8.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 183/12 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1172
tal-4 ta’ Mejju 2022
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll fil-politika agrikola komuni u l-applikazzjoni u l-kalkolu ta’ penali amministrattivi għall-kundizzjonalità
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 74, l-Artikolu 85(7) u l-Artikolu 105 tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/2116 jistabbilixxi r-regoli bażiċi li jikkonċernaw, fost l-oħrajn, is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (“sistema integrata”) u l-applikazzjoni u l-kalkolu ta’ penali amministrattivi għall-kundizzjonalità. Biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-qafas ġuridiku l-ġdid, iridu jiġu adottati ċerti regoli biex jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet stipulati minn dak ir-Regolament fl-oqsma kkonċernati. |
(2) |
Ir-regoli dwar is-sistema integrata u l-applikazzjoni u l-kalkolu tal-penali amministrattivi għall-kundizzjonalità jenħtieġ li jiżguraw sistema ta’ kontroll effiċjenti tar-regoli li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri u mill-benefiċjarji fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) u għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’att delegat wieħed. Dawn ir-regoli l-ġodda jenħtieġ li jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 (2). |
(3) |
B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli biex jissupplimentaw ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (UE) 2021/2116 fir-rigward tal-funzjonament tas-sistema integrata msemmija fl-Artikolu 65 ta’ dak ir-Regolament, regoli dwar il-valutazzjonijiet tal-kwalità msemmija fl-Artikoli 68(3), 69(6) u 70(2) ta’ dak ir-Regolament, regoli dwar is-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ msemmija fl-Artikolu 68 ta’ dak ir-Regolament u regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni u l-kalkolu ta’ penali amministrattivi għall-kundizzjonalità msemmija fl-Artikolu 85 ta’ dak ir-Regolament. |
(4) |
Is-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ għandha tipprovdi informazzjoni siewja, komprensiva u affidabbli rilevanti għar-rapportar dwar il-prestazzjoni tal-politika, li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni effiċjenti tal-interventi bbażati fuq l-erja kif ukoll li tappoġġa lill-benefiċjarji fis-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet korretti għall-għajnuna. Sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu dawn l-objettivi, huma meħtieġa regoli biex jiġu ċċarati r-rekwiżiti tekniċi li l-Istati Membri jeħtieġ li jsegwu u kif għandha tiġi strutturata u aġġornata l-informazzjoni disponibbli. |
(5) |
Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jidentifikaw b’mod proattiv id-dgħufijiet possibbli fis-sistema integrata u jieħdu azzjoni ta’ rimedju xierqa meta jkun meħtieġ, jenħtieġ li jiġu pprovduti regoli dwar il-valutazzjoni annwali tal-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’, tas-sistema tal-applikazzjoni ġeospazjali u tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja. L-esperjenza rigward il-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ skont ir-Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014 uriet li l-iżvilupp ta’ gwida teknika mill-Kummissjoni huwa partikolarment utli. Tali gwida teknika tgħin lill-Istati Membri japplikaw metodoloġija adattata biex iwettqu l-valutazzjonijiet tagħhom. Minħabba l-importanza tal-valutazzjonijiet tal-kwalità għal sistema integrata li taħdem kif suppost li tipprovdi data affidabbli u verifikabbli fir-rapportar annwali tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tgħin lill-Istati Membri b’mod simili biex iwettqu l-valutazzjonijiet tal-kwalità previsti skont ir-Regolament (UE) 2021/2116. |
(6) |
Il-valutazzjonijiet tal-kwalità għandhom jivvalutaw jekk is-sistema integrata tissodisfax l-għan tagħha li tipprovdi informazzjoni affidabbli u komprensiva rilevanti għar-rapportar annwali tal-prestazzjoni, kif meħtieġ mill-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2021/2116, b’mod partikolari, in-numru korrett ta’ ettari għall-output u s-sehem korrett ta’ erjas għall-indikaturi tar-riżultati ta’ interventi bbażati fuq l-erja. Dan se jirrikjedi li jingħaqdu riżultati rilevanti mill-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja u s-sistema tal-applikazzjoni ġeospazjali fi sforz biex jiġi evitat li dan l-impatt jiġi stmat iżżejjed minħabba erjas fejn seħħew kemm żbalji fil-kejl kif ukoll deċiżjonijiet żbaljati dwar il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà. Għal dan il-għan, il-verifika tal-erja ddikjarata fil-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema tal-applikazzjoni ġeospazjali jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-istess kampjun ta’ bċejjeċ tar-raba’ bħal dawk fil-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja. |
(7) |
Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-kwalità relatata mas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja għandha tiżgura li r-riżultati jkunu komparabbli bejn l-Istati Membri, irrispettivament mill-possibbiltà li jiġi differit l-użu ta’ implimentazzjoni kompletament operattiva tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja. Għalhekk, din il-valutazzjoni tal-kwalità jenħtieġ li tkopri l-interventi kollha bbażati fuq l-erja u l-kundizzjonijiet rilevanti ta’ eliġibbiltà irrispettivament mid-deċiżjoni tal-Istat Membru li jkollu sistema ta’ monitoraġġ tal-erja kompletament operattiva biss mill-1 ta’ Jannar 2024, kif imsemmi fl-Artikolu 70(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116. Il-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni dijanjostika kemm fil-livell tal-interventi kif ukoll fil-livell tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, li abbażi tagħha l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu azzjonijiet ta’ rimedju xierqa, fejn meħtieġ. |
(8) |
Għal raġunijiet ta’ ċarezza u sabiex tiġi stabbilita bażi armonizzata għall-kalkolu u l-applikazzjoni tal-penali amministrattivi għall-kundizzjonalità, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti definizzjonijiet komuni u prinċipji ġenerali dwar in-nuqqas ta’ konformità. |
(9) |
Ir-Regolament (UE) 2021/2116 jipprevedi li għandhom jiġu stabbiliti penali amministrattivi għall-kundizzjonalità filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità. Għalhekk, it-tnaqqis u l-esklużjonijiet jenħtieġ li jiġu kklassifikati skont is-serjetà tan-nuqqas ta’ konformità u jenħtieġ li jaslu sal-esklużjoni totali tal-benefiċjarju minn kull pagament u appoġġ imsemmi fl-Artikolu 83(1), il-punti (a), (b) u (c), ta’ dak ir-Regolament f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali. Sabiex tingħata ċertezza legali lill-benefiċjarji, jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ penali amministrattivi. |
(10) |
L-Artikolu 85(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116 jipprevedi li l-kalkolu tal-penali amministrattiva għall-kundizzjonalità jrid isir abbażi tal-pagamenti li jkunu ngħataw jew li jkunu se jingħataw lill-benefiċjarju kkonċernat fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-pagamenti li jkunu ġew ippreżentati jew li jkunu se jiġu ppreżentati matul is-sena kalendarja li fiha jkun seħħ in-nuqqas ta’ konformità. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata r-rabta bejn l-imġiba tal-bidwi u l-penali u biex jiġi ggarantit it-trattament indaqs fost il-bdiewa, huwa xieraq li jiġi previst li fejn l-istess nuqqas ta’ konformità jkun qed iseħħ kontinwament f’diversi snin kalendarji, trid tiġi applikata penali amministrattiva u din trid tiġi kkalkulata għal kull sena kalendarja li fiha jista’ jiġi ddeterminat li jkun seħħ in-nuqqas ta’ konformità. |
(11) |
Sabiex jiġi ggarantit li l-penali amministrattivi jkunu jistgħu jiġu applikati u attribwiti b’mod effettiv, huwa xieraq li jiġi previst li fejn, fis-sena kalendarja tas-sejba, il-penali taqbeż l-ammont totali tal-pagamenti mogħtija jew li għandhom jingħataw lill-benefiċjarju jew il-benefiċjarju ma jissottomettix applikazzjoni għall-għajnuna, il-penali għandha tiġi applikata jew imputata permezz ta’ rkupru. |
(12) |
Skont l-Artikolu 85(3) tar-Regolament (UE) 2021/2116, irrispettivament minn jekk jiġix identifikat nuqqas ta’ konformità permezz ta’ sistema ta’ monitoraġġ tal-erja jew mezzi oħra, ma għandha tiġi imposta l-ebda penali amministrattivi meta n-nuqqas ta’ konformità mhux intenzjonali ma jkollu l-ebda konsegwenza jew ikollu biss konsegwenzi insinifikanti għall-ilħuq tal-objettiv tal-istandard jew tar-rekwiżit ikkonċernat. Minħabba n-natura minuri tan-nuqqasijiet ta’ konformità li ma għandhom l-ebda konsegwenza jew li għandhom biss konsegwenzi insinifikanti għall-ilħuq tal-objettiv tal-istandard jew tar-rekwiżit ikkonċernat u sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, tali nuqqasijiet ta’ konformità jenħtieġ li ma jitqisux għall-fini tad-determinazzjoni tal-okkorrenza mill-ġdid jew tal-persistenza ta’ nuqqas ta’ konformità. |
(13) |
Skont l-Artikolu 85(4) tar-Regolament (UE) 2021/2116, jekk Stat Membru juża s-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja biex jidentifika każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, jista’ jiddeċiedi li japplika perċentwal aktar baxx ta’ tnaqqis. Huwa xieraq li jiġi stabbilit perċentwal minimu ta’ tnaqqis. |
(14) |
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar il-kalkolu tal-penali amministrattivi għal diversi nuqqasijiet ta’ konformità fl-istess sena kalendarja tal-okkorrenza. |
(15) |
Sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bla xkiel mill-arranġamenti previsti fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), huwa meqjus xieraq li jiġu stabbiliti regoli tranżizzjonali rigward l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 104(1), il-punt (a)(iv), tar-Regolament (UE) 2021/2116, sabiex jiġu evitati spejjeż u piżijiet amministrattivi eċċessivi relatati mal-kundizzjonalità u mal-kontrolli tal-kundizzjonalità applikati għall-benefiċjarji li jirċievu pagamenti bbażati fuq l-erja kemm taħt Pjan Strateġiku tal-PAK skont ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) kif ukoll taħt programm ta’ żvilupp rurali implimentat skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) sal-31 ta’ Diċembru 2025. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-kontrolli fuq il-kundizzjonalità relatati mal-erja jitqiesu li jkopru wkoll il-kontrolli fuq is-sistema tal-kundizzjonalità msemmija fl-Artikolu 96 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Dan huwa ġġustifikat mill-fatt li, għall-pagamenti bbażati fuq l-erja, ir-regoli ta’ kundizzjonalità huma ġeneralment aktar stretti mir-regoli dwar is-sistema ta’ kundizzjonalità fir-rigward kemm tal-obbligi kif ukoll tal-penali. Għalhekk jista’ jiġi preżunt li r-regoli tas-sistema tal-kundizzjonalità huma rrispettati, jekk il-benefiċjarju jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fir-regoli dwar il-kundizzjonalità. Madankollu, jekk il-kontrolli fuq il-kundizzjonalità jiżvelaw nuqqasijiet ta’ konformità, l-Istat Membru ma jkunx jista’ jassumi aktar li l-kundizzjonalità qiegħda tiġi osservata u konsegwentement jenħtieġ li jwettaq il-kontrolli msemmija fl-Artikolu 96 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u, f’dak il-kuntest, japplika r-regoli dwar il-kalkolu u l-applikazzjoni ta’ penali amministrattivi f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament. |
