11.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 112/1


REGOLAMENT (UE) 2022/585 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta’ April 2022

li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 514/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet, (UE) Nru 516/2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u (UE) 2021/1147 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 78(2), l-Artikolu 79(2) u (4), l-Artikolu 82(1), l-Artikolu 84 u l-Artikolu 87(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

L-invażjoni tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa fl-24 ta’ Frar 2022 wasslet għal influss tal-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna għal diversi Stati Membri tal-UE. Dan wassal biex mill-ġdid hemm pressjoni fuq ir-riżorsi finanzjarji tal-Istati Membri biex jindirizzaw ħtiġijiet urġenti marbutin mal-migrazzjoni, mal-ġestjoni tal-fruntieri u mas-sigurtà li minħabba n-natura u d-dimensjoni tal-kriżi, se jkomplu lil hinn mill-2022.

(2)

Mill-1 ta’ Jannar 2014, il-politika tal-Unjoni għall-affarijiet interni għall-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà ġiet appoġġata minn finanzjament mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u mill-Fond għas-Sigurtà Interna, li jikkonsisti mill-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u l-strument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (il-“Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020”).

(3)

Huwa meħtieġ li l-perijodu ta’ implimentazzjoni tal-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020 jiġi estiż b’sena biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw kompletament kwalunkwe ammonti mhux minfuqa minn dawk il-programmi, u, jekk ikun meħtieġ, jirrevedu malajr l-implimentazzjoni tal-programmi tagħhom kif meħtieġ biex jindirizzaw l-isfidi mhux previsti li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna.

(4)

Huwa meħtieġ li tiġi prevista aktar flessibbiltà fl-użu tar-riżorsi allokati skont ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 li bħalissa jipprevjeni li l-ammonti mhux minfuqa tal-perijodu ta’ programmazzjoni mill-2014-2020 jintużaw għal azzjonijiet biex jiġu indirizzati ħtiġijiet urġenti li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jistabbilixxi regoli ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020 fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-finanzjament tan-nefqa u l-perijodu ta’ implimentazzjoni. Dawk ir-regoli jillimitaw l-eliġibbiltà tal-iżborżi tal-Istati Membri sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2023 u jistabbilixxu l-31 ta’ Diċembru 2023 bħala t-tmiem tal-perijodu ta’ implimentazzjoni.

(6)

Fl-1 ta’ Jannar 2021, taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027, pakkett imġedded ta’ fondi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri daħal fis-seħħ fil-forma tal-Fond il-ġdid għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u l-Fond għas-Sigurtà Interna, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) (il-“Fondi għall-Affarijiet Interni 2021-2027”).

(7)

Minkejja li l-Fondi għall-Affarijiet Interni 2021-2027 daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Lulju 2021 b’applikabbiltà retroattiva mill-1 ta’ Jannar 2021, il-programmi tal-Istati Membri kollha għadhom ma ġewx approvati.

(8)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-implimentazzjoni tal-objettivi ta’ politika tal-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020 u 2021-2027 u biex tkun tista’ ssir tranżizzjoni bla xkiel bejn il-perijodi ta’ programmazzjoni għall-2014-2020 u għall-2021-2027, biex b’hekk jiġi minimizzat il-piż amministrattiv għall-Istati Membri, huwa meħtieġ li jkun hemm xi trikkib bejn l-implimentazzjoni ta’ dawk l-istrumenti ta’ finanzjament. Dik il-ħtieġa hija rikonoxxuta espressament mill-Fondi għall-Affarijiet Interni 2021-2027 u mir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), li jippermettu l-eliġibbiltà retroattiva tan-nefqa mill-1 ta’ Jannar 2021.

