8.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 206/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/1369

tal-5 ta’ Awwissu 2022

dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Federazzjoni Russa, il-fornitur estern ewlieni tal-gass tal-Unjoni, bdiet aggressjoni militari kontra l-Ukrajna, Parti Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija. L-eskalazzjoni tal-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna minn Frar 2022 wasslet għal tnaqqis ġmielu fil-provvisti tal-gass, bħala attentat intenzjonat biex il-provvista tal-gass tintuża bħala arma politika. Il-flussi fil-pipelines tal-gass mir-Russja tramite l-Belarussja waqfu u l-provvisti tal-gass mill-Ukrajna naqsu b’mod kostanti. Il-flussi tal-gass kumplessivi mir-Russja issa huma inqas minn 30 % tal-flussi medji tal-gass fil-perjodu 2016-2021. Dak it-tnaqqis fil-provvista wassal għal prezzijiet tal-enerġija storikament għaljin u volatili, ikkontribwixxa għall-inflazzjoni, u ħoloq riskju ta’ aktar tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fl-Ewropa.

(2)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni, b’segwitu għall-komunikazzjoni tagħha tat-8 ta’ Marzu 2022 intitolata “REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli”, ippreżentat fit-18 ta’ Mejju 2022, il-pjan REPowerEU biex ittemm id-dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwils fossili Russi malajr kemm jista’ jkun, u sal-2027. Biex jikseb dak il-għan, il-pjan REPowerEU jistabbilixxi miżuri relatati mal-iffrankar enerġetiku u l-effiċjenza enerġetika, u jipproponi introduzzjoni malajr tal-enerġija nadifa biex tieħu post il-fjuwils fossili fid-djar, fl-industrija u fil-ġenerazzjoni tal-enerġija. Miżuri ulterjuri dwar in-naħa tal-provvista jistgħu jinkludu, fost oħrajn, koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass u l-faċilitazzjoni ta’ xiri konġunt minn operaturi Ewropej tas-suq tal-gass fuq is-suq internazzjonali tal-gass, kif ukoll l-aħjar sforzi biex jiġu ppreservati l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-elettriku li ma jiddependux fuq il-provvisti tal-gass importat.

(3)

L-Unjoni ħadet aktar miżuri biex iżżid il-livell ta’ tħejjija tagħha fir-rigward tal-interruzzjoni tal-provvista tal-gass. Ir-Regolament (UE) 2022/1032 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) ġie adottat biex jiżgura r-riforniment tal-ħażniet taħt l-art għax-xtiewi li ġejjin.

(4)

Barra minn hekk, fi Frar 2022 u f’Mejju 2022, il-Kummissjoni wettqet analiżijiet dettaljati ta’ kull pjan nazzjonali ta’ emerġenza u għamlet ukoll monitoraġġ fil-fond tas-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-provvista. Il-miżuri meħuda mill-Unjoni minn Frar 2022 ‘l hawn tfasslu għal tneħħija gradwali sħiħa tad-dipendenza fuq il-gass mir-Russja sal-2027, u biex jitnaqqsu r-riskji kkawżati minħabba xi interruzzjoni maġġuri ulterjuri tal-provvista.

(5)

Madankollu, l-eskalazzjoni reċenti tal-interruzzjoni tal-provvista tal-gass mir-Russja tindika riskju sinifikanti li l-waqfien totali tal-provvisti tal-gass Russi jaf iseħħ fil-futur qrib, għal għarrieda u b’mod unilaterali. Għalhekk, l-Unjoni jenħtieġ li tantiċipa dan ir-riskju u tħejji ruħha, bi spirtu ta’ solidarjetà, għall-possibbiltà ta’ interruzzjoni sħiħa tal-provvista tal-gass mir-Russja fi kwalunkwe mument. Jeħtieġ tittieħed azzjoni proattiva immedjata biex tiġi antiċipata aktar interruzzjoni u tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Unjoni għal xokkijiet futuri. Azzjoni kkoordinata fil-livell tal-Unjoni tista’ tevita ħsara serja lill-ekonomija u liċ-ċittadini kkawżata minħabba interruzzjoni possibbli tal-provvista tal-gass.

(6)

Il-qafas legali attwali għas-sigurtà tal-provvista tal-gass stabbilit fir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) ma jindirizzax kif xieraq l-interruzzjonijiet ta’ fornitur ewlieni tal-gass li jdumu iżjed minn 30 jum. In-nuqqas ta’ qafas legali għal interruzzjoni bħal din joħloq riskju ta’ azzjoni mhux ikkoordinata mill-Istati Membri, u b’hekk jhedded li jipperikola s-sigurtà tal-provvista fl-Istati Membri ġirien u jaf ipoġġi piż addizzjonali fuq l-industrija u l-konsumaturi tal-Unjoni.