(16) |
Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014 jitħassar. Madankollu, dak ir-Regolament jenħtieġ li jkompli japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-pagamenti diretti ppreżentati qabel l-1 ta’ Jannar 2023, għat-talbiet għall-pagamenti magħmula fir-rigward tal-miżuri ta’ appoġġ implimentati skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u għas-sistema ta’ kontroll u l-penali amministrattivi fir-rigward tar-regoli dwar is-sistema ta’ kundizzjonalità. |
(17) |
B’kunsiderazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 104(1) u tal-Artikolu 106 tar-Regolament (UE) 2021/2116, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għal interventi li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2023 u implimentati skont ir-Regolament (UE) 2021/2115. |
(18) |
Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-punt 31 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, il-Kummissjoni tqis li hemm rabta sostantiva bejn is-setgħat fir-Regolament (UE) 2021/2116 rigward ir-regoli dwar is-sistema integrata u l-applikazzjoni u l-kalkolu tal-penali amministrattivi għall-kundizzjonalità, u hemm interkonnessjoni bejniethom. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti dawk ir-regoli fl-istess Att Delegat, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
KAMP TA’ APPLIKAZZJONI
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet li jissupplimentaw ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (UE) 2021/2116 fir-rigward ta’:
(a) |
il-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ msemmija fl-Artikolu 68(3), tas-sistema ta’ applikazzjoni ġeospazjali msemmija fl-Artikolu 69(6) u tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja msemmija fl-Artikolu 70(2) ta’ dak ir-Regolament; |
(b) |
is-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ msemmija fl-Artikolu 68 ta’ dak ir-Regolament; |
(c) |
l-applikazzjoni u l-kalkolu tal-penali amministrattivi għall-kundizzjonalità msemmija fl-Artikolu 85 ta’ dak ir-Regolament. |
KAPITOLU II
SISTEMA INTEGRATA
Artikolu 2
Sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’
1. Is-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ msemmija fl-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2021/2116 għandha topera fil-livell tal-bċejjeċ ta’ referenza u għandha tinkludi informazzjoni li tippermetti l-iskambju ta’ data mal-applikazzjoni ta’ għajnuna ġeospazjali msemmija fl-Artikolu 69 ta’ dak ir-Regolament u s-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja msemmija fl-Artikolu 70 ta’ dak ir-Regolament.
2. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “biċċa raba’ ta’ referenza” tfisser erja ġeografikament delimitata b’identifikazzjoni unika kif irreġistrata fis-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ msemmija fl-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2021/2116. Biċċa raba’ ta’ referenza għandu jkun fiha unità ta’ art li tirrappreżenta erja agrikola kif definita fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115. Fejn xieraq, biċċa raba’ ta’ referenza għandu jkun fiha wkoll erjas mhux agrikoli meqjusa eliġibbli mill-Istati Membri biex jirċievu l-appoġġ għall-interventi bbażati fuq l-erja msemmija fl-Artikolu 65(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2021/2116.
3. Il-bċejjeċ tar-raba’ ta’ referenza għandhom iservu bħala bażi biex jappoġġaw lill-benefiċjarji fis-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet ġeospazjali għall-interventi bbażati fuq l-erja msemmija fl-Artikolu 65(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2021/2116.
4. L-Istati Membri għandhom jiddelimitaw il-bċejjeċ tar-raba’ ta’ referenza b’tali mod li jiżguraw li kull biċċa raba’ tkun stabbli fiż-żmien, tkun tista’ titkejjel, tippermetti l-lokalizzazzjoni unika u mhux ambigwa ta’ kull biċċa raba’ u unità ta’ art ta’ erjas mhux agrikoli meqjusin eliġibbli mill-Istati Membri biex jirċievu l-appoġġ għall-interventi bbażati fuq l-erja msemmija fl-Artikolu 65(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2021/2116 iddikjarati kull sena.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-aġġornament tal-informazzjoni għall-bċejjeċ raba’ ta’ referenza kollha fis-sistema ta’ identifikazzjoni mill-inqas darba kull 3 snin. Barra minn hekk, kull sena, l-Istati Membri għandhom iqisu l-informazzjoni kollha disponibbli mill-applikazzjoni ġeospazjali, mis-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja jew minn kwalunkwe sors affidabbli ieħor.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi estratta d-data rilevanti għar-rapportar korrett dwar l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2021/2116.
