27.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 169/43


REGOLAMENT (UE) 2022/992 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-8 ta’ Ġunju 2022

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tal-estensjoni tas-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet essenzjali dwar l-emissjoni ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi ċertu speċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati f’atti delegati. L-Artikolu 55(2) ta’ dak ir-Regolament ta dik is-setgħa lill-Kummissjoni għal perjodu limitat ta’ ħames snin. Dak il-perjodu skada fis-6 ta’ Ottubru 2021. Hemm il-ħtieġa li xi wħud minn dawk l-atti delegati jiġu aġġornati biex jitqies il-progress tekniku u biex jiġu introdotti emendi oħra f’konformità mal-għoti ta’ setgħa, inkluż fir-rigward ta’ att delegat li jistabbilixxi rekwiżiti dwar il-monitoraġġ fis-servizz għall-magni b’kombustjoni interna installati f’makkinarju mobbli mhux tat-triq. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li jiġu adottati atti delegati ġodda skont l-għoti tas-setgħa. Għalhekk, is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta atti delegati jenħtieġ li tiġi estiża u jenħtieġ li ssir dispożizzjoni għall-possibbiltà ta’ estensjonijiet ulterjuri.

(2)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/1628 jiġi emendat skont dan.

(3)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2016/1628, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 19(2), l-Artikolu 24(11), l-Artikolu 25(4), l-Artikolu 26(6), l-Artikolu 34(9), l-Artikolu 42(4), l-Artikolu 43(5) u l-Artikolu 48 għandha tiġi mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ għaxar snin mis-6 ta’ Ottubru 2016. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard mis-6 ta’ Jannar 2026 u disa’ xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu ta’ ħames snin sussegwenti. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perjodi ta’ ħames snin, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-8 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

C. BEAUNE


(1)  Opinjoni tat-18 ta’ Mejju 2022 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju 2022 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Ġunju 2022.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti ta’ emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53).