(7)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ April 2022 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2022, il-Parlament Ewropew appella biex jiġi ppreżentat pjan ħalli fl-immedjat tkompli tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni. Fil-laqgħat tagħhom tal-31 ta’ Mejju u tat-23 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni biex toħroġ bi proposti li jtejbu l-livell ta’ tħejjija għal interruzzjoni kbira possibbli tal-provvista bħala kwistjoni ta’ urġenza, biex tkun żgurata provvista tal-enerġija bi prezzijiet affordabbli. Wara talba bħal dik mill-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni qed tesplora, flimkien mas-sħab internazzjonali tal-Unjoni, modi biex trażżan iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, inkluż il-fattibbiltà tal-introduzzjoni ta’ limiti temporanji fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet fejn adatt. B’segwitu għal dik it-talba, il-Kummissjoni qed taħdem ukoll fuq l-ottimizzazzjoni tal-funzjonament tas-suq Ewropew tal-elettriku, inkluż l-effett tal-prezzijiet tal-gass fuqu, sabiex ikun imħejji aħjar għall-volatilità eċċessiva futura tal-prezzijiet, jipprovdi elettriku affordabbli u jkun għalkollox jaqbel ma’ sistema tal-enerġija dekarbonizzata, filwaqt li tiġi ppreservata l-integrità tas-suq uniku, jinżammu l-inċentivi għat-tranżizzjoni ekoloġika, tiġi ppreservata s-sigurtà tal-provvista u jiġu evitati spejjeż baġitarji sproporzjonati.

(8)

L-Artikolu 122(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jippermetti lill-Kunsill jiddeċiedi, fuq proposta tal-Kummissjoni u bi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, dwar il-miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika, b’mod partikolari jekk ikun hemm diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, notevolment fil-qasam tal-enerġija. Ir-riskju ta’ waqfien totali tal-provvisti tal-gass mir-Russja sa tmiem l-2022 jikkostitwixxi sitwazzjoni bħal din.

(9)

Minħabba r-riskju imminenti ta’ interruzzjoni tal-provvisti tal-gass lejn l-Unjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu miżuri issa biex inaqqsu d-domanda tagħhom qabel l-istaġun tax-xitwa 2022-23. Tnaqqis volontarju bħal dan fid-domanda jgħin b’mod partikolari għar-riforniment tal-kapaċitajiet tal-ħażna, li ma jiġux eżawriti sa tmiem ix-xitwa 2022-23 u dan jippermetti lill-Istati Membri biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-perjodi ta’ kesħa possibbli fi Frar u Marzu 2023 u jiffaċilita r-riforniment tal-kapaċitajiet tal-ħażna ħalli jiżgura livelli adegwati ta’ sigurtà tal-provvista għax-xitwa 2023-2024. It-tnaqqis fid-domanda għall-gass ser jgħin ukoll biex tkun żgurata provvista adegwata u jorħsu l-prezzijiet tal-enerġija, għall-benefiċċju tal-konsumaturi tal-Unjoni. Għalhekk, il-miżuri meħuda fil-livell tal-Unjoni biex tonqos id-domanda jkunu ta’ ġid għall-Istati Membri kollha għax inaqqsu r-riskju ta’ impatt aktar sostanzjali fuq l-ekonomiji tagħhom.

(10)

Il-volum tat-tnaqqis volontarju fid-domanda jqis il-volumi tad-domanda għall-gass li jkunu fir-riskju li ma jiġux konsenjati fil-każ ta’ interruzzjoni sħiħa tal-provvista tal-gass mir-Russja. L-isforz tat-tnaqqis jenħtieġ li jkun l-istess għall-Istati Membri kollha, abbażi ta’ paragun mal-konsum medju ta’ kull Stat Membru fl-aħħar ħames snin.

(11)

Il-miżuri tat-tnaqqis volontarju fid-domanda jaf waħedhom ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u l-funzjonament tas-suq. Għalhekk, biex jiġu indirizzati minnufih l-isfidi speċifiċi tad-deterjorament serju kontinwu u antiċipat tal-iskarsezzi fil-provvista tal-gass u jiġu evitati d-distorsjonijiet bejn l-Istati Membri, jenħtieġ li jiġi stabbilit strument ġdid li jintroduċi l-possibbiltà ta’ tnaqqis obbligatorju fid-domanda għall-gass għall-Istati Membri kollha. Dan jenħtieġ li jsir operazzjonali biżżejjed qabel il-ħarifa 2022. Taħt tali strument, il-Kunsill jista’, fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddikjara allert tal-Unjoni permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. L-għoti ta’ setgħa ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill iqis b’mod adegwat in-natura politika tad-deċiżjoni biex jiskatta obbligu mandatorju ta’ tnaqqis fid-domanda fl-Unjoni kollha u l-implikazzjonijiet orizzontali tiegħu għall-Istati Membri. Qabel ma tippreżenta tali proposta, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonsulta l-gruppi tar-riskju rilevanti, kif stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/1938 (“gruppi tar-riskju”), u l-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass (GCG), stabbilit permezz ta’ dak ir-Regolament. Allert tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi ddikjarat biss f’każ li l-miżuri tat-tnaqqis volontarju fid-domanda ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw ir-riskju ta’ skarsezza serja fil-provvista. Jenħtieġ li ħames awtoritajiet kompetenti jew aktar tal-Istati Membri li jkunu ddikjaraw allerti nazzjonali skont l-Artikolu 11(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2017/1938, jingħataw il-possibbiltà li jitolbu lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta lill-Kunsill biex jiddikjara allert tal-Unjoni.