7. Fis-sistema ta’ identifikazzjoni, għal kull biċċa raba’ ta’ referenza, l-Istati Membri għandhom tal-anqas:
(a) |
jiddeterminaw l-erja massima eliġibbli għall-finijiet tal-interventi bbażati fuq l-erja taħt is-sistema integrata. Sabiex tiġi ddeterminata l-erja massima eliġibbli, l-Istati Membri għandhom inaqqsu l-elementi ineliġibbli mill-biċċa raba’ permezz ta’ delineazzjoni, fejn possibbli. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu minn qabel il-kriterji u l-proċeduri użati għall-valutazzjoni, il-kwantifikazzjoni u, fejn xieraq, id-delineazzjoni tal-partijiet eliġibbli u ineliġibbli tal-biċċa raba’. Fid-determinazzjoni tal-erja massima eliġibbli, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu marġni raġonevoli għal kwantifikazzjoni korretta, biex iqisu l-profil u l-kundizzjoni tal-biċċa raba’; |
(b) |
jidentifikaw l-erja agrikola, kif imsemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115. Fejn applikabbli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw id-distinzjoni tal-erja agrikola f’raba’ li jinħadem, f’għelejjel permanenti u f’artijiet bil-ħaxixpermanenti, inkluż meta jiffurmaw sistemi agroforestali f’dik iż-żona, kif iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 4(3) ta’ dak ir-Regolament permezz ta’ delineazzjoni; |
(c) |
fir-rigward tal-artijiet bil-ħaxix permanenti b’karatteristiċi ineliġibbli mifruxa u meta l-Istati Membri jiddeċiedu li japplikaw koeffiċjenti ta’ tnaqqis fissi biex jiddeterminaw l-erja meqjusa eliġibbli, kif previst fit-tielet subparagrafu tal-punt(b) tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2021/2115, jirreġistraw l-informazzjoni rilevanti kollha; |
(d) |
jinkludu karatteristiċi u/jew impenji li huma rilevanti għall-eliġibbiltà ta’ interventi bbażati fuq l-erja u għar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità, u li huma stabbli fiż-żmien. Din l-informazzjoni għandha tiġi rreġistrata bħala attributi jew saffi fis-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ u għandu jiġi indikat tal-anqas dan li ġej:
|
(e) |
fejn applikabbli, isibu u jiddeterminaw id-daqs tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ skont l-istandard 8 tal-KAAT elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115 rilevanti għas-sehem minimu tal-erja agrikola ddedikat għal erja jew karatteristiċi mhux produttivi. |
(f) |
jiddeterminaw jekk il-bċejjeċ tar-raba’ jinsabux f’erjas li jiffaċċjaw limitazzjonijiet naturali jew oħrajn speċifiċi għall-erja kif imsemmi fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) 2021/2115, jew jekk japplikawx żvantaġġi speċifiċi għall-erja li jirriżultaw minn ċerti rekwiżiti obbligatorji kif imsemmi fl-Artikolu 72 ta’ dak ir-Regolament, |
(g) |
jiddeterminaw jekk il-bċejjeċ tar-raba’ jinsabux f’żoni ta’ Natura 2000, f’erjas koperti mid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jekk jinsabux f’art agrikola awtorizzata għall-produzzjoni tal-qoton skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115, f’erjas li jiffurmaw parti mill-prattiki lokali stabbiliti msemmija fl-Artikolu 4(3), il-punt (c), it-tieni subparagrafu, il-punt (i), ta’ dak ir-Regolament, dwar erjas mgħottija b’mergħat permanenti ddeżinjati bħala ambjentalment sensittivi skont l-istandard 9 tal-KAAT elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115, jew f’erjas koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (7) jew mid-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). |
8. Għall-interventi relatati mal-forestrija appoġġati taħt l-Artikoli 70 u 72 tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistemi alternattivi xierqa sabiex jidentifikaw b’mod uniku l-art soġġetta għall-appoġġ meta dik l-art tkun miksija bil-foresti.
9. Is-sistema ta’ informazzjoni ġeografika għandha topera abbażi ta’ sistema nazzjonali ta’ referenza ta’ koordinati kif iddefinita fid-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) li tippermetti l-kejl standardizzat u l-identifikazzjoni unika tal-bċejjeċ tar-raba’ fl-Istat Membru kollu kkonċernat. Fejn jintużaw sistemi ta’ referenza ta’ koordinati differenti, dawn għandhom ikunu reċiprokament esklussivi u kull waħda minnhom għandha tiżgura l-konsistenza bejn il-punti ta’ informazzjoni li jirreferu għall-istess post.
Artikolu 3
Valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’
1. Kull sena, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-valutazzjoni tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2021/2116 għall-finijiet tal-appoġġ għall-introjtu bażiku għas-sostenibbiltà. Dik il-valutazzjoni ta’ kwalità għandha tkopri l-elementi li ġejjin:
(a) |
il-kwantifikazzjoni korretta tal-erja massima eliġibbli; |
(b) |
il-proporzjon u d-distribuzzjoni tal-bċejjeċ tar-raba’ ta’ referenza fejn l-erja massima eliġibbli tqis erjas ineliġibbli jew fejn ma tqisx iż-żona agrikola; |
(c) |
l-okkorrenza ta’ bċejjeċ tar-raba’ ta’ referenza b’difetti kritiċi; |
(d) |
il-klassifikazzjoni korretta tal-erja agrikola bħala raba’ li jinħadem, art bil-ħaxix permanenti jew għalla permanenti f’kull biċċa raba’ ta’ referenza; |
(e) |
il-proporzjon tad-dikjarazzjonijiet tal-erja għal kull biċċa raba’ ta’ referenza; |
(f) |
il-kategorizzazzjoni ta’ bċejjeċ tar-raba’ ta’ referenza fejn l-erja massima eliġibbli tqis erjas ineliġibbli, fejn ma tqisx l-erja agrikola jew tikxef difett kritiku; |
(g) |
il-perċentwal ta’ bċejjeċ tar-raba’ ta’ referenza li kienu soġġetti għal bidla, akkumulati matul iċ-ċiklu regolari ta’ aġġornament. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li t-talbiet kollha għall-aġġornament tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bċejjeċ tar-raba’ jitwettqu b’mod li jkun possibbli li jiġi traċċat jekk dawn jirriżultawx mis-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja, mill-azzjoni tal-benefiċjarju jew minn kwalunkwe sors ieħor.
