27.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/80


DIRETTIVA (UE) 2022/2555 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Diċembru 2022

dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) kellha l-għan li tibni l-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni, li timmitiga t-theddid għan-network u s-sistemi tal-informazzjoni użati biex jipprovdu servizzi essenzjali f'setturi ewlenin, u li tiżgura l-kontinwità ta' tali servizzi meta jiffaċċjaw inċidenti, u b'hekk tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-Unjoni u għall-funzjonament effettiv tal-ekonomija u s-soċjetà tagħha .

(2)

Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2016/1148, sar progress sinifikanti biex jiżdied il-livell tar-reżiljenza ċibernetika tal-Unjoni. Ir-rieżami ta' dik id-Direttiva wera li serviet ta' katalist għall-approċċ istituzzjonali u regolatorju għaċ-ċibersigurtà fl-Unjoni, u b'hekk wittiet it-triq għal bidla sinifikanti fil-mentalità. Dik id-Direttiva żgurat it-tlestija tal-oqfsa nazzjonali dwar is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni billi stabbiliet strateġiji nazzjonali dwar is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni u billi stabbiliet kapaċitajiet nazzjonali u implimentat miżuri regolatorji li jkopru l-infrastrutturi essenzjali u l-entitajiet identifikati minn kull Stat Membru. Id-Direttiva (UE) 2016/1148 ikkontribwiet ukoll għall-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni permezz tal-istabbiliment tal-Grupp ta' Kooperazzjoni u n-network ta' skwadri nazzjonali ta' rispons għal inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuters. Minkejja dawk il-kisbiet, ir-rieżami tad-Direttiva (UE) 2016/1148 żvela nuqqasijiet inerenti li jostakolawha milli tindirizza b'mod effettiv l-isfidi attwali u emerġenti taċ-ċibersigurtà.

(3)

In-network u s-sistemi tal-informazzjoni żviluppaw f'karatteristika ċentrali tal-ħajja ta' kuljum bit-trasformazzjoni diġitali rapida u l-interkonnettività tas-soċjetà, inkluż fi skambji transfruntieri. Dak l-iżvilupp wassal għal espansjoni tax-xenarju tat-theddid ċibernetiku, li rriżulta fi sfidi ġodda, li jeħtieġu risponsi adattati, ikkoordinati u innovattivi fl-Istati Membri kollha. L-għadd, id-daqs, is-sofistikazzjoni, il-frekwenza u l-impatt tal-inċidenti qed jiżdiedu, u qed jippreżentaw theddida mill-akbar għall-funzjonament tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni. B'riżultat ta' dan, l-inċidenti jistgħu jostakolaw it-twettiq ta' attivitajiet ekonomiċi fis-suq intern, jiġġeneraw telf finanzjarju, jimminaw il-kunfidenza tal-utenti u jikkawżaw ħsara kbira lill-ekonomija u lis-soċjetà tal-Unjoni. Għalhekk, l-istat ta' tħejjija u l-effettività taċ-ċibersigurtà issa huma essenzjali aktar minn qatt qabel għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Barra minn hekk, iċ-ċibersigurtà hija faċilitatur ewlieni biex ħafna setturi kritiċi jħaddnu b'suċċess it-trasformazzjoni diġitali u jieħdu vantaġġ sħiħ mill-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u sostenibbli tad-diġitalizzazzjoni.

(4)

Il-bażi ġuridika tad-Direttiva (UE) 2016/1148 kienet l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li l-objettiv tiegħu huwa l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern permezz tat-tisħiħ tal-miżuri għall-approssimazzjoni tar-regoli nazzjonali. Ir-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà imposti fuq l-entitajiet li jipprovdu servizzi jew li jwettqu attivitajiet li huma ekonomikament sinifkanti jvarjaw b'mod konsiderevoli fost l-Istati Membri mil-lat ta' tip ta' rekwiżit, il-livell ta' dettall tagħhom u l-metodu tas-superviżjoni. Dawk id-differenzi jinvolvu kostijiet addizzjonali u joħolqu diffikultajiet għall-entitajiet li joffru prodotti jew servizzi transfruntieri. Rekwiżiti imposti minn Stat Membru li huma differenti minn dawk imposti minn Stat Membru ieħor, jew saħansitra f'kunflitt magħhom, jistgħu jaffettwaw b'mod sostanzjali tali attivitajiet transfruntieri. Barra minn hekk, il-possibbiltà ta' tfassil jew implimentazzjoni inadegwati ta' rekwiżiti taċ-ċibersigurtà fi Stat Membru wieħed aktarx ikollha riperkussjonijiet fuq il-livell taċ-ċibersigurtà ta' Stati Membri oħra, b'mod partikolari minħabba l-intensità tal-iskambji transfruntieri. Ir-rieżami tad-Direttiva (UE) 2016/1148 wera diverġenza wiesgħa fl-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri, inkluż fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha, minħabba li l-Istati Membri ngħataw livell għoli ta' diskrezzjoni dwar id-delimitazzjoni tiegħu. Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tat ukoll diskrezzjoni wiesgħa ħafna lill-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-obbligi ta' rapportar dwar is-sigurtà u l-inċidenti, stipulati fiha. Għalhekk, dawk l-obbligi ġew implimentati b'modi ferm differenti fil-livell nazzjonali. Jeżistu diverġenzi simili fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2016/1148 dwar s-superviżjoni u l-infurzar.

(5)

Dawk id-diverġenzi kollha jinvolvu frammentazzjoni tas-suq intern u jistgħu jħallu effett preġudizzjarju fuq il-funzjonament tiegħu, li jaffettwa b'mod partikolari l-forniment transfruntier ta' servizzi u l-livell ta' reżiljenza ċibernetika minħabba l-applikazzjoni ta' varjetà ta' miżuri. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn id-diverġenzi jistgħu jwasslu biex xi Stati Membri jsiru aktar vulnerabbli għat-theddid ċibernetiku, b'effetti konsegwenzjali potenzjali fl-Unjoni kollha. Din id-Direttiva għandha l-għan li telimina dawn id-diverġenzi wiesgħa minn fost l-Istati Membri, b'mod partikolari billi tistabbilixxi regoli minimi dwar il-funzjonament ta' qafas regolatorju kkoordinat, billi tistabbilixxi mekkaniżmi għal kooperazzjoni effettiva fost l-awtoritajiet responsabbli f'kull Stat Membru, billi taġġorna l-lista ta' setturi u attivitajiet soġġetti għall-obbligi taċ-ċibersigurtà u billi tipprovdi rimedji u miżuri ta' infurzar effettivi li huma kruċjali għall-infurzar effettiv ta' dawk l-obbligi. Għalhekk, id-Direttiva (UE) 2016/1148 jenħtieġ titħassar u tiġi sostitwita b'din id-Direttiva.

(6)

Bir-revoka tad-Direttiva (UE) 2016/1148, il-kamp ta' applikazzjoni skont is-setturi jenħtieġ li jiġi estiż għal parti akbar tal-ekonomija biex jipprovdu kopertura komprensiva tas-setturi u s-servizzi ta' importanza fundamentali għall-attivitajiet soċjetali u ekonomiċi ewlenin fis-suq intern. B'mod partikolari, din id-Direttiva għandha l-għan li tegħleb in-nuqqasijiet tad-divrenzjar bejn operaturi ta' servizzi essenzjali u fornituri ta' servizzi diġitali, li ntwera b'mod ċar li huwa obsolet, għax ma jirriflettix l-importanza tas-setturi jew tas-servizzi għall-attivitajiet soċjetali u ekonomiċi fis-suq intern.

(7)

Taħt id-Direttiva (UE) 2016/1148, l-Istati Membri kellhom ir-responsabbiltà li jidentifikaw l-entitajiet li kienu jissodisfaw il-kriterji biex jikkwalifikaw bħala operaturi ta' servizzi essenzjali. Biex jiġu eliminati d-diverġenzi wiesgħa fost l-Istati Membri f'dak ir-rigward u tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-miżuri tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u l-obbligi ta' rapportar għall-entitajiet rilevanti kollha, jenħtieġ li jiġi stabbilit kriterju uniformi li jiddetermina l-entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Dak il-kriterju jenħtieġ li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta' regola dwar id-daqs massimu, fejn l-entitajiet kollha li jikkwalifikaw bħala intrapriżi żgħar u ta' daqs medju skont l-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (5), jew jaqbżu l-limitu massimu għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju previst fil-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu, u li joperaw fis-setturi u jipprovdu t-tipi ta' servizz jew iwettqu l-attivitajiet koperti minn din id-Direttiva, jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu wkoll ċerti intrapriżi żgħar u mikrointrapriżi, kif definit fl-Artikolu 2(2) u (3) ta' dak l-Anness li jissodisfaw kriterji speċifiċi li jindikaw rwol ewlieni għas-soċjetà għall-ekonomiji jew għal setturi jew tipi ta' servizz partikolari jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(8)

L-esklużjoni tal-entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għall-entitajiet li l-attivitajiet tagħhom jitwettqu fil-biċċa l-kbira fl-oqsma tas-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika, id-difiża jew l-infurzar tal-liġi, inkluż il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali. Madankollu, l-entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika li l-attivitajiet tagħhom huma biss marġinalment relatati ma' dawk l-oqsma jenħtieġ li ma jiġux esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, entitajiet b'kompetenzi regolatorji mhumiex ikkunsidrati li jwettqu attivitajiet fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u, għalhekk, mhumiex esklużi għal dik ir-raġuni mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. L-entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika li huma stabbiliti b'mod konġunt ma' pajjiż terz f'konformità ma' ftehim internazzjonali huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Din id-Direttiva ma tapplikax għall-missjonijiet diplomatiċi u konsulari tal-Istati Membri f'pajjiżi terzi jew għan-networks u s-sistemi tal-informazzjoni tagħhom, meta tali sistemi jkunu lokalizzati fil-bini tal-missjoni jew jitħaddmu għal utenti f'pajjiż terz.

(9)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali, jissalvagwardjaw il-politika pubblika u s-sigurtà pubblika, u jippermettu l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeżentaw lil entitajiet speċifiċi li jwettqu attivitajiet fl-oqsma tas-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika, id-difiża jew l-infurzar tal-liġi, inkluż il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, minn ċerti obbligi stipulati f'din id-Direttiva fir-rigward ta' dawk l-attivitajiet. Fejn entità tipprovdi servizzi esklużivament lil entità tal-amministrazzjoni pubblika eskluża mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeżentaw lil dik l-entità minn ċerti obbligi stipulati f'din id-Direttiva fir-rigward ta' dawk is-servizzi. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ebda Stat Membru ma jkun obbligat jipprovdi informazzjoni li d-divulgazzjoni tagħha tista' tmur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew id-difiża tiegħu. Ir-regoli nazzjonali jew tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata, il-ftehimiet ta' nondivulgazzjoni, u l-ftehimiet ta' nondivulgazzjoni informali bħall-protokoll dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni (Traffic Light Protocol), għandhom jitqiesu f'dak il-kuntest. Jenħtieġ li l-protokoll dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni jinftiehem li huwa mezz biex tingħata informazzjoni dwar kwalunkwe limitazzjoni rigward it-tixrid ulterjuri tal-istess informazzjoni. Jintuża kważi fl-iskwadri ta' rispons għal inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuters (CSIRTs) kollha u f'xi ċentri tal-kondiviżjoni u tal-analiżi tal-informazzjoni.

(10)

Għalkemm din id-Direttiva tapplika għall-entitajiet li jwettqu attivitajiet fil-produzzjoni tal-elettriku minn impjanti tal-enerġija nukleari, uħud minn dawk l-attivitajiet jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà nazzjonali. F'dan il-każ, Stat Membru jenħtieġ li jkun jista' jeżerċita r-responsabbiltà tiegħu għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali fir-rigward ta' dawk l-attivitajiet, inklużi attivitajiet fil-katina tal-valur nukleari, f'konformità mat-Trattati.

(11)

Xi entitajiet iwettqu attivitajiet fl-oqsma tas-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika, id-difiża jew l-infurzar tal-liġi, inkluż il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, filwaqt li jipprovdu wkoll servizzi fiduċjarji. Il-fornituri ta' servizzi fiduċjarji li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jenħtieġ li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva sabiex jiġi żgurat l-istess livell ta' rekwiżiti tas-sigurtà u superviżjoni bħal dak stabbilit preċedentement f'dak ir-Regolament fir-rigward ta' fornituri ta' servizzi fiduċjarji. F'konformità mal-esklużjoni ta' ċerti servizzi speċifiċi mir-Regolament (UE) Nru 910/2014, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għall-forniment ta' servizzi fiduċjarji li jintużaw esklużivament f'sistemi magħluqa li jirriżultaw mil-liġi nazzjonali jew minn ftehimiet bejn grupp ta' parteċipanti definit.

(12)

Il-fornituri tas-servizzi postali kif definiti fid-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), inklużi l-fornituri ta' servizzi tal-kurrier, jenħtieġ li jkunu soġġetti għal din id-Direttiva jekk jipprovdu mill-inqas wieħed mill-istadji fil-katina tat-twassil postali, b'mod partikolari l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport jew id-distribuzzjoni ta' oġġetti postali, inklużi servizzi ta' ġbir, filwaqt li jitqies il-livell ta' dipendenza li jkollhom minn sistemi ta' networks u ta' informazzjoni. Is-servizzi tat-trasport li ma jitwettqux flimkien ma' wieħed minn dawk il-passi jenħtieġ li jkunu esklużi mill-ambitu tas-servizzi postali.

(13)

Fid-dawl tal-intensifikazzjoni u ż-żieda fis-sofistikazzjoni tat-theddid ċibernetiku, jenħtieġ li l-Istati Membri jistinkaw biex jiżguraw li l-entitajiet esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jiksbu livell għoli ta' ċibersigurtà, u jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' ġestjoni tar-riskju taċ-ċibersigurtà ekwivalenti li jirriflettu n-natura sensittiva ta' dawk l-entitajiet.

(14)

Il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-liġi tal-Unjoni dwar il-privatezza tapplika għal kwalunkwe pproċessar tad-data personali skont din id-Direttiva. B'mod partikolari, din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Għaldaqstant jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax, fost l-oħrajn, il-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti għall-monitoraġġ tal-konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-liġi tal-Unjoni dwar il-privatezza.

(15)

L-entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal finijiet ta' konformità mal-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u l-obbligi ta' rapportar jenħtieġ li jiġu kklassifikati f'żewġ kategoriji, jiġifieri entitajiet essenzjali u entitajiet importanti, li jirriflettu l-livell ta' kritikalità tagħhom rigward tas-settur tagħhom jew tat-tip ta' servizz li joffru, kif ukoll id-daqs tagħhom. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li jittieħed kont debitu ta' kwalunkwe valutazzjoni tar-riskju jew gwida settorjali rilevanti mill-awtoritajiet kompetenti, fejn applikabbli. Ir-reġimi superviżorji u ta' infurzar għal dawn iż-żewġ kategoriji ta' entitajiet jenħtieġ li jiġu divrenzjati biex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn ir-rekwiżiti u l-obbligi bbażati fuq ir-riskju minn naħa, u l-piż amministrattiv li jirriżulta mis-superviżjoni tal-konformità min-naħa l-oħra.

(16)

Sabiex jiġi evitat li entitajiet li għandhom intrapriżi sħab jew li huma intrapriżi assoċjati jitqiesu bħala entitajiet essenzjali jew importanti fejn dan ikun sproporzjonat, l-Istati Membri jistgħu jqisu l-grad ta' indipendenza li entità tgawdi fir-rigward tas-sieħba tagħha jew ta' intrapriżi relatati fl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE. B'mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jqisu l-fatt li entità hija indipendenti mis-sieħba tagħha jew mill-intrapriżi assoċjati tagħha f'termini tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni li dik l-entità tuża fil-forniment tas-servizzi tagħha u f'termini tas-servizzi li tipprovdi l-entità. Fuq dik il-bażi, meta jkun xieraq, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li tali entità ma tikkwalifikax bħala intrapriża ta' daqs medju skont l-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE, jew ma taqbiżx il-limiti massimi għal impriża ta' daqs medju previsti fil-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu, jekk, wara li jittieħed kont tal-grad ta' indipendenza ta' dik l-entità, dik l-entità ma tkunx ġiet ikkunsidrata li tikkwalifika bħala intrapriża ta' daqs medju jew li taqbeż dawk il-limiti massimi fil-każ li tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni biss id-data tagħha stess. Dan ma jaffettwax l-obbligi stipulati f'din id-Direttiva tal-intrapriżi sħab u assoċjati li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(17)

L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu li l-entitajiet identifikati qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva bħala operaturi ta' servizzi essenzjali f'konformità mad-Direttiva (UE) 2016/1148 jitqiesu bħala entitajiet essenzjali.

(18)

Sabiex tiġi żgurata ħarsa ġenerali ċara tal-entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu lista ta' entitajiet essenzjali u importanti kif ukoll entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' dominji. Għal dak l-iskop, jenħtieġ li l-Istati Membri jitolbu lill-entitajiet jissottomettu mill-inqas l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti, jiġifieri, l-isem, l-indirizz u d-dettalji ta' kuntatt aġġornati, inklużi l-indirizzi tal-posta elettronika, il-meded tal-IP u n-numri tat-telefon tal-entità, u, fejn applikabbli, is-settur u s-sottosettur rilevanti msemmija fl-annessi, kif ukoll, fejn applikabbli, lista tal-Istati Membri fejn jipprovdu servizzi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Għal dak il-għan jenħtieġ li l-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA), tipprovdi, mingħajr dewmien żejjed, linji gwida u mudelli rigward l-obbligu ta' għoti ta' informazzjoni. Sabiex jiġu ffaċilitati l-istabbiliment u l-aġġornament tal-lista ta' entitajiet essenzjali u importanti kif ukoll entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' dominji, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmi nazzjonali li jippermettu lill-entitajiet jirreġistraw lilhom infushom. Fejn jeżistu reġistri fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar il-mekkaniżmi xierqa li jippermettu l-identifikazzjoni tal-entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(19)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom ir-responsabbiltà li jissottomettu lill-Kummissjoni mill-inqas l-għadd ta' entitajiet essenzjali u importanti għal kull settur u sottosettur imsemmi fl-annessi, kif ukoll l-informazzjoni rilevanti dwar l-għadd ta' entitajiet identifikati u l-forniment, minn fost dawk stabbiliti f'din id-Direttiva, li abbażi tiegħu jkunu ġew identifikati, u t-tip ta' servizz li huma jipprovdu. L-Istati Membri huma mħeġġa jiskambjaw mal-Kummissjoni informazzjoni dwar l-entitajiet essenzjali u importanti u, f'każ ta' inċident ta' ċibersigurtà fuq skala kbira, informazzjoni rilevanti bħal isem l-entità kkonċernata.

(20)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Grupp ta' Kooperazzjoni u wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, tipprovdi linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-kriterji applikabbli għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar biex tivvaluta jekk jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura wkoll li tingħata gwida xierqa lill-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Istati Membri, tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar informazzjoni f'dan ir-rigward.

(21)

Il-Kummissjoni tista' tagħti gwida biex tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżuri li jridu jittieħdu skont din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward ta' entitajiet b'mudelli kummerċjali jew ambjenti operattivi kumplessi, fejn entità tista' simultanjament tissodisfa l-kriterji assenjati kemm għall-entitajiet essenzjali kif ukoll għal dawk importanti, jew tista' simultanjament twettaq attivitajiet li wħud minnhom jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva u oħrajn huma esklużi minnu.

(22)

Din id-Direttiva tistabbilixxi l-linja bażi għall-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u l-obbligi ta' rapportar fis-setturi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċibersigurtà tal-atti legali tal-Unjoni, meta atti legali tal-Unjoni ulterjuri u speċifiċi għas-settur li jikkonċernaw miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u obbligi ta' rapportar jitqiesu neċessarji biex jiġi żgurat livell għoli ta' ċibersigurtà fl-Unjoni kollha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk tali dispożizzjonijiet ulterjuri jistgħux jiġu stipulati f'att ta' implimentazzjoni skont din id-Direttiva. Jekk tali att ta' implimentazzjoni ma jkunx adatti għal dak il-għan, l-atti legali tal-Unjoni speċifiċi għas-settur jistgħu jikkontribwixxu biex jiġi żgurat livell għoli ta' ċibersigurtà fl-Unjoni kollha, filwaqt li jittieħed kont sħiħ tal-ispeċifiċitajiet u l-kumplessitajiet tas-setturi kkonċernati. Għal dak il-għan, din id-Direttiva ma tipprekludix l-adozzjoni ta' aktar atti tal-Unjoni speċifiċi għas-settur li jindirizzaw miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u obbligi ta' rapportar li jqisu kif xieraq il-ħtieġa ta' qafas taċ-ċibersigurtà komprensiv u konsistenti. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta' implimentazzjoni eżistenti mogħtija lill-Kummissjoni f'għadd ta' setturi, inkluż it-trasport u l-enerġija.

(23)

Meta att legali tal-Unjoni speċifiku għas-settur ikun fih dispożizzjonijiet li jitolbu li l-entitajiet essenzjali jew importanti jadottaw miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà jew jinnotifikaw inċidenti sinifikanti, u meta dawk ir-rekwiżiti jkunu tal-anqas ekwivalenti fl-effett għall-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva, dawk id-dispożizzjonijiet, inkluż dwar is-superviżjoni u l-infurzar, jenħtieġ li japplikaw għal tali entitajiet. Jekk att legali tal-Unjoni speċifiku għas-settur ma jkoprix l-entitajiet kollha f'settur speċifiku li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' din id-Direttiva jenħtieġ li jkomplu japplikaw għall-entitajiet li ma jkunux koperti minn dak l-att.

(24)

Meta d-dispożizzjonijiet tal-att legali tal-Unjoni speċifiku għas-settur jirrikjedu li l-entitajiet essenzjali jew importanti jikkonformaw mal-obbligi ta' rapportar li huma mill-inqas ekwivalenti fl-effett tagħhom għall-obbligi ta' rapportar stabbiliti f'din id-Direttiva, jenħtieġ li jiġu żgurati l-konsistenza u l-effikaċja tat-trattament tan-notifiki tal-inċidenti. Għal dak il-għan, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw in-notifiki tal-inċidenti tal-att legali tal-Unjoni speċifiku għas-settur jenħtieġ li jipprovdu lis-CSIRTs, lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-punti uniċi ta' kuntatt dwar iċ-ċibersigurtà (punti uniċi ta' kuntatt) skont din id-Direttiva aċċess immedjat għan-notifiki tal-inċidenti ppreżentati f'konformità mal-att legali tal-Unjoni speċifiku għas-settur. B'mod partikolari, tali aċċess immedjat jista' jiġi żgurat jekk in-notifiki tal-inċidenti jintbagħtu mingħajr dewmien żejjed lis-CSIRT, lill-awtorità kompetenti jew lill-punt uniku ta' kuntatt skont din id-Direttiva. Fejn xieraq, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmu ta' rapportar awtomatiku u dirett li jiżgura l-kondiviżjoni sistematika u immedjata ta' informazzjoni mas-CSIRTs, l-awtoritajiet kompetenti jew il-punti uniċi ta' kuntatt dwar it-trattament ta' tali notifiki tal-inċidenti. Għall-fini tas-simplifikazzjoni tar-rapportar u tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta' rapportar awtomatiku u dirett, l-Istati Membri jistgħu, f'konformità mal-att legali tal-Unjoni speċifiku għas-settur, jużaw punt ta' dħul uniku.

(25)

L-atti legali tal-Unjoni speċifiċi għas-settur li jipprevedu miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà jew obbligi ta' rapportar li huma mill-inqas ekwivalenti fl-effett tagħhom għal dawk stabbiliti f'din id-Direttiva jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti taħt tali atti jeżerċitaw is-setgħat superviżorji u ta' infurzar tagħhom fir-rigward ta' tali miżuri jew obbligi bl-assistenza tal-awtoritajiet kompetenti f'konformità ma' din id-Direttiva. L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jistgħu jistabbilixxu arranġamenti ta' kooperazzjoni għal dak l-iskop. Tali arranġamenti ta' kooperazzjoni jistgħu jispeċifikaw, fost l-oħrajn, il-proċeduri li jikkonċernaw il-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji, inkluż il-proċeduri tal-investigazzjonijiet u tal-spezzjonijiet fuq il-post f'konformità mal-liġi nazzjonali u mekkaniżmu għall-iskambju ta' informazzjoni rilevanti dwar is-superviżjoni u l-infurzar bejn l-awtoritajiet kompetenti, inkluż l-aċċess għal informazzjoni relatata maċ-ċibernetika mitluba mill-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva.

(26)

Fejn atti legali tal-Unjoni speċifiċi għas-settur jirrikjedu jew jipprovdu inċentivi lill-entitajiet biex jinnotifikaw theddid ċibernetiku sinifikanti, jenħtieġ li l-Istati Membri jinkoraġġixxu wkoll il-kondiviżjoni ta' theddid ċibernetiku sinifikanti mas-CSIRTs, l-awtoritajiet kompetenti jew il-punti uniċi ta' kuntatt skont din id-Direttiva, sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta' sensibilizzazzjoni ta' dawk il-korpi dwar ix-xenarju tat-theddid ċibernetiku u sabiex ikunu jistgħu jirrispondu b'mod effettiv u f'waqtu jekk it-theddid ċibernetiku sinifikanti jimmaterjalizza ruħu.

(27)

Atti legali futuri tal-Unjoni speċifiċi għas-settur għandhom jieħdu kont debitu tad-definizzjonijiet u l-qafas superviżorju u ta' infurzar stabbiliti f'din id-Direttiva.

(28)

Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) jenħtieġ li jitqies bħala att legali tal-Unjoni speċifiku għas-settur b'relazzjoni ma' din id-Direttiva fir-rigward tal-entitajiet finanzjarji. Jenħtieġ li minflok dawk previsti f'din id-Direttiva, japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/2554 relatati mal-ġestjoni tar-riskji tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), il-ġestjoni ta' inċidenti relatati mal-ICT u, b'mod partikolari, ir-rapportar tal-inċidenti maġġuri relatati mal-ICT, kif ukoll dwar l-ittestjar tar-reżiljenza operazzjonali diġitali, l-arranġamenti għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u r-riskju tal-ICT ta' parti terza. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri ma japplikawx id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar il-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u l-obbligi ta' rapportar, is-superviżjoni u l-infurzar għall-entitajiet finanzjarji koperti mir-Regolament (UE) 2022/2554. Fl-istess ħin, huwa importanti li tinżamm relazzjoni b'saħħitha u li jsir l-iskambju ta' informazzjoni mas-settur finanzjarju skont din id-Direttiva. Għal dak il-għan, ir-Regolament (UE) 2022/2554 jippermetti lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u lill-awtoritajiet kompetenti skont dak ir-Regolament jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Grupp ta' Kooperazzjoni u jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw mal-punti uniċi ta' kuntatt, kif ukoll mas-CSIRTs u mal-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva. L-awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament (UE) 2022/2554 jenħtieġ li jittrażmettu wkoll id-dettalji ta' inċidenti kbar relatati mal-ICT u, fejn rilevanti, theddid ċibernetiku sinifikanti lis-CSIRTs, lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-punti uniċi ta' kuntatt skont din id-Direttiva. Dan jista'jsir billi jingħata aċċess immedjat għan-notifiki tal-inċidenti u billi dawn jiġu trażmessi direttament jew permezz ta' punt ta' dħul uniku. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jinkludu lis-settur finanzjarju fl-istrateġiji taċ-ċibersigurtà tagħhom u s-CSIRTs jistgħu jkopru s-settur finanzjarju fl-attivitajiet tagħhom.

(29)

Sabiex jiġu evitati l-lakuni jew id-duplikazzjonijiet fl-obbligi taċ-ċibersigurtà imposti fuq entitajiet fis-settur tal-avjazzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali skont ir-Regolamenti (KE) Nru 300/2008 (11) u (UE) 2018/1139 (12) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva jenħtieġ li jikkooperaw fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' miżuri għall-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u s-superviżjoni tal-konformità ma' dawk il-miżuri fil-livell nazzjonali. Il-konformità ta' entità mar-rekwiżiti tas-sigurtà stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 300/2008 u (UE) 2018/1139 u fl-atti delegati u ta' implimentazzjoni rilevanti adottati skont dawk ir-Regolamenti tista' titqies mill-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva li tikkostitwixxi konformità mar-rekwiżiti korrispondenti stabbiliti f'din id-Direttiva.

(30)

Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet bejn iċ-ċibersigurtà u s-sigurtà fiżika tal-entitajiet, jenħtieġ li jiġi żgurat approċċ koerenti bejn id-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u din id-Direttiva. Biex jinkiseb dan, l-entitajiet identifikati bħala entitajiet kritiċi skont id-Direttiva (UE) 2022/2557 jenħtieġ li jitqiesu bħala entitajiet essenzjali skont din id-Direttiva. Barra minn hekk, kull Stat Membru jenħtieġ li jiżgura li l-istrateġija ta' ċibersigurtà nazzjonali tiegħu jipprevedi qafas ta' politika għal koordinazzjoni msaħħa f'dak l-Istat Membru l bejn l-awtoritajiet kompetenti tiegħu skont din id-Direttiva u dawk skont id-Direttiva (UE) 2022/2557 fil-kuntest tal-kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar riskji ċibernetiċi, theddid ċibernetiku, u inċidenti kif ukoll riskji, theddid u inċidenti mhux ċibernetiċi, u l-eżerċizzju ta' kompiti superviżorji. L-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva u dawk skont id-Direttiva (UE) 2022/2557 jenħtieġ li jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni mingħajr dewmien żejjed, b'mod partikolari b'rabta mal-identifikazzjoni ta' entitajiet kritiċi, riskji, theddid ċibernetiku, u inċidenti kif ukoll b'rabta ma' riskji, theddid u inċidenti mhux ċibernetiċi li jaffettwaw entitajiet kritiċi, inklużi l-miżuri ta' ċibersigurtà u fiżiċi meħuda minn entitajiet kritiċi kif ukoll ir-riżultati tal-attivitajiet superviżorji mwettqa fir-rigward ta' tali entitajiet.

