23.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 143/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/800

tat-20 ta’ Mejju 2022

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi żjut tal-paraffina CAS Nru 64742-46-7, Nru CAS 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/116/KE (2) inkludiet iż-żjut tal-paraffina CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3 bħala sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3).

(2)

Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

(3)

L-approvazzjoni tas-sustanzi attivi taż-żjut tal-paraffina CAS Nru 64742-46-7, Nru CAS 72623-86-0 u Nru CAS 97862-82-3, kif stabbilit fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tippermetti l-użu tagħhom bħala insettiċida u akariċida biss.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fit-30 ta’ Settembru 2014, Total Fluids ressaq applikazzjoni lill-Greċja, l-Istat Membru relatur, għal talba għal emenda għall-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni taż-żjut tal-paraffina CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3 sabiex jippermetti l-użu tagħhom bħala funġiċida. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjoni kienet ammissibbli.

(5)

L-Istat Membru relatur ivvaluta l-użu l-ġdid taż-żjut tal-paraffina CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3 li saret applikazzjoni għalih fl-2014 fir-rigward tal-effetti potenzjali fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u l-ambjent f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u ħejja abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni li tressaq lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fit-6 ta’ Frar 2018.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Awtorità ċċirkolat ir-rapport ta’ valutazzjoni rivedut lill-applikant u lill-Istati Membri għall-kummenti u qegħditu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. F’konformità mal-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-applikant intalab jibgħat informazzjoni addizzjonali.

(7)

Fit-23 ta’ Settembru 2021, l-Awtorità kkomunikat il-konklużjoni (5) tagħha lill-Kummissjoni dwar jekk l-użu ġdid taż-żjut tal-paraffina CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3 jistax ikun mistenni li jissodisfa l-kriterji tal-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(8)

Fis-27 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni ppreżentat addendum għar-rapport ta’ reviżjoni għaż-żjut tal-paraffina CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3 u abbozz ta’ dan ir-Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

(9)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant biex iressaq kummenti dwar l-addendum għar-rapport ta’ reviżjoni, li ġew eżaminati bir-reqqa.

(10)

Dwar l-użu rappreżentattiv wieħed jew aktar ta’ mill-inqas prodott wieħed tal-protezzjoni tal-pjanti li fih iż-żjut tal-paraffina CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3, ġie stabbilit li, meta jintuża bħala fungiċida, il-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati. Għalhekk jixraq li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet speċifiċi kif stipulati fl-approvazzjoni taż-żjut tal-paraffina CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3 biex jinkludu l-użu bħala funġiċida flimkien mal-użi bħala insettiċida u akariċida.

(11)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformita mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-20 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/116/KE tal-25 ta’ Ġunju 2009 li temenda d-Direttiva 91/414/KEE biex jiġu inklużi ż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3 bħala sustanzi attivi (ĠU L 237, 9.9.2009, p. 7).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(5)  EFSA (Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2021.

Peer review of the efficacy as a fungicide of the active substances paraffin oils (CAS 64742-46-7 chain lengths C11–C25, CAS 72623-86-0 chain lengths C15–C30 and CAS 97862-82-3 chain lengths C11–C30); EFSA Journal 2021;19(10)6876doi: 10.2903/j.efsa.2021,6876.


ANNESS

Fil-Parti A tal-Anness għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, l-entrata mogħtija fil-kolonna “Dispożizzjonijiet speċifiċi” tar-ringiela 294, iż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS-Nru-72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3, hija sostitwita b’dan li ġej:

“Parti A

Jistgħu jiġu awtorizzati biss l-użi bħala insettiċida, akariċida u funġiċida.

Parti B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar iż-żjut tal-paraffin CAS Nru 64742-46-7, CAS Nru 72623-86-0 u CAS Nru 97862-82-3, inkluż l-addendum tiegħu, u b’mod partikolari tal-Appendiċijiet I u II tiegħu.

Il-kundizzjonijiet tal-użu, fejn rilevanti, għandhom jinkludu miżuri li jtaffu r-riskju.”