2. L-Istati Membri għandhom iwettqu l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 abbażi ta’ kampjun ta’ bċejjeċ tar-raba’ ta’ referenza. Għandhom jużaw data li tippermetti l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni proprja fil-prattika.
3. F’każ li r-riżultati tal-valutazzjoni tal-kwalità jiżvelaw nuqqasijiet, l-Istat Membru għandu jipproponi azzjonijiet ta’ rimedju adegwati.
Artikolu 4
Valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema tal-applikazzjoni ġeospazjali
1. Il-valutazzjoni annwali tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 69(6) tar-Regolament (UE) 2021/2116 għandha tivvaluta l-affidabbiltà tal-informazzjoni fl-applikazzjoni ġeospazjali u l-korrettezza tal-informazzjoni użata għar-rapportar dwar l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2021/2115. B’mod partikolari, il-valutazzjoni tal-kwalità għandha tivvaluta l-kompletezza u l-korrettezza tal-informazzjoni mimlija minn qabel fl-applikazzjoni ġeospazjali, il-kompletezza u l-korrettezza tat-twissijiet ta’ gwida pprovduti lill-benefiċjarji matul il-proċess tal-applikazzjoni u t-traċċabbiltà tal-bidliet kollha rreġistrati fl-applikazzjonijiet ġeospazjali wara s-sottomissjoni tagħha.
2. Il-valutazzjoni tal-kwalità għandha tinkludi dan li ġej:
(a) |
verifika li l-informazzjoni użata mill-Istat Membru biex timtela minn qabel l-applikazzjoni ġeospazjali kienet kompluta, korretta u aġġornata; |
(b) |
verifika mill-Istat Membru li l-erja ddikjarata mill-benefiċjarju għal intervent ibbażat fuq l-erja kienet stabbilita b’mod korrett fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà applikabbli; |
(c) |
verifika li, sa fejn ikun possibbli, il-kundizzjonijiet kollha ta’ eliġibbiltà tal-interventi u, fejn rilevanti, ir-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità, tqiesu għall-ħruġ ta’ twissijiet ta’ gwida mill-Istat Membru lill-benefiċjarji matul il-proċess tal-applikazzjoni; |
(d) |
verifika li l-emendi kollha tal-applikazzjoni ġeospazjali wara s-sottomissjoni tagħha ġew irreġistrati mill-Istat Membru b’tali mod li jkun possibbli li jiġi traċċat jekk dawn irriżultawx minn twissija tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja, azzjoni tal-benefiċjarju jew minn kwalunkwe sors ieħor. |
3. Il-valutazzjoni tal-kwalità prevista fil-paragrafu 2, il-punti (a), (c) u (d), għandha titwettaq permezz ta’ ttestjar tal-IT u twettiq mill-ġdid tal-proċess ta’ applikazzjoni fuq kampjun rappreżentattiv ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna.
4. Għall-verifika skont il-paragrafu 2, il-punt (b), il-valutazzjoni tal-kwalità għandha titwettaq permezz ta’ żjarat in situ jew analiżi ta’ immaġni tal-istess sena kalendarja u ta’ mill-inqas l-istess kwalità kif meħtieġ għall-valutazzjoni tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2021/2116. Dik il-verifika għandha ssir permezz ta’ kejl tal-erja ddikjarata fir-rigward ta’ intervent fuq il-kampjun magħżul għall-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-interventi kollha bbażati fuq l-erja ġestiti mis-sistema integrata jkunu inklużi fil-kampjuni msemmija fil-paragrafi 3 u 4 u vverifikati fil-proċess ta’ valutazzjoni tal-kwalità.
6. F’każ li r-riżultati tal-valutazzjoni tal-kwalità jiżvelaw nuqqasijiet, l-Istat Membru għandu jipproponi azzjonijiet ta’ rimedju adegwati.
Artikolu 5
Valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja
1. Il-valutazzjoni annwali tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) 2021/2116 għandha tivvaluta l-affidabbiltà tal-implimentazzjoni tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja, tipprovdi informazzjoni dijanjostika dwar is-sorsi ta’ deċiżjonijiet mhux korretti fil-livell tal-interventi u l-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u b’mod partikolari tivvaluta l-korrettezza tal-informazzjoni prevista għar-rapportar dwar l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2021/2115.
2. Il-valutazzjoni tal-kwalità għandha titwettaq permezz ta’ żjarat in situ jew analiżi ta’ immaġni tal-istess sena kalendarja u fejn rilevanti, b’tal-anqas l-istess kwalità kif meħtieġa għall-valutazzjoni tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2021/2116. Iż-żjarat in situ jistgħu jsiru fi kwalunkwe żmien matul is-sena u għandhom, sa fejn ikun possibbli, ikopru l-kundizzjonijiet kollha tal-eliġibbiltà rilevanti għal benefiċjarju partikolari matul l-istess żjara. L-immaġnijiet użati mill-Istati Membri għall-valutazzjoni tal-kwalità għandhom ikunu jistgħu jagħtu riżultati konklużivi u affidabbli fir-rigward tas-sitwazzjoni attwali fil-prattika. Fejn l-Istati Membri jużaw ritratti ġeottaggjati għall-osservazzjoni, it-traċċar u l-valutazzjoni tal-attivitajiet agrikoli bħala data b’mill-inqas valur ekwivalenti għad-data mis-satelliti Sentinel ta’ Copernicus, l-Istati Membri jistgħu jwettqu l-valutazzjoni tal-kwalità tad-deċiżjonijiet abbażi ta’ ritratti ġeottaggjati permezz ta’ analiżi mhux awtomatizzata tar-ritratti ġeottaggjati, sakemm dawn joffru riżultati konklużivi u affidabbli.