Barra minn hekk, sabiex jiġu ssimplifikati l-attivitajiet superviżorji bejn l-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva u dawk skont id-Direttiva (UE) 2022/2557 u jiġi minimizzat il-piż amministrattiv għall-entitajiet ikkonċernati, dawk l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jagħmlu ħilithom biex jarmonizzaw il-mudelli tan-notifika tal-inċidenti u l-proċessi superviżorji. Fejn xieraq, l-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva (UE) 2022/2557 jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva jeżerċitaw is-setgħat superviżorji u ta' infurzar tagħhom fir-rigward ta' entità li hija identifikata bħala entità kritika skont id-Direttiva (UE) 2022/2557. L-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva u dawk skont id-Direttiva (UE) 2022/2557 jenħtieġ li, possibbilment f'ħin reali, jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni bejniethom għal dan il-għan.

(31)

L-entitajiet li jappartjenu lis-settur tal-infrastruttura diġitali huma essenzjalment ibbażati fuq in-networks u s-sistemi tal-informazzjoni u għalhekk l-obbligi imposti fuq dawk l-entitajiet skont din id-Direttiva jenħtieġ li jindirizzaw b'mod komprensiv is-sigurtà fiżika ta' tali sistemi bħala parti mill-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u tal-obbligi ta' rapportar tagħhom. Peress li dawk il-kwistjonijiet huma koperti b'din id-Direttiva, l-obbligi stabbiliti fil-Kapitoli III, IV u VI tad-Direttiva (UE) 2022/2557 ma japplikawx għal tali entitajiet.

(32)

Iż-żamma u l-preservazzjoni ta' sistema tal-ismijiet ta' dominji (DNS) affidabbli, reżiljenti u sigura huma fatturi ewlieni fiż-żamma tal-integrità tal-internet u huma essenzjali għat-tħaddim kontinwu u stabbli tiegħu, li fuqu jiddependu l-ekonomija u s-soċjetà diġitali. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għar-reġistri tal-ismijiet ta' dominji tal-ogħla livell (TLD), u l-fornituri ta' servizzi ta' DNS li jridu jkunu mifhuma bħala entitajiet li jipprovdu servizzi ta' riżoluzzjoni tal-ismijiet ta' dominji rikursivi disponibbli pubblikament għall-utenti finali tal-internet jew servizzi ta' riżoluzzjoni tal-ismijiet ta' dominji awtorevoli għall-użu ta' partijiet terzi. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għar-root name servers.

(33)

Is-servizzi tal-cloud computing jenħtieġ li jkopru servizzi diġitali li jippermettu amministrazzjoni on-demand u aċċess remot wiesa' għal ġabra skalabbli u elastika ta' riżorsi tal-computing kondiviżibbli, inkluż fejn tali riżorsi jkunu distribwiti madwar diversi postijiet. Riżorsi tal-computing jinkludu riżorsi bħal networks, servers jew infrastruttura oħra, sistemi operatorji, software, ħżin, applikazzjonijiet u servizzi. Il-mudelli tas-servizzi tal-cloud computing jinkludu, fost l-oħrajn, Infrastruttura bħala Servizz (IaaS), Pjattaforma bħala Servizz (PaaS), Software bħala Servizz (SaaS) u Network bħala Servizz (NAAs). Il-mudelli ta' implimentazzjoni tal-cloud computing jenħtieġ li jinkludu l-cloud privata, komunitarja, pubblika u ibrida. Is-servizz tal-cloud computing u l-mudelli tal-implimentazzjoni għandhom l-istess tifsira bħat-termini tal-mudelli tas-servizz u tal-implimentazzjoni definiti skont l-istandard ISO/IEC 17788:2014. Il-kapaċità tal-utent tal-cloud computing li unilateralment iforni lilu nnifsu bil-kapaċitajiet tal-computing, bħall-ħin tas-server jew il-ħżin tan-network, mingħajr interazzjoni umana mill-fornitur ta' servizz tal-cloud computing, tista' tiġi deskritta bħala amministrazzjoni on-demand.

It-terminu "aċċess remot wiesa'" jintuża biex jiddeskrivi li l-kapaċitajiet tal-cloud ikunu pprovduti fuq in-network u aċċessati permezz ta' mekkaniżmi li jippromwovu l-użu ta' pjattaformi tal-klijenti rqaq jew ħoxnin eteroġeni, inklużi telefowns ċellulari, tablets, laptops u stazzjonijiet tax-xogħol. It-terminu "skalabbli" jirreferi għar-riżorsi tal-computing li jiġu allokati b'mod flessibbli mill-fornitur tas-servizz tal-cloud, irrispettivament mill-pożizzjoni ġeografika tar-riżorsi, biex ir-riżorsi pprovduti jlaħħqu mal-fluttwazzjonijiet fid-domanda. It-terminu "ġabra elastika" jintuża biex jiddeskrivi r-riżorsi tal-computing li jiġu pprovduti u rilaxxati skont id-domanda biex iżidu u jnaqqsu malajr ir-riżorsi disponibbli skont l-ammont ta' xogħol. It-terminu "kondiviżibbli" jintuża biex jiddeskrivi r-riżorsi tal-computing ipprovduti lil diversi utenti li jkollhom aċċess komuni għas-servizzi, iżda fejn l-ipproċessar isir b'mod separat għal kull utent, għalkemm is-servizz jingħata mill-istess tagħmir elettroniku. It-terminu "distribwit" jintuża biex jiddeskrivi r-riżorsi tal-computing li jkunu jinsabu fuq kompjuters jew apparati differenti mqabbda ma' network u li jikkomunikaw u jikkoordinaw bejniethom billi jgħaddu l-messaġġi.

(34)

Minħabba t-tfaċċar ta' teknoloġiji innovattivi u mudelli kummerċjali ġodda, mudelli ġodda ta' servizz u ta' implimentazzjoni tal-cloud computing huma mistennija jidhru fis-suq intern b'rispons għall-mod kif qed jevolvu l-ħtiġijiet tal-klijenti. F'dak il-kuntest, is-servizzi tal-cloud computing jistgħu jitwasslu f'forma distribwita ħafna, anki eqreb għal fejn tkun qed tiġi ġġenerata jew miġbura d-data, u b'hekk jimxu mill-mudell tradizzjonali għal wieħed distribwit ħafna ("edge computing").

(35)

Is-servizzi offruti mill-fornituri tas-servizzi ta' ċentru tad-data mhux dejjem jistgħu jiġu pprovduti fl-għamla ta' servizz tal-cloud computing. Għaldaqstant, iċ-ċentri tad-data mhux dejjem ikunu jikkostitwixxu parti mill-infrastruttura tal-cloud computing. Biex jiġu ġestiti r-riskji kollha għas-sigurtà tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni, jenħtieġ li din id-Direttiva għaldaqstant tkopri l-fornituri tas-servizzi taċ-ċentri tad-data li mhumiex servizzi tal-cloud computing. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, it-terminu "servizz ta' ċentru tad-data" jenħtieġ li jkopri l-forniment ta' servizz li jinkludi strutturi, jew gruppi ta' strutturi, iddedikati għall-akkomodazzjoni ċentralizzata, l-interkonnessjoni u t-tħaddim ta' tagħmir tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) u tan-network li jipprovdi servizzi ta' ħżin, ipproċessar u trasport tad-data flimkien mal-faċilitajiet u l-infrastrutturi kollha għad-distribuzzjoni tal-enerġija u l-kontroll ambjentali. It-terminu "servizz ta' ċentru tad-data" jenħtieġ li ma japplikax għaċ-ċentri tad-data korporattivi interni li jkunu proprjetà tal-entità kkonċernata u operati minnha għall-finijiet tagħha stess.

(36)

L-attivitajiet ta' riċerka għandhom rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' prodotti u proċessi ġodda. Ħafna minn dawk l-attivitajiet jitwettqu minn entitajiet li jikkondividu, ixerrdu jew jisfruttaw ir-riżultati tar-riċerka tagħhom għal skopijiet kummerċjali. Għalhekk, dawk l-entitajiet jistgħu jkunu atturi importanti fil-ktajjen tal-valur, li jagħmel is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni tagħhom parti integrali miċ-ċibersigurtà ġenerali tas-suq intern. Organizzazzjonijiet tar-riċerka jenħtieġ li jinftiehmu li jinkludu entitajiet li jiffukaw parti essenzjali mill-attivitajiet tagħhom fuq it-twettiq ta' riċerka applikata jew żvilupp sperimentali, fit-tifsira tal-Manwal ta' Frascati tal-2015 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi: Linji Gwida għall-Ġbir u r-Rapportar ta' Data dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp Sperimentali, bil-ħsieb li r-riżultati tagħhom jiġu sfruttati għal skopijiet kummerċjali, bħall-manifattura jew l-iżvilupp ta' prodott jew proċess, il-forniment ta' servizz, jew il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu.

(37)

L-interdipendenzi li qed jikbru huma r-riżultat ta' network dejjem aktar transfruntier u interdipendenti ta' forniment ta' servizzi li juża infrastrutturi ewlenin madwar l-Unjoni fis-setturi bħall-enerġija, it-trasport, l-infrastruttura diġitali, l-ilma tax-xorb u l-ilma mormi, is-saħħa, ċerti aspetti tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll l-ispazju fejn jidħol il-forniment ta' ċerti servizzi dipendenti fuq infrastrutturi bbażati fuq l-art li huma proprjetà tal-Istati Membru u ġestiti u operati minnhom jew minn partijiet privati, u għalhekk ma jkoprux infrastrutturi li huma proprjetà tal-Unjoni, ġestiti jew operati minnha jew f'isimha bħala parti mill-programm spazjali tagħha. Dawk l-interdipendenzi jfissru li kull tfixkil, anke wieħed inizjalment limitat għal entità waħda jew għal settur wieħed, jista' jkollhom effetti kaskata b'mod aktar wiesa', li potenzjalment joħolqu impatti negattivi estensivi u dejjiema fit-twassil ta' servizzi madwar is-suq intern kollu. L-attakki ċibernetiċi intensifikati kontra s-sistemi tal-informazzjoni waqt il-pandemija tal-COVID-19 ħarġu fid-dieher il-vulnerabbiltà ta' soċjetajiet dejjem aktar interdipendenti quddiem riskji ta' probabbiltà baxxa.

(38)

Fid-dawl tad-differenzi fl-istrutturi nazzjonali ta' governanza u biex jiġu salvagwardjati l-arranġamenti settorjali jew il-korpi superviżorji u regolatorji tal-Unjoni diġà eżistenti, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jaħtru jew jistabbilixxu awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli għaċ-ċibersigurtà u għall-kompiti superviżorji skont din id-Direttiva.

(39)

Biex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni transfruntieri fost l-awtoritajiet u biex din id-Direttiva tkun tista' tiġi implimentata b'mod effettiv, huwa meħtieġ li kull Stat Membru jaħtar punt uniku ta' kuntatt responsabbli mill-koordinazzjoni ta' kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni transfruntiera fil-livell tal-Unjoni.

(40)

Il-punti uniċi ta' kuntatt jenħtieġ li jiżguraw kooperazzjoni transfruntiera effettiva mal-awtoritajiet rilevanti ta' Stati Membri oħra u, fejn xieraq, mal-Kummissjoni u mal-ENISA. Għalhekk, il-punti uniċi ta' kuntatt jenħtieġ li jingħataw il-kompitu li jibagħtu n-notifiki ta' inċidenti sinifikanti b'impatt transfruntier lill-punti uniċi ta' kuntatt ta' Stati Membri oħra affettwati fuq talba tas-CSIRT jew tal-awtorità kompetenti. Fil-livell nazzjonali, jenħtieġ li l-punti uniċi ta' kuntatt jippermettu kooperazzjoni transsettorjali bla xkiel ma' awtoritajiet kompetenti oħra. Il-punti uniċi ta' kuntatt jistgħu jkunu wkoll id-destinatarji ta' informazzjoni rilevanti dwar inċidenti li jikkonċernaw lil entitajiet tas-settur finanzjarju mill-awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament (UE) 2022/2554 li jenħtieġ li jkunu jistgħu jibagħtu, kif xieraq, lis-CSIRTs jew lill-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva.

(41)

L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu mgħammra b'mod adegwat, kemm f'dak li jirrigwarda l-kapaċitajiet tekniċi kif ukoll dawk organizzattivi, biex jipprevjenu, jiddetettaw, jirreaġixxu għal, u jtaffu l-inċidenti u r-riskji. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu jew jaħtru CSIRT waħda jew aktar skont din id-Direttiva u jiżguraw li dawn ikollhom riżorsi u kapaċitajiet tekniċi adegwati. Is-CSIRTs jenħtieġ li jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Direttiva biex jiżguraw kapaċitajiet effettivi u kompatibbli li jindirizzaw l-inċidenti u r-riskji u jiżguraw kooperazzjoni effiċjenti fil-livell tal-Unjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jaħtru skwadri ta' rispons għal emerġenzi relatati mal-kompjuters ("CERTs") eżistenti bħala CSIRTs. Sabiex tittejjeb ir-relazzjoni ta' fiduċja bejn l-entitajiet u s-CSIRTs, meta CSIRT tkun parti mill-awtorità kompetenti, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkunsidraw is-separazzjoni funzjonali bejn il-kompiti operazzjonali pprovduti mis-CSIRTs, b'mod partikolari fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-assistenza mogħtija lill-entitajiet, u l-attivitajiet superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti.

(42)

Is-CSIRTs għandhom il-kompitu li jittrattaw l-inċidenti. Dan jinkludi l-ipproċessar ta' volumi kbar ta' data kultant sensittiva. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li s-CSIRTs ikollhom infrastruttura għall-kondiviżjoni u l-ipproċessar tal-informazzjoni, kif ukoll persunal mgħammar tajjeb, li jiżgura l-kunfidenzjalità u l-affidabbiltà tal-operazzjonijiet tagħhom. Is-CSIRTs jistgħu jadottaw ukoll kodiċijiet ta' kondotta f'dak ir-rigward.

(43)

Fir-rigward tad-data personali, is-CSIRTs jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprovdu, f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 , fuq talba ta' entità essenzjali jew importanti, skennjar proattiv tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni użati għall-forniment tas-servizzi tal-entità. Fejn applikabbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw li jiżguraw livell ugwali ta' kapaċitajiet tekniċi għas-CSIRTs settorjali kollha. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu l-assistenza tal-ENISA fl-iżvilupp tas-CSIRTs tagħhom.

(44)

Jenħtieġ li s-CSIRTs, fuq talba ta' entità essenzjali jew importanti, ikollhom il-kapaċità li jimmonitorjaw l-assi kollha tal-entità esposti għall-internet, kemm fuq il-post kif ukoll mhux fuq il-post, sabiex jidentifikaw, jifhmu u jimmaniġġaw ir-riskji organizzattiv ġenerali tal-entità fir-rigward ta' kompromessi jew vulnerabbiltajiet kritiċi ta' ktajjen tal-provvista li jkunu għadhom kif ġew identifikati. Jenħtieġ li l-entità tiġi mħeġġa tikkomunika lis-CSIRT jekk tħaddimx interfaċċa ta' ġestjoni privileġġata, peress li dan jista' jaffettwa l-ħeffa tat-twettiq ta' azzjonijiet ta' mitigazzjoni.

(45)

Minħabba l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali dwar iċ-ċibersigurtà, is-CSIRTs jenħtieġ li jkunu jistgħu jipparteċipaw f'networks ta' kooperazzjoni internazzjonali, apparti n-network tas-CSIRTs stabbilit b'din id-Direttiva. Għalhekk, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti tagħhom, is-CSIRTs u l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni, inkluża data personali, ma' skwadri ta' rispons għal inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuters nazzjonali jew awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data għat-trasferimenti ta' data personali lil pajjiżi terzi, fost l-oħrajn dawk tal-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) 2016/679.

(46)

L-iżgurar ta' riżorsi adegwati biex jintlaħqu l-objettivi ta' din id-Direttiva u l-għoti tal-kapaċità lill-awtoritajiet kompetenti u s-CSIRTs li jwettqu l-komptiti stipulati hawnhekk huwa essenzjali. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu mekkaniżmu ta' finanzjament fil-livell nazzjonali biex ikopru n-nefqa meħtieġa b'rabta mat-twettiq tal-kompiti tal-entitajiet pubbliċi responsabbli miċ-ċibersigurtà fl-Istat Membru skont din id-Direttiva. Tali mekkaniżmu jenħtieġ li jkun konformi mal-liġi tal-Unjoni u jenħtieġ li jkun proporzjonat u nondiskriminatorju u jenħtieġ li jikkunsidra approċċi differenti għall-forniment ta' servizzi siguri.

(47)

In-network tas-CSIRTs jenħtieġ li jkompli jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kunfidenza u l-fiduċja u jippromwovi kooperazzjoni operazzjonali rapida u effettiva fost l-Istati Membri. Sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni operazzjonali fil-livell tal-Unjoni, in-network tas-CSIRTs jenħtieġ li jikkunsidra li jistieden lill-korpi u lill-aġenziji tal-Unjoni involuti fil-politika dwar iċ-ċibersigurtà, bħall-Europol, biex jieħdu sehem fil-ħidma tiegħu.

(48)

Sabiex jintlaħaq u jinżamm livell għoli ta' ċibersigurtà, l-istrateġiji nazzjonali taċ-ċibersigurtà meħtieġa skont din id-Direttiva jenħtieġ li jikkonsistu f'oqfsa koerenti li jipprovdu objettivi u prijoritajiet strateġiċi fil-qasam taċ-ċibersigurtà u l-governanza biex dawn jintlaħqu. Dawk l-istrateġiji jistgħu jkunu magħmula minn strument leġiżlattiv jew mhux leġiżlattiv wieħed jew aktar.

(49)

Il-politiki tal-iġjene ċibernetika jipprovdu l-pedamenti għall-protezzjoni tal-infrastrutturi tas-sistemi tan-networks u tal-informazzjoni, tal-hardware, tas-software u tas-sigurtà tal-applikazzjonijiet online, u d-data kummerċjali jew tal-utent finali li fuqha jiddependu l-entitajiet. Politiki tal-iġjene ċibernetika li jinkludu sett komuni ta' linja bażi ta' prattiki li jinkludu l-aġġornamenti tas-software u tal-hardware, il-bdil ta' passwords, il-ġestjoni ta' installazzjonijiet ġodda, il-limitazzjoni ta' kontijiet ta' aċċess fil-livell ta' amministratur, u l-backup tad-data, jippermettu qafas proattiv ta' stat ta' tħejjija u sikurezza u sigurtà ġenerali f'każ ta' inċidenti jew theddid ċibernetiku. L-ENISA jenħtieġ li timmonitorja u tanalizza l-politiki tal-iġjene ċibernetika tal-Istati Membri.

(50)

Is-sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà u l-iġjene ċibernetika huma essenzjali biex jissaħħaħ il-livell taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni, b'mod partikolari fid-dawl tal-għadd dejjem akbar ta' apparati konnessi li qed jintużaw dejjem aktar f'attakki ċibernetiċi. Jenħtieġ li jsiru sforzi biex tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni ġenerali tar-riskji relatati ma' tali apparati, filwaqt li l-valutazzjonijiet fil-livell tal-Unjoni jistgħu jgħinu biex jiġi żgurat fehim komuni ta' tali riskji fis-suq intern.

(51)

L-Istati Membri jenħtieġ li jinkoraġġixxu l-użu ta' kwalunkwe teknoloġija innovattiva, inkluża l-intelliġenza artifiċjali, li l-użu tagħha jista' jtejjeb id-detezzjoni u l-prevenzjoni ta' attakki ċibernetiċi, u b'hekk ir-riżorsi jkunu jistgħu jiġu ddevjati lejn attakki ċibernetiċi b'mod aktar effettiv. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jinkoraġġixxu fl-attivitajiet tal-istrateġija nazzjonali taċ-ċibersigurtà tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp biex jiffaċilitaw l-użu ta' tali teknoloġiji, b'mod partikolari dawk relatati ma' għodod awtomatizzati jew semiawtomatizzati fiċ-ċibersigurtà, u, fejn rilevanti, il-kondiviżjoni tad-data meħtieġa għat-taħriġ tal-utenti ta' tali teknoloġija u għat-titjib tagħha. L-użu ta' kwalunkwe teknoloġija innovattiva, inkluża l-intelliġenza artifiċjali, jenħtieġ li jkun konformi mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, inklużi l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data tal-akkuratezza tad-data, il-minimizzazzjoni tad-data, il-ġustizzja u t-trasparenza, u s-sigurtà tad-data, bħall-kriptaġġ tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku. Ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u b'mod awtomatiku stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 jenħtieġ li jiġu sfruttati bis-sħiħ.

(52)

Għodod u applikazzjonijiet taċ-ċibersigurtà b'sors miftuħ jistgħu jikkontribwixxu għal livell ogħla ta' ftuħ u jista' jkollhom impatt pożittiv fuq l-effiċjenza tal-innovazzjoni industrijali. Standards miftuħa jiffaċilitaw l-interoperabbiltà bejn l-għodod tas-sigurtà, għall-benefiċċju tas-sigurtà tal-partijiet interessati industrijali. Għodod u applikazzjonijiet taċ-ċibersigurtà b'sors miftuħ jistgħu jisfruttaw il-komunità usa' ta' żviluppaturi, u b'hekk jippermettu d-diversifikazzjoni tal-fornituri. Sors miftuħ jista' jwassal għal proċess ta' verifika aktar trasparenti tal-għodod relatati maċ-ċibersigurtà u proċess xprunat mill-komunità biex jiġu skoperti l-vulnerabbiltajiet. Għaldaqstant, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jippromwovu l-użu ta' software b'sors miftuħ u standards miftuħa billi jfittxu li jsegwu politiki relatati mal-użu ta' data miftuħa u sors miftuħ bħala parti mis-sigurtà permezz tat-trasparenza. Politiki li jippromwovu l-introduzzjoni u l-użu sostenibbli ta' għodod taċ-ċibersigurtà b'sors miftuħ huma ta' importanza partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li jħabbtu wiċċhom ma' spejjeż sinifikanti għall-implimentazzjoni, li jistgħu jiġu minimizzati billi titnaqqas il-ħtieġa ta' applikazzjonijiet jew għodod speċifiċi.

(53)

L-utilitajiet qed jiġu konnessi dejjem aktar man-networks diġitali fil-bliet, bil-għan li jittejbu n-networks tat-trasport urban, jittejbu l-faċilitajiet tal-provvista tal-ilma u tar-rimi tal-iskart u tiżdied l-effiċjenza tat-tidwil u t-tisħin tal-bini. Dawk l-utilitajiet diġitalizzati huma vulnerabbli għal attakki ċibernetiċi u f'każ ta' attakk ċibernetiku jirriskjaw li jagħmlu ħsara liċ-ċittadini fuq skala kbira minħabba l-interkonnettività tagħhom. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżviluppaw politika li tindirizza l-iżvilupp ta' tali bliet konnessi jew intelliġenti, u l-effetti potenzjali tagħhom fuq is-soċjetà, bħala parti mill-istrateġija nazzjonali taċ-ċibersigurtà tagħhom.

(54)

F'dawn l-aħħar snin, l-Unjoni ffaċċjat żieda esponenzjali fl-attakki tar-ransomware, li fihom il-malware jikkripta d-data u s-sistemi u jitlob il-pagament ta' riskatt għar-rilaxx. Il-frekwenza u s-severità dejjem akbar tal-attakki tar-ransomware jistgħu jiġu xprunati minn diversi fatturi, bħal xejriet differenti ta' attakki, mudelli kummerċjali kriminali marbuta mar-"ransomware bħala servizz" u l-kriptovaluti, domandi ta' riskatt, u ż-żieda fl-attakki fil-katina tal-provvista. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw politika li tindirizza ż-żieda f'attakki tar-ransomware bħala parti mill-istrateġija nazzjonali tagħhom dwar iċ-ċibersigurtà.

(55)

Sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) fil-qasam taċ-ċibersigurtà jistgħu jipprovdu qafas xieraq għall-iskambju tal-għarfien, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-istabbiliment ta' livell komuni ta' fehim fost il-partijiet interessati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu politiki li jirfdu l-istabbiliment ta' PPPs speċifiċi għaċ-ċibersigurtà. Dawn il-politiki jenħtieġ li jiċċaraw, fost oħrajn, il-kamp ta' applikazzjoni u l-partijiet interessati involuti, il-mudell ta' governanza, l-għażliet ta' finanzjament disponibbli, u l-interazzjoni fost il-partijiet interessati parteċipanti fir-rigward tal-PPPs. Il-PPPs jistgħu jisfruttaw l-għarfien espert ta' entitajiet tas-settur privat biex jassistu lill-awtoritajiet kompetenti fl-iżvilupp ta' servizzi u proċessi tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku inklużi l-iskambju ta' informazzjoni, twissijiet bikrija, eżerċizzji rigward theddid u inċidenti ċibernetiċi, il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-ippjanar għar-reżiljenza.

(56)

Jenħtieġ li l-Istati Membri, fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom taċ-ċibersigurtà, jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi taċ-ċibersigurtà tal-intrapriżi żgħar u medji. L-intrapriżi żgħar u medji jirrappreżentaw, fl-Unjoni kollha, perċentwal kbir tas-suq industrijali u kummerċjali u sikwit jitħabtu biex jadattaw ruħhom għal prattiki kummerċjali ġodda f'dinja aktar konnessa u li jinnavigaw l-ambjent diġitali, u l-impjegati jaħdmu mid-dar u n-negozju qed isir dejjem aktar online. Xi intrapriżi żgħar u medji jiffaċċjaw sfidi speċifiċi taċ-ċibersigurtà bħal għarfien ċibernetiku baxx, nuqqas ta' sigurtà tal-IT remota, l-ispiża għolja tas-soluzzjonijiet taċ-ċibersigurtà u livell ogħla ta' theddid, bħar-ransomware, li għalihom jenħtieġ li jirċievu gwida u assistenza. L-intrapriżi żgħar u medji qed isiru dejjem aktar il-mira ta' attakki fuq il-katina tal-provvista minħabba l-miżuri inqas rigorużi tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u l-ġestjoni tal-attakki, u l-fatt li għandhom riżorsi tas-sigurtà limitati. Tali attakki fuq il-katina tal-provvista mhux biss għandhom impatt fuq l-intrapriżi żgħar u medji u l-operazzjonijiet tagħhom waħedhom iżda jista' jkollhom ukoll effett kaskata f'termini ta' attakki akbar fuq entitajiet fornuti minnhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri, permezz tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom dwar iċ-ċibersigurtà, jgħinu lill-intrapriżi żgħar u medji jindirizzaw l-isfidi li jiffaċċjaw fil-ktajjen tal-provvista tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom punt ta' kuntatt għall-intrapriżi żgħar u medji fil-livell nazzjonali jew reġjonali, li jew jipprovdi gwida u assistenza lill-intrapriżi żgħar u medji jew jidderiġihom lill-korpi xierqa għal gwida u assistenza fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati maċ-ċibersigurtà. L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll joffru servizzi bħall-konfigurazzjoni ta' siti web u l-abilitazzjoni tal-illoggjar lill-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar li ma għandhomx dawn il-kapaċitajiet.

(57)

Bħala parti mill-istrateġiji nazzjonali tagħhom dwar iċ-ċibersigurtà, jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw politiki dwar il-promozzjoni ta' protezzjoni ċibernetika attiva bħala parti minn strateġija difensiva usa'. Minflok risposta reattiva, il-protezzjoni ċibernetika attiva hija l-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-monitoraġġ, l-analiżi u l-mitigazzjoni b'mod attiv tal-ksur tas-sigurtà tan-network, flimkien mal-użu ta' kapaċitajiet installati fin-network tal-vittmi u lil hinn minnu. Dan jista' jinkludi li l-Istati Membri joffru servizzi jew għodod bla ħlas lil ċerti entitajiet, inklużi kontrolli, għodod ta' detezzjoni u servizzi ta' tneħħija self-service. Il-kapaċità ta' kondiviżjoni u komprensjoni rapidi u awtomatiċi tal-informazzjoni u l-analiżi dwar it-theddid, it-twissijiet dwar l-attività ċibernetika u l-azzjoni ta' rispons hija kruċjali biex ikun hemm unità fl-isforz biex l-attakki fuq in-networks u s-sistemi tal-informazzjoni jiġu pprevenuti, detetti, indirizzati u mblukkati b'suċċess. Il-protezzjoni ċibernetika attiva hija bbażata fuq strateġija difensiva li teskludi miżuri offensivi.

(58)

Peress li l-isfruttament tal-vulnerabbiltajiet fin-network u s-sistemi tal-informazzjoni jista' jikkawża tfixkil u ħsara sinifikanti, l-identifikazzjoni u r-rimedju malajr ta' tali vulnerabbiltajiet huma fattur importanti biex jonqos ir-riskju. Għalhekk jenħtieġ li l-entitajiet li jiżviluppaw jew jamministraw networks u sistemi ta' informazzjoni jistabbilixxu proċeduri xierqa biex jittrattaw il-vulnerabbiltajiet meta jiġu skoperti. Peress li l-vulnerabbiltajiet spiss jiġu skoperti u żvelati minn partijiet terzi, il-manifattur jew il-fornitur ta' prodotti tal-ICT jew servizzi tal-ICT jenħtieġ li jistabbilixxi wkoll il-proċeduri meħtieġa biex jirċievi informazzjoni dwar il-vulnerabbiltà mingħand partijiet terzi. F'dan ir-rigward, l-istandards internazzjonali ISO/IEC 30111 u ISO/IEC 29147 jipprovdu gwida dwar it-trattament tal-vulnerabbiltajiet u d-divulgazzjoni tal-vulnerabbiltajiet. It-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn il-persuni fiżiċi u ġuridiċi relatriċi u l-manifatturi jew il-fornituri ta' prodotti tal-ICT jew servizzi tal-ICT hija partikolarment importanti biex jiġi ffaċilitat il-qafas volontarju tad-divulgazzjoni tal-vulnerabbiltajiet. Id-divulgazzjoni kkoordinata tal-vulnerabbiltajiet tispeċifika proċess strutturat għar-rapportar tal-vulnerabbiltajiet lill-manifattur jew lill-fornitur tal-prodotti tal-ICT jew is-servizzi tal-ICT potenzjalment vulnerabbli b'tali mod li jkun jista' jwettaq dijanjostika u rimedju għall-vulnerabbiltà qabel ma tiġi żvelata informazzjoni dettaljata dwar il-vulnerabbiltà lil partijiet terzi jew lill-pubbliku. Id-divulgazzjoni kkoordinata tal-vulnerabbiltajiet jenħtieġ li tinkludi wkoll koordinazzjoni bejn il-persuna fiżika jew ġuridika relatriċi u l-manifattur jew il-fornitur tal-prodotti tal-ICT jew is-servizzi tal-ICT potenzjalment vulnerabbli fir-rigward tat-twaqqit tar-rimedju u l-pubblikazzjoni tal-vulnerabbiltajiet.

