28.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 199/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1317

tas-27 ta’ Lulju 2022

li jipprevedi derogi mir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjoni tal-istandards għal kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba tal-art (standards tal-KAAT) 7 u 8 għas-sena tat-talba 2023

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 148(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri jridu jiżguraw li ż-żoni agrikoli kollha, inkluż l-art li ma tkunx għadha tintuża għal skopijiet ta’ produzzjoni, jinżammu f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba u jridu jistabbilixxu, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, standards minimi għall-bdiewa u benefiċjarji oħra għal kull standard ta’ kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba tal-art (l-istandard KAAT) elenkat fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament f’konformità mal-objettiv ewlieni ta’ dawk l-istandards kif imsemmi f’dak l-Anness. L-istandards tal-KAAT huma applikabbli mis-sena tat-talba 2023, għajr il-KAAT 2 li jistgħu jiġu applikati biss mis-sena tat-talba 2024 jew 2025, jekk debitament ġustifikati.

(2)

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar is-salvagwardja tas-sigurtà tal-ikel u l-infurzar tar-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel (2), il-Kummissjoni ppreżentat il-konsegwenzi serji tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna għas-sigurtà dinjija tal-ikel. L-invażjoni Russa fl-Ukrajna wasslet għal żieda qawwija fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi u qed tħalli impatt fuq il-provvista u d-domanda għall-prodotti agrikoli fil-livell dinji. B’mod partikolari, il-produzzjoni dinjija tal-qamħ tinsab f’riskju kemm mix-xokk fil-provvista minħabba d-daqs tas-sehem tal-Ukrajna u tar-Russja fis-swieq tal-qamħ, u anki mix-xokk fl-ispejjeż kontributorji, speċjalment fil-gass naturali, fil-fertilizzant tan-nitroġenu u fl-ossiġnu. Il-livell ta’ inċertezzi b’rabta mas-sitwazzjoni dinjija tal-provvista tal-ikel huwa għoli, u dan joħloq tħassib dwar is-sigurtà dinjija tal-ikel. Bħala kontribut biex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata fil-ħin ħalli tinżamm il-provvista tal-ikel, jenħtieġ li jinżamm il-potenzjal tal-produzzjoni tal-ikel agrikolu tal-Unjoni, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-provvista tal-ikel fi żmien medju u fit-tul billi tissokta t-tranżizzjoni lejn produzzjoni sostenibbli tal-ikel kif stabbilit fl-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u fl-Istrateġija għall-Bijodiversità.

(3)

L-istandard 7 tal-KAAT “Newba tal-għelejjel f’raba’ li jinħadem, ħlief għal għelejjel li jikbru taħt l-ilma” u l-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT “Is-sehem minimu miż-żona agrikola ddedikata għal żoni jew karatteristiċi mhux produttivi”, elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115, li huma applikabbli mis-sena tat-talba 2023, iħallu impatt fuq l-użu tar-raba’ li jinħadem għal skopijiet ta’ produzzjoni. Bl-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi fir-rigward tad-diversità matul iż-żmien u l-ispazju fit-tkabbir ta’ għelejjel differenti, bil-ħsieb li jitħares il-potenzjal tal-ħamrija u tissaħħaħ il-fertilità tal-ħamrija ħalli tkun żgurata produttività fit-tul, l-istandard 7 tal-KAAT potenzjalment jaffettwa l-għażliet tal-bdiewa tal-għelejjel. Billi jintalab li sehem minimu ta’ raba’ li jinħadem jiġi ddedikat għal żoni jew karatteristiċi mhux produttivi biex tittejjeb il-bijodiversità fl-azjendi agrikoli meħtieġa għal ekosistemi b’saħħithom u produttivi, skont l-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT, il-bdiewa jistgħu, minbarra l-preżenza ta’ karatteristiċi tal-pajsaġġ, iħallu wkoll ċertu sehem tar-raba’ li jinħadem u mistrieħ għal skopijiet ta’ bijodiversità.

(4)

Għaldaqstant, peress li jeħtieġ jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-sigurtà tal-ikel relatat mad-dimensjonijiet dinjin tad-disponibbiltà u tal-affordabbiltà tal-ikel, u peress li jeħtieġ jinżamm il-potenzjal tal-produzzjoni tal-ikel tal-Unjoni, filwaqt li jingħata kontribut għall-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku tal-UE, speċjalment l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u l-Istrateġija għall-Bijodiversità, jixraq li b’mod eċċezzjonali l-bdiewa jingħataw il-flessibbiltà li jużaw ir-raba’ disponibbli tagħhom li jinħadem għall-produzzjoni tal-ikel, filwaqt li jittaffew l-impatti negattivi ta’ dawn l-għażliet fuq l-ambjent u t-tibdil fil-klima. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu awtorizzati jidderogaw mill-applikazzjoni, għas-sena tat-talba 2023, tal-istandard 7 tal-KAAT u mill-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT elenkat fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115 kif definit minnhom fil-Pjan Strateġiku tal-PAK tagħhom. Peress li d-deroga għandha l-għan li tikkontribwixxi biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-sigurtà tal-ikel fl-immedjat, jixraq jiġi stabbilit li r-raba’ li jinħadem u li ma jkunx iddedikat għal żoni mhux produttivi minħabba d-deroga mill-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT elenkat fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115 kif definit mill-Istati Membri fil-Pjan Strateġiku tal-PAK tagħhom, jenħtieġ li ma jintużax għat-tkabbir tal-qamħirrum u tal-fażola tas-sojja, peress li dawn l-għelejjel fil-biċċa l-kbira mhumiex destinati għall-produzzjoni tal-ikel. Barra minn hekk, l-Istati Membri li jużaw xi waħda mid-derogi mill-istandards 7 jew 8 tal-KAAT jenħtieġ li, b’mod ġenerali, jippromwovu l-użu tal-għelejjel għall-produzzjoni tal-ikel, u l-użu ta’ ekoskemi u miżuri agroambjentali klimatiċi kif ipprogrammat fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom li jkollhom l-għan li jtejbu l-bijodiversità fl-azjendi agrikoli u jħarsu l-potenzjal tal-ħamrija.