(12)

L-allert tal-Unjoni jenħtieġ li jservi bħala livell ta’ kriżi speċifiku għall-Unjoni, li jenħtieġ li jiskatta tnaqqis obbligatorju fid-domanda, indipendentement minn livelli nazzjonali ta’ kriżi skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2017/1938. Ladarba jiġi ddikjarat allert tal-Unjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jnaqqsu l-konsum tal-gass tagħhom fi żmien definit minn qabel. Il-volum tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda jqis il-volumi tad-domanda għall-gass li jkunu fir-riskju fil-każ li jkun hemm interruzzjoni sħiħa tal-provvisti tal-gass mir-Russja lejn l-Unjoni u jenħtieġ li jqis bis-sħiħ kwalunkwe tnaqqis volontarju fid-domanda li jkun diġà nkiseb. Il-volum tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda jenħtieġ li jqis ukoll il-livell tar-riforniment tal-ħażniet kif irrapportat skont l-Artikolu 6d(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/1938, l-iżvilupp li jikkonċerna d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-gass, inkluż il-provvisti tal-gass naturali likwifikat (LNG), u l-iżvilupp tas-sostitwibbiltà tal-fjuwils fl-Unjoni.

(13)

It-tnaqqis fid-domanda miksub mill-Istati Membri qabel ma jiġi ddikjarat l-allert tal-Unjoni ser jiġi rifless fil-volum tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda.

(14)

Bil-ħsieb tad-distorsjonijiet sinifikanti tas-suq intern li aktarx jiġru jekk l-Istati Membri jirreaġixxu b’mod mhux ikkoordinat għal xi interruzzjoni ulterjuri potenzjali jew reali tal-provvista Russa tal-gass, hu kruċjali li l-Istati Membri kollha jnaqqsu d-domanda tagħhom għall-gass bi spirtu ta’ solidarjetà. Għaldaqstant, l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jilħqu l-miri tat-tnaqqis volontarju u obbligatorju fid-domanda. Filwaqt li xi Stati Membri jistgħu jkunu aktar esposti għall-effetti ta’ xi interruzzjoni tal-provvisti Russi tal-gass, l-Istati Membri kollha jistgħu jintlaqtu ħażin u jistgħu jikkontribwixxu biex jillimitaw il-ħsara ekonomika kkawżata minn tali interruzzjoni, kemm jekk jilliberaw volumi addizzjonali tal-gass mill-pipelines jew merkanziji tal-LNG li jistgħu jintużaw minn Stati Membri b’defiċits sinifikanti tal-gass, kemm jekk it-tnaqqis fid-domanda jħalli effett pożittiv fuq il-prezzijiet tal-gass, kif aktarx jiġri bi tnaqqis fid-domanda jew kemm jekk tiġi evitata distorsjoni tas-suq ikkawżata minn miżuri mhux ikkoordinati u kontradittorji tat-tnaqqis fid-domanda. Għalhekk, dan ir-Regolament jirrifletti l-prinċipju tas-solidarjetà enerġetika, li dan l-aħħar ikkonfermatu l-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju fundamentali tal-liġi tal-Unjoni (3).

(15)

Iżda ċerti Stati Membri, minħabba s-sitwazzjoni ġeografika jew fiżika speċifika tagħhom bħal pereżempju ma jkunux sinkronizzati mas-sistema Ewropea tal-elettriku, jew ma jkollhomx interkonnessjoni diretta għas-sistema interkonnessa tal-gass ta’ Stat Membru ieħor, ma jistgħux jilliberaw biżżejjed volumi tal-gass mill-pipelines għall-benefiċċju ta’ Stati Membri oħra. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw il-possibbiltà li jiddependu fuq raġuni waħda jew aktar biex jillimitaw l-obbligi tagħhom tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda. L-Istati Membri kkonċernati jenħtieġ li jimpenjaw ruħhom li jagħmlu kull sforz biex ineħħu n-nuqqasijiet fl-interkonnessjoni malajr kemm jista’ jkun.

(16)

Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistabbilixxi qafas għall-Istati Membri u għall-partijiet konċernati rilevanti sabiex jaħdmu flimkien f’ambjent reġjonali bl-għan li jiżviluppaw networks tal-enerġija konnessi aħjar bl-għan, b’mod partikolari, li jgħaqqdu reġjuni li bħalissa huma iżolati mis-swieq tal-enerġija Ewropej u li jsaħħu l-interkonnessjonijiet transfruntiera eżistenti u jippromwovu dawk ġodda. Interkonnessjonijiet transfruntiera jikkontribwixxu b’mod qawwi għas-sigurtà tal-provvista. Fid-dawl tal-interruzzjoni attwali tal-provvista tal-gass mir-Russja, tali interkonnessjonijiet transfruntiera jaqdu rwol ewlieni biex jiżguraw il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija u fid-distribuzzjoni tal-gass lil Stati Membri oħra, fi spirtu ta’ solidarjetà. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu bl-isforzi tagħhom biex itejbu l-integrazzjoni tan-networks tagħhom, inkluż billi jivvalutaw iż-żieda potenzjali ta’ kapaċità ġdida ta’ interkonnessjoni transfruntiera f’konformità mal-objettivi tar-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(17)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-isforzi tal-Istati Membri biex jissodisfaw l-objettivi tar-Regolament (UE) 2022/1032 fir-rigward tal-ħżin tal-gass, jenħtieġ li l-volum ta’ gass użat mill-Istati Membri għall-ħżin li jaqbeż il-mira intermedja għall-1 ta’ Awwissu 2022 jitqies ukoll għall-fini tad-determinazzjoni tal-volum tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda tagħhom.

