9.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 234/10


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1491

tat-8 ta’ Settembru 2022

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju 17

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabbiltà (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2), ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

(2)

Fid-19 ta’ Novembru 2021, permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/2036 (3) il-Kummissjoni adottat l-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 17 Kuntratti tal-Assigurazzjoni kif maħruġ mill-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) f’Mejju 2017 u emendat minnu f’Ġunju 2020. Dak l-istandard għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023 ’il quddiem. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa.

(3)

Fid-9 ta’ Diċembru 2021, l-IASB ippubblika emenda oħra għall-IFRS 17. L-emenda għar-rekwiżiti ta’ tranżizzjoni fl-IFRS 17 tippermetti lill-kumpaniji jegħlbu d-differenzi fil-klassifikazzjoni ta’ darba ta’ informazzjoni komparattiva tal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti mal-applikazzjoni inizjali tal-IFRS 17 u l-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji.

(4)

Il-kopertura fakultattiva ta’ klassifikazzjoni introdotta minn dik l-emenda tippermetti lill-kumpaniji jżidu l-utilità ta’ informazzjoni komparattiva ppreżentata mal-applikazzjoni inizjali tal-IFRS 17 u l-IFRS 9. L-ambitu jkopri assi finanzjarji marbuta ma’ obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni, li s’issa għadhom ma ġewx iddikjarati mill-ġdid għall-IFRS 9.

(5)

Wara konsultazzjonijiet mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-emenda fl-IFRS 17 Kuntratti tal-Assigurazzjoni tissodisfa l-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(6)

Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008, l-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 17 Kuntratti tal-Assigurazzjoni jiġi emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-kumpaniji jistgħu japplikaw l-emenda msemmija fl-Artikolu 1 biss mal-applikazzjoni inizjali tal-IFRS 17 Kuntratti tal-Assigurazzjoni u l-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta’ Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/2036 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward tal-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 17 (ĠU L 416, 23.11.2021, p. 3).


ANNESS

Applikazzjoni Inizjali tal-IFRS 17 u l-IFRS 9 — Informazzjoni Komparattiva

Emenda għall-IFRS 17

Emendi għall-IFRS 17 Kuntratti tal-Assigurazzjoni

Il-paragrafi C2A, C28A-C28E, C33A u l-intestatura ta’ qabel il-paragrafu C28A huma miżjuda. Għal faċilità ta’ qari ta’ dawn il-paragrafi ma ġewx sottolinjati.

Appendiċi C

Data effettiva u tranżizzjoni

...

DATA EFFETTIVA

...

C2A

Applikazzjoni Inizjali tal-IFRS 17 u l-IFRS 9 — Informazzjoni Komparattiva, maħruġa f’Diċembru 2021, żiedet il-paragrafi C28A-C28E u C33A. Entità li tagħżel li tapplika l-paragrafi C28A-C28E u C33A għandha tapplikahom mal-applikazzjoni inizjali tal-IFRS 17.

TRANŻIZZJONI

...

Informazzjoni Komparattiva

...

Entitajiet li japplikaw l-IFRS 17 u l-IFRS 9 għall-ewwel darba fl-istess ħin

C28A

Entità li tapplika għall-ewwel darba l-IFRS 17 u l-IFRS 9 fl-istess ħin titħalla tapplika l-paragrafi C28B-C28E (sovrappożizzjoni ta’ klassifikazzjoni) għall-fini tal-preżentazzjoni ta’ informazzjoni komparattiva dwar assi finanzjarju jekk l-informazzjoni komparattiva għal dak l-assi finanzjarju ma tkunx ġiet iddikjarata mill-ġdid għall-IFRS 9. Informazzjoni komparattiva għal assi finanzjarju ma tiġix iddikjarata mill-ġdid għall-IFRS 9 jekk l-entità tagħżel li ma terġax tiddikjara perjodi preċedenti (ara l-paragrafu 7.2.15 tal-IFRS 9), jew l-entità tiddikjara mill-ġdid perjodi preċedenti iżda l-assi finanzjarju jkun ġie rtirat mir-rikonoxximent matul dawk il-perjodi preċedenti (ara l-paragrafu 7.2.1 tal-IFRS 9).