(59)

Il-Kummissjoni, l-ENISA u l-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jrawmu allinjamenti mal-istandards internazzjonali u l-aħjar prattiki eżistenti tal-industrija fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà, pereżempju fl-oqsma tal-valutazzjonijiet tas-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u d-divulgazzjoni tal-vulnerabbiltajiet.

(60)

Jenħtieġ li l-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-ENISA, jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw id-divulgazzjoni kkoordinata tal-vulnerabbiltajiet billi jistabbilixxu politika nazzjonali rilevanti. Bħala parti mill-politika nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jimmiraw li jindirizzaw, sa fejn ikun possibbli, l-isfidi ffaċċjati mir-riċerkaturi vulnerabbli, inkluż l-esponiment potenzjali tagħhom għal responsabbiltà kriminali, f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Peress li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jagħmlu r-riċerka dwar il-vulnerabbiltajiet jistgħu f'xi Stati Membri jkunu esposti għal responsabbiltà kriminali u ċivili, l-Istati Membri huma mħeġġa jadottaw linji gwida fir-rigward tan-nuqqas ta' prosekuzzjoni tar-riċerkaturi dwar is-sigurtà tal-informazzjoni u eżenzjoni mir-responsabbiltà ċivili għall-attivitajiet tagħhom.

(61)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru waħda mis-CSIRTs tagħhom bħala koordinatur, li taġixxi bħala intermedjarju fdat bejn il-persuni relatriċi fiżiċi jew ġuridiċi u l-manifatturi jew il-fornituri ta' prodotti tal-ICT jew servizzi tal-ICT, li x'aktarx ikunu affettwati mill-vulnerabbiltà, meta jkun meħtieġ. Il-kompiti tas-CSIRT maħtura bħala koordinatur jenħtieġ li jinkludu l-identifikazzjoni u l-ikkuntattar tal-entitajiet ikkonċernati, l-assistenza lill-entitajiet relatriċi fiżiċi jew ġuridiċi, in-negozjar tal-iskedi ta' żmien tad-divulgazzjoni, u l-ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet li jaffettwaw entitajiet multipli (divulgazzjoni koordinata ta' vulnerabbiltajiet multipartitika). F'każ li l-vulnerabbiltà rrapportata jkun jista' jkollha impatt sinifikanti fuq entitajiet f'aktar minn Stat Membru wieħed, jenħtieġ li s-CSIRTs maħturin bħala koordinaturi jikkooperaw fl-ambitu tan-network tas-CSIRTs, fejn ikun xieraq.

(62)

L-aċċess għal informazzjoni korretta u f'waqtha dwar il-vulnerabbiltajiet li jaffettwaw il-prodotti tal-ICT u s-servizzi tal-ICT jikkontribwixxi għal ġestjoni mtejba tar-riskji taċ-ċibersigurtà. Is-sorsi tal-informazzjoni disponibbli pubblikament dwar il-vulnerabbiltajiet huma għodda importanti għall-entitajiet u għall-utenti tas-servizzi tagħhom, iżda wkoll għall-awtoritajiet kompetenti u għas-CSIRTs. Għal dik ir-raġuni, l-ENISA jenħtieġ li tistabbilixxi bażi tad-data tal-vulnerabbiltajiet fejn l-entitajiet, irrispettivament minn jekk jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, u l-fornituri ta' networks u sistemi ta' informazzjoni, kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti u s-CSIRTs, ikunu jistgħu, b'mod volontarju, jiżvelaw u jirreġistraw vulnerabbiltajiet magħrufin pubblikament bl-iskop li l-utenti jkunu jistgħu jieħdu miżuri xierqa ta' mitigazzjoni. L-għan ta' dik il-bażi tad-data huwa li tindirizza l-isfidi uniċi maħluqa mir-riskji għall-entitajiet Ewropej. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ENISA tistabbilixxi proċedura xierqa fir-rigward tal-proċess tal-pubblikazzjoni sabiex tagħti lill-entitajiet iż-żmien li jieħdu miżuri ta' mitigazzjoni fir-rigward tal-vulnerabbiltajiet tagħhom u biex jużaw miżuri ta' ġestjoni taċ-ċibersigurtà tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, kif ukoll settijiet tad-data li jistgħu jinqraw mill-magni u interfaċċi korrispondenti. Biex tiġi mħeġġa kultura ta' divulgazzjoni tal-vulnerabbiltajiet, jenħtieġ li d-divulgazzjoni ma jkollhiex effetti ta' detriment għall-persuna fiżika jew ġuridika relatriċi.

(63)

Għalkemm jeżistu reġistri jew bażijiet tad-data simili tal-vulnerabbiltajiet, dawn huma ospitati u miżmuma minn entitajiet li mhumiex stabbiliti fl-Unjoni. Bażi tad-data Ewropea tal-vulnerabbiltajiet miżmuma mill-ENISA tipprovdi trasparenza mtejba fir-rigward tal-proċess tal-pubblikazzjoni qabel ma l-vulnerabbiltà tiġi żvelata pubblikament, u reżiljenza f'każijiet ta' tfixkil jew interruzzjoni tal-forniment ta' servizzi simili. Biex, kemm jista' jkun, tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u titfittex il-komplementarjetà, jenħtieġ li l-ENISA tesplora l-possibbiltà li tidħol fi ftehimiet ta' kooperazzjoni strutturata ma' reġistri jew bażijiet tad-data simili li jaqgħu f'ġuriżdizzjonijiet ta' pajjiżi terz. B'mod partikolari, l-ENISA jenħtieġ li tesplora l-possibbiltà ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-operaturi tas-sistema ta' vulnerabbiltajiet u esponimenti komuni (CVE).

(64)

Il-Grupp ta' Kooperazzjoni jenħtieġ li jappoġġa u jiffaċilita l-kooperazzjoni strateġika u l-iskambju ta' informazzjoni fost l-Istati Membri, kif ukoll isaħħaħ il-fiduċja u l-kunfidenza bejniethom. Il-Grupp ta' Kooperazzjoni jenħtieġ li jistabbilixxi programm ta' ħidma kull sentejn. Il-programm ta' ħidma jenħtieġ li jinkludi l-azzjonijiet li jridu jittieħdu mill-Grupp ta' Kooperazzjoni biex jimplimenta l-objettivi u l-kompiti tiegħu. Il-perjodu ta' żmien għall-ħolqien tal-ewwel programm skont din id-Direttiva jenħtieġ li jiġi allinjat mal-perjodu ta' żmien tal-aħħar programm stabbilit skont id-Direttiva (UE) 2016/1148 biex jiġi evitat tfixkil potenzjali fil-ħidma tal-Grupp ta' Kooperazzjoni.

(65)

Meta jkun qed jiżviluppa dokumenti ta' gwida, il-Grupp ta' Kooperazzjoni jenħtieġ li konsistentement jimmappja s-soluzzjonijiet u l-esperjenzi nazzjonali, jivvaluta l-impatt tar-riżultati tanġibbli tal-Grupp ta' Kooperazzjoni fuq l-approċċi nazzjonali, jiddiskuti l-isfidi tal-implimentazzjoni u jifformula rakkomandazzjonijiet speċifiċi li jridu jiġu indirizzati b'implimentazzjoni aħjar tar-regoli eżistenti, partikolarment rigward l-iffaċilitar tal-allinjament tat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva fost l-Istati Membri. Il-Grupp ta' Kooperazzjoni jista' jimmappja wkoll is-soluzzjonijiet nazzjonali sabiex jippromwovi l-kompatibbiltà tas-soluzzjonijiet taċ-ċibersigurtà applikati għal kull settur speċifiku fl-Unjoni kollha. Dan huwa partikolarment rilevanti għas-setturi li huma ta' natura internazzjonali jew transfruntiera.

(66)

Il-Grupp ta' Kooperazzjoni jenħtieġ li jibqa' forum flessibbli u jkun jista' jirreaġixxi għal prijoritajiet u sfidi ta' politika ġodda u li qed jinbidlu filwaqt li jqis id-disponibbiltà tar-riżorsi. Jista' jorganizza laqgħat konġunti regolari ma' partijiet interessati privati rilevanti minn madwar l-Unjoni biex jiddiskuti l-attivitajiet imwettqa mill-Grupp ta' Kooperazzjoni u jiġbor data u tagħrif dwar l-isfidi ta' politiki li qed jitfaċċaw. Barra minn hekk, il-Grupp ta' Kooperazzjoni jenħtieġ li jwettaq valutazzjoni regolari tas-sitwazzjoni attwali tat-theddid jew l-inċidenti ċibernetiċi, bħar-ransomware. Biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni, il-Grupp ta' Kooperazzjoni jenħtieġ li jikkunsidra li jistieden lil istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti tal-Unjoni involuti fil-politika taċ-ċibersigurtà, bħall-Parlament Ewropew, l-Europol, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1139 u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali, stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) biex jipparteċipaw fil-ħidma tiegħu.

(67)

L-awtoritajiet kompetenti u s-CSIRTs jenħtieġ li jkunu jistgħu jipparteċipaw fi skemi ta' skambju għal uffiċjali minn Stati Membri oħra, f'qafas speċifiku u, fejn applikabbli, soġġett għall-approvazzjoni tas-sigurtà meħtieġa tal-uffiċjali li jipparteċipaw f'tali skemi ta' skambju, biex titjieb il-kooperazzjoni u tissaħħaħ il-fiduċja fost l-Istati Membri. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex uffiċjali minn Stati Membri oħra jkunu jistgħu jaqdu rwol effettiv fl-attivitajiet tal-awtorità kompetenti ospitanti jew tas-CSIRT ospitanti.

(68)

L-Istati Membri jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-istabbiliment tal-Qafas ta' Rispons għall-Kriżijiet taċ-Ċibersigurtà tal-UE stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1584 (15) permezz tan-networks ta' kooperazzjoni eżistenti, b'mod partikolari n-Network Ewropew ta' Organizzazzjoni ta' Kollegament f'każ ta' Ċiberkriżijiet (EU-CyCLONe - European cyber crisis liaison organisation network), in-network tas-CSIRTs u l-Grupp ta' Kooperazzjoni. Jenħtieġ li l-EU-CyCLONe u n-network tas-CSIRTs jikkooperaw abbażi ta' arranġamenti proċedurali li jispeċifikaw id-dettalji ta' dik il-kooperazzjoni u jevitaw kwalunkwe duplikazzjoni ta' kompiti. Ir-regoli ta' proċedura tal-EU-CyCLONe jenħtieġ li jispeċifikaw f'aktar dettall l-arranġamenti li permezz tagħhom dak in-network jenħtieġ li jiffunzjona, inkluż ir-rwoli tan-network, il-mezzi ta' kooperazzjoni, l-interazzjonijiet ma' atturi rilevanti oħra u l-mudelli għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni, kif ukoll il-mezzi ta' komunikazzjoni. Għall-ġestjoni tal-kriżijiet fil-livell tal-Unjoni, il-partijiet rilevanti jenħtieġ li jkunu jiddependu fuq l-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1993 (16) (arranġamenti IPCR). Il-Kummissjoni jenħtieġ li tuża l-proċess transsettorjali ta' livell għoli ARGUS għall-koordinazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' kriżi għal dak il-għan. Jekk il-kriżi tinvolvi dimensjoni esterna importanti jew waħda marbuta mal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni, jenħtieġ li jiġi attivat il-Mekkaniżmu ta' Rispons għall-Kriżijiet tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

(69)

F'konformità mal-Anness tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2017/1584, inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira jenħtieġ li tfisser inċident li jikkawża livell ta' tfixkil li jaqbeż il-kapaċità ta' Stat Membru li jirrispondi għalih jew li jkollu impatt sinifikanti fuq mill-inqas żewġ Stati Membri. Skont il-kawża u l-impatt tagħhom, inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira jistgħu jeskalaw u jinbidlu fi kriżijiet sħaħ li ma jippermettux il-funzjonament tajjeb tas-suq intern jew li joħolqu riskji serji għas-sigurtà u s-sikurezza pubblika għall-entitajiet u ċ-ċittadini f'għadd ta' Stati Membri jew fl-Unjoni kollha kemm hi. Minħabba l-ambitu wiesa' u, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, in-natura transfruntiera ta' inċidenti bħal dawn, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni jikkooperaw fil-livell tekniku, operazzjonali u politiku biex jikkoordinaw sew ir-rispons madwar l-Unjoni.

(70)

Inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira u kriżijiet fil-livell tal-Unjoni jirrikjedu azzjoni kkoordinata biex jiġi żgurat rispons rapidu u effettiv minħabba l-livell għoli ta' interdipendenza bejn is-setturi u l-Istati Membri. Id-disponibbiltà ta' networks u sistemi ta' informazzjoni reżiljenti għaċ-ċibernetika u d-disponibbiltà, il-kunfidenzjalità u l-integrità tad-data huma fundamentali għas-sigurtà tal-Unjoni u għall-protezzjoni taċ-ċittadini, in-negozji u l-istituzzjonijiet tagħha kontra inċidenti u theddid ċibernetiku, kif ukoll għat-tisħiħ tal-fiduċja tal-individwi u l-organizzazzjonijiet fil-kapaċità tal-Unjoni li tippromwovi u tipproteġi ċiberspazju globali, miftuħ, liberu, stabbli u sigur ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt.

(71)

L-EU-CyCLONe jenħtieġ li taħdem bħala intermedjarju bejn il-livell tekniku u dak politiku waqt inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira u għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni fil-livell operazzjonali u tappoġġa l-proċess deċiżjonali fil-livell politiku. F'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, b'kont meħud tal-kompetenza tal-Kummissjoni fil-qasam tal-ġestjoni tal-kriżijiet, jenħtieġ li l-EU-CyCLONe tibni fuq is-sejbiet tan-network tas-CSIRTs u tuża l-kapaċitajiet tagħha stess biex toħloq analiżi tal-impatt ta' inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira.

(72)

L-attakki ċibernetiċi huma ta' natura transfruntiera, u inċident sinifikanti jista' jfixkel u jagħmel ħsara lill-infrastrutturi kritiċi tal-informazzjoni li fuqhom jiddependi l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2017/1584 tindirizza r-rwol tal-atturi rilevanti kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija responsabbli, fil-qafas tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), għal azzjonijiet ta' tħejjija ġenerali fosthom il-ġestjoni taċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f'każ ta' Emerġenza u s-Sistema Komuni ta' Komunikazzjoni u Informazzjoni f'każ ta' Emerġenza, iż-żamma u l-iżvilupp ulterjuri tal-għarfien tas-sitwazzjoni u l-kapaċità ta' analiżi, u l-istabbiliment u l-ġestjoni tal-kapaċità li jiġu mobilizzati u mibgħuta timijiet ta' esperti fil-każ ta' talba għall-assistenza minn Stat Membru jew pajjiż terz. Il-Kummissjoni għandha wkoll ir-responsabbiltà li tipprovdi rapporti analitiċi għall-arranġamenti tal-IPCR skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1993, inkluż fir-rigward tal-għarfien tas-sitwazzjoni taċ-ċibersigurtà u t-tħejjija għaliha, kif ukoll għall-għarfien tas-sitwazzjoni u r-rispons għall-kriżijiet fl-oqsma tal-agrikoltura, il-kundizzjonijiet tat-temp avversi, l-immappjar u t-tbassir tal-kunflitti, is-sistemi ta' twissija bikrija għal diżastri naturali, l-emerġenzi tas-saħħa, is-sorveljanza tal-mard infettiv, is-saħħa tal-pjanti, l-inċidenti kimiċi, is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, is-saħħa tal-annimali, il-migrazzjoni, id-dwana, l-emerġenzi nukleari u radjoloġiċi, u l-enerġija.

(73)

Meta jkun xieraq, l-Unjoni tista' tikkonkludi ftehimiet internazzjonali f'konformità mal-Artikolu 218 tat-TFUE ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali li jippermettu u jorganizzaw il-parteċipazzjoni tagħhom f'attivitajiet partikolari tal-Grupp ta' Kooperazzjoni, in-network tas-CSIRTs u l-EU-CyCLONe. Ftehimiet bħal dawn jenħtieġ li jiżguraw l-interessi tal-Unjoni u l-protezzjoni adegwata tad-data. Dan jenħtieġ li ma jipprekludix id-dritt tal-Istati Membri li jikkooperaw ma' pajjiżi terzi fuq il-ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet u l-ġestjoni tar-riskji għaċ-ċibersigurtà, biex jiġu ffaċilitati r-rapportar u l-informazzjoni ġenerali skont il-liġi tal-Unjoni.

(74)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni effettiva ta' din id-Direttiva fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet, il-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà, l-obbligi ta' rapportar u l-arranġamenti għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, l-Istati Membri jistgħu jikkooperaw ma' pajjiżi terzi u jwettqu attivitajiet li jitqiesu xierqa għal dak il-għan, fosthom skambji ta' informazzjoni dwar theddid ċibernetiku, inċidenti, vulnerabbiltajiet, għodod u metodi, tattiċi, tekniki u proċeduri, tħejjija u eżerċizzji għall-ġestjoni tal-kriżijiet taċ-ċibersigurtà, taħriġ, bini ta' fiduċja u arranġamenti strutturati għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni.

(75)

Jenħtieġ li jiġu introdotti evalwazzjonijiet bejn il-pari biex jinsiltu tagħlimiet mill-esperjenzi kondiviżi, tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka u jintlaħaq livell komuni għoli ta' ċibersigurtà. L-evalwazzjonijiet bejn il-pari jistgħu jwasslu għal għarfien u rakkomandazzjonijiet siewja li jsaħħu l-kapaċitajiet ġenerali ta' ċibersigurtà, joħolqu perkors funzjonali ieħor għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri u jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-livelli ta' maturità tal-Istati Membri fiċ-ċibersigurtà. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-evalwazzjonijiet bejn il-pari jqisu r-riżultati ta' mekkaniżmi simili, bħas-sistema ta' evalwazzjoni bejn il-pari tan-network tas-CSIRTs, u jenħtieġ li jżidu l-valur u jevitaw id-duplikazzjoni. L-implimentazzjoni tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali jew klassifikata.

(76)

Il-Grupp ta' Kooperazzjoni jenħtieġ li jistabbilixxi metodoloġija ta' awtovalutazzjoni għall-Istati Membri, bil-għan li jkopri fatturi bħal-livell ta' implimentazzjoni tal-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u l-obbligi ta' rapportar, il-livell tal-kapaċitajiet u l-effettività tal-eżerċizzju tal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti, il-kapaċitajiet operazzjonali tas-CSIRTs, il-livell ta' implimentazzjoni tal-assistenza reċiproka, il-livell ta' implimentazzjoni tal-arranġamenti tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, jew kwistjonijiet speċifiċi ta' natura transfruntiera jew transsettorjali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jwettqu awtovalutazzjonijiet fuq bażi regolari, u jippreżentaw u jiddiskutu r-riżultati tal-awtovalutazzjoni tagħhom fi ħdan il-Grupp ta' Kooperazzjoni.

(77)

Ir-responsabbiltà tal-iżgurar tas-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni hija, fil-parti l-kbira tagħha, f'idejn l-entitajiet essenzjali u importanti. Jenħtieġ li tiġi promossa u żviluppata kultura ta' ġestjoni tar-riskji, li tinvolvi valutazzjonijiet tar-riskji u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà xierqa għar-riskji ffaċċjati.

(78)

Jenħtieġ li l-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji jqisu l-livell ta' dipendenza tal-entità essenzjali jew importanti fuq in-network u s-sistemi tal-informazzjoni u jinkludu miżuri biex jiġi identifikat kwalunkwe riskju ta' inċidenti u biex jipprevjenu, jidentifikaw, jirreaġixxu u jirkupraw minn inċidenti u jnaqqsu l-impatt tagħhom. Is-sigurtà tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni jenħtieġ li tinkludi s-sigurtà tad-data maħżuna, trażmessa u pproċessata. Il-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà jenħtieġ li jipprovdu analiżi sistemika li tqis il-fattur uman, sabiex tingħata stampa sħiħa tas-sigurtà tan-network u tas-sistema tal-informazzjoni.

(79)

Peress li t-theddid għas-sigurtà tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni jista' jkollu għadd ta' oriġini differenti, il-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà jenħtieġ li jkunu bbażati fuq approċċ "li jqis kull periklu", li għandu l-għan li jipproteġi n-network u s-sistemi tal-informazzjoni u l-ambjent fiżiku ta' dawk is-sistemi minn avvenimenti bħal serq, nirien, għargħar, qtugħ fit-telekomunikazzjoni jew fl-elettriku jew aċċess fiżiku mhux awtorizzat u ħsara u interferenza fl-informazzjoni u l-faċilitajiet tal-ipproċessar tal-informazzjoni ta' entità essenzjali jew importanti li jistgħu jikkompromettu d-disponibbiltà, l-awtentiċità, l-integrità jew il-kunfidenzjalità tad-data maħżuna, trażmessa jew ipproċessata jew tas-servizzi offruti min-network u s-sistemi tal-informazzjoni, jew aċċessibbli permezz tagħhom. Għaldaqstant jenħtieġ li l-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà jindirizzaw ukoll is-sigurtà fiżika u ambjentali tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni billi jinkludu miżuri biex jipproteġu tali sistemi minn ħsarat fis-sistema, żbalji umani, atti malizzjużi jew fenomeni naturali, f'konformità ma' standards Ewropej u internazzjonali, bħal dawk inklużi fis-serje ISO/IEC 27000. F'dak ir-rigward, jenħtieġ li l-entitajiet essenzjali u importanti, bħala parti mill-miżuri tagħhom għall-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà, jindirizzaw ukoll is-sigurtà tar-riżorsi umani u jkollhom fis-seħħ politiki xierqa dwar il-kontroll tal-aċċess. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jkunu konsistenti mad-Direttiva (UE) 2022/2557.

(80)

Bl-iskop li tintwera l-konformità mal-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u fin-nuqqas ta' skemi Ewropej xierqa taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà adottati f'konformità mar-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), jenħtieġ li l-Istati Membri f'konsultazzjoni mal-Grupp ta' Kooperazzjoni u l-Grupp Ewropew taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà, jippromwovu l-użu tal-istandards Ewropej u internazzjonali rilevanti mill-entitajiet essenzjali u importanti jew jistgħu jirrikjedu li l-entitajiet jużaw prodotti tal-ICT, servizzi tal-ICT u proċessi tal-ICT iċċertifikati.

(81)

Biex tiġi evitata l-impożizzjoni ta' piż finanzjarju u amministrattiv sproporzjonat fuq l-entitajiet essenzjali u importanti, il-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà jenħtieġ li jkunu proporzjonati għar-riskju ppreżentat min-network u s-sistema tal-informazzjoni kkonċernati, filwaqt li jitqies l-avvanz tekniku ta' dawn il-miżuri u, fejn applikabbli, l-istandards Ewropej u internazzjonali rilevanti, kif ukoll l-ispiża biex jiġu implimentati.

(82)

Il-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà jenħtieġ li jkunu proporzjonati għall-grad ta' esponiment ta' entità essenzjali jew importanti għar-riskji u għall-impatt soċjetali u ekonomiku li inċident jista' jkollu. Meta jkunu qed jiġu stabbiliti miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà adattati għall-entitajiet essenzjali u importanti, jenħtieġ li jittieħed kont dovut tal-iskopertura diverġenti għar-riskju tal-entitajiet essenzjali u importanti, bħall-kritikalità tal-entità, ir-riskji, inklużi r-riskji soċjetali, li għalihom hija esposta, id-daqs tal-entità u l-probabbiltà li jseħħu inċidenti u s-severità tagħhom, inkluż l-impatt soċjetali u ekonomiku tagħhom.

(83)

L-entitajiet essenzjali u importanti jenħtieġ li jiżguraw is-sigurtà tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni li huma jużaw fl-attivitajiet tagħhom. Dawk is-sistemi huma primarjament network u sistemi tal-informazzjoni privati li jkunu ġestiti mill-persunal intern tal-IT tal-entitajiet essenzjali u importanti jew li s-sigurtà tagħhom tkun ġiet esternalizzata. Il-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u l-obbligi ta' rapportar stabbiliti f'din id-Direttiva jenħtieġ li japplikaw għall-entitajiet essenzjali u importanti rilevanti irrispettivament minn jekk dawk l-entitajiet imantnux in-network u s-sistemi tal-informazzjoni tagħhom internament jew jesternalizzawx il-manutenzjoni tagħhom.

(84)

Fid-dawl tan-natura transfruntiera tagħhom, il-fornituri ta' servizzi tad-DNS, ir-reġistri tal-ismijiet ta' TLD u l-fornituri ta' servizzi tal-cloud computing, il-fornituri ta' servizzi taċ-ċentri tad-data, il-fornituri ta' networks tat-twassil tal-kontenut, il-fornituri ta' servizzi ġestiti, il-fornituri ta' servizzi tas-sigurtà ġestiti, il-fornituri ta' swieq online, ta' magni tat-tiftix online u ta' pjattaformi ta' servizzi ta' networking soċjali u l-fornituri ta' servizzi fiduċjarji jenħtieġ li jkunu soġġetti għal livell għoli ta' armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà fir-rigward ta' dawk l-entitajiet jenħtieġ li tiġi ffaċilitata permezz ta' att ta' implimentazzjoni.

(85)

L-indirizzar tar-riskji li jirriżultaw mill-katina tal-provvista ta' entità u r-relazzjoni tagħha mal-fornituri tagħha, bħall-fornituri tal-ħżin tad-data u l-fornituri tas-servizzi ta' pproċessar jew servizzi tas-sigurtà ġestiti u edituri tas-software, huwa partikolarment importanti minħabba l-prevalenza ta' inċidenti meta l-entitajiet ikunu sfaw vittmi ta' attakki ċibernetiċi u meta atturi malizzjużi setgħu jikkompromettu s-sigurtà tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni ta' entità billi jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet li jaffettwaw prodotti u servizzi ta' parti terza. Għalhekk, jenħtieġ li l-entitajiet essenzjali u importanti jivvalutaw u jqisu l-kwalità u r-reżiljenza ġenerali tal-prodotti u s-servizzi, il-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà inkorporati fihom, kif ukoll il-prattiki taċ-ċibersigurtà tal-fornituri u l-fornituri tas-servizzi tagħhom, inklużi l-proċeduri tal-iżvilupp siguri tagħhom. L-entitajiet essenzjali u importanti jenħtieġ li b'mod partikolari jiġu mħeġġa jinkorporaw il-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà fl-arranġamenti kuntrattwali mal-fornituri diretti u l-fornituri tas-servizzi tagħhom. Dawk l-entitajiet jistgħu jikkunsidraw ir-riskji li jirriżultaw minn livelli oħra ta' fornituri u fornituri ta' servizzi.

(86)

Fost il-fornituri tas-servizzi, il-fornituri tas-servizz tas-sigurtà ġestiti f'oqsma bħar-rispons għall-inċidenti, l-ittestjar tal-penetrazzjoni, l-awditi tas-sigurtà u l-konsulenza għandhom rwol partikolarment importanti li jassistu lill-entitajiet fl-isforzi tagħhom biex jipprevjenu, jidettaw, jirrispondu jew jirkupraw minn inċidenti. Iżda anki l-fornituri tas-servizzi tas-sigurtà ġestiti nfushom kienu fil-mira ta' attakki ċibernetiċi u, minħabba l-integrazzjoni mill-qrib tagħhom fl-operazzjonijiet tal-entitajiet joħolqu riskju partikolari. Għalhekk jenħtieġ li l-entitajiet essenzjali u importanti jeżerċitaw aktar diliġenza fl-għażla tal-fornituri tas-servizz tas-sigurtà ġestiti.

(87)

L-awtoritajiet kompetenti, fil-kuntest tal-kompiti superviżorji tagħhom, jistgħu jibbenefikaw ukoll minn servizzi taċ-ċibersigurtà bħal awditi tas-sigurtà, ittestjar tal-penetrazzjoni jew rispons f'każ ta' inċident.

(88)

L-entitajiet essenzjali u importanti jenħtieġ li jindirizzaw ukoll ir-riskji li jirriżultaw mill-interazzjonijiet u r-relazzjonijiet tagħhom ma' partijiet interessati oħra f'ekosistema usa', inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġlieda kontra l-ispjunaġġ industrijali u l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali. B'mod partikolari, dawk l-entitajiet jenħtieġ li jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-kooperazzjoni tagħhom mal-istituzzjonijiet akkademiċi u tar-riċerka ssir f'konformità mal-politiki tagħhom dwar iċ-ċibersigurtà u timxi skont prattiki tajba relatati mal-aċċess u d-disseminazzjoni siguri tal-informazzjoni b'mod ġenerali u l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali b'mod partikolari. Bl-istess mod, minħabba l-importanza u l-valur tad-data għall-attivitajiet tal-entitajiet essenzjali u importanti, meta jiddependu fuq servizzi ta' trasformazzjoni tad-data u ta' analitika tad-data minn partijiet terzi, jenħtieġ li dawk l-entitajiet jieħdu l-miżuri xierqa kollha ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà.

