16.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/10


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/740

tat-13 ta’ Mejju 2022

dwar in-nuqqas ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva 1,3 dikloropropen, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-2 ta’ Marzu 2015, Dow AgroSciences u Kanesho Soil Trattament SPRL/BVBA ressqu applikazzjoni lil Spanja (“l-Istat Membru relatur”) għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva 1,3-dikloropropen skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(2)

Skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fis-7 ta’ Lulju 2015, l-Istat Membru relatur innotifika lill-applikant, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) bl-ammissibbiltà tal-applikazzjoni.

(3)

B’rabta ma’ dik is-sustanza attiva, ġew ivvalutati l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u fuq l-ambjent, skont l-Artikolu 11(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għall-użu propost mill-applikanti. Fis-17 ta’ Marzu 2017, l-Istat Membru relatur bagħat abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Awtorità.

(4)

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Awtorità ċċirkolat l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni riċevut mill-Istat Membru relatur lill-applikant u lill-Istati Membri l-oħra u organizzat konsultazzjoni pubblika dwaru.

(5)

Skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Awtorità talbet lill-applikanti jibagħtu iktar informazzjoni lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità.

(6)

Il-valutazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru relatur tressqet quddiem l-Awtorità fil-forma ta’ abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni aġġornat.

(7)

L-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni ġie eżaminat mill-Istati Membri u mill-Awtorità. L-Awtorità ppreżentat lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha (2) dwar il-valutazzjoni tar-riskju tas-sustanza attiva 1,3 dikloropropen fit-8 ta’ Ottubru 2018.

(8)

Fil-konklużjoni tagħha, l-Awtorità indikat li abbażi tal-informazzjoni disponibbli ppreżentata fid-dossier ma setgħetx tiffinalizza l-valutazzjoni tar-riskju għall-konsumaturi, l-operaturi, il-ħaddiema, il-persuni fil-qrib u r-residenti u identifikat tħassib potenzjali dwar l-ilma ta’ taħt l-art, l-artropodi mhux fil-mira (inkluż in-naħal), l-għasafar u l-mammiferi, u l-organiżmi tal-ħamrija għall-użi rappreżentattivi kollha.

(9)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikanti biex iressqu l-kummenti tagħhom dwar il-konklużjoni tal-Awtorità u, f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dwar l-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni. L-applikanti ppreżentaw il-kummenti tagħhom, u dawn ġew eżaminati bir-reqqa.

(10)

Fit-22 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta’ reviżjoni tagħha u abbozz ta’ dan ir-Regolament dwar in-nuqqas ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva 1,3-dikloropropen lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf. Il-Kummissjoni osservat li t-tħassib identifikat mill-Awtorità ma setax jiġi eliminat u li konsegwentement ma setax jiġi konkluż li l-kriterji għall-approvazzjoni huma ssodisfati.

(11)

Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Jannar 2022, l-applikanti rtiraw l-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ 1,3 dikloropropen. Għalhekk, jenħtieġ li s-sustanza 1,3-dikloropropen ma tiġix approvata.

(12)

Dan ir-Regolament ma jipprevenix is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni oħra għall-approvazzjoni ta’ 1,3 dikloropropen skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Nuqqas ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva

Is-sustanza attiva 1,3 dikloropropen mhijiex approvata.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  EFSA Journal 2018;16(11):5464, Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance (EZ)-1,3-Dichloropropene. doi:10.2903/j.efsa.2018.5464.