C28B

Entità li tapplika s-sovrappostazzjoni tal-klassifikazzjoni għal assi finanzjarju għandha tippreżenta informazzjoni komparattiva daqslikieku r-rekwiżiti ta’ klassifikazzjoni u ta’ kejl tal-IFRS 9 kienu ġew applikati għal dak l-assi finanzjarju. L-entità għandha tuża informazzjoni raġonevoli u sostenibbli disponibbli fid-data ta’ tranżizzjoni (ara l-paragrafu C2(b)) biex tiddetermina kif l-entità tistenna li l-assi finanzjarju jiġi kklassifikat u mkejjel mal-applikazzjoni inizjali tal-IFRS 9 (pereżempju, entità tista’ tuża valutazzjonijiet preliminari mwettqa biex tħejji għall-applikazzjoni inizjali tal-IFRS 9).

C28C

Fl-applikazzjoni tal-klassifika sovrappostazzjoni għal assi finanzjarju, entità mhijiex meħtieġa tapplika r-rekwiżiti ta’ indeboliment fit-Taqsima 5.5 tal-IFRS 9. Jekk, abbażi tal-klassifikazzjoni determinata bl-applikazzjoni tal-paragrafu C28B, l-assi finanzjarju jkun soġġett għar-rekwiżiti ta’ indeboliment fit-Taqsima 5.5 tal-IFRS 9 iżda l-entità ma tapplikax dawk ir-rekwiżiti fl-applikazzjoni tal-kopertura tal-klassifikazzjoni, l-entità għandha tkompli tippreżenta kwalunkwe ammont rikonoxxut fir-rigward tal-indeboliment fil-perjodu preċedenti f’konformità mal-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl. Inkella, kwalunkwe ammont bħal dan għandu jiġi rimborżat.

C28D

Kwalunkwe differenza bejn l-ammont riportat preċedenti ta’ assi finanzjarju u l-ammont riportat fid-data ta’ tranżizzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafi C28B-C28C għandha tiġi rikonoxxuta fil-qligħ imfaddal tal-ftuħ (jew komponent ieħor ta’ ekwità, kif xieraq) fid-data ta’ tranżizzjoni.

C28E

Entità li tapplika l-paragrafi C28B-C28D għandha:

(a)

tiddivulga informazzjoni kwalitattiva li tippermetti lill-utenti tar-rapporti finanzjarji jifhmu:

(i)

il-punt sa fejn ġiet applikata s-sovrappostazzjoni tal-klassifikazzjoni (pereżempju, jekk ġietx applikata għall-assi finanzjarji kollha li r-rikonoxximent tagħhom ġie rtirat fil-perjodu komparattiv);

(ii)

jekk ġewx applikati r-rekwiżiti ta’ indeboliment fit-Taqsima 5.5 tal-IFRS 9 u sa liema punt (ara l-paragrafu C28C);

(b)

japplikaw biss dawk il-paragrafi għal informazzjoni komparattiva għal perjodi ta’ rapportar bejn id-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRS 17 u d-data tal-applikazzjoni inizjali tal-IFRS 17 (ara l-paragrafi C2 u C25); kif ukoll

(c)

fid-data tal-applikazzjoni inizjali tal-IFRS 9, tapplika r-rekwiżiti ta’ tranżizzjoni fl-IFRS 9 (ara t-Taqsima 7.2 tal-IFRS 9).

...

C33A

Għal assi finanzjarju li r-rikonoxximent tiegħu ġie rtirat bejn id-data ta’ tranżizzjoni u d-data tal-applikazzjoni inizjali tal-IFRS 17, entità tista’ tapplika l-paragrafi C28B-C28E (sovrappożizzjoni ta’ klassifikazzjoni) għall-fini tal-preżentazzjoni ta’ informazzjoni komparattiva daqslikieku l-paragrafu C29 kien ġie applikat għal dak l-assi. Tali entità għandha tadatta r-rekwiżiti tal-paragrafi C28B-C28E sabiex il-klassifika sovrapposta tkun ibbażata fuq kif l-entità tistenna li l-assi finanzjarju jkun speċifikat bl-applikazzjoni tal-paragrafu C29 fid-data tal-applikazzjoni inizjali tal-IFRS 17.