(89)

L-entitajiet essenzjali u importanti jenħtieġ li jadottaw firxa wiesgħa ta' prattiki tal-iġjene ċibernetika bażika bħal prinċipji "b'fiduċja żero", aġġornamenti tas-software, konfigurazzjoni tal-apparat, segmentazzjoni tan-network, ġestjoni tal-identità u l-aċċess jew sensibilizzazzjoni tal-utent, jorganizzaw taħriġ għall-persunal tagħhom u jqajmu kuxjenza rigward theddid ċibernetiku, phishing jew tekniki ta' social engineering. Barra minn hekk, jenħtieġ li dawk l-entitajiet jevalwaw il-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà tagħhom stess u, fejn xieraq, ifittxu l-integrazzjoni ta' teknoloġiji li jsaħħu ċ-ċibersigurtà, bħal sistemi bbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali jew it-tagħlim awtomatiku biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom u s-sigurtà tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni.

(90)

Biex ikompli jindirizza r-riskji ewlenin fil-katina tal-provvista u jassisti lill-entitajiet essenzjali u importanti li joperaw fis-setturi koperti minn din id-Direttiva biex jimmaniġġjaw b'mod xieraq ir-riskji relatati mal-katina tal-provvista u l-fornituri, il-Grupp ta' Kooperazzjoni, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-ENISA, u, fejn xieraq, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, inkluż mill-industrija, jenħtieġ li jwettaq valutazzjonijiet tar-riskju tas-sigurtà kkoordinati tal-ktajjen tal-provvist , kif kien diġà sar għan-networks 5G skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/534 (19), bil-għan li jiġu identifikati, għal kull settur, is-servizzi, is-sistemi jew il-prodotti kritiċi tal-ICT, u t-theddid u l-vulnerabbiltajiet rilevanti. Tali valutazzjonijiet tar-riskju koordinati jenħtieġ li jidentifikaw il-miżuri, il-pjanijiet ta' mitigazzjoni u l-aħjar prattiki kontra dipendenzi kritiċi, punti uniċi potenzjali ta' falliment, theddid, vulnerabbiltajiet u riskji oħra assoċjati mal-katina tal-provvista u jenħtieġ li jesploraw modi kif ikomplu jinkoraġġixxu l-adozzjoni aktar mifruxa tagħhom mill-entitajiet essenzjali u importanti. Fatturi potenzjali ta' riskju mhux tekniċi, bħal influwenza mhux xierqa minn pajjiż terz fuq il-fornituri u l-fornituri tas-servizzi, b'mod partikolari fil-każ ta' mudelli alternattivi ta' governanza, jinkludu vulnerabbiltajiet moħbija jew backdoors u tfixkil sistematiku potenzjali fil-provvista, b'mod partikolari fil-każ ta' lock-in teknoloġiku jew dipendenza fuq il-fornitur.

(91)

Il-valutazzjonijiet koordinati tar-riskju għas-sigurtà ta' ktajjen tal-provvista kritiċi, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-settur ikkonċernat, jenħtieġ li jqisu l-fatturi tekniċi u, meta rilevanti, l-fatturi mhux tekniċi, inkluż dawk definiti fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2019/534, fil-valutazzjoni tar-riskju kkoordinata fl-UE taċ-ċibersigurtà tan-networks 5G u fis-Sett ta' Għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà 5G maqbula mill-Grupp ta' Kooperazzjoni. Biex jiġu identifikati l-ktajjen tal-provvista li jenħtieġ li jkunu soġġetti għal valutazzjoni tar-riskju għas-sigurtà kkoordinata, jenħtieġ li jitqiesu l-kriterji li ġejjin: (i) il-punt sa fejn l-entitajiet essenzjali u importanti jużaw u jiddependu fuq servizzi speċifiċi tal-ICT, sistemi tal-ICT jew prodotti tal-ICT kritiċi; (ii) ir-rilevanza ta' servizzi speċifiċi tal-ICT, sistemi tal-ICT jew prodotti tal-ICT kritiċi għat-twettiq ta' funzjonijiet kritiċi jew sensittivi, inkluż l-ipproċessar tad-data personali; (iii) id-disponibbiltà ta' servizzi tal-ICT, sistemi tal-ICT u prodotti tal-ICT alternattivi; (iv) ir-reżiljenza tal-katina tal-provvista ġenerali tas-servizzi tal-ICT, tas-sistemi tal-ICT jew tal-prodotti tal-ICT tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom kontra avvenimenti ta' tfixkil u (v) għas-servizzi tal-ICT, is-sistemi tal-ICT jew il-prodotti tal-ICT li qed jitfaċċaw, is-sinifikat futur potenzjali tagħhom għall-attivitajiet tal-entitajiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li titqiegħed enfasi partikolari fuq servizzi tal-ICT, sistemi tal-ICT jew prodotti tal-ICT li jkunu soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi li joriġinaw minn pajjiżi terzi.

(92)

Biex jiġu ssimplifikati l-obbligi imposti fuq il-fornituri ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika jew tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku, u fuq il-fornituri ta' servizzi fiduċjarji relatati mas-sigurtà tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni tagħhom, kif ukoll biex dawk l-entitajiet u l-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) u r-Regolament (UE) Nru 910/2014 rispettivament jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-qafas legali stabbilit minn din id-Direttiva, inkluża l-ħatra ta' CSIRT responsabbli għat-trattament tal-inċidenti, il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati fl-attivitajiet tal-Grupp ta' Kooperazzjoni u n-network tas-CSIRTs, jenħtieġ li dawn ikunu jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Għalhekk jenħtieġ li jitħassru d-dispożizzjonijiet korrispondenti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 u fid-Direttiva (UE) 2018/1972 relatati mal-impożizzjoni ta' rekwiżiti tas-sigurtà u n-notifika fuq dawk it-tipi ta' entitajiet. Ir-regoli dwar l-obbligi ta' rapportar stabbiliti f'din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE.

(93)

L-obbligi ta' ċibersigurtà stipulati f'din id-Direttiva jenħtieġ li jitqiesu bħala komplementari għar-rekwiżiti imposti fuq il-fornituri ta' servizzi fiduċjarji skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014. Il-fornituri ta' servizzi fiduċjarji jenħtieġ li jintalbu jieħdu l-miżuri xierqa u proporzjonati kollha biex jimmaniġġaw ir-riskji għas-servizzi tagħhom, inkluż b'rabta ma' klijenti u partijiet terzi dipendenti, u biex jirrapportaw l-inċidenti skont din id-Direttiva. Jenħtieġ li tali obbligi ta' ċibersigurtà u rapportar jikkonċernaw ukoll il-protezzjoni fiżika tas-servizzi pprovduti. Ir-rekwiżiti għall-fornituri ta' servizzi fiduċjarji kwalifikati stabbiliti fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jibqgħu japplikaw.

(94)

L-Istati Membri jistgħu jassenjaw ir-rwol ta' awtoritajiet kompetenti għas-servizzi fiduċjarji lill-korpi superviżorji skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 sabiex jiżguraw il-kontinwazzjoni tal-prattiki attwali u jibnu fuq l-għarfien u l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta' dak ir-Regolament. F'każ bħal dak, l-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva jenħtieġ li jikkooperaw mill-qrib u fil-ħin ma' dawk il-korpi superviżorji billi jiskambjaw informazzjoni rilevanti sabiex jiġu żgurati s-superviżjoni effettiva u l-konformità tal-fornituri ta' servizzi fiduċjarji mar-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Direttiva u r-Regolament (UE) Nru 910/2014. Fejn applikabbli, is-CSIRT jew l-awtorità kompetenti nazzjonali skont din id-Direttiva jenħtieġ li tgħarraf minnufih lill-korp superviżorju skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 bi kwalunkwe theddida jew inċident ċibernetiku sinifikanti notifikat li jaffettwaw is-servizzi fiduċjarji kif ukoll dwar kwalunkwe ksur minn fornitur ta' servizzi fiduċjarji ta' din id-Direttiva. Għall-finijiet ta' rapportar, l-Istati Membri jistgħu, fejn applikabbli, jużaw il-punt uniku ta' dħul stabbilit biex jinkiseb rapportar komuni u awtomatiku tal-inċidenti kemm lill-korp superviżorju skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 kif ukoll lis-CSIRT jew l-awtorità kompetenti skont din id-Direttiva.

(95)

Meta jkun xieraq u biex jiġi evitat tfixkil bla bżonn, il-linji gwida nazzjonali eżistenti adottati għat-traspożizzjoni tar-regoli relatati mal-miżuri tas-sigurtà stabbiliti fl-Artikoli 40 u 41 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 jenħtieġ li jitqiesu fit-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva, u b'hekk jibnu fuq l-għarfien u l-ħiliet diġà miksuba skont id-Direttiva (UE) 2018/1972 dwar miżuri ta' sigurtà u notifiki ta' inċidenti. L-ENISA tista' tiżviluppa wkoll gwida dwar ir-rekwiżiti tas-sigurtà u dwar l-obbligi tar-rapportar għall-fornituri ta' networks pubbliċi ta' komunikazzjoni elettronika jew servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament biex tiffaċilita l-armonizzazzjoni u t-tranżizzjoni u tnaqqas kemm jista' jkun ix-xkiel. L-Istati Membri jistgħu jassenjaw ir-rwol ta' awtoritajiet kompetenti għall-komunikazzjoni elettronika lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skont id-Direttiva (UE) 2018/1972 sabiex jiżguraw it-tkomplija tal-prattiki attwali u jibnu fuq l-għarfien u l-esperjenza miksuba b'riżultat tal-implimentazzjoni ta' dik id-Direttiva.

(96)

Minħabba l-importanza li qed tikber tas-servizzi ta' komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri kif definiti fid-Direttiva (UE) 2018/1972, jeħtieġ jiġi żgurat li s-servizzi ta' dan it-tip ikunu wkoll soġġetti għal rekwiżiti xierqa tas-sigurtà fid-dawl tan-natura speċifika u l-importanza ekonomika tagħhom. Aktar ma l-mira tal-attakki tkompli tikber, is-servizzi ta' komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri, bħas-servizzi tal-messaġġi, qed isiru vetturi ta' attakki mifruxin ħafna. Operaturi malizzjużi jużaw il-pjattaformi biex jikkomunikaw u jattiraw vittmi lejn paġni web miftuħa kompromessi, u għalhekk tikber il-probabbiltà ta' inċidenti li jinvolvu l-isfruttament ta' data personali, u, b'estensjoni, is-sigurtà tan-network u tas-sistemi ta' informazzjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi indipendenti min-numri jiżguraw ukoll livell ta' sigurtà tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni li jkun xieraq għar-riskji maħluqa. Peress li l-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri normalment ma jeżerċitawx kontroll effettiv fuq it-trażmissjoni tas-sinjali fuq in-networks, il-livell ta' riskji għal dawn is-servizzi jista' jitqies, f'ċerti aspetti, li huwa inqas minn dak għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika tradizzjonali. L-istess japplika għas-servizzi tal-komunikazzjoni interpersonali kif definit fid-Direttiva (UE) 2018/1972 li jużaw in-numri u li ma jeżerċitawx kontroll effettiv fuq it-trażmissjoni tas-sinjali.

(97)

Is-suq intern jiddependi aktar minn qatt qabel fuq il-funzjonament tal-internet. Is-servizzi ta' kważi l-entitajiet essenzjali u importanti kollha jiddependu fuq servizzi pprovduti fuq l-internet. Biex jiġi żgurat il-forniment bla xkiel tas-servizzi pprovduti mill-entitajiet essenzjali u importanti, huwa importanti li l-fornituri kollha tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika jkollhom miżuri xierqa taċ-ċibersigurtà u jirrapportaw l-inċidenti sinifikanti relatati magħhom. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li s-sigurtà tan-networks pubbliċi ta' komunikazzjoni elettronika tinżamm u li l-interessi fundamentali tas-sigurtà tagħhom ikunu protetti minn sabotaġġ u spjunaġġ. Peress li l-konnettività internazzjonali ttejjeb u taċċelera d-diġitalizzazzjoni kompetittiva tal-Unjoni u tal-ekonomija tagħha, l-inċidenti li jaffettwaw il-kejbils tal-komunikazzjoni ta' taħt il-baħar jenħtieġ li jiġu rrapportati lis-CSIRT jew, fejn applikabbli, lill-awtorità kompetenti. Jenħtieġ li l-istrateġija nazzjonali dwar iċ-ċibersigurtà, fejn rilevanti, tikkunsidra ċ-ċibersigurtà tal-kejbils tal-komunikazzjoni ta' taħt il-baħar u tinkludi mmappjar tar-riskji potenzjali taċ-ċibersigurtà u miżuri ta' mitigazzjoni biex jiġi żgurat l-ogħla livell ta' protezzjoni tagħhom.

(98)

Biex titħares is-sigurtà tan-networks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, jenħtieġ li jiġi promoss l-użu ta' teknoloġiji tal-kriptaġġ, b'mod partikolari l-kriptaġġ minn tarf sa tarf kif ukoll kunċetti tas-sigurtà ċċentrati fuq id-data, bħall-kartografija, is-segmentazzjoni, it-tagging, il-politika tal-aċċess u l-ġestjoni tal-aċċess, u deċiżjonijiet awtomatizzati dwar l-aċċess. Fejn meħtieġ, l-użu tal-kriptaġġ, b'mod partikolari l-kriptaġġ minn tarf sa tarf, jenħtieġ li jkun obbligatorju għall-fornituri ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika jew ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament f'konformità mal-prinċipji tas-sigurtà u tal-privatezza b'mod awtomatiku u mid-disinn għall-finijiet ta' din id-Direttiva. L-użu tal-kriptaġġ minn tarf sa tarf jenħtieġ li jiġi rikonċiljat mas-setgħat tal-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà u tas-sigurtà pubblika tagħhom, u li jippermetti l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali f'konformità mal-liġi tal-Unjoni. Madankollu jenħtieġ li dan ma jdgħajjifx il-kriptaġġ minn tarf sa tarf, li huwa teknoloġija kritika għall-protezzjoni effettiva tad-data u l-privatezza u s-sigurtà tal-komunikazzjonijiet .

(99)

Sabiex titħares is-sigurtà u jiġu pprevenuti l-abbuż u l-manipulazzjoni tan-networks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika u tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, jenħtieġ li jiġi promoss l-użu ta' standards ta' routing siguri biex jiġu żgurati l-integrità u r-robustezza tal-funzjonijiet tar-routing fl-ekosistema kollha tal-fornituri tas-servizzi ta' aċċess għall-internet.

(100)

Sabiex jitħarsu l-funzjonalità u l-integrità tal-internet u jiġu promossi s-sigurtà u r-reżiljenza tad-DNS, il-partijiet interessati rilevanti, inklużi l-entitajiet tas-settur privat tal-Unjoni, il-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament, partikolarment il-fornitur tas-servizzi ta' aċċess għall-internet, kif ukoll il-fornituri ta' magni tat-tiftix online, jenħtieġ li jiġu mħeġġa jadottaw strateġija ta' diversifikazzjoni tar-riżoluzzjoni tad-DNS. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jinkoraġġixxu l-iżvilupp u l-użu ta' servizz pubbliku u sigur Ewropew ta' riżoluzzjoni tad-DNS.

(101)

Din id-Direttiva tistabbilixxi approċċ f'diversi stadji għar-rapportar ta' inċidenti sinifikanti biex jintlaħaq il-bilanċ it-tajjeb bejn ir-rapportar rapidu, minn naħa, li jgħin biex itaffi l-firxa potenzjali ta' inċidenti sinifikanti u jippermetti lill-entitajiet essenzjali u importanti jfittxu assistenza, u r-rapportar approfondit, min-naħa l-oħra, li jislet tagħlimiet siewja minn inċidenti individwali u li maż-żmien itejjeb ir-reżiljenza ċibernetika ta' entitajiet individwali u setturi sħaħ. F'dak ir-rigward, din id-Direttiva jenħtieġ li tinkludi r-rapportar ta' inċidenti li, abbażi ta' valutazzjoni inizjali mwettqa mill-entità kkonċernata, jistgħu jikkawżaw tfixkil operattiv sostanzjali fis-servizzi jew telf finanzjarju għal dik l-entità jew jaffettwaw persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra billi jikkawżaw dannu materjali jew mhux materjali konsiderevoli. Tali valutazzjoni inizjali jenħtieġ li tqis, fost l-oħrajn, in-network u s-sistemi ta' informazzjoni affettwati, b'mod partikolari l-importanza tagħhom fil-forniment tas-servizzi tal-entità, is-severità u l-karatteristiċi tekniċi ta' theddida ċibernetika, u kwalunkwe vulnerabbiltà sottostanti li qed tiġi sfruttata kif ukoll l-esperjenza tal-entità b'inċidenti simili. Indikaturi bħal kemm jiġi affettwat il-funzjonament tas-servizz, kemm idum għaddej inċident jew kemm ikun kbir l-għadd ta' riċevituri tas-servizzi affettwati jista' jkollhom rwol importanti biex jiġi identifikat jekk l-interruzzjoni operazzjonali tas-servizz tkunx severa.

(102)

Meta l-entitajiet essenzjali jew importanti jsiru jafu b'xi inċident sinifikanti, jenħtieġ li dawn ikunu obbligati jippreżentaw twissija bikrija mingħajr dewmien bla bżonn u, fi kwalunkwe każ, fi żmien 24 siegħa. Dik it-twissija bikrija jenħtieġ li tkun segwita b'notifika ta' inċident. L-entitajiet kkonċernati jenħtieġ li jippreżentaw notifika ta' inċident mingħajr dewmien żejjed, u fi kwalunkwe każ fi żmien 72 siegħa minn meta jsiru jafu bl-inċident sinifikanti, bil-għan, b'mod partikolari, li jaġġornaw l-informazzjoni ppreżentata permezz tat-twissija bikrija u li jindikaw valutazzjoni inizjali tal-inċident sinifikanti, inkluż is-severità u l-impatt tiegħu, kif ukoll indikaturi ta' kompromess, fejn disponibbli. Rapport finali jenħtieġ li jiġi ppreżentat mhux aktar tard minn xahar wara n-notifika tal-inċident. It-twissija bikrija jenħtieġ li tinkludi biss l-informazzjoni meħtieġa biex is-CSIRT, jew l-awtorità kompetenti fejn applikabbli, issir taf bl-inċident sinifikanti u tippermetti lill-entità kkonċernata tfittex assistenza, jekk ikun meħtieġ. Tali twissija bikrija, fejn applikabbli, jenħtieġ li tindika jekk l-inċident sinifikanti jkunx issuspettat li hu kkawżat minn atti illegali jew malizzjużi, u jekk huwiex probabbli li jkollu impatt transfruntier. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-obbligu li tiġi ppreżentata dik it-twissija bikrija, jew in-notifika ta' inċident sussegwenti, ma jiddevjax ir-riżorsi tal-entità notifikanti minn attivitajiet relatati mat-trattament tal-inċidenti li jenħtieġ li jingħataw prijorità, sabiex jiġi pprevenut li l-obbligi ta' rapportar tal-inċidenti jew jiddevjaw ir-riżorsi mit-trattament tar-rispons għal inċidenti sinifikanti jew inkella jikkompromettu l-isforzi tal-entità f'dak ir-rigward. F'każ ta' inċident li jkun għaddej fiż-żmien tal-preżentazzjoni tar-rapport finali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-entitajiet ikkonċernati jipprovdu rapport ta' progress f'dak iż-żmien, u rapport finali fi żmien xahar minn meta jkunu ttrattaw l-inċident sinifikanti.

(103)

Meta jkun applikabbli, l-entitajiet essenzjali jew importanti jenħtieġ li, mingħajr dewmien żejjed, jikkomunikaw lir-riċevituri tas-servizz tagħhom kwalunkwe miżura jew rimedju li jistgħu jieħdu biex itaffu r-riskji li jirriżultaw minn theddida ċibernetika sinifikanti. Jenħtieġ li dawkkk l-entitajiet, fejn xieraq u b'mod partikolari meta t-theddida ċibernetika sinifikanti x'aktarx timmaterjalizza ruħha, jinfurmaw ukoll lir-riċevituri tas-servizz tagħhom bit-theddida nnifisha. Ir-rekwiżit li r-riċevituri ta' theddid ċibernetiku sinifikanti jiġu infurmati, jenħtieġ li jiġi ssodisfat abbażi tal-aqwa sforz possibbli iżda jenħtieġ li ma jeħlisx lil dawk l-entitajiet mill-obbligu li jieħdu, bi spejjeż tagħhom, miżuri adattati u immedjati biex jipprevjenu jew jirrimedjaw kwalunkwe theddid bħal dan u jistabbilixxu mill-ġdid il-livell ta' sigurtà normali tas-servizz. Jenħtieġ li tali informazzjoni dwar theddid ċibernetiku sinifikanti lir-riċevituri tas-servizz ikun mingħajr ħlas u tkun miktuba b'lingwaġġ li jkun faċli biex jinftiehem.

(104)

Jenħtieġ li l-fornituri ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika jew tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jimplimentaw is-sigurtà mid-disinn u b'mod awtomatiku u jinfurmaw lir-riċevituri tas-servizz tagħhom dwar theddid ċibernetiku sinifikanti u dwar il-miżuri addizzjonali li jistgħu jieħdu biex jipproteġu s-sigurtà tal-apparat u tal-komunikazzjonijiet tagħhom, pereżempju billi jużaw tipi speċifiċi ta' software jew teknoloġiji ta' kriptaġġ.

(105)

Approċċ proattiv għat-theddid ċibernetiku huwa komponent essenzjali tal- ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà li jenħtieġ li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jipprevjenu b'mod effettiv it-theddid ċibernetiku milli jimmaterjalizza ruħu f'inċidenti li jistgħu jikkawżaw dannu materjali jew mhux materjali konsiderevoli. Għal dak il-għan, in-notifika ta' theddid ċibernetiku hija ta' importanza kruċjali. B'dak l-iskop, l-entitajiet huma mħeġġa jirrapportaw theddid ċibernetiku fuq bażi volontarja.

(106)

Sabiex jiġi ssimplifikat ir-rapportar tal-informazzjoni meħtieġ skont din id-Direttiva u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-entitajiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu mezzi tekniċi bħal punt uniku ta' dħul, sistemi awtomatizzati, formoli online, interfaċċi faċli għall-utent, mudelli, pjattaformi ddedikati għall-użu ta' entitajiet, kemm jekk jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva kif ukoll jekk ikunu esklużi minnu, għas-sottomissjoni tal-informazzjoni rilevanti li għandha tiġi rrappurtata. Il-finanzjament tal-Unjoni li jappoġġa l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fl-ambitu tal-programm Ewropa Diġitali stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), jista' jinkludi appoġġ għal punti uniċi ta' dħul. Barra minn hekk, l-entitajiet ta' spiss ikollhom jirrapportaw inċident partikolari, minħabba l-karatteristiċi tiegħu, lil diversi awtoritajiet minħabba l-obbligi ta' notifika inklużi f'diversi strumenti legali. Dawn l-istanzi joħolqu piż amministrattiv addizzjonali u jistgħu jwasslu wkoll għal inċertezzi rigward il-format u l-proċeduri ta' dawn in-notifiki. Fejn ikun stabbilit punt ta' dħul uniku, l-Istati Membri huma mħeġġa jużaw ukoll dak il-punt uniku ta' dħul għan-notifiki ta' inċidenti tas-sigurtà meħtieġa skont liġi oħra tal-Unjoni, bħar-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE. Jenħtieġ li l-użu ta' tali punt uniku ta' dħul għar-rapportar ta' inċidenti tas-sigurtà skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE ma jaffettwax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 u tad-Direttiva 2002/58/KE, partikolarment dawk relatati mal-indipendenza tal-awtoritajiet imsemmija fihom. Jenħtieġ li l-ENISA, f'kooperazzjoni mal-Grupp ta' Kooperazzjoni, tiżviluppa u ttejjeb kontinwament mudelli ta' notifika komuni permezz ta' linji gwida li jissimplifikaw u jirrazzjonalizzaw l-informazzjoni li għandha tiġi rrappurtata skont il-liġi tal-Unjoni u jnaqqsu l-piż amministrattiv fuq l-entitajiet notifikanti.

(107)

Meta jkun suspettat li inċident huwa relatat ma' attivitajiet kriminali serji skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, l-Istati Membri jenħtieġ li jinkoraġġixxu lill-entitajiet essenzjali u importanti, skont ir-regoli tal-proċedimenti kriminali applikabbli f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, biex l-inċidenti suspettati li għandhom natura kriminali serja jirrapportawhom lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi rilevanti. Meta jkun xieraq, u mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali li japplikaw għall-Europol, huwa mixtieq li l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta' Stati Membri differenti tiġi ffaċilitata miċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) u l-ENISA.

(108)

Ħafna drabi, id-data personali tiġi kompromessa minħabba inċidenti. F'dak il-kuntest, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni dwar il-kwistjonijiet rilevanti kollha mal-awtoritajiet imsemmija fir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE.

(109)

Iż-żamma ta' bażijiet tad-data preċiżi u kompleti tad-data tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji (data WHOIS) u l-għoti ta' aċċess legali għal tali data huma essenzjali biex jiġu żgurati s-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza tad-DNS, li min-naħa tagħha tikkontribwixxi għal livell komuni għoli ta' ċibersigurtà fl-Unjoni. Għal dak l-iskop speċifiku, ir-reġistri tal-ismijiet tat-TLD u l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji jenħtieġ li jkunu meħtieġa jipproċessaw ċerta data meħtieġa biex jintlaħaq dak l-għan. Tali pproċessar jenħtieġ li jikkostitwixxi obbligu legali skont it-tifsira tal-Artikolu 6(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2016/679. Dak l-obbligu huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li tinġabar data dwar ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji għal finijiet oħra, pereżempju abbażi ta' arranġamenti kuntrattwali jew rekwiżiti legali stabbiliti f'liġijiet oħra tal-Unjoni jew nazzjonali. Dak l-obbligu għandu l-għan li jikseb sett komplut u preċiż ta' data tar-reġistrazzjoni u jenħtieġ li ma jirriżultax fil-ġbir tal-istess data diversi drabi. Ir-reġistri tal-ismijiet tat-TLD u l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji jenħtieġ li jikkooperaw ma' xulxin sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' dak il-kompitu.

(110)

Id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà f'waqtha tad-data tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji għal dawk li jfittxu aċċess leġittimu, huma essenzjali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż tad-DNS, u għall-prevenzjoni u d-detezzjoni ta', u r-rispons għall-inċidenti. Dawk li jfittxu aċċess leġittimu għandhom jinftiehmu bħala kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel talba skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali. Dawn jistgħu jinkludu l-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva u dawk li huma kompetenti skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, kif ukoll CERTs jew CSIRTs . Għalhekk jenħtieġ li r-reġistri tal-ismijiet tat-TLD u l-entitajiet li jipprovdu servizzi tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji jintalbu jippermettu l-aċċess legali għal data speċifika tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji meħtieġa għall-finijiet tal-aċċess mitlub, lil persuni li jfittxu aċċess leġittimu f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali. It-talba ta' dawk li jfittxu aċċess leġittimu jenħtieġ li tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni tar-raġunijiet li tippermetti l-valutazzjoni tal-ħtieġa ta' aċċess għad-data.

(111)

Biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' data preċiża u kompleta dwar ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji, ir-reġistri tal-ismijiet tat-TLD u l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji jenħtieġ li jiġbru u jiżguraw l-integrità u d-disponibbiltà tad-data tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji. B'mod partikolari, jenħtieġ li r-reġistri tal-ismijiet tat-TLD u l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji jistabbilixxu politiki u proċeduri biex jiġbru u jżommu data tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominji preċiża u kompleta, kif ukoll biex jipprevjenu u jikkoreġu d-data tar-reġistrazzjoni li ma tkunx preċiża, f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Tali politiki u proċeduri jenħtieġ li jqisu, sa fejn ikun possibbli, l-istandards żviluppati mill-istrutturi ta' governanza b'diversi partijiet interessati fil-livell internazzjonali. Ir-reġistri tal-ismijiet tat-TLD u l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji jenħtieġ li jadottaw u jimplimentaw proċeduri proporzjonati biex jivverifikaw id-data tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji. Dawk il-proċeduri għandhom jirriflettu l-aħjar prattiki użati fl-industrija u, sa fejn ikun possibbli, il-progress magħmul fil-qasam tal-identifikazzjoni elettronika. Eżempji ta' proċeduri ta' verifika jistgħu jinkludu kontrolli ex ante mwettqa fil-ħin tar-reġistrazzjoni u kontrolli ex post imwettqa wara r-reġistrazzjoni. Ir-reġistri tal-ismijiet tat-TLD u l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji jenħtieġ li, b'mod partikolari, jivverifikaw tal-anqas mezz wieħed ta' kuntatt tar-reġistrant.

(112)

Jenħtieġ li r-reġistri tal-ismijiet tat-TLD u l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji jintalbu jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku d-data tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, bħal data li tikkonċerna persuni ġuridiċi, f'konformità mal-preambolu tar-Regolament (UE) 2016/679. Għall-persuni ġuridiċi, ir-reġistri tal-ismijiet tat-TLD u l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji jenħtieġ li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-anqas l-isem tar-reġistrant u n-numru tat-telefon ta' kuntatt. L-indirizz ta' kuntatt tal-posta elettronika għandu jiġi ppubblikat ukoll, sakemm ma jkun fih l-ebda data personali, bħal fil-każ ta' psewdonimi tal-email jew kontijiet funzjonali. Jenħtieġ li r-reġistri tal-ismijiet tat-TLD u l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji jippermettu wkoll aċċess legali għal data speċifika tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji li tikkonċerna persuni fiżiċi, lil persuni li jridu aċċess leġittimu, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. L-Istati Membri jenħtieġ li jobbligaw lir-reġistri tal-ismijiet tat-TLD u l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji jirrispondu mingħajr dewmien żejjed għal talbiet għad-divulgazzjoni tad-data tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji minn persuni li jfittxu aċċess leġittimu. Ir-reġistri tal-ismijiet tat-TLD u l-entitajiet li jipprovdu servizzi tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji jenħtieġ li jistabbilixxu politiki u proċeduri għall-pubblikazzjoni u d-divulgazzjoni tad-data tar-reġistrazzjoni, inkluż ftehimiet fil-livell ta' servizz biex jittrattaw it-talbiet għal aċċess mingħand dawk li jridu aċċess leġittimu. Tali politiki u proċeduri jenħtieġ li jqisu, sa fejn ikun possibbli, kwalunkwe gwida u l-istandards żviluppati mill-istrutturi ta' governanza b'diversi partijiet interessati fil-livell internazzjonali. Il-proċedura tal-aċċess tista' tinkludi l-użu ta' interfaċċa, portal jew għodda teknika oħra biex tiġi pprovduta sistema effiċjenti għal talbiet u aċċess għad-data tar-reġistrazzjoni. Bil-ħsieb li tippromwovi prattiki armonizzati fis-suq intern kollu, il-Kummissjoni tista', mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tipprovdi linji gwida fir-rigward ta' tali proċeduri, li jqisu, sa fejn ikun possibbli, l-istandards żviluppati mill-istrutturi ta' governanza b'diversi partijiet interessati fil-livell internazzjonali. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li kull tip ta' aċċess għad-data personali kif ukoll mhux personali tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji jkun mingħajr ħlas.

