21.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 244/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1622

tas-17 ta’ Mejju 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar is-swieq emerġenti u l-ekonomiji avvanzati

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tas-26 ta’ Ġunju 2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 325ap(3), it-tielet subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq skont l-approċċ standardizzat alternattiv stabbilit fl-Artikolu 325c sal-Artikolu 325ay tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jirrikjedu, għall-kalkolu tar-rekwiżit ta’ fondi proprji skont il-metodu bbażat fuq is-sensittivitajiet stabbilit fl-Artikolu 325d sal-Artikolu 325k, l-applikazzjoni tal-piżijiet tar-riskju għar-riskju ta’ ekwità speċifikati fit-Tabella 8 tal-Artikolu 325ap ta’ dak ir-Regolament skont l-att delegat imsemmi fl-Artikolu 461a. Billi s-swieq li jikkostitwixxu ekonomiji avvanzati u s-swieq emerġenti huma kategoriji reċiprokament esklużivi, għandu jkun iċċarat li s-swieq kollha li ma jikkostitwux ekonomija avvanzati għandhom jitqiesu bħala swieq emerġenti.

(2)

Meta jiġi ddeterminat liema swieq jikkostitwixxu ekonomiji avvanzati u liema jikkostitwixxu swieq emerġenti, huwa meħtieġ, min-naħa, li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti u, min-naħa l-oħra, li jiġi stabbilit approċċ ibbażat fuq ir-riskju. F’dak ir-rigward, li tiġi speċifikata l-lista tal-pajjiżi li jikkostitwixxu ekonomiji avvanzati titqies bħala l-aktar soluzzjoni xierqa fid-dawl tal-approċċ segwit mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) u l-ħtieġa li tinkiseb implimentazzjoni komuni tal-metodoloġija għall-kalkolu tar-rekwiżiti relatati tar-riskju tas-suq fl-Istati Membri kollha. Filwaqt li l-istandards internazzjonali tal-BCBS għandhom jitqiesu, għandu jiġi speċifikat li s-swieq tal-Istati Membri li huma inqas volatili mis-swieq rikonoxxuti bħala ekonomiji avvanzati skont dawk l-istandards internazzjonali jikkostitwixxu ekonomiji tas-suq avvanzati aktar milli ekonomiji tas-suq emerġenti. Barra minn hekk, id-determinazzjoni ta’ ekonomiji tas-suq avvanzati u emerġenti għandha tqis kif dovut it-twaqqif ta’ suq intern fl-Unjoni, il-preżenza taż-Żona Ekonomika Ewropea, u l-ispeċifiċitajiet relatati mal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej ta’ xi Stati Membri.

(3)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji mressaq lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(4)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat l-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati, u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ekonomiji avvanzati u swieq emerġenti

1.   Għall-finijiet tal-ispeċifikar tal-piżijiet tar-riskju għas-sensittivitajiet għall-fatturi tar-riskju ta’ ekwità u ta’ rata repo tal-ekwità f’konformità mal-Artikolu 325ap tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-pajjiżi li ġejjin għandhom jikkostitwixxu ekonomiji avvanzati:

(a)

l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

(b)

il-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej li għandhom relazzjonijiet speċjali mad-Danimarka, Franza jew in-Netherlands, inklużi l-Gżejjer Faeroe u dawk elenkati fl-Anness II tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

(c)

il-pajjiżi terzi li ġejjin:

(i)

pajjiżi terzi, li huma partijiet tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

(ii)

l-Awstralja;

(iii)

il-Kanada;

(iv)

Hong Kong;

(v)

il-Ġappun;

(vi)

il-Messiku;

(vii)

New Zealand;

(viii)

Singapore;

(ix)

l-Iżvizzera;

(x)

ir-Renju Unit;

(xi)

l-Istati Uniti.

2.   Għall-finijiet tal-ispeċifikar tal-piżijiet tar-riskju għas-sensittivitajiet għall-fatturi tar-riskju ta’ ekwità u ta’ rata repo tal-ekwità skont l-Artikoli 325ap tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-pajjiżi mhux elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkostitwixxu swieq emerġenti.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).