3. Fil-livell tal-interventi, il-valutazzjoni tal-kwalità għandha tinkludi dawn li ġejjin:
(a) |
kwantifikazzjoni ta’ żbalji minħabba deċiżjonijiet żbaljati dwar il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà fuq bċejjeċ tar-raba’ taħt intervent ibbażat fuq l-erja, irrispettivament minn jekk id-deċiżjoni rilevanti kinitx ġejja mis-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja jew le. Ir-riżultat għandu jiġi espress f’ettari; |
(b) |
kwantifikazzjoni tal-għadd ta’ bċejjeċ tar-raba’ fejn is-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja sabet nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u tal-għadd ta’ bċejjeċ tar-raba’ li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà wara l-aħħar data għall-emendi tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna. |
4. Ir-rapporti mistennija sal-15 ta’ Frar 2025 u l-15 ta’ Frar 2027, għandu jkollhom ukoll verifika li l-kundizzjonijiet kollha tal-eliġibbiltà tal-interventi bbażati fuq l-erja li huma kkunsidrati bħala li jistgħu jiġu mmonitorjati, kienu soġġetti għal sistema ta’ monitoraġġ tal-erja fis-snin 2024 u 2026, rispettivament. Jistgħu jkunu meħtieġa azzjonijiet ta’ rimedju wara l-valutazzjoni tar-riżultati ta’ dawn ir-rapporti.
5. Il-valutazzjoni tal-kwalità għandha titwettaq billi jiġu vverifikati l-kundizzjonijiet kollha ta’ eliġibbiltà tal-interventi kollha applikati fuq kampjun rappreżentattiv ta’ bċejjeċ tar-raba’.
6. Għall-finijiet ta’ simplifikazzjoni u minħabba li l-kampjun tal-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja jipprovdi livell adegwat ta’ assigurazzjoni fir-rigward tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għal kull intervent, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li jqis il-valutazzjonijiet tal-kwalità msemmija fl-Artikoli 4 u 5 ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligu li tiġi stabbilita sistema ta’ kontroll stabbilita fl-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) 2021/2116.
7. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-interventi kollha bbażati fuq l-erja ġestiti mis-sistema integrata jiġu inklużi fil-kampjun ta’ bċejjeċ tar-raba’ u vverifikati fil-proċess ta’ valutazzjoni tal-kwalità, irrispettivament mill-possibbiltà li s-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja tiġi stabbilita gradwalment, kif imsemmi fl-Artikolu 70(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116.
8. F’każ li r-riżultati tal-kwantifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, il-punti (a) u (b), jiżvelaw nuqqasijiet, l-Istat Membru għandu jipproponi azzjonijiet ta’ rimedju adegwati.
9. L-azzjonijiet ta’ rimedju għal kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà mhux immonitorjati jew mhux immonitorjati b’mod konklużiv jistgħu jinkludu t-twettiq ta’ żjarat in situ. F’każijiet fejn ikunu meħtieġa azzjonijiet ta’ rimedju wara r-riżultati tal-valutazzjoni tal-kwalità għas-sena kalendarja kkonċernata, jista’ jkun hemm bżonn li jiġu inklużi dettalji addizzjonali fir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-kwalità tas-sena ta’ wara fir-rigward tan-nuqqasijiet li għandhom jiġu rrimedjati.
KAPITOLU III
APPLIKAZZJONI U KALKOLU TA’ PENALI AMMINISTRATTIVI GĦALL-KUNDIZZJONALITÀ
Artikolu 6
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu IV tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) 2021/2116.
Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“nuqqas ta’ konformità” tfisser: tfisser nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE) 2021/2115, jew mal-istandards għal kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba tal-art stabbiliti mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 13 ta’ dak ir-Regolament; |
(b) |
“standards” tfisser kwalunkwe wieħed mill-istandards kif stabbiliti mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/2115; |
(c) |
“sena tas-sejba” tfisser is-sena kalendarja li fiha tkun twettqet il-verifika amministrattiva jew il-verifika fuq il-post; |
(d) |
“oqsma ta’ kondizzjonalità” tfisser kwalunkwe wieħed mit-tliet oqsma differenti msemmija fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115. |
Artikolu 7
Prinċipji ġenerali dwar in-nuqqasijiet ta’ konformità
1. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-okkorrenza mill-ġdid ta’ nuqqas ta’ konformità, għandhom jitqiesu n-nuqqasijiet ta’ konformità mar-regoli dwar il-kundizzjonalità ddeterminati f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014.
2. Il-“firxa” ta’ nuqqas ta’ konformità għandha tiġi determinata billi jitqies, partikolarment, jekk in-nuqqas ta’ konformità kellux impatt mifrux ħafna jew jekk dan kienx limitat għall-farm innifsu.
3. Is-“severità” ta’ nuqqas ta’ konformità għandha tiddependi, partikolarment, fuq l-importanza tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità billi jitqiesu l-għanijiet tar-rekwiżit jew tal-istandard konċernat.
4. Jekk nuqqas ta’ konformità jkunx ta’ “permanenza” jew le jiddependi, b’mod partikolari, fuq it-tul ta’ żmien li għalih idum l-effett jew il-potenzjal sabiex jiġu terminati dawk l-effetti b’mezzi raġonevoli.
5. Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, in-nuqqasijiet ta’ konformità għandhom jitqiesu li jkunu “ddeterminati” jekk ikunu stabbiliti bħala konsegwenza ta’ xi tip ta’ kontroll mwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/2116 jew wara li l-awtorità kompetenti ta’ kontroll jew, fejn applikabbli, l-aġenzija tal-pagament, tkun ġiet mgħarrfa, bi kwalunkwe mezz ieħor.
Artikolu 8
Prinċipji ġenerali tal-penali amministrattivi
1. Il-penali amministrattiva prevista fl-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116 għandha tiġi imposta biss jekk jinstab nuqqas ta’ konformità fi żmien 3 snin kalendarji konsekuttivi kkalkulati minn u inkluża s-sena fejn ikun seħħ in-nuqqas ta’ konformità.
2. Meta l-istess nuqqas ta’ konformità jseħħ kontinwament tul diversi snin kalendarji, għandha tiġi applikata penali amministrattiva għal kull sena kalendarja li fiha jkun seħħ in-nuqqas ta’ konformità. Il-penali amministrattivi għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-pagamenti li jkunu ngħataw jew li jkunu se jingħataw lill-benefiċjarju kkonċernat fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-pagamenti li jkunu ġew ippreżentati jew li jkunu se jiġu ppreżentati matul is-snin kalendarja li fihom seħħ in-nuqqas ta’ konformità.
3. Meta fis-sena kalendarja tas-sejba, il-benefiċjarju ma jissottomettix applikazzjoni għall-għajnuna jew il-penali amministrattiva taqbeż l-ammont totali tal-pagamenti li jkunu ngħataw jew li jkunu se jingħataw lill-benefiċjarju fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna li l-benefiċjarju jkun issottometta jew li se jissottometti tul is-sena kalendarja tas-sejba, il-penali amministrattiva għandha tiġi rkuprata f’konformità mal-Artikolu 30 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/128 (10).
Artikolu 9
Perċentwali ta’ tnaqqis f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mhux intenzjonali
1. Għal nuqqasijiet ta’ konformità mhux intenzjonali ddeterminati, l-aġenzija tal-pagamenti tista’ tiddeċiedi, abbażi tal-valutazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità pprovduta mill-awtorità ta’ kontroll kompetenti u filwaqt li tqis il-kriterji msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 85(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116, li tnaqqas il-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 85(2) ta’ dak ir-Regolament għal sa 1 %.
2. Meta nuqqas ta’ konformità mhux intenzjonat determinat ikollu konsegwenzi gravi għall-ilħuq tal-objettiv tal-istandard jew tar-rekwiżit ikkonċernat jew jikkostitwixxi riskju dirett għas-saħħa pubblika jew tal-annimali, l-aġenzija tal-pagamenti tista’ tiddeċiedi, abbażi tal-valutazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità pprovduta mill-awtorità ta’ kontroll kompetenti filwaqt li tqis il-kriterji msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 85(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116, li żżid il-perċentwal imsemmi fl-Artikolu 85(5) ta’ dak ir-Regolament għal sa 10 %.
3. Meta nuqqas ta’ konformità mhux intenzjonali ddeterminat bl-istess rekwiżit jew standard jippersisti fi żmien 3 snin kalendarji konsekuttivi, il-perċentwal tat-tnaqqis stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 85(6) tar-Regolament (UE) 2021/2116 għandu japplika biss meta l-benefiċjarju jkun ġie infurmat bin-nuqqas ta’ konformità ddeterminat preċedenti. Fejn l-istess nuqqas ta’ konformità jippersisti mingħajr raġuni ġġustifikata mill-benefiċjarju, għandu jitqies li huwa każ ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali.
4. Meta nuqqas ta’ konformità ddeterminat ma jkollu l-ebda konsegwenza jew ikollu biss konsegwenzi insinifikanti għall-ilħuq tal-objettiv tal-istandard jew tar-rekwiżit ikkonċernat u ma tiġi imposta l-ebda penali amministrattiva f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 85(3) tar-Regolament (UE) 2021/2116, in-nuqqas ta’ konformità ma għandux jitqies għall-fini tad-determinazzjoni tal-okkorrenza mill-ġdid jew tal-persistenza ta’ nuqqas ta’ konformità.
5. Meta Stat Membru juża s-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116 biex jidentifika każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, it-tnaqqis li għandu jiġi impost għal nuqqasijiet ta’ konformità mhux intenzjonali ddeterminati jista’ jkun anqas mit-tnaqqis previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, iżda mill-inqas 0,5 % tal-ammont totali li jirriżulta mill-pagamenti u l-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 83(1), il-punti (a), (b) u (c), ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 10
Perċentwali ta’ tnaqqis f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali
It-tnaqqis perċentwali għal nuqqas ta’ konformità intenzjonali ddeterminat għandu jkun mill-inqas 15 % tal-ammont totali li jirriżulta mill-pagamenti u mill-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 83(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2021/2116. Abbażi tal-valutazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità pprovduta mill-awtorità ta’ kontroll kompetenti li tqis il-kriterji msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 85(1) ta’ dak ir-Regolament, l-aġenzija tal-pagamenti tista’ tiddeċiedi li żżid dak il-perċentwal għal sa 100 %.