(113)

L-entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jenħtieġ li jitqiesu li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti. Madankollu, il-fornituri tan-networks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika jew il-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-ġurżdizzjoni tal-Istat Membru li fih jipprovdu s-servizzi tagħhom. Il-fornituri ta' servizzi tad-DNS, ir-reġistri tal-ismijiet tat-TLD, l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji, il-fornituri ta' servizzi tal-cloud computing, il-fornituri ta' servizzi ta' ċentri tad-data, il-fornituri ta' networks tal-konsenja tal-kontenut, il-fornituri ta' servizzi ġestiti, il-fornituri ta' servizzi tas-sigurtà ġestiti, kif ukoll il-fornituri ta' swieq online, ta' magni tat-tiftix online, u ta' pjattaformi ta' servizzi ta' networking soċjali, jenħtieġ li jitqiesu li jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru fejn għandhom l-istabbiliment prinċipali tagħhom fl-Unjoni. L-entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika jenħtieġ li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru li jkun stabbilihom. Jekk l-entità tipprovdi servizzi jew tkun stabbilita f'aktar minn Stat Membru wieħed, din jenħtieġ li taqa' taħt il-ġuriżdizzjoni separata u konkorrenti ta' kull wieħed minn dawk l-Istati Membri. L-awtoritajiet kompetenti ta' dawk l-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw, jipprovdu assistenza reċiproka lil xulxin u, meta jkun xieraq, iwettqu azzjonijiet superviżorji konġunti. Fejn l-Istati Membri jeżerċitaw ġuriżdizzjoni, jenħtieġ li ma jimponux miżuri ta' infurzar jew pieni aktar minn darba għall-istess imġiba, f'konformità mal-prinċipju ta' ne bis in idem.

(114)

Biex titqies in-natura transfruntiera tas-servizzi u l-operazzjonijiet tal-fornituri ta' servizzi tad-DNS, ir-reġistri tal-ismijiet tat-TLD, l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji, il-fornituri ta' servizzi tal-cloud computing, il-fornituri ta' servizzi ta' ċentri tad-data, il-fornituri ta' network tal-konsenja tal-kontenut, il-fornituri ta' servizzi ġestiti, il-fornituri ta' servizzi tas-sigurtà ġestiti, kif ukoll il-fornituri ta' swieq online, ta' magni tat-tiftix online u ta' pjattaformi ta' servizzi ta' networking soċjali, jenħtieġ li Stat Membru wieħed biss ikollu ġuriżdizzjoni fuq dawn l-entitajiet. Jenħtieġ li l-ġuriżdizzjoni tiġi attribwita lill-Istat Membru fejn l-entità kkonċernata jkollha l-istabbiliment ewlieni tagħha fl-Unjoni. Il-kriterju tal-istabbiliment għall-finijiet ta' din id-Direttiva jimplika l-eżerċizzju effettiv ta' attività permezz ta' arranġamenti stabbli. Il-forma legali ta' dawn l-arranġamenti, sew jekk permezz ta' fergħa jew sussidjarja b'personalità ġuridika, mhix il-fattur determinanti f'dak ir-rigward. Il-konformità ma' dak il-kriterju jenħtieġ li ma tkunx tiddependi fuq jekk in-network u s-sistemi tal-informazzjoni jkunux jinsabu fiżikament f'post partikolari; il-preżenza u l-użu ta' tali sistemi, fihom infushom, ma jikkostitwux tali stabbiliment ewlieni u għalhekk mhumiex kriterji deċiżivi għad-determinazzjoni tal-istabbiliment ewlieni. Jenħtieġ li l-istabbiliment ewlieni jitqies li jkun fl-Istat Membru fejn jittieħdu l-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet relatati mal-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni. Tipikament, dan ikun jikkorrispondi għall-post tal-amministrazzjoni ċentrali tal-entitajiet fl-Unjoni. Jekk tali Stat Membru ma jkunx jista' jiġi ddeterminat jew jekk tali deċiżjonijiet ma jittiħdux fl-Unjoni, l-istabbiliment ewlieni jenħtieġ li jitqies li jkun fl-Istat Membru fejn jitwettqu l-operazzjonijiet taċ-ċibersigurtà. Jekk tali Stat Membru ma jkunx jista' jiġi ddeterminat, l-istabbiliment ewlieni jenħtieġ li jitqies li jkun fl-Istat Membru fejn l-entità jkollha l-istabbiliment bl-akbar numru ta' impjegati fl-Unjoni. Meta s-servizzi jitwettqu minn grupp ta' impriżi, l-istabbiliment ewlieni tal-impriża li tikkontrolla jenħtieġ li jitqies bħala l-istabbiliment ewlieni tal-grupp ta' impriżi.

(115)

Meta servizz tad-DNS rikursiv jiġi pprovdut minn fornitur ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika jew tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku biss bħala parti mis-servizz ta' aċċess għall-internet, l-entità jenħtieġ li titqies li taqa' taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istati Membri kollha fejn jiġu pprovduti s-servizzi tagħha.

(116)

Meta fornitur ta' servizz tad-DNS, reġistru ta' ismijiet tat-TLD, entità li tipprovdi servizzi ta' reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' dominji, fornitur ta' servizzi tal-cloud computing, fornitur ta' servizzi ta' ċentru tad-data, fornitur ta' networks tal-konsenja tal-kontenut, fornitur ta' servizzi ġestiti, fornitur ta' servizzi tas-sigurtà ġestiti jew fornitur ta' suq online, ta' magna tat-tiftix online, jew ta' pjattaforma ta' servizzi ta' networking soċjali, li ma jkunux stabbiliti fl-Unjoni, joffru servizzi fl-Unjoni, jenħtieġ li jaħtru rappreżentant fl-Unjoni. Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali entità hix qed toffri servizzi fl-Unjoni, jenħtieġ li jiġi aċċertat jekk l-entità hux qed tippjana li toffri servizzi lil persuni fi Stat Membru wieħed jew aktar. Is-sempliċi aċċessibbiltà fl-Unjoni tas-sit web tal-entità jew ta' intermedjarju jew ta' indirizz tal-email u dettalji ta' kuntatt oħrajn, jew l-użu ta' lingwa użata b'mod ġenerali fil-pajjiż terz fejn tkun stabbilita l-entità, jenħtieġ li jitqiesu bħala insuffiċjenti biex tiġi aċċertata tali intenzjoni. Madankollu, fatturi bħall-użu ta' lingwa jew munita użata b'mod ġenerali fi Stat Membru wieħed jew aktar bil-possibbiltà li jiġu ordnati servizzi b'dik il-lingwa, jew ir-referenza għal klijenti jew utenti li jinsabu fl-Unjoni, jistgħu juru li l-entità qed tippjana li toffri servizzi fl-Unjoni. Ir-rappreżentant jenħtieġ li jaġixxi f'isem l-entità u jenħtieġ li jkun possibbli li l-awtoritajiet kompetenti jew is-CSIRTs jindirizzaw lir-rappreżentant. Ir-rappreżentant jenħtieġ li jiġi maħtur espliċitament b'mandat bil-miktub tal-entità biex jaġixxi f'isem din tal-aħħar fir-rigward tal-obbligi ta' din tal-aħħar stipulati f'din id-Direttiva, inkluż ir-rapportar tal-inċidenti.

(117)

Sabiex tiġi żgurata ħarsa ġenerali ċara lejn il-fornituri ta' servizzi tad-DNS, ir-reġistri ta' ismijiet tat-TLD, l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' dominji, il-fornituri ta' servizzi ta' cloud computing, il-fornituri ta' servizzi ta' ċentri tad-data, il-fornituri ta' networks tal-konsenja tal-kontenut, il-fornituri ta' servizzi ġestiti, il-fornituri ta' servizzi tas-sigurtà ġestiti, kif ukoll il-fornituri ta' swieq online, ta' magni tat-tiftix online, u ta' pjattaformi ta' servizzi ta' networking soċjali, li jipprovdu servizzi madwar l-Unjoni li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-ENISA jenħtieġ li toħloq u żżomm reġistru ta' tali entitajiet, abbażi tal-informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri, fejn applikabbli permezz ta' mekkaniżmi nazzjonali stabbiliti biex l-entitajiet jirreġistraw lilhom infushom. Il-punti uniċi ta' kuntatt jenħtieġ li jibagħtu lill-ENISA l-informazzjoni u kwalunkwe bidla fiha. Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-eżattezza u l-kompletezza tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża f'dak ir-reġistru, l-Istati Membri jistgħu jippreżentaw lill-ENISA l-informazzjoni disponibbli fi kwalunkwe reġistri nazzjonali dwar dawk l-entitajiet. Jenħtieġ li l-ENISA u l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw l-interoperabbiltà ta' tali reġistri, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali jew klassifikata. Jenħtieġ li l-ENISA tistabbilixxi protokolli xierqa ta' klassifikazzjoni u ġestjoni tal-informazzjoni biex tiżgura s-sigurtà u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni żvelata u tillimita l-aċċess, il-ħżin u t-trażmissjoni ta' tali informazzjoni għall-utenti maħsuba.

(118)

Meta informazzjoni li hija klassifikata f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali tiġi skambjata, irrapportata jew kondiviża b'xi mod ieħor skont din id-Direttiva, jenħtieġ li jiġu applikati r-regoli korrispondenti dwar it-trattament ta' informazzjoni klassifikata. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ENISA jkollha l-infrastruttura, il-proċeduri u r-regoli fis-seħħ biex tittratta informazzjoni sensittiva u klassifikata f'konformità mar-regoli ta' sigurtà applikabbli għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE.

(119)

It-theddid ċibernetiku qed isir aktar kumpless u sofistikat, u għalhekk miżuri tajba għad-detezzjoni u l-prevenzjoni ta' tali theddid jiddependu ferm fuq il-kondiviżjoni regolari ta' intelligence dwar it-theddid u l-vulnerabbiltà bejn l-entitajiet. Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni tikkontribwixxi għal aktar sensibilizzazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku u, konsegwentement, dan isaħħaħ il-kapaċità tal-entitajiet li jipprevjenu li tali theddid jimmaterjalizza f'inċidenti reali u jippermetti lill-entitajiet irażżnu aħjar l-effetti tal-inċidenti u jirkupraw b'aktar effiċjenza. Fin-nuqqas ta' gwida fil-livell tal-Unjoni, jidher li hemm diversi fatturi li ostakolaw tali kondiviżjoni ta' intelligence, b'mod partikolari l-inċertezza dwar il-kompatibbiltà mar-regoli tal-kompetizzjoni u tar-responsabbiltà.

(120)

L-entitajiet jenħtieġ li jiġu mħeġġa u assistiti mill-Istati Membri biex jisfruttaw kollettivament l-għarfien individwali u l-esperjenza prattika tagħhom f'livelli strateġiċi, tattiċi u operazzjonali bil-ħsieb li jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom biex jipprevjenu u jidentifikaw l-inċidenti, jirrispondu għalihom, jirkupraw minnhom jew jimmitigaw l-impatt tagħhom. Għalhekk jeħtieġ ikun possibbli li fil-livell tal-Unjoni jinħolqu arranġamenti volontarji ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jassistu u jħeġġu b'mod attiv lill-entitajiet, bħal dawk li jipprovdu servizzi u riċerka taċ-ċibersigurtà, kif ukoll entitajiet rilevanti mhux koperti mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, biex jipparteċipaw f'tali arranġamenti ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà. Dawk l-arranġamenti jenħtieġ li jiġu stabbiliti f'konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

(121)

L-ipproċessar ta' data personali, sa fejn ikun meħtieġ u proporzjonat għall-fini li tiġi żgurata s-sigurtà tan-networks u s-sistemi tal-informazzjoni minn entitajiet essenzjali u importanti, jista' jitqies bħala legali fuq il-bażi li tali pproċessar ikun konformi ma' obbligu legali li għalih ikun soġġett il-kontrollur, f'konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1), il-punt (c), u l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2016/679. L-ipproċessar ta' data personali jista' jkun meħtieġ ukoll għal interessi leġittimi segwiti minn entitajiet essenzjali u importanti, kif ukoll fornituri ta' teknoloġiji u servizzi tas-sigurtà li jaġixxu f'isem dawk l-entitajiet, skont l-Artikolu 6(1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2016/679, inkluż meta tali pproċessar ikun meħtieġ għal arranġamenti ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà jew in-notifika volontarja ta' informazzjoni rilevanti f'konformità ma' din id-Direttiva. Il-miżuri relatati mal-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-identifikazzjoni, it-trażżin, u l-analiżi tal-inċidenti u r-rispons għalihom, il-miżuri għas-sensibilizzazzjoni dwar theddid ċibernetiku speċifiku, l-iskambju ta' informazzjoni fil-kuntest tar-rimedju tal-vulnerabbiltà u d-divulgazzjoni kkoordinata tal-vulnerabbiltà, l-iskambju volontarju ta' informazzjoni dwar dawk l-inċidenti, u t-theddid ċibernetiku u l-vulnerabbiltajiet, l-indikaturi ta' kompromess, tattiċi, tekniki u proċeduri, it-twissijiet taċ-ċibersigurtà u l-għodod ta' konfigurazzjoni jistgħu jeżiġu l-ipproċessar ta' ċerti kategoriji ta' data personali, bħal indirizzi IP, lokalizzaturi uniformi tar-riżorsi (URLs), ismijiet ta' dominji, indirizzi tal-email u, fejn jiżvelaw data personali, kronogrammi. L-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti, mill-punti uniċi ta' kuntatt u mis-CSIRTs, jista' jikkostitwixxi obbligu legali jew jitqies bħala meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur tad-data skont l-Artikolu 6(1), il-punt (c) jew (e), u l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2016/679, jew biex jiġi segwit interess leġittimu ta' entitajiet essenzjali u importanti, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1), il-punt (f), ta’dak ir-Regolament. Barra minn hekk, il-liġi nazzjonali tista' tistabbilixxi regoli li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti, lill-punti uniċi ta' kuntatt u lis-CSIRTs, sa fejn dan ikun meħtieġ u proporzjonat għall-fini li tiġi żgurata s-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni ta' entitajiet essenzjali u importanti, jipproċessaw kategoriji speċjali ta' data personali f'konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/679, b'mod partikolari billi jiġu previsti miżuri xierqa u speċifiċi biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-interessi fundamentali ta' persuni fiżiċi, inklużi limitazzjonijiet tekniċi fuq l-użu mill-ġdid ta' tali data u l-użu ta' miżuri ta' sigurtà u ta' preżervazzjoni tal-privatezza tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, bħall-psewdonimizzazzjoni, jew il-kriptaġġ meta l-anonimizzazzjoni tkun tista' taffettwa b'mod sinifikanti l-għan fil-mira.

(122)

Biex jissaħħu s-setgħat u l-miżuri superviżorji li jgħinu biex tiġi żgurata konformità effettiva, din id-Direttiva jenħtieġ li tipprevedi lista minima ta' miżuri u mezzi superviżorji li permezz tagħhom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jissorveljaw lill-entitajiet essenzjali u importanti. Barra minn hekk, din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi divrenzjar tar-reġim superviżorju bejn l-entitajiet essenzjali u importanti biex jiġi żgurat bilanċ ġust tal-obbligi fuq dawk l-entitajiet u fuq l-awtoritajiet kompetenti. Għalhekk, l-entitajiet essenzjali jenħtieġ li jkunu soġġetti għal reġim superviżorju ex ante u ex post komprensiv, filwaqt li l-entitajiet importanti jenħtieġ li jkunu soġġetti għal reġim superviżorju ħafif, ex post biss. L-entitajiet importanti għalhekk jenħtieġ li ma jkunux obbligati jiddokumentaw b'mod sistematiku l-konformità mal-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà, filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jimplimentaw approċċ reattiv ex post għas-superviżjoni u, b'hekk, ma jkollhomx obbligu ġenerali li jissorveljaw lil dawk l-entitajiet. Is-superviżjoni ex post ta' entitajiet importanti tista' tiġi skattata permezz ta' evidenza, indikazzjoni jew informazzjoni li tinġieb għall-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti meqjusa minn dawk l-awtoritajiet bħala li tissuġġerixxi ksur potenzjali ta' din id-Direttiva. Pereżempju, tali evidenza, indikazzjoni jew informazzjoni tista' tkun tat-tip ipprovduta lill-awtoritajiet kompetenti minn awtoritajiet oħrajn, entitajiet, ċittadini, media jew sorsi oħra jew informazzjoni disponibbli pubblikament, jew tista' tirriżulta minn attivitajiet oħra mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

(123)

Jenħtieġ li l-eżekuzzjoni tal-kompiti superviżorji mill-awtoritajiet kompetenti ma tfixkilx bla bżonn l-attivitajiet kummerċjali tal-entità kkonċernata. Meta l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kompiti superviżorji tagħhom fir-rigward ta' entitajiet essenzjali, inkluż it-twettiq ta' spezzjonijiet fuq il-post u superviżjoni mhux fuq il-post, l-investigazzjoni ta' ksur ta' din id-Direttiva u t-twettiq ta' awditi tas-sigurtà jew skennjar tas-sigurtà, jenħtieġ li jimminimizzaw l-impatt fuq l-attivitajiet kummerċjali tal-entità kkonċernata.

(124)

Fl-eżerċizzju tas-superviżjoni ex ante, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar il-prijoritizzazzjoni tal-użu tal-miżuri u l-mezzi superviżorji għad-dispożizzjoni tagħhom b'mod proporzjonat. Dan ifisser li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu dwar tali prijoritizzazzjoni abbażi ta' metodoloġiji superviżorji li jenħtieġ li jsegwu approċċ ibbażat fuq ir-riskju. B'mod aktar speċifiku, tali metodoloġiji jistgħu jinkludu kriterji jew parametri referenzjarji għall-klassifikazzjoni ta' entitajiet essenzjali f'kategoriji ta' riskju u miżuri u mezzi superviżorji korrispondenti rrakkomandati għal kull kategorija ta' riskju, bħall-użu, il-frekwenza jew it-tipi ta' spezzjonijiet fuq il-post, awditi tas-sigurtà jew skennjar tas-sigurtà mmirati, it-tip ta' informazzjoni li għandha tintalab u l-livell ta' dettall ta' dik l-informazzjoni. Tali metodoloġiji superviżorji jistgħu jkunu akkumpanjati wkoll minn programmi ta' ħidma u jiġu vvalutati u rieżaminati fuq bażi regolari, inkluż dwar aspetti bħall-allokazzjoni tar-riżorsi u l-ħtiġijiet. Fir-rigward tal-entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika, is-setgħat superviżorji jenħtieġ li jiġu eżerċitati bi qbil mal-oqfsa leġiżlattivi u istituzzjonali nazzjonali.

(125)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li l-kompiti superviżorji tagħhom fir-rigward tal-entitajiet essenzjali u importanti jitwettqu minn professjonisti mħarrġa, li jenħtieġ li jkollhom il-ħiliet meħtieġa biex iwettqu dawk il-kompiti, b'mod partikolari fir-rigward tat-twettiq ta' spezzjonijiet fuq il-post u superviżjoni mhux fuq il-post, inkluża l-identifikazzjoni tad-dgħufijiet fil-bażijiet tad-data, il-hardware, il-firewalls, il-kriptaġġ u n-networks. Jenħtieġ li dawk l-ispezzjonijiet u dik is-superviżjoni jitwettqu b'mod oġġettiv.

(126)

F'każijiet debitament sostanzjati meta tkun konxja minn theddida ċibernetika sinifikanti jew riskju imminenti, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tkun tista' tieħu deċiżjonijiet ta' infurzar immedjati bil-għan li tipprevjeni jew tirrispondi għal inċident.

(127)

Għal infurzar effettiv, jenħtieġ li tiġi stabbilita lista minima ta' setgħat ta' infurzar li jistgħu jiġu eżerċitati għall-ksur tal-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u tal-obbligi tar-rapportar previsti f'din id-Direttiva, filwaqt li jiġi stabbilit qafas ċar u konsistenti għal tali infurzar madwar l-Unjoni. Jenħtieġ li jitqiesu kif xieraq in-natura, il-gravità u t-tul tal-ksur ta' din id-Direttiva, id-dannu materjali jew mhux materjali kkawżat, jekk il-ksur kienx intenzjonali jew negliġenti, l-azzjonijiet meħuda għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tad-dannu materjali jew mhux materjali, il-grad ta' responsabbiltà jew kwalunkwe ksur preċedenti rilevanti, il-grad ta' kooperazzjoni mal-awtorità kompetenti u kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti ieħor. Il-miżuri ta' infurzar, inklużi l-multi amministrattivi, jenħtieġ li jkunu proporzjonali u jenħtieġ li l-impożizzjoni tagħhom tkun soġġetta għal salvagwardji proċedurali xierqa f'konformità mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("il-Karta"), inklużi d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, il-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt għad-difiża.

(128)

Din id-Direttiva ma teħtieġx li l-Istati Membri jipprovdu għal responsabbiltà kriminali jew ċivili fir-rigward ta' persuni fiżiċi bir-responsabbiltà li jiżguraw li entità tikkonforma ma' din id-Direttiva għad-danni mġarrba minn partijiet terzi b'riżultat ta' ksur ta' din id-Direttiva.

(129)

Sabiex jiġi żgurat infurzar effettiv tal-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva, kull awtorità kompetenti jenħtieġ li jkollha s-setgħa li timponi jew titlob l-impożizzjoni ta' multi amministrattivi.

(130)

Meta tiġi imposta multa amministrattiva fuq entità essenzjali jew importanti li tkun impriża, it-terminu "impriża" jenħtieġ li jfisser impriża f'konformità mal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE għal dawk il-finijiet. Meta tiġi imposta multa amministrattiva fuq persuna li mhijiex impriża, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tqis kemm il-livell ġenerali ta' introjtu fl-Istat Membru kif ukoll is-sitwazzjoni ekonomika tal-persuna meta tkun qed tistabbilixxi l-ammont xieraq tal-multa. Jenħtieġ li jkunu l-Istati Membri li jiddeterminaw jekk l-awtoritajiet pubbliċi jenħtieġx li jkunu soġġetti għal multi amministrattivi u sa liema punt. L-impożizzjoni ta' multa amministrattiva ma taffettwax l-applikazzjoni ta' setgħat oħra tal-awtoritajiet kompetenti jew ta' pieni oħra stabbiliti fir-regoli nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

(131)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni kriminali għall-ksur tar-regoli nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. Madankollu, jenħtieġ li l-impożizzjoni ta' pieni kriminali għall-ksur ta' tali regoli nazzjonali u ta' pieni amministrattivi relatati ma twassalx għal ksur tal-prinċipju ta' ne bis in idem, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(132)

Meta din id-Direttiva ma tarmonizzax il-pieni amministrattivi jew meta jkun meħtieġ f'każijiet oħra, pereżempju fil-każ ta' ksur serju ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jimplimentaw sistema li tipprevedi pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi. Il-liġi nazzjonali jenħtieġ li tiddetermina n-natura ta' tali pieni u jekk humiex kriminali jew amministrattivi.

(133)

Sabiex ikomplu jssaħħu l-effettività u d-dissważività tal-miżuri ta' infurzar applikabbli għall-ksur ta' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkollhom is-setgħa li jissospendu temporanjament jew li jitolbu s-sospensjoni temporanja ta' ċertifikazzjoni jew awtorizzazzjoni li tikkonċerna s-servizzi kollha rilevanti pprovduti jew parti minnhom jew l-attivitajiet imwettqa minn entità essenzjali u jitolbu l-impożizzjoni ta' projbizzjoni temporanja fuq l-eżerċizzju tal-funzjonijiet maniġerjali minn kwalunkwe persuna fiżika li twettaq responsabbiltajiet maniġerjali fil-livell ta' kap eżekuttiv jew ta' rappreżentant legali. Minħabba s-severità u l-impatt tagħhom fuq l-attivitajiet tal-entitajiet u fl-aħħar mill-aħħar fuq l-utenti, tali sospensjonijiet jew projbizzjonijiet temporanji jenħtieġ li jiġu applikati biss b'mod proporzjonali għas-severità tal-ksur u filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull każ individwali, inkluż jekk il-ksur kienx intenzjonali jew negliġenti, u kwalunkwe azzjoni meħuda għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tad-dannu materjali jew mhux materjali. Tali projbizzjonjiet jew sospensjonijiet temporanji jenħtieġ li jiġu applikati biss bħala soluzzjoni tal-aħħar istanza, jiġifieri diment li jkunu ġew eżawriti l-miżuri ta' infurzar rilevanti l-oħra stabbiliti f'din id-Direttiva, u sakemm l-entità kkonċernata tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tirrimedja n-nuqqasijiet jew tikkonforma mar-rekwiżiti tal-awtorità kompetenti li għalihom ikunu ġew applikati tali sanzjonijiet jew projbizzjonijiet temporanji. L-impożizzjoni ta' tali sospensjonijiet jew projbizzjonijiet temporanji jenħtieġ li tkun soġġetta għal salvagwardji proċedurali xierqa f'konformità mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u l-Karta , inklużi d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, il-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt għad-difiża.

(134)

Bl-iskop li tiġi żgurata l-konformità tal-entitajiet mal-obbligi tagħhom stipulati f'din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw ma' xulxin u jassistu lil xulxin fir-rigward tal-miżuri superviżorji u ta' infurzar, b'mod partikolari meta entità tipprovdi servizzi f'aktar minn Stat Membru wieħed jew fejn in-network u s-sistemi tal-informazzjoni tagħha jkunu lokalizzati fi Stat Membru differenti minn dak fejn tipprovdi s-servizzi. Meta tkun qed tagħti assistenza, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti li ssirilha t-talba tieħu miżuri superviżorji jew ta' infurzar f'konformità mal-liġi nazzjonali. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-assistenza reċiproka skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jużaw il-Grupp ta' Kooperazzjoni bħala forum biex jiddiskutu każijiet u talbiet partikolari għall-assistenza.

(135)

Sabiex jiżguraw superviżjoni u infurzar effettivi, b'mod partikolari fil-każ f’-sitwazzjoni li għandha dimensjoni transfruntiera, Stat Membru li jkun irċieva talba għal assistenza reċiproka jenħtieġ li, fil-limiti ta' dik it-talba, jieħdu miżuri superviżorji u ta' infurzar xierqa fir-rigward tal-entità li hija s-suġġett ta' dik it-talba, u li tipprovdi servizzi jew li jkollha network u sistema tal-informazzjoni fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

(136)

Din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi regoli ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet superviżorji skont ir-Regolament (UE) 2016/679 biex jiġi indirizzat il-ksur ta' din id-Direttiva relatat mad-data personali.

(137)

Din id-Direttiva jenħtieġ li jkollha l-għan li tiżgura livell għoli ta' responsabbiltà għall-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u l-obbligi ta' rapportar fil-livell tal-entitajiet essenzjali u importanti. Għalhekk, jenħtieġ li l-korpi maniġerjali tal-entitajiet essenzjali u importanti japprovaw il-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u jissorveljaw l-implimentazzjoni tagħhom.

(138)

Sabiex jiġi żgurat livell komuni għoli ta' ċibersigurtà madwar l-Unjoni abbażi ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward tas-supplimentar ta' din id-Direttiva billi jiġi speċifikat liema kategoriji ta' entitajiet essenzjali u importanti għandhom ikunu meħtieġa jużaw ċerti prodotti tal-ICT, servizzi tal-ICT u proċessi tal-ICT iċċertifikati jew jiksbu ċertifikat skont skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (22). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(139)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-arranġamenti proċedurali meħtieġa għall-funzjonament tal-Grupp ta' Kooperazzjoni u r-rekwiżiti tekniċi u metodoloġiċi kif ukoll settorjali dwar il-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà, u biex tispeċifika aktar it-tip ta' informazzjoni, il-format u l-proċedura ta' notifika ta' inċident, theddid ċibernetiku u kważi inċident u ta' komunikazzjonijiet ta' theddid ċibernetiku sinifikanti, kif ukoll każijiet fejn inċident għandu jitqies bħala sinifikanti. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23).

(140)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq rieżami ta' din id-Direttiva perjodikament, wara li tikkonsulta l-partijiet interessati, b'mod partikolari bil-għan li tiddetermina jekk ikunx xieraq li jiġu proposti emendi fid-dawl ta' bidliet fil-kundizzjonijiet soċjetali, politiċi, teknoloġiċi jew tas-suq. Bħala parti minn dawk ir-rieżamijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta r-rilevanza tad-daqs tal-entitajiet ikkonċernati, u s-setturi, is-sottosetturi u t-tipi ta' entitajiet imsemmija fl-annessi ta' din id-Direttiva għall-funzjonament tal-ekonomija u tas-soċjetà fir-rigward taċ-ċibersigurtà. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta, fost l-oħrajn, jekk il-fornituri, li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, li huma meqjusa bħala pjattaformi online kbar ħafna skont it-tifsira tal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24) jistgħux jiġu identifikati bħala entitajiet essenzjali skont din id-Direttiva.