(5)

Minħabba l-importanza tal-istandards 7 u 8 tal-KAAT imsemmija hawn fuq għall-objettivi biex jitħares il-potenzjal tal-ħamrija u titjieb il-bijodiversità fl-azjendi agrikoli bħala parti mis-sostenibbiltà fit-tul tas-settur u biex jinżamm il-potenzjal tal-produzzjoni tal-ikel, id-deroga jenħtieġ li tkun limitata għas-sena tat-talba 2023, u ma tkunx taffettwa r-regoli fis-snin wara l-2023, u jenħtieġ li tkun ristretta għal meħtieġ strettament biex jiġi indirizzat it-tħassib dinji dwar is-sigurtà tal-ikel. Għalhekk, it-tliet rekwiżiti l-oħra tal-istandard 8 tal-KAAT elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115, inkluż ir-rekwiżit li jinżammu l-karatteristiċi tal-pajsaġġ, jibqgħu applikabbli għas-sena tat-talba 2023 bħala salvagwardja favur l-objettiv ewlieni tal-istandard li titjieb il-bijodiversità fl-azjendi agrikoli.

(6)

Il-possibbiltà ta’ deroga mill-applikazzjoni ta’ dawk l-istandards tal-KAAT kif definiti mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom hija mingħajr preġudizzju għall-obbligu skont l-Artikolu 109(2), il-punt (a)(i), tar-Regolament (UE) 2021/2115 għall-Istati Membri biex fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom jinkludu d-deskrizzjoni tal-implimentazzjoni u l-elementi relatati ta’ kull standard tal-KAAT elenkati fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament.

(7)

Peress li l-istandards tal-KAAT huma parti mill-kundizzjonijiet bażi tal-ekoskemi u tal-impenji agroambjentali, relatati mal-klima u ta’ ġestjoni oħra, jixraq li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-rispett tal-linja bażi meta Stat Membru juża d-derogi għall-applikazzjoni tal-istandard 7 tal-KAAT jew l-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT. Biex tkun żgurata l-istabbiltà tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u biex tkun żgurata l-ambizzjoni tal-interventi, li jiffurmaw parti mill-arkitettura ekoloġika tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) mill-2023 ’il quddiem, jenħtieġ li l-linja bażi tibqa’ l-istess irrispettivament mill-applikazzjoni tad-deroga. B’mod partikolari, ir-rekwiżiti tal-linja bażi tal-istandard 7 tal-KAAT jew l-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT xorta jenħtieġ li jiġu rispettati sabiex jingħata appoġġ permezz ta’ interventi meta l-impenji jkunu jinkludu jew jibnu fuq dawn ir-rekwiżiti bażi.

(8)

Hu essenzjali li jiġu monitorjati l-impatti ta’ dawn id-derogi fuq is-sigurtà dinjija tal-ikel u fuq l-ambjent u t-tibdil fil-klima, u għalhekk l-Istati Membri jenħtieġ li jivvalutaw u jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn id-derogi.

(9)

Biex ikun żgurat li d-derogi awtorizzati minn dan ir-Regolament ikunu effettivi fid-dawl tal-għan tagħhom, u peress li l-bdiewa jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom dwar iż-żrigħ għall-ħsad tal-2023 mis-sajf tal-2022, id-deċiżjoni dwar l-użu tad-derogi jenħtieġ li tittieħed malajr. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom u jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dan fi żmien 30 jum mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament permezz tas-sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 (3). Id-deċiżjonijiet jenħtieġ li jiġu inklużi fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK fl-ewwel okkażjoni, jew meta jerġa’ jiġi ppreżentat il-Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mal-Artikolu 118(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115 jew fl-ewwel talba għal emenda tal-Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mal-Artikolu 119 ta’ dak ir-Regolament. Peress li jeħtieġ tiġi żgurata implimentazzjoni fil-ħin, id-deċiżjonijiet jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

(10)