(18)

Barra minn hekk, biex jittieħed kont b’mod xieraq tad-dipendenza għolja fuq il-gass ta’ industriji kritiċi tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeskludu l-konsum ta’ gass f’dawk l-industriji meta jiddeterminaw it-tnaqqis obbligatorju fid-domanda tagħhom. Il-monitoraġġ mill-Kummissjoni jenħtieġ li jiżgura li l-limitazzjonijiet nazzjonali ma jwasslux għal distorsjonijiet bla bżonn tas-suq intern. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jillimitaw ukoll il-volum ta’ tnaqqis obbligatorju tagħhom fid-domanda fejn tali limitazzjoni tkun meħtieġa biex jimmassimizzaw il-provvista tal-gass lil Stati Membri oħra u fejn ikunu kapaċi jipproduċu evidenza li l-kapaċitajiet ta’ esportazzjoni kummerċjali tal-interkonnettur tagħhom lejn Stati Membri oħra jew l-infrastruttura domestika tagħhom tal-LNG jintużaw biex il-gass jiġi ridirezzjonat lejn Stati Membri oħra sa fejn l-aktar possibbli. Jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja li l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk id-derogi huma ssodisfati.

(19)

L-Istati Membri, fir-rigward taċ-ċirkostanzi speċifiċi tad-domanda minn Stati Membri interkonnessi, jenħtieġ li jkunu jistgħu jillimitaw temporanjament it-tnaqqis obbligatorju fid-domanda fejn meħtieġ biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, inkluż fejn Stat Membru jiffaċċa kriżi tal-elettriku kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Jenħtieġ li jitqiesu wkoll il-kapaċità tal-ħżin u l-livell tal-ħżin li jaqbeż il-mira intermedja, kif stabbilit fl-Anness Ia għar-Regolament (UE) 2017/1938.

(20)

L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li jagħżlu l-miżuri xierqa biex jiksbu t-tnaqqis fid-domanda. Meta jidentifikaw miżuri xierqa biex inaqqsu d-domanda u jagħtu prijorità lil ċerti gruppi ta’ klijenti, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-użu tal-miżuri identifikati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Lulju 2022 intitolata “Niffrankaw il-Gass għal Xitwa Sikura”. L-Istati Membri jenħtieġ li b’mod partikolari jikkunsidraw miżuri ekonomikament effiċjenti bħal irkanti jew skemi ta’ sejħiet għall-offerti, li bihom huma jkunu jistgħu jinċentivaw it-tnaqqis fil-konsum b’mod li jkun ekonomikament effiċjenti. Il-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali jistgħu jinkludu wkoll inċentivi finanzjarji jew kumpens lill-parteċipanti fis-suq affettwati.

(21)

Kwalunkwe miżura meħuda mill-Istati Membri biex jiksbu t-tnaqqis fid-domanda għandha tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni u b’mod partikolari mar-Regolament (UE) 2017/1938. B’mod partikolari, tali miżuri jenħtieġ li jkunu meħtieġa, definiti b’mod ċar, trasparenti, proporzjonati, nondiskriminatorji u verifikabbli, u jenħtieġ li ma jfixklux il-kompetizzjoni jew il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass jew jipperikolaw s-sigurtà tal-provvista tal-gass ta’ Stati Membri oħra jew tal-Unjoni. Jeħtieġ jitqiesu l-interessi tal-klijenti protetti anke fir-rigward tal-provvista tal-gass lil sistemi ċentralizzati tat-tisħin fil-każ ta’ kriżi fis-sigurtà tal-provvista.

(22)

Biex ikun żgurat li l-miżuri tat-tnaqqis fid-domanda jiġu implimentati b’mod ikkoordinat, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu kooperazzjoni regolari fi ħdan kull grupp tar-riskju rilevanti. L-Istati Membri huma liberi li jiftiehmu fuq l-aktar miżuri ta’ koordinazzjoni adattati għal xi reġjun partikolari. Il-Kummissjoni u l-GCG jenħtieġ li jkunu jistgħu jiksbu ħarsa ġenerali tal-miżuri nazzjonali implimentati mill-Istati Membri u jikkondividu l-aqwa prattiki għall-koordinazzjoni tal-miżuri fi ħdan il-gruppi tar-riskju. L-Istati Membri jenħtieġ li jużaw ukoll korpi oħra biex jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom.

(23)

Biex ikun żgurat li l-pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza jirriflettu miżuri tat-tnaqqis volontarju jew obbligatorju fid-domanda stabbilit f’dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru jenħtieġ li tieħu l-passi meħtieġa biex taġġorna l-pjan nazzjonali ta’ emerġenza stabbilit skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2017/1938 sal-31 ta’ Ottubru 2022. Minħabba l-perjodu qasir għal dak l-aġġornament, il-proċeduri ta’ koordinazzjoni skont l-Artikolu 8(6) sa (11) tar-Regolament (UE) 2017/1938 jenħtieġ li ma jkunux japplikaw. Madankollu, kull Stat Membru jenħtieġ li jikkonsulta lil Stati Membri oħra dwar l-aġġornament tal-pjan ta’ emerġenza nazzjonali tiegħu. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tlaqqa’ lill-gruppi tar-riskju, lill-GCG jew lil korpi rilevanti oħra biex jiddiskutu kwistjonijiet potenzjali relatati mal-miżuri tat-tnaqqis fid-domanda.