(141)

Din id-Direttiva toħloq kompiti ġodda għall-ENISA, u b'hekk issaħħaħ ir-rwol tagħha, u tista' twassal ukoll biex l-ENISA tkun meħtieġa twettaq il-kompiti eżistenti tagħha skont ir-Regolament (UE) 2019/881 għal standard ogħla minn qabel. Sabiex jiġi żgurat li l-ENISA jkollha r-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa biex twettaq il-kompiti eżistenti u dawk ġodda, kif ukoll biex tissodisfa kwalunkwe livell ogħla ta' eżekuzzjoni ta' dawk il-kompiti li jirriżultaw mir-rwol imsaħħaħ tagħha, il-baġit tagħha jenħtieġ li jiżdied kif xieraq. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat l-użu effiċjenti tar-riżorsi, l-ENISA jenħtieġ li tingħata flessibbiltà akbar fil-mod li bih tista' talloka r-riżorsi internament, sabiex twettaq il-kompiti tagħha u tilħaq l-aspettattivi b'mod effettiv.

(142)

Minħabba li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jinkiseb livell komuni għoli ta' ċibersigurtà madwar l-Unjoni, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista' pjuttost, minħabba l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(143)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali, u tosserva l-prinċipji, rikonoxxuti mill-Karta, b'mod partikolari d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u l-komunikazzjonijiet, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà ta' intrapriża, id-dritt għall-propjetà, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, il-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt għad-difiża. Id-dritt għal rimedju effettiv japplika wkoll għar-riċevituri ta' servizzi pprovduti minn entitajiet essenzjali u importanti. Din id-Direttiva jenħtieġ li tiġi implimentata f'konformità ma' dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(144)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25) u ta opinjoni fil-11 ta' Marzu 2021 (26),

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri bil-għan li jinkiseb livell komuni għoli ta' ċibersigurtà madwar l-Unjoni, bil-ħsieb li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern.

2.   Għal dak il-għan, din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a)

obbligi li jirrikjedu lill-Istati Membri jadottaw strateġiji nazzjonali taċ-ċibersigurtà u jaħtru jew jistabbilixxu awtoritajiet nazzjonali kompetenti, awtoritajiet għall-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi, punti uniċi ta' kuntatt dwar iċ-ċibersigurtà (punti uniċi ta' kuntatt) u Skwadri ta' Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters (CSIRTs);

(b)

miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u obbligi ta' rapportar għall-entitajiet ta' tip imsemmi fl-Anness I jew II kif ukoll għall-entitajiet identifikati bħala entitajiet kritiċi skont id-Direttiva (UE) 2022/2557;

(c)

regoli u obbligi dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà;

(d)

obbligi ta' superviżjoni u infurzar fuq l-Istati Membri.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika għal entitajiet pubbliċi jew privati ta' tip imsemmi fl-Anness I jew II li jikkwalifikaw bħala intrapriżi ta' daqs medju skont l-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE, jew jaqbżu l-limiti massimi għall-intrapriżi ta' daqs medju previsti fil-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu, u li jipprovdu s-servizzi tagħhom jew iwettqu l-attivitajiet tagħhom fl-Unjoni.

L-Artikolu 3(4) tal-Anness ta' dik ir-Rakkomandazzjoni ma għandux japplika għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

2.   Irrispettivament mid-daqs tagħhom, din id-Direttiva tapplika wkoll għal entitajiet , ta' tip imsemmi fl-Anness I jew II, meta:

(a)

is-servizzi jkunu pprovduti minn:

(i)

fornituri ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika jew tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku;

(ii)

fornituri ta' servizzi fiduċjarji;

(iii)

reġistri ta' ismijiet ta' dominji tal-ogħla livell u fornituri ta' servizzi tas-sistema tal-ismijiet ta' dominji;

(b)

l-entità tkun l-uniku fornitur fi Stat Membru ta' servizz li jkun essenzjali għall-manutenzjoni ta' attivitajiet soċjetali jew ekonomiċi kritiċi;

(c)

it-tfixkil tas-servizz ipprovdut mill-entità jista' jkollu impatt sinifikanti fuq is-sikurezza pubblika, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika;

(d)

it-tfixkil tas-servizz ipprovdut mill-entità jista' jwassal għal riskji sistemiċi sinifikanti, b'mod partikolari għas-setturi meta dan it-tfixkil jista' jkollu impatt transfruntier;

(e)

l-entità tkun kritika minħabba l-importanza speċifika tagħha fil-livell nazzjonali jew reġjonali għas-settur partikolari jew it-tip ta' servizz, jew għal setturi interdipendenti oħra fl-Istat Membru;

(f)

l-entità tkun entità tal-amministrazzjoni pubblika:

(i)

tal-gvern ċentrali kif definit minn Stat Membru f'konformità mal-liġi nazzjonali; jew

(ii)

fil-livell reġjonali kif definit minn Stat Membru f'konformità mal-liġi nazzjonali li, b'segwitu għal valutazzjoni bbażata fuq ir-riskju, tipprovdi servizzi li t-tfixkil tagħhom jista' jkollu impatt sinifikanti fuq attivitajiet soċjetali jew ekonomiċi kritiċi.

3.   Irrispettivament mid-daqs tagħhom, din id-Direttiva tapplika għal entitajiet identifikati bħala entitajiet kritiċi skont id-Direttiva (UE) 2022/2557;

4.   Irrispettivament mid-daqs tagħhom, din id-Direttiva tapplika għal entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominju.

5.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li din id-Direttiva tapplika għal:

(a)

entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika fil-livell lokali;

(b)

istituzzjonijiet edukattivi, b'mod partikolari meta jwettqu attivitajiet ta' riċerka kritiċi.

6.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Istati Membri li jissalvagwardjaw is-sigurtà nazzjonali u s-setgħa tagħhom li jissalvagwardjaw funzjonijiet Statali essenzjali oħra, fosthom l-iżgurar tal-integrità territorjali tal-Istat u ż-żamma tal-ordni pubbliku.

7.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fl-oqsma tas-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika, id-difiża jew l-infurzar tal-liġi, inklużi l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali.

8.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw li entitajiet speċifiċi li jwettqu attivitajiet fl-oqsma tas-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika, id-difiża jew l-infurzar tal-liġi, inkluż il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, jew li jipprovdu servizzi esklużivament lil entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika msemmija fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu, mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 21 jew 23 fir-rigward ta' dawk l-attivitajiet jew is-servizzi. F'każijiet bħal dawn, il-miżuri superviżorji u ta' infurzar imsemmija fil-Kapitolu VII ma għandhomx japplikaw fir-rigward ta' dawk l-attivitajiet jew is-servizzi speċifiċi. Meta l-entitajiet iwettqu attivitajiet jew jipprovdu servizzi esklużivament tat-tip imsemmi f'dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jeżentaw lil dawk l-entitajiet mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 3 u 27.

9.   Il-paragrafi 7 u 8 ma għandhomx japplikaw meta entità taġixxi bħala fornitur ta' servizzi fiduċjarji.

10.   Din id-Direttiva ma tapplikax għal entitajiet li l-Istati Membri jkunu eżentaw mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2554 f'konformità mal-Artikolu 2(4) ta' dak ir-Regolament.

11.   L-obbligi stipulati f'din id-Direttiva ma għandhomx jinvolvu l-forniment ta' informazzjoni li d-divulgazzjoni tagħha tmur kontra l-interessi essenzjali tal-Istati Membri fl-oqsma tas-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew id-difiża.

12.   Din id-Direttiva tapplika mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679, għad-Direttiva 2002/58/KE, għad-Direttivi 2011/93/UE (27) u 2013/40/UE (28) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għad-Direttiva (UE) 2022/2557.

13.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 346 tat-TFUE, l-informazzjoni li tkun kunfidenzjali skont ir-regoli tal-Unjoni jew dawk nazzjonali, bħar-regoli dwar il-kunfidenzjalità tan-negozju, għandha tiġi skambjata mal-Kummissjoni u ma' awtoritajiet rilevanti oħra f'konformità ma' din id-Direttiva biss meta dan l-iskambju jkun meħtieġ għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. L-informazzjoni skambjata għandha tkun limitata għal dak li jkun rilevanti u proporzjonat għall-fini ta' dak l-iskambju. L-iskambju tal-informazzjoni għandu jżomm il-kunfidenzjalità ta' dik l-informazzjoni u jipproteġi l-interessi tas-sigurtà u dawk kummerċjali tal-entitajiet ikkonċernati.

14.   L-entitajiet, l-awtoritajiet kompetenti, il-punti uniċi ta' kuntatt u s-CSIRTs għandhom jipproċessaw id-data personali sa fejn ikun meħtieġ għall-finijiet ta' din id-Direttiva u f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, u b'mod partikolari tali pproċessar għandu jiddependi fuq l-Artikolu 6 tiegħu.

L-ipproċessar ta' data personali skont din id-Direttiva minn fornituri ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika jew fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku għandu jitwettaq f'konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-liġi tal-Unjoni dwar il-privatezza, b'mod partikolari d-Direttiva 2002/58/KE.

Artikolu 3

Entitajiet essenzjali u importanti

1.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, l-entitajiet segwenti għandhom jitqiesu li huma entitajiet essenzjali:

(a)

entitajiet ta' tip imsemmi fl-Anness I li jaqbżu l-limiti massimi għall-intrapriżi ta' daqs medju previsti fl-Artikolu 2(1) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(b)

fornituri kwalifikati ta' servizzi fiduċjarji u reġistri ta' ismijiet ta' dominji tal-ogħla livell kif ukoll fornituri ta' servizzi tad-DNS, irrispettivament mid-daqs tagħhom;

(c)

fornituri ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika jew tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku li jikkwalifikaw bħala intrapriżi ta' daqs medju skont l-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(d)

l-entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika msemmija fl-Artikolu 2(2), il-punt (f)(i);

(e)

kwalunkwe entità oħra ta' tip imsemmi fl-Anness I jew II li tkun identifikata minn Stat Membru bħala entità essenzjali skont l-Artikolu 2(2), il-punti (b) sa (e);

(f)

entitajiet identifikati bħala entitajiet kritiċi skont id-Direttiva (UE) 2022/2557, imsemmija fl-Artikolu 2(3) ta' din id-Direttiva;

(g)

jekk l-Istat Membru jipprevedi hekk, entitajiet li dak l-Istat Membru jkun identifika qabel is-16 ta’ Jannar 2023 bħala operaturi ta' servizzi essenzjali f'konformità mad-Direttiva (UE) 2016/1148 jew mal-liġi nazzjonali.

2.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, l-entitajiet ta' tip imsemmi fl-Anness I jew II li ma jikkwalifikawx bħala entitajiet essenzjali skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jitqiesu bħala entitajiet importanti. Dan jinkludi entitajiet identifikati mill-Istati Membri bħala entitajiet importanti skont l-Artikolu 2(2), il-punti (b) sa (e).

3.   Sas-17 ta’ April 2025, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu lista ta' entitajiet essenzjali u importanti kif ukoll entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' dominji. L-Istati Membri għandhom iwettqu rieżami ta' dik il-lista u, fejn xieraq, jaġġornawha fuq bażi regolari u mill-inqas kull sentejn minn hemm 'il quddiem.

4.   Għall-fini li tiġi stabbilita l-lista msemmija f'dak il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 3 jippreżentaw mill-inqas l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti:

(a)

l-isem tal-entità;

(b)

l-indirizz u dettalji ta' kuntatt aġġornati, inklużi l-indirizzi tal-email, il-firxiet tal-IP u n-numri tat-telefon;

(c)

meta jkun applikabbli, is-settur u s-sottosettur rilevanti msemmija fl-Anness I jew II; u

(d)

meta jkun applikabbli, lista tal-Istati Membri fejn jipprovdu servizzi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

L-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 3 għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien kwalunkwe bidla fid-dettalji ppreżentati skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu mingħajr dewmien, u, fi kwalunkwe każ, fi żmien ġimagħtejn mid-data tal-bidla.

Il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA), għandha mingħajr dewmien żejjed tipprovdi linji gwida u mudelli rigward l-obbligi stipulati f'dan il-paragrafu.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmi nazzjonali biex l-entitajiet jirreġistraw lilhom infushom.

5.   Sas-17 ta’ April 2025 u kull sentejn wara dan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw:

(a)

lill-Kummissjoni u lill-Grupp ta' Kooperazzjoni, l-għadd ta' entitajiet essenzjali u importanti elenkati skont il-paragrafu 3 għal kull settur u sottosettur imsemmija fl-Anness I jew II; u

(b)

lill-Kummissjoni, l-informazzjoni rilevanti dwar l-għadd ta' entitajiet essenzjali u importanti identifikati skont l-Artikolu 2(2), il-punti (b) sa (e), is-settur u s-sottosettur imsemmija fl-Anness I jew II li jappartjenu għalihom, it-tip ta' servizz li jipprovdu, u d-dispożizzjoni, minn fost dawk stipulati fl-Artikolu 2(2), il-punti (b) sa (e), li skonthom ikunu ġew identifikati.

6.   Sas-17 ta’ April 2025 u fuq talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-ismijiet tal-entitajiet essenzjali u importanti msemmija fil-paragrafu 5, il-punt (b).

Artikolu 4

Atti legali tal-Unjoni speċifiċi għas-settur

1.   Fejn l-atti legali tal-Unjoni speċifiċi għas-settur ikunu jeżiġu li l-entitajiet essenzjali jew importanti jadottaw miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà jew li jinnotifikaw l-inċidenti sinifikanti, u meta dawk ir-rekwiżiti jkunu tal-inqas ekwivalenti fl-effett għall-obbligi stipulati f'din id-Direttiva, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' din id-Direttiva, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar is-superviżjoni u l-infurzar stabbiliti fil-Kapitolu VII, ma għandhomx japplikaw għal tali entitajiet. Fejn l-atti legali tal-Unjoni speċifiċi għas-settur ma jkoprux l-entitajiet kollha f'settur speċifiku li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' din id-Direttiva għandhom ikomplu japplikaw għall-entitajiet mhux koperti minn dawk l-atti legali tal-Unjoni speċifiċi għas-settur.

2.   Ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jitqiesu li jkunu ekwivalenti fl-effett għall-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva meta:

(a)

il-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà jkunu tal-inqas ekwivalenti fl-effett għal dawk stipulati fl-Artikolu 21(1) u (2); jew

(b)

l-att legali tal-Unjoni speċifiku għas-settur jipprevedi aċċess immedjat, fejn xieraq awtomatiku u dirett, għan-notifiki tal-inċidenti mis-CSIRTs, mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-punti uniċi ta' kuntatt skont din id-Direttiva u fejn ir-rekwiżiti għan-notifika ta' inċidenti sinifikanti jkunu tal-inqas ekwivalenti fl-effett għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 23(1) sa (6) ta' din id-Direttiva.

3.   Il-Kummissjoni għandha, sas-17 ta’ Lulju 2023, tipprovdi linji gwida li jiċċaraw l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2. Il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid dawk il-linji gwida fuq bażi regolari. Meta tkun qed tħejji dawk il-linji gwida, il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe osservazzjoni tal-ENISA u tal-Grupp ta' Kooperazzjoni.

Artikolu 5

Armonizzazzjoni minima

Din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li jiżguraw livell ogħla ta' ċibersigurtà, dment li tali dispożizzjonijiet ikunu konsistenti mal-obbligi tal-Istati Membri stipulati fil-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 6

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

"network u sistema tal-informazzjoni" tfisser:

(a)

network tal-komunikazzjoni elettronika kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(b)

kwalunkwe apparat jew grupp ta' apparati interkonnessi jew relatati, li wieħed minnhom jew aktar, skont programm, iwettqu pproċessar awtomatiku ta' data diġitali; jew

(c)

data diġitali maħżuna, ipproċessata, miġbura jew trażmessa minn elementi koperti fil-punti (a) u (b) għall-finijiet tal-operazzjoni, l-użu, il-protezzjoni u ż-żamma tagħhom;

(2)

''sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni'' tfisser l-abbiltà tan-networks u s-sistemi tal-informazzjoni li jirreżistu, f'livell partikolari ta' kunfidenza, kwalunkwe avveniment li jista' jikkomprometti d-disponibbiltà, l-awtentiċità, l-integrità jew il-kunfidenzjalità tad-data maħżuna, trażmessa jew ipproċessata, jew tas-servizzi offruti minn, jew aċċessibbli permezz ta' dawk in-network u s-sistemi tal-informazzjoni;

(3)

"ċibersigurtà" tfisser ċibersigurtà kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2019/881;

(4)

"strateġija nazzjonali taċ-ċibersigurtà" tfisser qafas koerenti ta' Stat Membru li jipprovdi objettivi u prijoritajiet strateġiċi fil-qasam taċ-ċibersigurtà u l-governanza biex jintlaħqu f'dak l-Istat Membru;

(5)

"kważi inċident" tfisser avveniment li seta' jikkomprometti d-disponibbiltà, l-awtentiċità, l-integrità jew il-kunfidenzjalità tad-data maħżuna, trażmessa jew ipproċessata jew tas-servizzi offruti minn network u sistemi tal-informazzjoni, jew aċċessibbli permezz tagħhom, iżda li jkun twaqqaf b'suċċess milli jseħħ jew li ma seħħx;

(6)

''inċident'' tfisser avveniment li jikkomprometti d-disponibbiltà, l-awtentiċità, l-integrità jew il-kunfidenzjalità tad-data maħżuna, trażmessa jew ipproċessata jew tas-servizzi offruti minn networks u sistemi tal-informazzjoni, jew aċċessibbli permezz tagħhom;

(7)

"inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira" tfisser inċident li jikkawża livell ta' tfixkil li jaqbeż il-kapaċità ta' Stat Membru li jirrispondi għalih jew li jkollu impatt sinifikanti fuq mill-inqas żewġ Stati Membri;

(8)

"trattament tal-inċident" tfisser kwalunkwe azzjoni u proċedura mmirati għall-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-analiżi u t-trażżin ta' inċident jew għar-rispons għalih u l-irkupru minnu;

(9)

"riskju" tfisser il-potenzjal ta' telf jew tfixkil ikkawżat minn inċident u għandu jiġi espress bħala kombinament tad-daqs ta' tali telf jew tfixkil, u l-probabbiltà li dak l-inċident iseħħ;

(10)

"theddida ċibernetika" tfisser theddida ċibernetika kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (8), tar-Regolament (UE) 2019/881;

(11)

''theddida ċibernetika sinifikanti'' tfisser theddida ċibernetika li, abbażi tal-karatteristiċi tekniċi tagħha, tista' titqies li għandha l-potenzjal li jkollha impatt gravi fuq in-network u s-sistemi tal-informazzjoni ta' entità jew fuq l-utenti tas-servizzi tal-entità billi tikkawża dannu materjali jew mhux materjali konsiderevoli;

(12)

"prodott tal-ICT" tfisser prodott tal-ICT kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (12) tar-Regolament (UE) 2019/881;

(13)

"servizz tal-ICT" tfisser servizz tal-ICT kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (13), tar-Regolament (UE) 2019/881;

(14)

"proċess tal-ICT" tfisser proċess tal-ICT kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (14), tar-Regolament (UE) 2019/881;

(15)

''vulnerabbiltà'' tfisser dgħufija, suxxettibbiltà jew difett fi prodotti tal-ICT jew servizzi tal-ICT li jistgħu jiġu sfruttati minn theddida ċibernetika;

(16)

"standard" tfisser standard kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29);

(17)

"speċifikazzjoni teknika" tfisser speċifikazzjoni teknika kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (4), tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(18)

"punt ta' skambju fuq l-internet" tfisser faċilità ta' network li tippermetti l-interkonnessjoni ta' aktar minn żewġ networks indipendenti (sistemi awtonomi), primarjament biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tat-traffiku tal-internet, li tipprovdi interkonnessjoni għal sistemi awtonomi biss u li la tirrikjedi li t-traffiku tal-internet, li jgħaddi bejn kwalunkwe par sistemi awtonomi parteċipanti, jgħaddi minn kwalunkwe tielet sistema awtonoma, u lanqas ma tbiddel tali traffiku jew tinterferixxi b'xi mod ieħor miegħu;

(19)

"sistema tal-ismijiet ta' dominji" jew "DNS" tfisser sistema ta' ismijiet distribwiti ġerarkikament li tagħmel possibbli l-identifikazzjoni ta' servizzi u riżorsi tal-internet, filwaqt li tippermetti lill-apparati tal-utenti finali jużaw servizzi ta' routing u konnettività tal-internet, biex jilħqu lil dawk is-servizzi u r-riżorsi;

(20)

"fornitur ta' servizzi tad-DNS" tfisser entità li tipprovdi:

(a)

servizzi ta' riżoluzzjoni tal-ismijiet ta' dominji rikursivi disponibbli pubblikament għall-utenti finali tal-internet; jew

(b)

servizzi ta' riżoluzzjoni tal-ismijiet ta' dominji awtoritattivi għall-użu minn partijiet terzi, bl-eċċezzjoni tar-root name servers;

(21)

"reġistru ta' ismijiet ta' dominji tal-ogħla livell" jew "reġistru ta' ismijiet tat-TLD" tfisser entità li tkun ġiet iddelegata TLD speċifiku u li tkun responsabbli għall-amministrazzjoni tat-TLD, inkluż ir-reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' dominji taħt it-TLD u t-tħaddim tekniku tat-TLD, inkluż it-tħaddim tas-servers tal-isem tiegħu, il-manutenzjoni tal-bażijiet tad-data tiegħu u d-distribuzzjoni tal-fajls taż-żona tat-TLD fost is-servers tal-ismijiet, irrispettivament minn jekk kwalunkwe waħda minn dawk l-operazzjonijiet titwettaqx mill-entità nfisha jew tiġix esternalizzata, iżda bl-esklużjoni ta' sitwazzjonijiet fejn l-ismijiet tat-TLD jintużaw minn reġistru għall-użu proprju biss;

(22)

"entità li tipprovdi servizzi ta' reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' dominji" tfisser reġistratur jew aġent li jaġixxi f'isem reġistraturi, bħal fornitur jew rivenditur ta' servizz ta' reġistrazzjoni ta' privatezza jew proxy;

(23)

''servizz diġitali'' tfisser servizz kif definit fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30);

(24)

"servizz fiduċjarju" tfisser servizz fiduċjarju kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (16), tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(25)

"fornitur ta' servizz fiduċjarju" tfisser fornitur ta' servizz fiduċjarju kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (19), tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(26)

"servizz fiduċjarju kwalifikat" tfisser servizz fiduċjarju kwalifikat kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (17), tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(27)

"fornitur kwalifikat ta' servizzi fiduċjarji" tfisser fornitur kwalifikat ta' servizzi fiduċjarji kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (20), tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(28)

"suq online" tfisser suq online kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (n), tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31);

(29)

"magna tat-tiftix online" tfisser magna tat-tiftix online kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (5), tar-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32);

(30)

''servizz tal-cloud computing'' tfisser servizz diġitali li jippermetti amministrazzjoni on-demand u aċċess remot wiesa' għal ġabra skalabbli u elastika ta' riżorsi tal-computing kondiviżibbli, inkluż meta tali riżorsi jkunu distribwiti madwar diversi postijiet;

(31)

"servizz ta' ċentru tad-data" tfisser servizz li jinkludi strutturi, jew gruppi ta' strutturi, iddedikati għall-akkomodazzjoni ċentralizzata, għall-interkonnessjoni u għat-tħaddim ta' tagħmir tal-IT u tan-network li jipprovdi servizzi ta' ħżin, ipproċessar u trasport tad-data flimkien mal-faċilitajiet u l-infrastrutturi kollha għad-distribuzzjoni tal-enerġija u l-kontroll ambjentali;

(32)

"network ta' twassil tal-kontenut" tfisser network ta' servers distribwiti ġeografikament bil-għan li jiġu żgurati disponibbiltà għolja, aċċessibbiltà jew twassil malajr ta' kontenut u servizzi diġitali lil utenti tal-internet f'isem il-fornituri ta' kontenut u ta' servizzi;

(33)

"pjattaforma ta' servizzi ta' networking soċjali" tfisser pjattaforma li tippermetti lill-utenti finali jikkonnettjaw, jikkondividu, jiskopru u jikkomunikaw bejniethom b'diversi apparati, b'mod partikolari permezz ta' chats, posts, videos u rakkomandazzjonijiet;

(34)

"rappreżentant" tfisser persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni maħtura b'mod espliċitu biex taġixxi f'isem fornitur ta' servizzi tad-DNS, reġistru ta' ismijiet tat-TLD, entità li tipprovdi servizzi ta' reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' dominji, fornitur ta' servizz tal-cloud computing, fornitur ta' servizz ta' ċentru tad-data, fornitur ta' network tal-konsenja tal-kontenut, fornitur ta' servizzi ġestiti, fornitur ta' servizzi tas-sigurtà ġestiti, jew fornitur ta' suq online, ta' magna tat-tiftix online jew ta' pjattaforma ta' servizzi ta' networking soċjali li ma jkunux stabbiliti fl-Unjoni, li jistgħu jiġu indirizzati minn awtorità kompetenti jew minn CSIRT minflok dik l-entità nnifisha fir-rigward tal-obbligi ta' dik l-entità skont din id-Direttiva;

(35)

''entità tal-amministrazzjoni pubblika'' tfisser entità rikonoxxuta bħala tali fi Stat Membru f'konformità mal-liġi nazzjonali, li ma tinkludix il-ġudikatura, il-parlamenti jew il-banek ċentrali, li tikkonforma mal-kriterji li ġejjin:

(a)

tkun stabbilita għall-fini speċifiku li tissodisfa ħtiġijiet fl-interess ġenerali u ma jkollhiex karattru industrijali jew kummerċjali;

(b)

ikollha personalità ġuridika jew tkun intitolata bil-liġi li taġixxi f'isem entità oħra b'personalità ġuridika;

(c)

tkun iffinanzjata, fil-parti l-kbira, mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew minn korpi oħrajn regolati bil-liġi pubblika, tkun soġġetta għal superviżjoni maniġerjali minn dawk l-awtoritajiet jew korpi, jew ikollha bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tiegħu jinħatru mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew minn korpi oħra regolati bil-liġi pubblika;

(d)

ikollha s-setgħa li tindirizza deċiżjonijiet amministrattivi jew regolatorji lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaffettwaw id-drittijiet tagħhom fil-moviment transfruntier ta' persuni, oġġetti, servizzi jew kapital;

(36)

"network pubbliku tal-komunikazzjoni elettronika" tfisser network pubbliku tal-komunikazzjoni elettronika kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (8), tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(37)

"servizz tal-komunikazzjoni elettronika" tfisser servizz tal-komunikazzjoni elettronika kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (4), tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(38)

"entità " tfisser persuna fiżika jew ġuridika maħluqa u rikonoxxuta bħala tali skont il-liġi nazzjonali tal-post tal-istabbiliment tagħha, li filwaqt li taġixxi f'isimha stess tista' teżerċita drittijiet u tkun soġġetta għal obbligi;

(39)

"fornitur ta' servizzi ġestiti" tfisser entità li tipprovdi servizzi relatati mal-installazzjoni, il-ġestjoni, it-tħaddim jew il-manutenzjoni ta' prodotti, networks, infrastruttura u applikazzjonijiet tal-ICT jew kwalunkwe network u sistema ta' informazzjoni oħra, permezz ta' assistenza jew amministrazzjoni attiva mwettqa fil-bini tal-klijenti jew mill-bogħod;

(40)

"fornitur ta' servizzi tas-sigurtà ġestiti" tfisser fornitur ta' servizzi tas-sigurtà ġestiti li jwettaq jew jipprovdi assistenza għal attivitajiet relatati mal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà;

(41)

"organizzazzjoni ta' riċerka" tfisser entità li jkollha bħala l-għan primarju tagħha t-twettiq ta' riċerka applikata jew żvilupp sperimentali bil-ħsieb li tisfrutta r-riżultati ta' dik ir-riċerka għal skopijiet kummerċjali, iżda li ma tinkludix istituzzjonijiet edukattivi.

KAPITOLU II

OQFSA TAC-CIBERSIGURTA KKOORDINATI

Artikolu 7

Strateġija nazzjonali taċ-ċibersigurtà

1.   Kull Stat Membru għandu jadotta strateġija nazzjonali taċ-ċibersigurtà li tipprevedi l-objettivi strateġiċi, ir-riżorsi meħtieġa biex jintlaħqu dawk l-objettivi, u l-miżuri regolatorji u politiċi xierqa biex jinkiseb u jinżamm livell għoli ta' ċibersigurtà. L-istrateġija nazzjonali taċ-ċibersigurtà għandha tinkludi:

(a)

objettivi u prijoritajiet tal-istrateġija taċ-ċibersigurtà tal-Istat Membru li jkopru b'mod partikolari s-setturi msemmija fl-Annessi I u II;

(b)

qafas ta' governanza biex jintlaħqu l-objettivi u l-prijoritajiet imsemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu, inklużi l-politiki msemmija fil-paragrafu 2;

(c)

qafas ta' governanza li jiċċara r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet interessati rilevanti fil-livell nazzjonali, li jirfed il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali bejn l-awtoritajiet kompetenti, il-punti uniċi ta' kuntatt, u s-CSIRTs skont din id-Direttiva, kif ukoll il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn dawk il-korpi u l-awtoritajiet kompetenti skont atti legali tal-Unjoni speċifiċi għas-settur;

(d)

mekkaniżmu biex jiġu identifikati l-assi rilevanti u valutazzjoni tar-riskji f'dak l-Istat Membru;

(e)

identifikazzjoni tal-miżuri li jiżguraw it-tħejjija, ir-rispons u l-irkupru fir-rigward tal-inċidenti, inkluża l-kooperazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u dawk privati;

(f)

lista tad-diversi awtoritajiet u partijiet interessati involuti fl-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali taċ-ċibersigurtà;

(g)

qafas ta' politika għal koordinazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva u l-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva (UE) 2022/2557 għall-fini tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar ir-riskji, it-theddid, u l-inċidenti ċibernetiċi kif ukoll dwar ir-riskji, it-theddid u l-inċidenti mhux ċibernetiċi u l-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji, kif xieraq;

(h)

pjan, inklużi l-miżuri meħtieġa, biex jissaħħaħ il-livell ġenerali ta' sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà fost iċ-ċittadini.