Peress li l-Istati Membri jeħtieġ jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom fil-ħin qabel id-deċiżjonijiet tal-bdiewa dwar iż-żrigħ, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Agrikola Komuni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Deċiżjonijiet dwar derogi mill-applikazzjoni ta’ ċerti standards għal kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba tal-art għas-sena tat-talba 2023

1.   B’deroga mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jidderogaw għas-sena tat-talba 2023 mill-applikazzjoni ta’ wieħed mill-istandards tal-KAAT li ġejjin jew tat-tnejn li huma elenkati fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament kif definit mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom:

(a)

L-istandard 7 tal-KAAT “Newba tal-għelejjel f’raba’ li jinħadem, ħlief għal għelejjel li jikbru taħt l-ilma”;

(b)

L-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT “Is-sehem minimu miż-żona agrikola ddedikata għal żoni jew karatteristiċi mhux produttivi”:

Sehem minimu ta’ mill-inqas 4% tar-raba’ li jinħadem fil-livell ta’ azjenda agrikola hu ddedikat għal żoni u karatteristiċi mhux produttivi, inkluż art mistrieħa.

Meta bidwi jimpenja ruħu li jiddedika mill-inqas 7% tar-raba’ li jinħadem tiegħu għal żoni jew karatteristiċi mhux produttivi, inkluż art mistrieħa, b’ekoskema mtejba f’konformità mal-Artikolu 31(6), is-sehem li jrid jiġi attribwit għall-konformità ma’ dan l-istandard tal-KAAT għandu jkun limitat għal 3%.

Sehem minimu ta’ mill-inqas 7% tar-raba’ li jinħadem fil-livell ta’ azjenda agrikola, jekk dan ikun jinkludi wkoll għelejjel tat-titwiq jew għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu, ikkultivati mingħajr l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li 3% minnhom għandhom ikunu art mistrieħa jew karatteristiċi mhux produttivi. L-Istati Membri għandhom jużaw il-fattur ta’ ponderazzjoni ta’ 0,3 għall-għelejjel tat-titwiq.

L-Istati Membri li jużaw id-deroga msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandhom jiżguraw li din tkun tapplika esklussivament għall-art mistrieħa u ma tkunx tapplika għal karatteristiċi mhux produttivi oħra.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-raba’ li jinħadem u li ma jkunx se jiġi ddedikat għal żoni mhux produttivi minħabba d-deroga msemmija fl-ewwel subparagrafu, fil-punt (b), ma jintużax għat-tkabbir tal-qamħirrum, tal-fażola tas-sojja jew tal-imsajġar ta’ rotazzjoni qasira.

L-Istati Membri li jużaw xi waħda mid-derogi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jippromwovu l-kultivazzjoni ta’ għelejjel għall-produzzjoni tal-ikel.

Barra minn hekk, l-Istati Membri li jużaw xi waħda mid-derogi msemmija fl-ewwel subparagrafu, għandhom jippromwovu l-ekoskemi u l-miżuri agroambjentali klimatiċi kif ipprogrammat fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom li jkollhom l-għan li jtejbu l-bijodiversità fl-azjendi agrikoli u jħarsu l-potenzjal tal-ħamrija.

2.   Għall-fini tal-ekoskemi msemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2021/2115 u tal-impenji agroambjentali, relatati mal-klima u ta’ ġestjoni oħra msemmija fl-Artikolu 70 ta’ dak ir-Regolament, u stabbiliti mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, għas-sena tat-talba 2023, il-linji bażi msemmija fl-Artikolu 31(5), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u fl-Artikolu 70(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-KAAT 7 u l-ewwel rekwiżit tal-KAAT 8, ma għandhomx jinbidlu bid-deċiżjonijiet tal-Istat Membru msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 2

Limitu ta’ żmien, notifika tad-deċiżjonijiet u l-applikazzjoni tagħhom

1.   Fi żmien 30 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri li jiddeċiedu li jużaw id-derogi msemmija fl-Artikolu 1(1), għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjonijiet li jkunu ħadu skont dak il-paragrafu permezz tas-sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1185.

2.   L-Istati Membri għandhom jinkludu d-deċiżjonijiet li jkunu ħadu skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament fit-Taqsima 3.10 dwar il-Kondizzjonalità u l-istandard tal-KAAT tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jew bħala parti minn risottomissjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mal-Artikolu 118(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115, jew bħala parti mill-ewwel talba għal emenda tal-Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mal-Artikolu 119 ta’ dak ir-Regolament.

3.   Id-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx ikunu soġġetti għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 118(6) jew fl-Artikolu 119(10), rispettivament, tar-Regolament (UE) 2021/2115.

4.   Id-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 1(1) għandhom japplikaw għas-sena tat-talba 2023.

5.   L-Istati Membri li jużaw xi waħda mid-derogi msemmija fl-Artikolu 1(1), għandhom jinkludu valutazzjoni fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni msemmi fl-Artikolu 134 tar-Regolament (UE) 2021/2115 dovut fil-15 ta’ Frar 2024, tal-effetti tal-applikazzjoni ta’ dawn id-derogi fuq is-sigurtà dinjija tal-ikel, fuq il-ħarsien tal-ambjent u fuq il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1.

(2)  COM(2022) 133 final.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113).