(24)

Il-monitoraġġ u r-rappurtar regolari u effettivi huma essenzjali għall-valutazzjoni tal-progress li jagħmlu l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-miżuri tat-tnaqqis volontarju u obbligatorju fid-domanda, u għall-kejl tal-impatt soċjali u ekonomiku ta’ dawk il-miżuri kif ukoll l-impatt fuq l-impjiegi. L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru jew xi entità oħra maħtura mill-Istat Membru jenħtieġ li timmonitorja t-tnaqqis fid-domanda miksub fit-territorju tagħha u tirrapporta regolarment ir-riżultati lill-Kummissjoni. Il-GCG jenħtieġ li jassisti lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tat-twettiq tal-obbligi tat-tnaqqis fid-domanda.

(25)

Biex tkun evitata ħsara ekonomika sinifikanti lill-Unjoni kollha kemm hi, hu kruċjali li kull Stat Membru jnaqqas id-domanda tiegħu wara li jkun ġie ddikjarat allert tal-Unjoni. Tali tnaqqis jiżgura li jkun hemm biżżejjed gass għal kulħadd, anki matul ix-xitwa. It-tnaqqis fid-domanda madwar l-Unjoni hu espressjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà minquxa fit-Trattat. Għalhekk hu meħtieġ li l-Kummissjoni tissorvelja strettament li l-Istati Membri jkunu qed iwettqu dan it-tnaqqis obbligatorju fid-domanda. Fil-każ li l-Kummissjoni tidentifika riskju li Stat Membru jaf ma jkunx jista’ jwettaq l-obbligu tiegħu tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ titlob lil dak l-Istat Membru jippreżenta pjan li jistabbilixxi strateġija u miżuri biex effettivament jiksbu t-tnaqqis obbligatorju fid-domanda. Dak l-Istat Membru jenħtieġ li jqis kif xieraq kwalunkwe kumment u suġġeriment magħmul mill-Kummissjoni rigward dak il-pjan.

(26)

Peress li l-prinċipju ta’ solidarjetà jagħti lil kull Stat Membru d-dritt li f’ċerti ċirkostanzi jkollu l-appoġġ ta’ Stati Membri ġirien, l-Istati Membri li jitolbu dan l-appoġġ jenħtieġ li jaġixxu wkoll bi spirtu ta’ solidarjetà fejn jidħol it-tnaqqis fid-domanda domestika tagħhom għall-gass. Għalhekk, meta jitolbu miżura ta’ solidarjetà skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2017/1938, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu implimentaw il-miżuri xierqa kollha tat-tnaqqis fid-domanda għall-gass. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ titlob lill-Istat Membru li jitlob miżura ta’ solidarjetà biex jippreżenta pjan bil-miżuri għal tnaqqis ulterjuri possibbli fid-domanda. Dak l-Istat Membru jenħtieġ li jqis kif xieraq l-opinjoni tal-Kummissjoni.

(27)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(28)

Meta jitqies il-periklu imminenti għas-sigurtà tal-provvista tal-gass bħala konsegwenza tal-aggressjoni militari Russa attwali kontra l-Ukrajna, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada bħal kwistjoni ta’ urġenza.

(29)

Minħabba n-natura eċċezzjonali tal-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għal sena wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Sal-1 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta lill-Kunsill dwar il-funzjonament tiegħu u tista’, jekk ikun xieraq, tipproponi li ttawwal il-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu.

(30)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli biex jindirizzaw sitwazzjoni ta’ diffikultajiet serji fil-provvista tal-gass, biex titħares is-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-Unjoni, bi spirtu ta’ solidarjetà. Dawk ir-regoli jinkludu koordinazzjoni mtejba, monitoraġġ u rappurtar dwar miżuri nazzjonali tat-tnaqqis fid-domanda għall-gass, u l-possibbiltà li l-Kunsill jiddikjara, fuq proposta tal-Kummissjoni, allert tal-Unjoni bħala livell ta’ kriżi speċifiku għall-Unjoni, li jiskatta tnaqqis obbligatorju fid-domanda mal-Unjoni kollha.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“awtorità kompetenti” tfisser awtorità governattiva nazzjonali jew awtorità regolatorja nazzjonali maħtura minn Stat Membru biex tiżgura l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fir-Regolament (UE) 2017/1938;

(2)

“allert tal-Unjoni” tfisser livell ta’ kriżi speċifiku għall-Unjoni li jiskatta tnaqqis obbligatorju fid-domanda u li ma jkun relatat mal-ebda wieħed mil-livelli ta’ kriżi skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2017/1938;

(3)

“konsum tal-gass” tfisser il-provvista ġenerali tal-gass naturali għal attivitajiet fit-territorju ta’ Stat Membru, inkluż il-konsum finali tal-unitajiet domestiċi, l-industrija u l-ġenerazzjoni tal-elettriku, iżda eskluż, fost l-oħrajn, il-gass użat biex jimtlew il-kapaċitajiet tal-ħażniet, f’konformità mad-definizzjoni għal “provvista, trasformazzjoni u konsum tal-gass” użata mill-Kummissjoni (Eurostat);

(4)

“materja prima” tfisser “l-użu ta’ gass naturali mhux għall-enerġija” kif imsemmi fil-kalkoli tal-bilanċi tal-enerġija mill-Kummissjoni (Eurostat);