(9)

Minkejja d-dispożizzjonijiet li jgħinu biex jitnaqqas id-distakk bejn Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020 u l-Fondi għall-Affarijiet Interni 2021-2027, id-data tat-tmiem tal-implimentazzjoni tal-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020 u d-dati antiċipati għall-approvazzjoni tal-programmi taħt il-Fondi għall-Affarijiet Interni 2021-2027 għandhom ir-riskju li jesponu lill-Istati Membri għal diskrepanza konsiderevoli fil-finanzjament. Dik id-diskrepanza fil-finanzjament tista’ twassal għal problemi ta’ likwidità li jirriżultaw minħabba l-pressjoni addizzjonali fuq il-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-fruntieri mill-Istati Membri wara l-influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna.

(10)

Ir-riskju ta’ diskrepanza konsiderevoli fil-finanzjament huwa aggravat mill-fatt li l-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020 isegwu ċiklu iqsar għall-implimentazzjoni tal-impenji baġitarji (ir-regola N+2) li mhijiex allinjata ma’ strumenti oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni f’ġestjoni kondiviża, bħall-fondi ta’ koeżjoni, fejn japplika perijodu ta’ implimentazzjoni itwal (ir-regola N+3). Ir-regola N+3 tapplika għall-Fondi għall-Affarijiet Interni 2021-2027 kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1060. Ir-regola N+3 tfisser li impenn magħmul fis-sena N għandu jkun kopert mill-istess ammont ta’ talbiet għal prefinanzjament u għal pagament interim qabel il-31 ta’ Diċembru fis-sena N+3 (pereżempju, impenn li sar fl-2014 għandu jkun kopert kompletament minn talbiet għal prefinanzjament u għal pagament qabel il-31 ta’ Diċembru 2017). L-ammont mhux kopert jiġi diżimpenjat, li jfisser li l-Istat Membru jitlef il-finanzjament rilevanti.

(11)

L-informazzjoni disponibbli dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tindika riskju għoli ta’ diżimpenn tal-fondi li kieku jistgħu jintużaw biex jiġu indirizzati ħtiġijiet ġodda. Dak ir-riskju huwa minħabba, parzjalment, raġunijiet li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-Istati Membri, bħad-dewmien fl-implimentazzjoni kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 fl-2020-2021. Sadanittant, l-estensjoni tal-iskadenza għall-implimentazzjoni tal-fondi b’sena tagħmilha possibbli għall-Istati Membri li jagħmlu użu sħiħ mill-impenji baġitarji fil-programmi 2014-2020 biex jindirizzaw l-isfidi li issa qed jiffaċċjaw minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.

(12)

Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 jirrikonoxxi li, fid-dawl ta’ ċirkostanzi ġodda jew mhux previsti, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew tal-Istat Membru kkonċernat, programm nazzjonali approvat jista’ jiġi rieżaminat u, jekk meħtieġ, rivedut għall-bqija tal-perjodu ta’ programmazzjoni. Huwa xieraq li l-gwerra fl-Ukrajna titqies bħala li tikkostitwixxi “ċirkostanzi ġodda jew imprevisti” li tiġġustifika rieżami u ridirezzjoni operazzjonali ta’ programm, fid-dawl tal-ħtiġijiet ġodda u fi ħdan l-objettivi speċifiċi tal-programm kif adottat preċedentement.

(13)

Sabiex l-Istati Membri jingħataw aċċess kontinwu għal ammonti li ma ntefqux taħt il-Fondi għall-Affarijiet Interni 2014-2020, huwa meħtieġ li l-perijodu ta’ eliġibbiltà ta’ dawk il-fondi jiġi estiż b’sena u li jsiru l-aġġustamenti relatati meħtieġa għad-dati applikabbli għall-implimentazzjoni, ir-rappurtar, l-evalwazzjoni u l-għeluq tal-programmi, kif ukoll għad-dati relatati mal-ammonti diżimpenjati.

(14)

Sabiex jiġi żgurat li l-estensjoni tal-perijodu ta’ eliġibbiltà tiġi introdotta bl-aktar mod ċar possibbli, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita data ewlenija finali sa meta n-nefqa trid tkun kemm imġarrba kif ukoll żborżata.