Artikolu 11
Kalkolu tat-tnaqqis għal diversi nuqqasijiet ta’ konformità fl-istess sena kalendarja tal-okkorrenza
1. Meta nuqqas ta’ konformità ddeterminat ma’ standard jikkostitwixxi wkoll nuqqas ta’ konformità ma’ rekwiżit, in-nuqqas ta’ konformità għandu jitqies bħala nuqqas ta’ konformità wieħed. Għall-fini tal-kalkolu tat-tnaqqisiet, in-nuqqas ta’ konformità għandu jitqies bħala parti mill-qasam tal-kundizzjonalità tar-rekwiżit.
2. Meta jkun seħħ aktar minn nuqqas ta’ konformità mhux intenzjonali u mhux rikorrenti wieħed fl-istess sena kalendarja, il-proċedura għall-iffissar tat-tnaqqis għandha tiġi applikata individwalment għal kull nuqqas ta’ konformità u l-perċentwali li jirriżultaw għandhom jiżdiedu flimkien. Madankollu, it-tnaqqis totali ma għandux jaqbeż:
(a) |
5 % tal-ammont totali li jirriżulta mill-pagamenti u l-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 83(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2021/2116 fejn ebda nuqqas ta’ konformità ma jkollu konsegwenzi gravi għall-ilħuq tal-objettiv tal-istandard jew tar-rekwiżit ikkonċernat jew jikkostitwixxi riskju dirett għas-saħħa pubblika jew tal-annimali; jew, |
(b) |
10 % tal-ammont totali li jirriżulta mill-pagamenti u l-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 83(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2021/2116 fejn tal-inqas nuqqas ta’ konformità wieħed ikollu konsegwenzi gravi għall-ilħuq tal-objettiv tal-istandard jew tar-rekwiżit ikkonċernat jew jikkostitwixxi riskju dirett għas-saħħa pubblika jew tal-annimali. |
3. Meta jkun seħħ aktar minn nuqqas ta’ konformità mhux intenzjonali rikorrenti wieħed fl-istess sena kalendarja, il-proċedura għall-iffissar tat-tnaqqis għandha tiġi applikata individwalment għal kull nuqqas ta’ konformità u l-perċentwali ta’ tnaqqis li jirriżultaw għandhom jiżdiedu flimkien. Madankollu, it-tnaqqis ma għandux jaqbeż l-20 % tal-ammont totali li jirriżulta mill-pagamenti u l-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 83(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2021/2116.
4. Meta jkun seħħ aktar minn nuqqas ta’ konformità intenzjonali ddeterminat wieħed fl-istess sena kalendarja il-proċedura għall-iffissar tat-tnaqqis għandha tiġi applikata individwalment għal kull nuqqas ta’ konformità u l-perċentwali ta’ tnaqqis li jirriżultaw għandhom jiżdiedu flimkien. Madankollu, it-tnaqqis ma għandux jaqbeż il-100 % tal-ammont totali li jirriżulta mill-pagamenti u l-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 83(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2021/2116.
5. Meta jkunu seħħew diversi każijiet ta’ nuqqasijiet ta’ konformità mhux intenzjonali, rikorrenti u intenzjonali fl-istess sena kalendarja, il-perċentwali ta’ tnaqqis li jirriżultaw, u fejn rilevanti wara l-applikazzjoni tal-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, għandhom jiżdiedu flimkien. Madankollu, it-tnaqqis ma għandux jaqbeż il-100 % tal-ammont totali li jirriżulta mill-pagamenti u l-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 83(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2021/2116.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI
Artikolu 12
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
B’deroga mill-Artikolu 104(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(iv), tar-Regolament (UE) 2021/2116, il-kontrolli dwar il-konformità mar-regoli dwar il-kondizzjonalità, kif imsemmi fl-Artikolu 83 ta’ dak ir-Regolament, għandhom jitwettqu fuq oqsma appoġġati abbażi tal-Artikoli 28, 29 u 30 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 permezz ta’ programmi ta’ żvilupp rurali implimentati sal-31 ta’ Diċembru 2025 skont dak ir-Regolament, meta l-benefiċjarju kkonċernat jirċievi pagamenti bbażati fuq l-erja wkoll taħt il-Pjan Strateġiku tal-PAK skont ir-Regolament (UE) 2021/2115.
Il-kontrolli tal-kundizzjonalità msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jitqiesu li jkopru l-kontrolli fuq is-sistema tal-kundizzjonalità msemmija fl-Artikolu 96 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, sakemm ma jiżvelawx nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-kundizzjonalità. Jekk ir-regoli dwar il-kundizzjonalità ma jiġux osservati, l-Istat Membru għandu jwettaq il-kontrolli f’konformità ma’ dak l-Artikolu għal miżuri bbażati fuq l-erja fil-programmi ta’ żvilupp rurali u, fejn jinstabu irregolaritajiet, japplikaw ir-regoli dwar il-kalkolu u l-applikazzjoni ta’ penali amministrattivi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
Artikolu 13
Tħassir
Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 640/2014 huwa mħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023.
Madankollu, għandu jkompli japplika għal:
(a) |
applikazzjonijiet għall-għajnuna għal pagamenti diretti ppreżentati qabel l-1 ta’ Jannar 2023; |
(b) |
talbiet għal pagamenti magħmula fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ implimentati skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013; |
(c) |
għas-sistema ta’ kontroll u l-penali amministrattivi fir-rigward tar-regoli dwar il-kundizzjonalità. |
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Mejju 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187.
(2) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 48).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).
(6) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).
(8) Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).
(9) Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).
(10) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/128 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-verifiki, il-garanziji u t-trasparenza (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 131).