(5)

“konsum tal-gass ta’ referenza” tfisser il-volum tal-konsum medju tal-gass tal-Istat Membru matul il-perjodu ta’ referenza; għall-Istati Membri fejn il-konsum tal-gass żdied b’mill-inqas 8 % fil-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2021 sal-31 ta’ Marzu 2022 meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul il-perjodu ta’ referenza, ‘il-konsum tal-gass ta’ referenza’ jfisser biss il-volum tal-konsum tal-gass fil-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2021 sal-31 ta’ Marzu 2022;

(6)

“perjodu ta’ referenza” tfisser il-perjodi mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Marzu matul il-ħames snin konsekuttivi ta’ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, li jibdew bil-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2017 sal-31 ta’ Marzu 2018;

(7)

“mira intermedja” tfisser mira intermedja kif stabbilita fl-Anness Ia tar-Regolament (UE) 2017/1938.

Artikolu 3

Tnaqqis volontarju fid-domanda

L-Istati Membri għandhom jużaw l-aqwa sforzi tagħhom biex inaqqsu l-konsum tal-gass tagħhom fil-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2022 sal-31 ta’ Marzu 2023 mill-inqas bi 15 % meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass tagħhom fil-perjodu mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Marzu matul il-ħames snin konsekuttivi li jippreċedu d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament (“tnaqqis volontarju fid-domanda”). L-Artikoli 6, 7 u 8 għandhom japplikaw għal dawk il-miżuri tat-tnaqqis volontarju fid-domanda.

Artikolu 4

Dikjarazzjoni ta’ allert tal-Unjoni mill-Kunsill

1.   Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, jista’ jiddikjara allert tal-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta il-proposta għal tali allert tal-Unjoni meta tqis li jkun hemm riskju sostanzjali ta’ skarsezza serja fil-provvista tal-gass jew meta jkun hemm domanda eċċezzjonalment qawwija għall-gass, li għalihom il-miżuri fl-Artikolu 3 ma jkunux biżżejjed u li jwasslu għal deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni tal-provvista tal-gass fl-Unjoni, iżda meta s-suq ikun għadu kapaċi jimmaniġġja l-interruzzjoni mingħajr il-bżonn għal miżuri mhux ibbażati fuq is-suq.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta wkoll proposta lill-Kunsill biex jiddikjara allert tal-Unjoni meta ħames awtoritajiet kompetenti jew aktar li jkunu ddikjaraw allert fil-livell nazzjonali skont l-Artikolu 11(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2017/1938 jitolbu dan.

4.   Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jemenda l-proposta tal-Kummissjoni.

5.   Qabel ma tippreżenta proposta lill-Kunsill biex jiddikjara allert tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-gruppi ta’ riskju rilevanti, kif stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/1938 (“gruppi ta’ riskju”) u l-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass (GCG), stabbilit permezz tal-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament.

6.   Fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill jista’, permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, jiddikjara tmiem l-allert tal-Unjoni u tal-obbligi skont l-Artikolu 5. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-proposta għal tali deċiżjoni ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill meta tqis, wara valutazzjoni, li l-bażi sottostanti għall-allert tal-Unjoni ma għadhiex tiġġustifika ż-żamma ta’ dak l-allert, u, wara konsultazzjoni mal-gruppi ta’ riskju rilevanti, u l-GCG.

Artikolu 5

Tnaqqis obbligatorju fid-domanda fil-każ ta’ allert tal-Unjoni

1.   Meta l-Kunsill jiddikjara allert tal-Unjoni, kull Stat Membru għandu jnaqqas il-konsum tiegħu tal-gass f’konformità mal-paragrafu 2 (“tnaqqis obbligatorju fid-domanda”).

2.   Għall-finijiet tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda, tul il-perjodu meta jiġi ddikjarat l-allert tal-Unjoni, il-konsum tal-gass f’kull Stat Membru fuq il-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2022 sal-31 ta’ Marzu 2023 (“perjodu ta’ tnaqqis”) għandu jkun 15% inqas imqabbel mal-konsum tal-gass ta’ referenza tiegħu. Kwalunkwe tnaqqis fid-domanda miksub mill-Istati Membri tul il-perjodu qabel l-allert tal-Unjoni għandu jitqies għall-finijiet tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda.

3.   Stat Membru li s-sistema tal-elettriku tiegħu hija sinkronizzata biss mas-sistema tal-elettriku ta’ pajjiż terz għandu jkun eżentat milli japplika l-paragrafu 2 fil-każ li tkun desinkronizzata mis-sistema ta’ dak il-pajjiż terz sakemm servizzi iżolati tas-sistema tal-enerġija jew servizzi oħra lill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni tal-enerġija jkunu meħtieġa jiżguraw it-tħaddim sikur u affidabbli tas-sistema tal-enerġija.

4.   Stat Membru għandu jkun eżentat milli japplika l-paragrafu 2 sakemm dak l-Istat Membru ma jkunx direttament interkonness ma’ sistema interkonnessa tal-gass ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor.

5.   Stat Membru jista’ jillimita l-konsum tal-gass ta’ referenza użat għall-kalkolu tal-mira għat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda skont il-paragrafu 2 bil-volum ta’ gass ugwali għad-differenza bejn il-mira intermedja tiegħu għall-1 ta’ Awwissu 2022 u l-volum attwali ta’ gass maħżun fl-1 ta’ Awwissu 2022, jekk jilħaq il-mira intermedja f’dik id-data.