2.   Bħala parti mill-istrateġija nazzjonali taċ-ċibersigurtà, l-Istati Membri għandhom b'mod partikolari jadottaw politiki:

(a)

li jindirizzaw iċ-ċibersigurtà fil-katina tal-provvista għall-prodotti tal-ICT u s-servizzi tal-ICT użati mill-entitajiet għall-forniment tas-servizzi tagħhom;

(b)

dwar l-inklużjoni u l-ispeċifikazzjoni ta' rekwiżiti relatati maċ-ċibersigurtà għall-prodotti tal-ICT u s-servizzi tal-ICT fl-akkwist pubbliku, inkluż fir-rigward ta' ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, kriptaġġ u l-użu ta' prodotti taċ-ċibersigurtà b'sors miftuħ;

(c)

li jieħdu ħsieb il-ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet, filwaqt li jkopru l-promozzjoni u l-faċilitazzjoni tad-divulgazzjoni koordinata tal-vulnerabbiltajiet skont l-Artikolu 12(1);

(d)

relatati mas-sostenn tad-disponibbiltà, l-integrità u l-kunfidenzjalità ġenerali tal-qalba pubblika tal-internet miftuħ, inkluża, meta rilevanti, iċ-ċibersigurtà tal-kejbils tal-komunikazzjoni taħt il-baħar;

(e)

li jippromwovu l-iżvilupp u l-integrazzjoni ta' teknoloġiji avvanzati rilevanti bil-għan li jiġu implimentati miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku;

(f)

li jippromwovu u jiżviluppaw edukazzjoni u taħriġ dwar iċ-ċibersigurtà, ħiliet, sensibilizzazzjoni u riċerka dwar iċ-ċibersigurtà, u inizjattivi ta' riċerka dwar iċ-ċibersigurtà, kif ukoll gwida dwar prattiki u kontrolli tajbin tal-iġjene ċibernetika, immirati lejn iċ-ċittadini, il-partijiet interessati u l-entitajiet;

(g)

li jappoġġaw l-istituzzjonijiet akkademiċi u tar-riċerka fl-iżvilupp, it-titjib u l-promozzjoni tal-implimentazzjoni ta' għodod taċ-ċibersigurtà u infrastruttura tan-network sigura;

(h)

li jinkludu proċeduri rilevanti u għodod xierqa għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni biex jappoġġaw il-kondiviżjoni volontarja tal-informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà bejn l-entitajiet f'konformità mal-liġi tal-Unjoni;

(i)

li jsaħħu r-reżiljenza ċibernetika u l-linja bażi tal-iġjene ċibernetika tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, b'mod partikolari dawk esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, billi jipprovdu gwida u assistenza faċilment aċċessibbli għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom;

(j)

li jippromwovu protezzjoni ċibernetika attiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw l-istrateġiji nazzjonali taċ-ċibersigurtà tagħhom lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jeskludu informazzjoni li jkollha x'taqsam mas-sigurtà nazzjonali tagħhom minn tali notifiki.

4.   L-Istati Membri għandhom jivvalutaw l-istrateġiji nazzjonali taċ-ċibersigurtà tagħhom fuq bażi regolari u mill-inqas kull ħames snin abbażi ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u, meta meħtieġ, jaġġornawhom. L-ENISA għandha tassisti lill-Istati Membri, fuq talba tagħhom, fl-iżvilupp jew l-aġġornament ta' strateġija nazzjonali taċ-ċibersigurtà u ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-valutazzjoni ta' dik l-istrateġija, sabiex jallinjawha mar-rekwiżiti u l-obbligi stipulati f'din id-Direttiva.

Artikolu 8

Awtoritajiet kompetenti u punti uniċi ta' kuntatt

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar jew jistabbilixxi awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli għaċ-ċibersigurtà u għall-kompiti superviżorji msemmija fil-Kapitolu VII (awtoritajiet kompetenti).

2.   L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fil-livell nazzjonali.

3.   Kull Stat Membru għandu jaħtar jew jistabbilixxi punt uniku ta' kuntatt. Meta Stat Membru jaħtar jew jistabbilixxi awtorità kompetenti waħda biss skont il-paragrafu 1, dik l-awtorità kompetenti għandha tkun ukoll il-punt uniku ta' kuntatt għal dak l-Istat Membru.

4.   Kull punt uniku ta' kuntatt għandu jeżerċita funzjoni ta' kollegament biex jiżgura kooperazzjoni transfruntiera tal-awtoritajiet tal-Istat Membru tiegħu mal-awtoritajiet rilevanti ta' Stati Membri oħra, u, fejn xieraq, mal-Kummissjoni u mal-ENISA, kif ukoll biex jiżgura kooperazzjoni transsettorjali ma' awtoritajiet kompetenti oħra fl-Istat Membru tiegħu.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti u l-punti uniċi ta' kuntatt tagħhom ikollhom riżorsi adegwati biex iwettqu, b'mod effettiv u effiċjenti, il-kompiti assenjati lilhom u b'hekk jilħqu l-objettivi ta' din id-Direttiva.

6.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed, l-identità tal-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 u l-punt uniku ta' kuntatt imsemmi fil-paragrafu 3, il-kompiti ta' dawk l-awtoritajiet, u kwalunkwe bidla sussegwenti fihom. Kull Membru Stat għandu jippubblika l-identità tal-awtorità kompetenti tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tagħmel lista tal-punti uniċi ta' kuntatt disponibbli pubblikament.

Artikolu 9

Oqfsa nazzjonali għall-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar jew jistabbilixxi awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli għall-ġestjoni ta' inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira (awtoritajiet għall-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi). L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet ikollhom riżorsi adegwati biex iwettqu, b'mod effettiv u effiċjenti, il-kompiti assenjati lilhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw koerenza mal-oqfsa eżistenti għall-ġestjoni ġenerali ta' kriżijiet nazzjonali.

2.   Meta Stat Membru jaħtar jew jistabbilixxi aktar minn awtorità għall-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi waħda skont il-paragrafu 1, għandu jindika b'mod ċar liema minn dawn l-awtoritajiet għandha sservi bħala l-koordinatur għall-ġestjoni ta' inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira.

3.   Kull Stat Membru għandu jidentifika l-kapaċitajiet, l-assi u l-proċeduri li jistgħu jiġu implimentati fil-każ ta' kriżi għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

4.   Kull Stat Membru għandu jadotta pjan nazzjonali ta' rispons għall-inċidenti u l-kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira fejn ikunu stabbiliti l-objettivi u l-arranġamenti ta' ġestjoni tal-inċidenti u l-kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira. Dak il-pjan għandu jistabbilixxi, b'mod partikolari:

(a)

l-objettivi tal-miżuri u l-attivitajiet nazzjonali ta' tħejjija;

(b)

il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet għall-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi;

(c)

il-proċeduri għall-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi, inkluża l-integrazzjoni tagħhom fil-qafas ta' ġestjoni ġenerali tal-kriżijiet nazzjonali u l-kanali ta' skambju tal-informazzjoni;

(d)

il-miżuri nazzjonali ta' tħejjija, inklużi l-eżerċizzji u l-attivitajiet ta' taħriġ;

(e)

il-partijiet interessati pubbliċi u privati u l-infrastruttura involuta;

(f)

il-proċeduri u l-arranġamenti nazzjonali bejn l-awtoritajiet u l-korpi nazzjonali rilevanti biex jiġu żgurati l-parteċipazzjoni u l-appoġġ effettivi tal-Istat Membru fil-ġestjoni kkoordinata tal-inċidenti u l-kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira fil-livell tal-Unjoni.

5.   Fi żmien tliet xhur mill-ħatra jew l-istabbiliment tal-awtorità għall-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi msemmija fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni l-identità tal-awtorità tiegħu u kwalunkwe bidla sussegwenti fiha. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni u lin-Network Ewropew ta' Organizzazzjoni ta' Kollegament f'każ ta' Ċiberkriżijiet (EU-CyCLONe) informazzjoni rilevanti relatata mar-rekwiżiti tal-paragrafu 4 dwar il-pjanijiet nazzjonali tagħhom ta' rispons għall-inċidenti u l-kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni ta' dawk il-pjanijiet. L-Istati Membri jistgħu jeskludu informazzjoni meta u sa fejn tali esklużjoni tkun meħtieġa għas-sigurtà nazzjonali tagħhom.

Artikolu 10

Skwadri ta' rispons għal inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuters (CSIRTs)

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar jew jistabbilixxi CSIRT waħda jew aktar. Is-CSIRTs jistgħu jiġu maħturin jew stabbiliti ġewwa awtorità kompetenti. Is-CSIRTs għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11(1), ikopru tal-anqas is-setturi, is-sottosetturi u t-tipi ta' entità msemmija fl-Annessi I u II, u jkunu responsabbli għat-trattament tal-inċidenti f'konformità ma' proċess stabbilit b'mod ċar.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull CSIRT ikollha riżorsi adegwati biex twettaq il-kompiti tagħha b'mod effettiv kif stipulat fl-Artikolu 11(3).

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull CSIRT ikollha għad-dispożizzjoni tagħha infrastruttura ta' komunikazzjoni u informazzjoni xierqa, sigura u reżiljenti li permezz tagħha tiskambja informazzjoni ma' entitajiet essenzjali u importanti u ma' partijiet interessati rilevanti oħra. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull CSIRT tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta' għodod siguri għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni.

4.   Is-CSIRTs għandhom jikkooperaw u, meta jkun xieraq, jiskambjaw informazzjoni rilevanti f'konformità mal-Artikolu 29 ma' komunitajiet settorjali jew transsettorjali ta' entitajiet essenzjali u importanti.

5.   Is-CSIRTs għandhom jipparteċipaw fl-evalwazzjonijiet bejn il-pari organizzati f'konformità mal-Artikolu 19.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kooperazzjoni effettiva, effiċjenti u sigura tas-CSIRTs tagħhom fin-network tas-CSIRTs.

7.   Is-CSIRTs jistgħu jistabbilixxu relazzjonijiet ta' kooperazzjoni ma' skwadri nazzjonali ta' rispons għal inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuters ta' pajjiżi terzi. Bħala parti minn tali relazzjonijiet ta' kooperazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw skambju ta' informazzjoni effettiv, effiċjenti u sigur ma' dawk l-iskwadri nazzjonali ta' rispons għal inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuters ta' pajjiżi terzi, bl-użu ta' protokolli għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni rilevanti, inkluż il-protokoll dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Is-CSIRTs jistgħu jiskambjaw informazzjoni rilevanti ma' skwadri nazzjonali ta' rispons għal inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuters ta' pajjiżi terzi, inkluża data personali f'konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

8.   Is-CSIRTs jistgħu jikkooperaw ma' skwadri nazzjonali ta' rispons għal inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuters ta' pajjiżi terzi jew korpi ekwivalenti ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari sabiex jipprovdulhom assistenza fil-qasam taċ-ċibersigurtà.

9.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed l-identità tas-CSIRT imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u s-CSIRT maħtura bħala koordinatur skont l-Artikolu 12(1), il-kompiti rispettivi tagħhom fir-rigward tal-entitajiet essenzjali u importanti, u kwalunkwe bidla sussegwenti fihom.

10.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu l-assistenza tal-ENISA fl-iżvilupp tas-CSIRTs tagħhom.

Artikolu 11

Rekwiżiti, kapaċitajiet tekniċi u kompiti tas-CSIRTs

1.   Is-CSIRTs għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

is-CSIRTs għandhom jiżguraw livell għoli ta' disponibbiltà tal-kanali ta' komunikazzjoni tagħhom billi jevitaw punti uniċi ta' falliment, u għandu jkollhom diversi mezzi biex jiġu kkuntattjati u biex jikkuntattjaw lil oħrajn f'kull ħin; huma għandhom jispeċifikaw b'mod ċar il-kanali ta' komunikazzjoni u jgħarrfuhom lill-kostitwenza u lis-sħab kooperattivi;

(b)

l-uffiċċji tas-CSIRTs u s-sistemi tal-informazzjoni ta' appoġġ għandhom ikunu f'siti siguri;

(c)

is-CSIRTs għandhom ikunu mgħammrin b'sistema adegwata għall-ġestjoni u t-trażmissjoni tat-talbiet, b'mod partikolari li tiffaċilita trasferimenti effettivi u effiċjenti;

(d)

is-CSIRTs għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità u l-affidabbiltà tal-operazzjonijiet tagħhom;

(e)

is-CSIRTs għandu jkollhom persunal adegwat biex jiżguraw id-disponibbiltà tas-servizzi tagħhom f'kull ħin u għandhom jiżguraw li l-persunal tagħhom ikun imħarreġ kif xieraq;

(f)

Is-CSIRTs għandhom ikunu mgħammra b'sistemi addizzjonali u bi spazju ta' ħidma ta' riżerva biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi tagħhom;

Is-CSIRTs jistgħu jipparteċipaw f'networks ta' kooperazzjoni internazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-CSIRTs tagħhom, b'mod konġunt, ikollhom il-kapaċitajiet tekniċi meħtieġa biex iwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-CSIRTs tagħhom jingħataw riżorsi suffiċjenti biex jiżguraw livelli adegwati ta' persunal bil-għan li jippermettu lis-CSIRTs jiżviluppaw il-kapaċitajiet tekniċi tagħhom.

3.   Is-CSIRTs għandu jkollhom il-kompiti li ġejjin:

(a)

il-monitoraġġ u l-analiżi tat-theddid, tal-vulnerabbiltajiet u tal-inċidenti ċibernetiċi u, fuq talba, l-għoti ta' assistenza lill-entitajiet essenzjali u importanti kkonċernati fir-rigward tal-monitoraġġ tan-network u s-sistemi ta' informazzjoni tagħhom f'ħin reali jew qrib il-ħin reali;

(b)

l-għoti ta' twissijiet bikrija, allerti u avviżi, u d-disseminazzjoni ta' informazzjoni lill-entitajiet essenzjali u importanti kkonċernati kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti u partijiet interessati rilevanti oħra dwar theddid, vulnerabbiltajiet u inċidenti ċibernetiċi, possibbilment qrib il-ħin reali;

(c)

ir-rispons għall-inċidenti u l-għoti ta' assistenza lill-entitajiet essenzjali u importanti kkonċernati, meta applikabbli;

(d)

il-ġbir u l-analiżi ta' data forensika u l-forniment ta' analiżi dinamika tar-riskji u tal-inċidenti u għarfien tas-sitwazzjoni fir-rigward taċ-ċibersigurtà;

(e)

il-forniment, fuq it-talba ta' entità essenzjali jew importanti, ta' skennjar proattiv tan-network u s-sistemi ta' informazzjoni tal-entità kkonċernata biex jiġu identifikati vulnerabbiltajiet b'impatt sinifikanti potenzjali;

(f)

il-parteċipazzjoni fin-network tas-CSIRTs u l-għoti ta' assistenza reċiproka skont il-kapaċitajiet u l-kompetenzi tagħhom lil membri oħra tan-network tas-CSIRTs fuq talba tagħhom;

(g)

fejn applikabbli, il-kompitu li jaġixxu bħala koordinatur għall-finijiet tal-proċess ta' divulgazzjoni kkoordinata tal-vulnerabbiltajiet skont l-Artikolu 12(1);

(h)

il-kontribut għall-implimentazzjoni ta' għodod ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni siguri skont l-Artikolu 10(3).

Is-CSIRTs jistgħu jwettqu skennjar proattiv mhux intrużiv tan-network u s-sistemi ta' informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku ta' entitajiet essenzjali u importanti. Tali skennjar għandu jitwettaq biex jiġu identifikati networks u sistemi ta' informazzjoni vulnerabbli jew b'konfigurazzjoni mhux sigura u jiġu infurmati l-entitajiet ikkonċernati. Tali skennjar ma għandu jkollu l-ebda impatt negattiv fuq il-funzjonament tas-servizzi tal-entitajiet.

Meta jwettqu l-kompiti msemmija fl-ewwel subparagrafu, is-CSIRTs jistgħu jagħtu prijorità lil kompiti partikolari abbażi ta' approċċ ibbażat fuq ir-riskju.

4.   Is-CSIRTs għandhom jistabbilixxu relazzjonijiet ta' kooperazzjoni ma' partijiet interessati rilevanti fis-settur privat, bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi ta' din id-Direttiva.

5.   Sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, is-CSIRTs għandhom jippromwovu l-adozzjoni u l-użu ta' prattiki komuni jew standardizzati, skemi ta' klassifikazzjoni u tassonomiji fir-rigward ta':

(a)

il-proċeduri tat-trattament tal-inċidenti;

(b)

il-ġestjoni tal-kriżijiet; u

(c)

id-divulgazzjoni kkoordinata tal-vulnerabbiltajiet skont l-Artikolu 12(1).

Artikolu 12

Divulgazzjoni kkoordinata tal-vulnerabbiltajiet u bażi tad-data Ewropea tal-vulnerabbiltajiet

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar waħda mis-CSIRTs tiegħu bħala koordinatur għall-finijiet ta' divulgazzjoni kkoordinata tal-vulnerabbiltajiet. Is-CSIRT maħtura bħala koordinatur għandha taġixxi bħala intermedjarju fdat u tiffaċilita, meta meħtieġ, l-interazzjoni bejn il-persuna fiżika jew ġuridika li tirrapporta vulnerabbiltà u l-manifattur jew il-fornitur tal-prodotti tal-ICT jew tas-servizzi tal-ICT li jkunu potenzjalment vulnerabbli, fuq talba ta' waħda mill-partijiet. Il-kompiti tas-CSIRT maħtura bħala koordinatur għandhom jinkludu:

(a)

l-identifikazzjoni tal-entitajiet ikkonċernati u l-kuntatt magħhom;

(b)

l-għoti ta' assistenza lill-persuni fiżiċi jew ġurdiċi li jirrapportaw vulnerabbiltà; u

(c)

in-negozjar tal-iskedi ta' żmien tad-divulgazzjoni, u l-ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet li jaffettwaw entitajiet multipli.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jkunu jistgħu jirrapportaw vulnerabbiltà b'mod anonimu, meta jitolbu dan, lis-CSIRT maħtura bħala koordinatur. Is-CSIRT maħtura bħala koordinatur għandha tiżgura li titwettaq azzjoni ta' segwitu diliġenti fir-rigward tal-vulnerabbiltà rrappurtata u għandha tiżgura l-anonimità tal-persuna fiżika jew ġuridika li tirrapporta l-vulnerabbiltà. Meta l-vulnerabbiltà rapportata jista' jkollha impatt sinifikanti fuq entitajiet f'aktar minn Stat Membru wieħed, is-CSIRT maħtura ta' kull Stat Membru kkonċernat għandha, meta jkun xieraq, tikkoopera ma' CSIRTs maħturin oħra fin-network tas-CSIRTs.

2.   L-ENISA għandha tiżviluppa u żżomm, wara li tikkonsulta l-Grupp ta' Kooperazzjoni, bażi tad-data Ewropea tal-vulnerabbiltajiet. Għal dak il-għan, l-ENISA għandha tistabbilixxi u żżomm sistemi tal-informazzjoni, politiki u proċeduri xierqa, u għandha tadotta l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa biex tiżgura s-sigurtà u l-integrità tal-bażi tad-data Ewropea tal-vulnerabbiltajiet, biex, b'mod partikolari, tippermetti li l-entitajiet, irrispettivament minn jekk jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, u l-fornituri tagħhom tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni, jiżvelaw u jirreġistraw, fuq bażi volontarja, il-vulnerabbiltajiet magħrufa pubblikament preżenti fil-prodotti tal-ICT jew fis-servizzi tal-ICT. Il-partijiet interessati kollha għandhom jingħataw aċċess għall-informazzjoni dwar il-vulnerabbiltajiet li jinsabu fil-bażi tad-data Ewropea tal-vulnerabbiltajiet. Dik il-bażi tad-data għandha tinkludi:

(a)

informazzjoni li tiddeskrivi l-vulnerabbiltà;

(b)

il-prodotti tal-ICT jew is-servizzi tal-ICT affettwati u s-severità tal-vulnerabbiltà mil-lat taċ-ċirkostanzi li fihom tista' tiġi sfruttata;

(c)

id-disponibbiltà ta' patches relatati u, fin-nuqqas ta' tali patches, gwida pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti jew mis-CSIRTs indirizzata lill-utenti ta' prodotti tal-ICT u servizzi tal-ICT vulnerabbli dwar kif ir-riskji li jirriżultaw mill-vulnerabbiltajiet divulgati jistgħu jiġu mmitigati.

Artikolu 13

Kooperazzjoni fil-livell nazzjonali

1.   Meta jkunu separati, l-awtoritajiet kompetenti, il-punt uniku ta' kuntatt u s-CSIRTs tal-istess Stat Membru għandhom jikkooperaw ma' xulxin fejn jidħol it-twettiq tal-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-CSIRTs tagħhom jew, meta jkun applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, jirċievu notifiki dwar inċidenti sinifikanti skont l-Artikolu 23, u inċidenti, theddid ċibernetiku u kważi inċidenti skont l-Artikolu 30.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-CSIRTs tagħhom jew, meta jkun applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jinformaw lill-punti uniċi ta' kuntatt tagħhom dwar in-notifiki tal-inċidenti, it-theddid ċibernetiku u l-kważi inċidenti ppreżentati skont din id-Direttiva.

4.   Sabiex jiġi żgurat li l-kompiti u l-obbligi tal-awtoritajiet kompetenti, tal-punti uniċi ta' kuntatt u tas-CSIRTs jitwettqu b'mod effettiv, l-Istati Membri għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiżguraw kooperazzjoni xierqa bejn dawk il-korpi u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data , l-awtoritajiet nazzjonali skont ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 u (UE) 2018/1139, il-korpi superviżorji skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014, l-awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament (UE) 2022/2554, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skont id-Direttiva (UE) 2018/1972, l-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva (UE) 2022/2557, kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti skont atti legali oħra tal-Unjoni speċifiċi għas-settur, f'dak l-Istat Membru.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom skont din id-Direttiva u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom skont id-Direttiva (UE) 2022/2557 jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni fuq bażi regolari fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' entitajiet kritiċi, dwar riskji, theddid u inċidenti ċibernetiċi kif ukoll dwar riskji, theddid u inċidenti mhux ċibernetiċi li jaffettwaw lil entitajiet essenzjali identifikati bħala entitajiet kritiċi skont id-Direttiva (UE) 2022/2557, u l-miżuri meħuda b'rispons għal tali riskji, theddid u inċidenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom skont din id-Direttiva u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014, ir-Regolament (UE) 2022/2554 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, jiskambjaw informazzjoni rilevanti fuq bażi regolari, inkluż fir-rigward ta' inċidenti u theddid ċibernetiku rilevanti.

6.   L-Istati Membri għandhom jissimplifikaw ir-rappurtar bl-użu ta' mezzi tekniċi għan-notifiki msemmija fl-Artikoli 23 u 30.

KAPITOLU III

KOOPERAZZJONI FIL-LIVELL TAL-UNJONI U INTERNAZZJONALI

Artikolu 14

Grupp ta' Kooperazzjoni

1.   Sabiex jiġu appoġġati u ffaċilitati l-kooperazzjoni strateġika u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri, kif ukoll biex jissaħħu l-fiduċja u l-kunfidenza, jiġi stabbilit Grupp ta' Kooperazzjoni.

2.   Il-Grupp ta' Kooperazzjoni għandu jwettaq il-kompiti tiegħu abbażi tal-programmi ta' ħidma biennali msemmija fil-paragrafu 7.

3.   Il-Grupp ta' Kooperazzjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-ENISA. Is-servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jipparteċipa fl-attivitajiet tal-Grupp ta' Kooperazzjoni bħala osservatur. L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u l-awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament (UE) 2022/2554 jistgħu jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Grupp ta' Kooperazzjoni f'konformità mal-Artikolu 47(1) ta' dak ir-Regolament.

Meta jkun xieraq, il-Grupp ta' Kooperazzjoni jista' jistieden lill-Parlament Ewropew u lil rappreżentanti ta' partijiet interessati rilevanti biex jieħdu sehem fil-ħidma tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-segretarjat.

4.   Il-Grupp ta' Kooperazzjoni għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)

li jipprovdi gwida lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva;

(b)

li jipprovdi gwida lill-awtoritajiet kompetenti b'rabta mal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki dwar id-divulgazzjoni kkoordinata tal-vulnerabbiltajiet, kif imsemmija fl-Artikolu 7(2), il-punt (c);

(c)

li jiskambja l-aqwa prattiki u informazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, inkluż fir-rigward ta' theddid ċibernetiku, inċidenti, vulnerabbiltajiet, kważi inċidenti, inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni, taħriġ, eżerċizzji u ħiliet, bini tal-kapaċità, standards u speċifikazzjonijiet tekniċi kif ukoll l-identifikazzjoni ta' entitajiet essenzjali u importanti skont l-Artikolu 2(2), il-punti (b) sa (e);

(d)

li jiskambja pariri u jikkoopera mal-Kummissjoni dwar inizjattivi emerġenti ta' politika taċ-ċibersigurtà u l-konsistenza ġenerali tar-rekwiżiti ta' ċibersigurtà speċifiċi għas-settur;

(e)

li jiskambja pariri u jikkoopera mal-Kummissjoni dwar abbozzi ta' atti delegati jew ta' implimentazzjoni adottati skont din id-Direttiva;

(f)

li jiskambja l-aħjar prattiki u informazzjoni ma' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti tal-Unjoni;

(g)

li jiskambja fehmiet dwar l-implimentazzjoni ta' atti legali tal-Unjoni speċifiċi għas-settur li fihom dispożizzjonijiet dwar iċ-ċibersigurtà;

(h)

meta jkun rilevanti, li jiddiskuti r-rapporti tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari msemmija fl-Artikolu 19(9) u jfassal konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet;

(i)

li jwettaq valutazzjonijiet ikkoordinati tar-riskji għas-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista kritiċi f'konformità mal-Artikolu 22(1);

(j)

li jiddiskuti każijiet ta' assistenza reċiproka, inklużi esperjenzi u riżultati minn azzjonijiet superviżorji konġunti transfruntiera kif imsemmi fl-Artikolu 37;

(k)

fuq talba ta' Stat Membru kkonċernat wieħed jew aktar, li jiddiskuti talbiet speċifiċi għal assistenza reċiproka kif imsemmi fl-Artikolu 37;

(l)

li jagħti gwida strateġika lin-network tas-CSIRTs u lil EU-CyCLONe dwar kwistjonijiet emerġenti speċifiċi;

(m)

li jiskambja fehmiet dwar il-politika dwar azzjonijiet ta' segwitu wara inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira abbażi tat-tagħlimiet meħuda min-network tas-CSIRTs u l-EU-CyCLONe;

(n)

li jikkontribwixxi għall-kapaċitajiet ta' ċibersigurtà madwar l-Unjoni billi jiffaċilita l-iskambju ta' uffiċjali nazzjonali permezz ta' programm ta' bini tal-kapaċitajiet li jinvolvi persunal mill-awtoritajiet kompetenti jew mis-CSIRTs;

(o)

li jorganizza laqgħat konġunti regolari ma' partijiet interessati privati rilevanti minn madwar l-Unjoni biex jiddiskuti l-attivitajiet imwettqa mill-Grupp ta' Kooperazzjoni u jiġbor kontribut dwar l-isfidi ta' politiki emerġenti;

(p)

li jiddiskuti l-ħidma mwettqa b'rabta mal-eżerċizzji taċ-ċibersigurtà, inkluża l-ħidma mwettqa mill-ENISA;

(q)

li jistabbilixxi l-metodoloġija u l-aspetti organizzattivi tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari msemmija fl-Artikolu 19(1), kif ukoll li jistabbilixxi l-metodoloġija ta' awtovalutazzjoni għall-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 19(5), bl-għajnuna tal-Kummissjoni u l-ENISA, u, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-ENISA, li jiżviluppa kodiċijiet ta' kondotta li jirfdu l-metodi ta' ħidma tal-esperti taċ-ċibersigurtà maħturin f'konformità mal-Artikolu 19(6);

(r)

li jħejji rapporti lill-Kummissjoni għall-fini tar-rieżami msemmi fl-Artikolu 40 dwar l-esperjenza miksuba f'livell strateġiku u mill-evalwazzjonijiet bejn il-pari;

(s)

li jiddiskuti u jwettaq fuq bażi regolari valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali ta' theddid jew inċidenti ċibernetiċi, bħal ransomware.

Il-Grupp ta' Kooperazzjoni għandu jippreżenta r-rapporti msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (r), lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw kooperazzjoni effettiva, effiċjenti u sigura tar-rappreżentanti tagħhom fil-Grupp ta' Kooperazzjoni.

6.   Il-Grupp ta' Kooperazzjoni jista' jitlob rapport tekniku min-network tas-CSIRTs, dwar suġġetti magħżula.

7.   Sal-1 ta' Frar 2024 u kull sentejn wara dan, il-Grupp ta' Kooperazzjoni għandu jistabbilixxi programm ta' ħidma fir-rigward ta' azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex jiġu implimentati l-objettivi u l-kompiti tiegħu.

8.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu arranġamenti proċedurali meħtieġa għall-funzjonament tal-Grupp ta' Kooperazzjoni.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 39(2).

Il-Kummissjoni għandha tiskambja pariri u tikkoopera mal-Grupp ta' Kooperazzjoni dwar l-abbozzi tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-paragrafu (4), il-punt (e).

9.   Il-Grupp ta' Kooperazzjoni għandu jiltaqa' fuq bażi regolari u fi kwalunkwe każ, mill-inqas darba fis-sena, mal-Grupp ta' Reżiljenza ta' Entitajiet Kritiċi stabbilit skont id-Direttiva (UE) 2022/2557 biex jippromwovi u jiffaċilita l-kooperazzjoni strateġika u l-iskambju tal-informazzjoni.

Artikolu 15

Network tas-CSIRTs

1.   Biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kunfidenza u tal-fiduċja u biex jippromwovi kooperazzjoni operazzjonali rapida u effettiva fost l-Istati Membri, qed jiġi stabbilit network tas-CSIRTs nazzjonali.

