezz tal-assistent virtwali matul is-sena.

Web browsers

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li involvew ruħhom mal-web browser mill-inqas darba fix-xahar, pereżempju billi daħħlu mistoqsija jew indirizz tas-sit web fil-linja URL tal-web browser.

L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li s-siti web kummerċjali tagħhom (jiġifieri s-sit web użat f’kapaċità kummerċjali jew professjonali) ġew aċċessati permezz tal-web browser mill-inqas darba matul is-sena jew li offrew plug-in, estensjoni jew add-ons użati fuq il-web browser matul is-sena.

Servizzi tal-cloud computing

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li użaw xi servizz tal-cloud computing mill-fornitur rilevanti ta’ servizzi ta’ cloud computing mill-inqas darba matul ix-xahar, għal kwalunkwe tip ta’ remunerazzjoni, irrispettivament minn jekk din ir-remunerazzjoni sseħħx fl-istess xahar.

L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi li pprovdew kwalunkwe servizz ta’ cloud computing ospitat fl-infrastruttura tal-cloud tal-fornitur rilevanti tas-servizzi ta’ cloud computing matul is-sena.

Servizzi ta’ reklamar online

Għall-bejgħ proprjetarju ta’ spazju għar-reklamar:

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kienu esposti għal impressjoni ta’ reklam mill-inqas darba matul ix-xahar.

Għal servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar (inkluż networks ta’ reklamar, skambji ta’ reklamar u kwalunkwe servizz ieħor ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar):

L-għadd ta’ utenti finali uniċi li kienu esposti għal impressjoni ta’ reklam li skattat is-servizz ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar mill-inqas darba matul ix-xahar.

Għall-bejgħ proprjetarju ta’ spazju għar-reklamar:

L-għadd ta’ reklamaturi uniċi li kellhom mill-inqas impressjoni ta’ reklam waħda murija matul is-sena.

Għal servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar (inkluż networks ta’ reklamar, skambji ta’ reklamar u kwalunkwe servizz ieħor ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar):

L-għadd ta’ utenti kummerċjali uniċi (inkluż reklamaturi, pubblikaturi jew intermedjarji oħra) li interaġixxew permezz tas-servizz ta’ intermedjazzjoni ta’ reklamar jew kienu moqdija minnu matul is-sena.