6.   L-Istat Membru jista’ jillimita l-konsum tal-gass ta’ referenza użat għall-kalkolu tal-mira għat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda skont il-paragrafu 2 bil-volum ta’ gass ikkunsmat matul il-perjodu ta’ referenza bħala materja prima.

7.   L-Istati Membru jista’ jillimita t-tnaqqis obbligatorju fid-domanda bi 8 punti perċentwali, dment li juri li l-interkonnessjoni tiegħu ma’ Stati Membri oħra mkelja f’kapaċità teknika soda ta’ esportazzjoni meta mqabbla mal-konsum tal-gass annwali tiegħu fl-2021 hija inqas minn 50 % u li dik il-kapaċità fuq l-interkonnetturi lejn Stati Membri oħra fil-fatt intużat għat-trasport tal-gass f’livell ta’ mill-inqas 90 % għal mill-inqas xahar qabel in-notifika tad-deroga, għajr jekk l-Istat Membru jkun jista’ juri li ma kienx hemm domanda u l-kapaċità ġiet massimizzata, u li l-faċilitajiet domestiċi tiegħu tal-LNG huma kummerċjalment u teknikament lesti biex jirridirezzjonaw il-gass lejn Stati Membri oħra sal-volumi meħtieġa mis-suq.

8.   Stat Membru li jkun qed jiffaċċa kriżi tal-elettriku jista’ jillimita temporanjament it-tnaqqis obbligatorju fid-domanda skont il-paragrafu 2 għal-livell meħtieġ biex jittaffa r-riskju għall-provvista tal-elettriku jekk ma jkun hemm l-ebda alternattiva ekonomika oħra biex jiġu sostitwit il-gass meħtieġ għall-produzzjoni tal-elettriku mingħajr ma tiġi pperikolata serjament is-sigurtà tal-provvista. F’dak il-każ, l-Istat Membru għandu jinnotifika r-raġunijiet għal-limitazzjoni u jipprovdi evidenza suffiċjenti għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw il-limitazzjoni. Fejn meħtieġ, l-Istat Membru għandu jaġġorna l-pjan ta’ tħejjija għar-riskji skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2019/941.

9.   Stat Membru għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu li jillimita t-tnaqqis obbligatorju fid-domanda skont il-paragrafi 5, 6, 7 u 8 lill-Kummissjoni, flimkien mal-evidenza meħtieġa li l-kondizzjonijiet għal-limitazzjoni tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda huma ssodisfati. In-notifika fir-rigward tal-paragrafi 5, 6 u 7 tista’ ssir diġà wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u ma għandhiex issir aktar tard minn ġimagħtejn wara li jkun ġie ddikjarat allert tal-Unjoni. Notifika fir-rigward tal-paragrafu 8 tista’ ssir mhux aktar tard minn ġimagħtejn wara li tkun qamet is-sitwazzjoni ta’ kriżi tal-elettriku msemmija f’dak il-paragrafu. L-Istat Membru għandu jinforma wkoll lill-gruppi ta’ riskju rilevanti u lill-GCG dwar l-intenzjoni tiegħu.

10.   Abbażi tan-notifika u wara konsultazzjoni mal-gruppi ta’ riskju u mal-GCG, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-kondizzjonijiet għal limitazzjoni skont il-paragrafi 5, 6, 7 u 8 humiex issodisfati. Fil-każ li l-Kummissjoni ssib li limitazzjoni mhijiex ġustifikata, hija għandha tadotta opinjoni li tindika r-raġunijiet għaliex l-Istat Membru għandu jneħħi jew jimmodifika l-limitazzjoni tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda. Dik l-opinjoni għandha tiġi adottata mhux aktar tard minn 30 jum ta’ xogħol wara n-notifika kompluta skont il-paragrafu 9.

11.   Meta l-kondizzjonijiet għal-limitazzjoni tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda fil-paragrafi 5, 6, 7 u 8 ma jibqgħux jiġu ssodisfati, l-Istat Membru għandu japplika l-mira għat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda skont il-paragrafu 2.

12.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja kontinwament jekk il-kondizzjonijiet għal limitazzjoni tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda skont il-paragrafi 5, 6, 7 u 8 humiex issodisfati.

13.   L-Artikoli 6, 7 u 8 għandhom japplikaw għal miżuri ta’ tnaqqis obbligatorju fid-domanda mingħajr preġudizzju għal kuntratti fit-tul eżistenti.

Artikolu 6

Miżuri biex jinkiseb it-tnaqqis fid-domanda

1.   L-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jagħżlu l-miżuri xierqa biex inaqqsu d-domanda. Il-miżuri msemmija fl-Artikoli 3 u 5 għandhom jiġu definiti b’mod ċar, trasparenti, proporzjonati, nondiskriminatorji u verifikabbli. Meta jagħżlu l-miżuri, l-Istati Membri għandhom iqisu l-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/1938. Il-miżuri għandhom, b’mod partikolari:

(a)

ma jgħawġux b’mod mhux xieraq il-kompetizzjoni jew l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fil-gass;

(b)

ma jipperikolawx is-sigurtà tal-provvista tal-gass ta’ Stati Membri oħrajn jew tal-Unjoni;

(c)

jikkonformaw ma’ dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/1938 fir-rigward ta’ klijenti protetti.