(15)

Ir-Regolament (UE) 2018/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) emenda r-Regolament (UE) Nru 516/2014 biex jiżblokka l-aċċess għar-riżorsi allokati għat-trasferiment ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u biex jippermetti l-użu tagħhom għal ċerti azzjonijiet oħra taħt il-programm nazzjonali. Huwa meħtieġ li dak il-prinċipju ta’ flessibbiltà jiġi estiż biex jindirizza ħtiġijiet urġenti fid-dawl ta’ ċirkostanzi ġodda jew imprevisti, b’mod partikolari biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet il-ġodda tal-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni tal-Istati Membri li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna.

(16)

Sabiex jiġi żblukkat l-aċċess għall-fondi kollha disponibbli u jiġi evitat li jintilfu permezz tad-diżimpenn ta’ riżorsi mhux użati li qabel kienu allokati għal ċerti skopijiet speċifiċi skont ir-Regolament (UE) Nru 516/2014, inklużi riżorsi għal azzjonijiet speċifiċi u għall-Programm ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jiġu offruti flessibbiltà biex jużaw b’mod eċċezzjonali dawn ir-riżorsi fid-dawl ta’ ċirkostanzi ġodda jew imprevisti, bħal dawk li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna.

(17)

Sabiex jissaħħaħ l-ambitu tas-sorsi ta’ finanzjament disponibbli biex jgħinu biex jindirizzaw avvenimenti futuri imprevedibbli, huwa xieraq li l-Istati Membri u donaturi pubbliċi jew privati oħra jiġu permessi, matul il-perijodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, li jagħmlu kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni, fil-forma ta’ dħul assenjat estern. Dak id-dħul assenjat estern għandu jikkostitwixxi kontribuzzjoni apposta mill-Istati Membri u minn donaturi pubbliċi jew privati oħra għall-finanzjament ta’ partiti speċifiċi ta’ nefqa taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għall-2021-2027, u se jippermetti miżura ta’ tħejjija addizzjonali għall-finanzjament ta’ attivitajiet marbutin mal-ażil u l-migrazzjoni fl-Istati Membri matul kriżijiet bħal dik li tirriżulta mill-invażjoni tal-Ukrajna.

(18)

L-appoġġ ipprovdut taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għall-2014-2020 u l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għall-2021-2027 huwa komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati taħt fondi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari taħt il-politika ta’ koeżjoni, biex jiġi massimizzat l-impatt tal-finanzjament disponibbli.

(19)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi

(20)

Minħabba l-urġenza li tagħmel disponibbli riżorsi finanzjarji għall-Istati Membri biex jindirizzaw il-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-ħtiġijiet tas-sigurtà kkawżati mill-influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna, jitqies li huwa xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perijodu ta’ tmien ġimgħat prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

(21)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhux se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhux marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(22)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(23)

Jenħtieġ għalhekk li r-Regolamenti (UE) Nru 514/2014, (UE) Nru 516/2014 u (UE) 2021/1147 jiġu emendati skont dan.

(24)

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi żgurat li sabiex ir-riżorsi finanzjarji jkunu disponibbli b’mod urġenti għall-Istati Membri biex jindirizzaw il-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-ħtiġijiet tas-sigurtà kkawżati mill-influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 17(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   In-nefqa għandha tkun eliġibbli għal appoġġ taħt ir-Regolament Speċifiku jekk tkun ġiet kemm imġarrba minn benefiċjarju u żborżata kompletament mill-Awtorità Responsabbli deżinjata bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u t-30 ta’ Ġunju 2024.”;

(2)

l-Artikolu 40 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jissottomettu d-dokumenti segwenti sal-31 ta’ Diċembru 2024:”;