2.   Meta jieħdu miżuri għat-tnaqqis fid-domanda, l-Istati Membri għandhom jipprijoritizzaw miżuri li jaffettwaw lill-klijenti għajr klijenti protetti, kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt 5, tar-Regolament (UE) 2017/1938, u jistgħu wkoll jeskludu lil dawk il-klijenti minn tali miżuri abbażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti li għandhom iqisu l-importanza ekonomika tagħhom kif ukoll, fost l-oħrajn, l-elementi li ġejjin:

(a)

l-impatt ta’ interruzzjoni fuq il-ktajjen tal-provvista kritiċi għas-soċjetà;

(b)

l-impatti negattivi possibbli fi Stati Membri oħra, b’mod partikolari fuq il-ktajjen tal-provvista tas-setturi downstream li huma kritiċi għas-soċjetà;

(c)

il-ħsara potenzjali fit-tul lill-installazzjonijiet industrijali;

(d)

il-possibbiltajiet għat-tnaqqis fil-konsum u għas-sostituzzjoni tal-prodotti fl-Unjoni.

3.   Meta jiddeċiedu dwar il-miżuri tat-tnaqqis fid-domanda, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw miżuri li jnaqqsu l-gass ikkonsmat fis-settur tal-elettriku, miżuri li jħeġġu l-qlib tal-fjuwils fl-industrija, kampanji nazzjonali ta’ sensibilizzazzjoni, u obbligi mmirati biex inaqqsu t-tisħin u t-tkessiħ, biex jippromwovu l-qlib ta’ fjuwils oħra u jnaqqsu l-konsum mill-industrija.

Artikolu 7

Koordinazzjoni tal-miżuri tat-tnaqqis fid-domanda

1.   Biex tkun żgurata koordinazzjoni xierqa tal-miżuri tat-tnaqqis volontarju u obbligatorju fid-domanda skont l-Artikoli 3 u 5, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw flimkien fi ħdan kull wieħed mill-gruppi tar-riskju rilevanti.

2.   L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru għandha taġġorna l-pjan nazzjonali ta’ emerġenza tagħha stabbilit skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2017/1938 sal-31 ta’ Ottubru 2022, biex ikun jirrifletti l-miżuri tat-tnaqqis volontarju fid-domanda. Kull Stat Membru għandu jaġġorna wkoll il-pjan nazzjonali ta’ emerġenza tiegħu, kif xieraq, fil-każ ta’ dikjarazzjoni ta’ allert tal-Unjoni skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament. L-Artikoli 8(6) sa (10) tar-Regolament (UE) 2017/1938 ma għandhomx japplikaw għall-aġġornamenti tal-pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza magħmula skont dan il-paragrafu.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni u lill-gruppi tar-riskju rilevanti qabel ma jadottaw il-pjanijiet ta’ emerġenza riveduti. Il-Kummissjoni tista’ tlaqqa’ lill-gruppi tar-riskju u lill-GHG, filwaqt li tqis kwalunkwe fehma tal-Istati Membri espressa f’dak il-kuntest, biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-miżuri nazzjonali tat-tnaqqis fid-domanda.

Artikolu 8

Monitoraġġ u infurzar

1.   L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tal-miżuri tat-tnaqqis fid-domanda fit-territorju tiegħu. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar it-tnaqqis fid-domanda miksub lill-Kummissjoni kull xahrejn u sal-15-il jum tax-xahar ta’ wara. Il-gruppi tar-riskju u l-GHG għandhom jassistu lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tat-tnaqqis volontarju u obbligatorju fid-domanda.

2.   Meta l-Kummissjoni tidentifika riskju, abbażi taċ-ċifri rrappurtati tat-tnaqqis fid-domanda, li Stat Membru mhux ser ikun jista’ jissodisfa l-obbligu tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda skont l-Artikolu 5, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat Membru jippreżenta pjan li jistabbilixxi l-istrateġija biex effettivament jikseb l-obbligu tat-tnaqqis fid-domanda. Il-Kummissjoni għandha titlob ukoll lil Stat Membru li jitlob miżura ta’ solidarjetà skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2017/1938 biex jippreżenta pjan li jistabbilixxi l-istrateġija biex jinkiseb tnaqqis ulterjuri possibbli fid-domanda għall-gass, f’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2017/1938. Fiż-żewġ każijiet, il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni bil-kummenti u s-suġġerimenti dwar il-pjanijiet sottomessi u tinforma lill-Kunsill bl-opinjoni tagħha. L-Istat Membru inkwistjoni għandu jqis l-opinjoni tal-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Rieżami

Sal-1 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ta’ dan ir-Regolament fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali tal-provvista tal-gass lejn l-Unjoni u tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar is-sejbiet ewlenin ta’ dak ir-rieżami. Abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari tipproponi li ttawwal il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għal perjodu ta’ sena mid-dħul fis-seħħ tiegħu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha .

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Awwissu 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  Ir-Regolament (UE) 2022/1032 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass (ĠU L 173, 30.6.2022, p. 17).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1).

(3)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2021, Il-Ġermanja vs Il-Polonja C-848/19 P, ECLI:EU:C:2021:598.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2009, (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 u d-Direttivi 2009/73/KE u (UE) 2019/944, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 45).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 1).