(b)

il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-pagamenti magħmula mill-Awtorità Responabbli mis-16 ta’ Ottubru 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2024 għandhom jiġu inklużi fl-aħħar kontijiet annwali.”;

(3)

l-Artikolu 50(4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-impenji marbuta mal-aħħar sentejn tal-perijodu għandhom jiġu diżimpenjati f’konformità mar-regoli segwiti għall-għeluq tal-programm.”;

(4)

l-Artikolu 54(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Sal-31 ta’ Marzu 2016 u sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena sussegwenti sa u inkluż l-2023, l-Awtorità Responsabbli għandha tressaq quddiem il-Kummissjoni rapport annwali dwar l-implimentazzjoni ta’ kull programm nazzjonali fis-sena finanzjarja preċedenti u tista’, fil-livell xieraq, tippubblika dik l-informazzjoni. Ir-rapport sottomess fl-2016 għandu jkopri s-snin finanzjarji 2014 u 2015. L-Istat Membru għandu jissottometti rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2024.”;

(5)

L-Artikolu 57 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

rapport ta’ evalwazzjoni ex post dwar l-effetti ta’ azzjonijiet taħt il-programmi nazzjonali tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2024.”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

rapport ta’ evalwazzjoni ex post dwar l-effetti ta’ dan ir-Regolament u r-Regolamenti Speċifiċi, wara l-għeluq tal-programmi nazzjonali, sat-30 ta’ Ġunju 2025.”;

Artikolu 2

Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 16(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-ammonti addizzjonali msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri fid-deċiżjonijiet individwali ta’ finanzjament li japprovaw jew jirrevedu l-programm nazzjonali tagħhom fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014. Dawk l-ammonti għandhom jintużaw biss għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet speċifiċi elenkati fl-Anness II għal dan ir-Regolament. Madankollu, fejn meħtieġ fid-dawl ta’ ċirkostanzi ġodda jew imprevisti, Stat Membru jista’ juża dawk l-ammonti għal azzjonijiet oħra taħt il-programm nazzjonali tiegħu, dment li jikkonsulta lill-Kummissjoni qabel tali użu.”;

(2)

l-Artikolu 17(9) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“9.   L-ammonti addizzjonali msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri kull sentejn, għall-ewwel darba fid-deċiżjonijiet individwali ta’ finanzjament li japprovaw il-programm nazzjonali tagħhom f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, u aktar tard fid-deċiżjoni ta’ finanzjament li għandha tiġi annessa mad-deċiżjonijiet li japprovaw il-programm nazzjonali tagħhom. Dawk l-ammonti ma għandhomx jiġu ttrasferiti għal azzjonijiet oħra taħt il-programm nazzjonali. Madankollu, fejn meħtieġ fid-dawl ta’ ċirkostanzi ġodda jew imprevisti, Stat Membru jista’ jittrasferixxi dawk l-ammonti għal azzjonijiet oħra taħt il-programm nazzjonali tiegħu, dment li jikkonsulta lill-Kummissjoni qabel tali trasferiment.”.

Artikolu 3

Fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2021/1147, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5.   L-appoġġ taħt dan ir-Regolament jista’ jiġi ffinanzjat ukoll minn kontribuzzjonijiet magħmula mill-Istati Membri u minn donaturi pubbliċi jew privati oħra bħala dħul assenjat estern f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.”.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, is-6 ta’ April 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

C. BEAUNE


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2022 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ April 2022.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tar-riskji u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/JHA (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 93).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (ĠU L 251, 15.7.2021, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2021/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 251, 15.7.2021, p. 48).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2021/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għas-Sigurtà Interna (ĠU L 251, 15.7.2021, p. 94).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2018/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-impenn mill-ġdid tal-ammonti li jkun għad fadal li ġew impenjati għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601 jew l-allokazzjoni ta’ dawk l-ammonti għal azzjonijiet oħra taħt il-programmi nazzjonali (ĠU L 328, 21.12.2018. p. 78).