2.   In-network tas-CSIRTs għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tas-CSIRTs maħturin jew stabbiliti skont l-Artikolu 10 u l-iskwadra ta' rispons f'emerġenza relatata mal-kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-UE). Il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fin-network tas-CSIRTs bħala osservatur. L-ENISA għandha tipprovdi s-segretarjat u għandha tipprovdi b'mod attiv assistenza għall-kooperazzjoni fost is-CSIRTs.

3.   In-network tas-CSIRTs għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)

li jiskambja tal-informazzjoni dwar il-kapaċitajiet tas-CSIRTs;

(b)

li jiffaċilita l-kondiviżjoni, it-trasferiment u l-iskambju tat-teknoloġiji u l-miżuri, il-politiki, l-għodda, il-proċessi, l-aħjar prattiki u l-oqfsa rilevanti fost is-CSIRTs;

(c)

li jiskambja informazzjoni rilevanti dwar inċidenti, kważi inċidenti, theddid ċibernetiku, riskji u vulnerabbiltajiet;

(d)

li jiskambja informazzjoni fir-rigward ta' pubblikazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar iċ-ċibersigurtà;

(e)

li jiżgura l-interoperabbiltà fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet u l-protokolli marbuta mal-kondiviżjoni tal-informazzjoni;

(f)

fuq talba ta' membru tan-network tas-CSIRTs potenzjalment affettwat minn inċident, li jiskambja u jiddiskuti informazzjoni fir-rigward ta' dak l-inċident u t-theddid ċibernetiku, ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet assoċjati;

(g)

fuq talba ta' membru tan-network tas-CSIRTs, li jiddiskuti u, meta jkun possibbli, jimplimenta rispons ikkoordinat għal inċident li jkun ġie identifikat fil-ġuriżdizzjoni ta' dak l-Istat Membru;

(h)

li jipprovdi assistenza lill-Istati Membri fl-indirizzar ta' inċidenti transfruntieri skont din id-Direttiva;

(i)

li jikkoopera, jiskambja l-aħjar prattiki u jipprovdi assistenza lis-CSIRTs maħturin bħala koordinaturi skont l-Artikolu 12(1) fir-rigward tal-ġestjoni tal-iżvelar ikkoordinat tal-vulnerabbiltajiet li jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq entitajiet f'aktar minn Stat Membru wieħed;

(j)

li jiddiskuti u jidentifika aktar forom ta' kooperazzjoni operazzjonali, inkluż fir-rigward ta':

(i)

kategoriji ta' theddid u inċidenti ċibernetiċi;

(ii)

twissijiet bikrija;

(iii)

assistenza reċiproka;

(iv)

prinċipji u arranġamenti għall-koordinazzjoni, bħala rispons għal riskji u inċidenti transfruntieri;

(v)

kontribut għall-pjan nazzjonali ta' rispons għall-inċidenti u l-kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira msemmi fl-Artikolu 9(4) fuq it-talba ta' Stat Membru;

(k)

li jinforma lill-Grupp ta' Kooperazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu u dwar forom ulterjuri ta' kooperazzjoni operazzjonali diskussi skont il-punt (j), u, meta jkun meħtieġ, jitlob gwida f'dak ir-rigward;

(l)

li jagħti rendikont tal-eżerċizzji taċ-ċibersigurtà, inklużi dawk organizzati mill-ENISA;

(m)

fuq talba minn CSIRT individwali, li jiddiskuti l-kapaċitajiet u t-tħejjija ta' dik is-CSIRT;

(n)

li jikkoopera u jiskambja informazzjoni maċ-Ċentri tal-Operazzjonijiet tas-Sigurtà (SOCs) fil-livell reġjonali u dak tal-Unjoni sabiex itejjeb l-għarfien komuni tas-sitwazzjoni dwar inċidenti u theddid ċibernetiku madwar l-Unjoni;

(o)

meta jkun rilevanti, li jiddiskuti r-rapporti tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari msemmija fl-Artikolu 19(9);

(p)

li jipprovdi linji gwida sabiex jiffaċilita l-konverġenza ta' prattiki operazzjonali fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu li jikkonċernaw il-kooperazzjoni operazzjonali.

4.   Sas-17 ta’ Jannar 2025, u kull sentejn wara dan, in-network tas-CSIRTs għandu, għall-fini tar-rieżami msemmi fl-Artikolu 40, jivvaluta l-progress li jkun sar fir-rigward tal-kooperazzjoni operazzjonali u jadotta rapport. Ir-rapport għandu, b'mod partikolari, ifassal konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet abbażi tal-eżitu tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari msemmija fl-Artikolu 19, li jitwettqu fir-rigward tas-CSIRTs nazzjonali. Dak ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Grupp ta' Kooperazzjoni.

5.   In-network tas-CSIRTs għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

6.   In-network tas-CSIRTs u l-EU-CyCLONe għandhom jaqblu dwar arranġamenti proċedurali u jikkooperaw abbażi tagħhom.

Artikolu 16

Network Ewropew ta' organizzazzjoni ta' kollegament f'każ ta' ċiberkriżijiet (EU-CyCLONe)

1.   L-UE-CyCLONe huwa stabbilit biex tiġi appoġġata l-ġestjoni kkoordinata tal-inċidenti u l-kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira fil-livell operazzjonali u biex jiġi żgurat l-iskambju regolari ta' informazzjoni rilevanti bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni.

2.   L-EU-CyCLONe għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet għall-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi tal-Istati Membri kif ukoll, f'każijiet meta inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, potenzjali jew li jkun qed iseħħ, ikollu jew x'aktarx ikollu impatt sinifikanti fuq servizzi u attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni. F'każijiet oħra, il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fl-attivitajiet tal-EU-CyCLONe bħala osservatur.

L-ENISA għandha tipprovdi s-segretarjat tal-EU-CyCLONe u tappoġġa l-iskambju sigur tal-informazzjoni, u għandha tipprovdi wkoll l-għodod meħtieġa biex tappoġġa l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri filwaqt li tiżgura skambju sigur ta' informazzjoni.

Meta jkun xieraq, l-EU-CyCLONe jista' jistieden lil rappreżentanti ta' partijiet interessati rilevanti biex jipparteċipaw fil-ħidma tiegħu bħala osservaturi.

3.   L-EU-CyCLONe għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)

li jżid il-livell ta' tħejjija tal-ġestjoni tal-inċidenti u l-kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira;

(b)

li jiżviluppa ta' għarfien komuni tas-sitwazzjoni għal inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira;

(c)

li jivvaluta l-konsegwenzi u l-impatt ta' inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira rilevanti u jipproponi miżuri possibbli ta' mitigazzjoni;

(d)

li jikkoordina l-ġestjoni ta' inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira u jappoġġa t-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livell politiku fir-rigward ta' tali inċidenti u kriżijiet;

(e)

li jiddiskuti, fuq talba ta' Stat Membru kkonċernat, il-pjanijiet nazzjonali ta' rispons għall-inċidenti u l-kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira msemmija fl-Artikolu 9(4).

4.   L-EU-CyCLONe għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

5.   L-EU-CyCLONe għandu jirrapporta fuq bażi regolari lill-Grupp ta' Kooperazzjoni dwar il-ġestjoni tal-inċidenti u l-kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, kif ukoll fuq ix-xejriet, filwaqt li jiffoka b'mod partikolari fuq l-impatt tagħhom fuq l-entitajiet essenzjali u importanti.

6.   L-EU-CyCLONe għandu jikkoopera man-network tas-CSIRTs abbażi ta' arranġamenti proċedurali maqbula previsti fl-Artikolu 15(6).

7.   Sas-17 ta’ Lulju 2024, u kull 18-il xahar minn hemm 'il quddiem, l-EU-CyCLONe għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jivvaluta l-ħidma tiegħu.

Artikolu 17

Kooperazzjoni internazzjonali

L-Unjoni tista', meta jkun xieraq, tikkonkludi ftehimiet internazzjonali, f'konformità mal-Artikolu 218 tat-TFUE, ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, li jippermettu u jorganizzaw il-parteċipazzjoni tagħhom f'attivitajiet partikolari tal-Grupp ta' Kooperazzjoni, tan-network tas-CSIRTs u tal-EU-CyCLONe. Tali ftehimiet għandhom jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

Artikolu 18

Rapport dwar l-istat taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni

1.   F'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-Grupp ta' Kooperazzjoni, l-ENISA għandha tadotta rapport biennali dwar l-istat taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni u għandha tissottomettih u tippreżentah lill-Parlament Ewropew. Ir-rapport għandu, fost l-oħrajn, ikun disponibbli f'data li tinqara mill-magni u jinkludi dan li ġej:

(a)

valutazzjoni tar-riskju taċ-ċibersigurtà fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li jitqies ix-xenarju ta' theddid ċibernetiku;

(b)

valutazzjoni tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà fis-setturi pubbliċi u privati madwar l-Unjoni;

(c)

valutazzjoni tal-livell ġenerali ta' sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà u l-iġjene ċibernetika fost iċ-ċittadini u l-entitajiet, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

(d)

valutazzjoni aggregata tal-eżitu tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari msemmija fl-Artikolu 19;

(e)

valutazzjoni aggregata tal-livell ta' maturità tal-kapaċitajiet u r-riżorsi taċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni, inklużi dawk fil-livell settorjali, kif ukoll tal-punt sa fejn l-istrateġiji nazzjonali taċ-ċibersigurtà tal-Istati Membri huma allinjati.

2.   Ir-rapport għandu jinkludi rakkomandazzjonijiet ta' politika partikolari, bil-ħsieb li jiġu indirizzati n-nuqasijiet u jiżdied il-livell taċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni, u sommarju tas-sejbiet għall-perjodu partikolari mir-Rapporti dwar is-Sitwazzjoni Teknika taċ-Ċibersigurtà fl-UE dwar inċidenti u theddid ċibernetiku mħejjija mill-ENISA f'konformità mal-Artikolu 7(6) tar-Regolament (UE) 2019/881.

3.   L-ENISA, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, mal-Grupp ta' Kooperazzjoni u man-network tas-CSIRTs, għandha tiżviluppa l-metodoloġija, inklużi l-varjabbli rilevanti, bħalma huma l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi, tal-valutazzjoni aggregata msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (e).

Artikolu 19

Evalwazzjonijiet bejn il-pari

1.   Il-Grupp ta' Kooperazzjoni għandu, sas-17 ta’ Jannar 2025, jistabbilixxi, bl-għajnuna tal-Kummissjoni u tal-ENISA, u, fejn rilevanti, in-network tas-CSIRTs, il-metodoloġija u l-aspetti organizzattivi tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari bil-ħsieb li wieħed jitgħallem minn esperjenzi kondiviżi, isaħħaħ il-fiduċja reċiproka, jikseb livell komuni għoli ta' ċibersigurtà, kif ukoll itejjeb il-kapaċitajiet u l-politiki taċ-ċibersigurtà tal-Istati Membri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Il-parteċipazzjoni fl-evalwazzjonijiet bejn il-pari hija volontarja. L-evalwazzjonijiet bejn il-pari għandhom jitwettqu minn esperti taċ-ċibersigurtà. L-esperti taċ-ċibersigurtà għandhom jiġu maħturin minn tal-anqas żewġ Stati Membri, differenti mill-Istat Membru li jkun qed jiġi evalwat.

L-evalwazzjonijiet bejn il-pari għandhom ikopru mill-inqas wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-livell tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u tal-obbligi ta' rapportar stabbiliti fl-Artikoli 21 u 23;

(b)

il-livell tal-kapaċitajiet, inklużi r-riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani disponibbli, u l-effettività tat-twettiq tal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti;

(c)

il-kapaċitajiet operazzjonali tas-CSIRTs;

(d)

il-livell tal-implimentazzjoni tal-assistenza reċiproka msemmija fl-Artikolu 37;

(e)

il-livell tal-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà msemmija fl-Artikolu 29;

(f)

il-kwistjonijiet speċifiċi ta' natura transfruntiera jew transsettorjali.

2.   Il-metodoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji, ġusti u trasparenti li abbażi tagħhom l-Istati Membri jaħtru esperti eliġibbli taċ-ċibersigurtà biex iwettqu l-evalwazzjonijiet bejn il-pari. Il-Kummissjoni u l-ENISA għandhom jipparteċipaw bħala osservaturi fl-evalwazzjonijiet bejn il-pari.

3.   L-Istati Membri jistgħu jidentifikaw kwistjonijiet speċifiċi kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (f), għall-finijiet ta' evalwazzjoni bejn il-pari.

4.   Qabel il-bidu ta' evalwazzjoni bejn il-pari kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Istati Membri parteċipanti dwar l-iskop tagħha, inklużi l-kwistjonijiet speċifiċi identifikati skont il-paragrafu 3.

5.   Qabel il-bidu tal-evalwazzjoni bejn il-pari, l-Istati Membri jistgħu jwettqu awtovalutazzjoni tal-aspetti evalwati u jipprovdu dik l-awtovalutazzjoni lill-esperti taċ-ċibersigurtà maħturin. Il-Grupp ta' Kooperazzjoni għandu, bl-għajnuna tal-Kummissjoni u tal-ENISA, jistabbilixxi l-metodoloġija għall-awtovalutazzjoni tal-Istati Membri.

6.   L-evalwazzjonijiet bejn il-pari għandhom jinvolvu żjarat fuq il-post fiżiċi jew virtwali u skambji tal-informazzjoni mhux fuq il-post. F'konformità mal-prinċipju ta' kooperazzjoni tajba, l-Istat Membru li jkun soġġett għall-evalwazzjoni bejn il-pari għandu jipprovdi lill-esperti taċ-ċibersigurtà maħturin l-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni, mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali jew klassifikata jew għas-salvagwardja ta' funzjonijiet Statali essenzjali, bħas-sigurtà nazzjonali. Il-Grupp ta' Kooperazzjoni, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-ENISA, għandu jiżviluppa kodiċijiet ta' kondotta xierqa li jirfdu l-metodi ta' ħidma tal-esperti taċ-ċibersigurtà maħturin. Kull informazzjoni miksuba waqt l-evalwazzjoni bejn il-pari għandha tintuża biss għal dak l-iskop. L-esperti taċ-ċibersigurtà li jipparteċipaw fl-evalwazzjoni bejn il-pari ma għandhom jiżvelaw l-ebda informazzjoni sensittiva jew kunfidenzjali miksuba waqt dik l-evalwazzjoni bejn il-pari lil partijiet terzi.

7.   Ladarba jkunu ġew soġġetti għal evalwazzjoni bejn il-pari, l-istess aspetti evalwati ma għandhomx ikunu soġġetti għal evalwazzjoni bejn il-pari f'dak l-Istat Membru għal perjodu ta' sentejn wara l-konklużjoni tal-evalwazzjoni bejn il-pari, sakemm ma jiġix mitlub mod ieħor mill-Istat Membru jew maqbul wara proposta tal-Grupp ta' Kooperazzjoni.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe riskju ta' kunflitt ta' interess li jikkonċerna l-esperti taċ-ċibersigurtà maħturin jiġi żvelat lill-Istati Membri l-oħra, lill-Grupp ta' Kooperazzjoni, lill-Kummissjoni u lill-ENISA, qabel il-bidu tal-evalwazzjoni bejn il-pari. L-Istat Membru soġġett għall-evalwazzjoni bejn il-pari jista' joġġezzjona għal-ħatra ta' esperti taċ-ċibersigurtà partikolari għal raġunijiet debitament ġustifikati kkomunikati lill-Istati Membri maħturin.

9.   L-esperti taċ-ċibersigurtà li jipparteċipaw fl-evalwazzjonijiet bejn il-pari għandhom jabbozzaw rapporti dwar is-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari. L-Istati Membri soġġetti għal evalwazzjoni bejn il-pari jistgħu jipprovdu kummenti dwar l-abbozzi tar-rapporti li jikkonċernawhom u tali kummenti għandhom jiġu mehmuża mar-rapporti. Ir-rapporti għandhom jinkludu rakkomandazzjonijiet li jippermettu titjib fl-aspetti koperti mill-evalwazzjoni bejn il-pari. Ir-rapporti għandhom jiġu sottomessi lill-Grupp ta' Kooperazzjoni u lin-network tas-CSIRTs fejn rilevanti. Stat Membru soġġett għal evalwazzjoni bejn il-pari jista' jiddeċiedi li jagħmel ir-rapport tiegħu, jew verżjoni redatta tiegħu, disponibbli għall-pubbliku.

KAPITOLU IV

MIZURI TA' GESTJONI TAR-RISKJI TAC-CIBERSIGURTA U OBBLIGI TA' RAPPORTAR

Artikolu 20

Governanza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi maniġerjali tal-entitajiet essenzjali u importanti japprovaw il-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà meħuda minn dawk l-entitajiet biex jikkonformaw mal-Artikolu 21, jissorveljaw l-implimentazzjoni tiegħu u jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għall-ksur mill-entitajiet ta' dak l-Artikolu.

L-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali fir-rigward tar-regoli tar-responsabbiltà applikabbli għall-istituzzjonijiet pubbliċi, kif ukoll ir-responsabbiltà tal-impjegati pubbliċi u l-uffiċjali eletti jew maħtura.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-korp maniġerjali ta' entitajiet essenzjali u importanti jkunu meħtieġa jsegwu taħriġ, u għandhom jinkoraġġixxu lill-entitajiet essenzjali u importanti joffru taħriġ simili lill-impjegati tagħhom b'mod regolari, sabiex jiksbu għarfien u ħiliet suffiċjenti ħalli jkunu jistgħu jidentifikaw ir-riskji u jivvalutaw il-prattiki tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u l-impatt tagħhom fuq is-servizzi pprovduti mill-entità.

Artikolu 21

Miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet essenzjali u importanti jieħdu l-miżuri tekniċi, operazzjonali u organizzattivi xierqa u proporzjonati biex jimmaniġġjaw ir-riskji li jinħolqu għas-sigurtà tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni li dawk l-entitajiet jużaw għall-operazzjonijiet tagħhom jew għall-forniment tas-servizzi tagħhom, u biex jipprevjenu jew jimminimizzaw l-impatt tal-inċidenti fuq riċevituri tas-servizzi tagħhom u fuq servizzi oħra.

Filwaqt li jitqiesu l-istandards Ewropej u internazzjonali l-aktar avvanzati u, fejn applikabbli, rilevanti, kif ukoll il-kost tal-implimentazzjoni, il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiżguraw livell ta' sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni xieraq għar-riskji maħluqa. Meta tkun qed tiġi vvalutata l-proporzjonalità ta' dawk il-miżuri, għandu jittieħed kont dovut tal-grad tal-esponiment tal-entità għar-riskji, id-daqs tal-entità u l-probabbiltà li jseħħu l-inċidenti u s-severità tagħhom, inkluż l-impatt soċjetali u ekonomiku tagħhom.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu bbażati fuq approċċ għall-perikli kollha li jkollu l-għan li jipproteġi n-network u s-sistemi tal-informazzjoni u l-ambjent fiżiku ta' dawk is-sistemi mill-inċidenti, u għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)

politiki dwar l-analiżi tar-riskji u s-sigurtà tas-sistema tal-informazzjoni;

(b)

ittrattar tal-inċidenti;

(c)

kontinwità tal-operat, bħall-ġestjoni ta' riżerva u l-irkupru minn diżastri, u ġestjoni tal-kriżijiet;

(d)

is-sigurtà tal-katina tal-provvista, inklużi aspetti relatati mas-sigurtà li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet bejn kull entità u l-fornituri jew il-fornituri tas-servizzi diretti tagħha;

(e)

is-sigurtà fl-akkwiżizzjoni, l-iżvilupp u l-manutenzjoni tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni, inklużi t-trattament u d-divulgazzjoni tal-vulnerabbiltajiet;

(f)

politiki u proċeduri biex tiġi vvalutata l-effettività tal-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà;

(g)

prattiki bażiċi tal-iġjene ċibernetika u taħriġ dwar iċ-ċibersigurtà;

(h)

politiki u proċeduri dwar l-użu tal-kriptografija u, fejn xieraq, il-kriptaġġ;

(i)

is-sigurtà tar-riżorsi umani, il-politiki tal-kontroll tal-aċċess u l-ġestjoni tal-assi;

(j)

l-użu tal-awtentikazzjoni b'diversi fatturi jew ta' soluzzjonijiet ta' awtentikazzjoni kontinwa, komunikazzjonijiet bil-vuċi, bil-vidjo u testwali siguri u sistemi tal-komunikazzjoni ta' emerġenza siguri fi ħdan l-entità, fejn xieraq.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jikkunsidraw il-miżuri xierqa msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (d), ta' dan l-Artikolu, l-entitajiet ikunu meħtieġa jqisu l-vulnerabbiltajiet speċifiċi għal kull fornitur u fornitur tas-servizzi dirett u l-kwalità ġenerali tal-prodotti u l-prattiki taċ-ċibersigurtà tal-fornituri u l-fornituri tas-servizzi tagħhom, inklużi l-proċeduri tal-iżvilupp siguri tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li, meta jkunu qed jikkunsidraw liema miżuri msemmija f'dak il-punt huma xierqa, l-entitajiet ikunu meħtieġa jqisu r-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskju tas-sigurtà kkoordinati tal-ktajjen tal-provvista kritiċi mwettqa f'konformità mal-Artikolu 22(1).

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li entità li ssib li ma tikkonformax mal-miżuri previsti fil-paragrafu 2 tieħu, mingħajr dewmien żejjed, il-miżuri korrettivi kollha meħtieġa, xierqa u proporzjonati.

5.   Sas-17 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti tekniċi u metodoloġiċi tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 fir-rigward tal-fornituri ta' servizzi tad-DNS, ir-reġistri ta' ismijiet tat-TLD, il-fornituri tas-servizzi tal-cloud computing, il-fornituri tas-servizzi taċ-ċentri tad-data, il-fornituri tan-networks tal-konsenja tal-kontenut, il-fornituri tas-servizzi ġestiti, il-fornituri tas-servizzi tas-sigurtà ġestiti, il-fornituri tas-swieq online, il-magni tat-tiftix online u ta' pjattaformi tas-servizzi tan-networking soċjali, u l-fornituri tas-servizzi fiduċjarji.

Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti tekniċi u metodoloġiċi, kif ukoll ir-rekwiżiti settorjali, kif meħtieġ, tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 fir-rigward ta' entitajiet essenzjali u importanti għajr dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Meta tkun qed tħejji l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi ta' dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha , sa fejn ikun possibbli, issegwi standards Ewropej u internazzjonali, kif ukoll speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tiskambja l-pariri u tikkoopera mal-Grupp ta' Kooperazzjoni u mal-ENISA dwar l-abbozzi tal-atti ta' implimentazzjoni f'konformità mal-Artikolu 14(4), il-punt (e).

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 39(2).

Artikolu 22

Valutazzjonijiet tar-riskji tas-sigurtà kkoordinati fuq livell tal-Unjoni tal-ktajjen tal-provvista kritiċi

1.   Il-Grupp ta' Kooperazzjoni, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-ENISA, jista' jwettaq valutazzjonijiet tar-riskji kkoordinati għas-sigurtà ta' servizzi tal-ICT, sistemi tal-ICT jew ktajjen tal-provvista tal-prodotti tal-ICT kritiċi speċifiċi, filwaqt li jqis fatturi tar-riskju tekniċi u, fejn ikun rilevanti, fatturi tar-riskju mhux tekniċi.

2.   Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Grupp ta' Kooperazzjoni u lill-ENISA, u, fejn applikabbli, lill-partijiet interessati rilevanti, għandha tidentifika s-servizzi tal-ICT, is-sistemi tal-ICT jew il-prodotti tal-ICT kritiċi speċifiċi li jistgħu jkunu soġġetti għall-valutazzjoni tar-riskju tas-sigurtà kkoordinata msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 23

Obbligi ta' rapportar

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-entitajiet essenzjali u importanti jinnotifikaw, mingħajr dewmien żejjed, lis-CSIRT tiegħu jew, fejn applikabbli, lill-awtorità kompetenti tiegħu f'konformità mal-paragrafu 4 dwar kull inċident li jħalli impatt sinifikanti fuq il-forniment tas-servizzi tagħhom kif imsemmi fil-paragrafu 3 (inċident sinifikanti). Fejn xieraq, l-entitajiet ikkonċernati għandhom jinnotifikaw, mingħajr dewmien żejjed, lir-riċevituri tas-servizzi tagħhom dwar l-inċidenti sinifikanti li aktarx jaffettwaw ħażin il-forniment ta' dawk is-servizzi. Kull Stat Membru għandu jiżgura li dawk l-entitajiet jirrapportaw, inter alia, kull informazzjoni li tippermetti lis-CSIRT jew, fejn applikabbli, lill-awtorità kompetenti, tiddetermina kwalunkwe impatt transfruntier tal-inċident. Is-sempliċi att tan-notifika ma għandux jissoġġetta lill-entità notifikanti għal aktar responsabbiltà.

Meta l-entitajiet ikkonċernati jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti b'inċident sinifikanti skont l-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru għandu jiżgura li dik l-awtorità kompetenti tgħaddi n-notifika lis-CSIRT malli tirċeviha.

Fil-każ ta' inċident sinifikanti transfruntier jew transsettorjali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-punti uniċi ta' kuntatt tagħhom jiġu pprovduti fi żmien debitu bl-informazzjoni rilevanti nnotifikata f'konformità mal-paragrafu 4.

2.   Fejn applikabbli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet essenzjali u importanti jikkomunikaw, mingħajr dewmien żejjed, lir-riċevituri tas-servizzi tagħhom affettwati potenzjalment minn theddida ċibernetika sinifikanti kull miżura jew rimedju li dawk ir-riċevituri kapaċi jieħdu bħala rispons għal dik it-theddida. Fejn xieraq, l-entitajiet għandhom jinformaw ukoll lil dawk ir-riċevituri bit-theddida ċibernetika sinifikanti nnifisha.

3.   Inċident għandu jitqies li hu sinifikanti jekk:

(a)

ikun ikkawża jew kapaċi jikkawża tfixkil operazzjonali serju tas-servizzi jew telf finanzjarju għall-entità kkonċernata;

(b)

ikun affettwa jew kapaċi jaffettwa lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra billi jikkawża dannu materjali jew mhux materjali konsiderevoli.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-fini tan-notifika skont il-paragrafu 1, l-entitajiet ikkonċernati jissottomettu lis-CSIRT jew, fejn applikabbli, lill-awtorità kompetenti:

(a)

mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa wara li jkunu saru jafu bl-inċident, twissija bikrija, li, fejn applikabbli, għandha tindika jekk l-inċident sinifikanti hux issuspettat li hu kkawżat minn atti illegali jew malizzjużi jew jistax ikollu impatt transfruntier;

(b)

mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 72 siegħa minn meta jsiru jafu bl-inċident sinifikanti,notifika ta' inċident, li, fejn applikabbli, għandha taġġorna l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) u tindika valutazzjoni inizjali tal-inċident sinifikanti, inkluż is-severità u l-impatt tiegħu, kif ukoll, fejn disponibbli, l-indikaturi ta' kompromess;

(c)

meta jintalab minn CSIRT jew, meta applikabbli, l-awtorità kompetenti, rapport intermedju dwar aġġornamenti rilevanti tal-istatus;

(d)

rapport finali sa mhux aktar tard minn xahar wara s-sottomissjoni tan-notifika tal-inċident skont il-punt (b), li jinkludi dan li ġej:

(i)

deskrizzjoni dettaljata tal-inċident, inkluż is-severità u l-impatt tiegħu;

(ii)

it-tip ta' theddida jew il-kawża ewlenija li aktarx skattat l-inċident;

(iii)

il-miżuri ta' mitigazzjoni applikati u li għadhom fis-seħħ;

(iv)

meta applikabbli, l-impatt transfruntier tal-inċident;

(e)

fil-każ ta' inċident li jkun għadu għaddej fiż-żmien tas-sottomissjoni tar-rapport finali msemmi fil-punt (d), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet ikkonċernati jipprovdu rapport ta' progress f'dak iż-żmien u rapport finali fi żmien xahar minn meta jkunu ttrattaw l-inċident.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, il-punt (b), il-fornitur ta' servizzi fiduċjarji għandu, fir-rigward ta' inċidenti sinifikanti li jkollhom impatt fuq il-forniment tas-servizzi fiduċjarji tiegħu, jinnotifika lis-CSIRT jew, fejn applikabbli, lill-awtorità kompetenti, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa minn meta jsir jaf bl-inċident sinifikanti.

5.   Is-CSIRT jew l-awtorità kompetenti għandhom jipprovdu, mingħajr dewmien żejjed u fejn ikun possibbli fi żmien 24 siegħa wara li jirċievu t-twissija bikrija msemmija fil-paragrafu 4, il-punt (a), rispons lill-entità notifikanti, inklużi feedback inizjali dwar l-inċident sinifikanti u, meta tintalab mill-entità, gwida jew parir azzjonabbli dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri possibbli ta' mitigazzjoni. Meta s-CSIRT ma tkunx ir-riċevitur inizjali tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1, il-gwida għandha tingħata mill-awtorità kompetenti b'kooperazzjoni mas-CSIRT. Is-CSIRT għandha tipprovdi appoġġ tekniku addizzjonali jekk l-entità kkonċernata titlob dan. Fejn ikun hemm suspett li l-inċident sinifikanti huwa ta' natura kriminali, is-CSIRT jew l-awtorità kompeteti għandhom jipprovdu wkoll gwida dwar ir-rapportar tal-inċident sinifikanti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

6.   Fejn xieraq, u b'mod partikolari meta l-inċident sinifikanti jkun jikkonċerna żewġ Stati Membri jew aktar, is-CSIRT, l-awtorità kompetenti jew il-punt uniku ta' kuntatt għandhom jinformaw, mingħajr dewmien żejjed, lill-Istati Membri l-oħra affettwati u lill-ENISA dwar l-inċident sinifikanti. Tali informazzjoni għandha tinkludi it-tip ta' informazzjoni riċevuta f'konformità mal-paragrafu 4. Meta jkunu qed jagħmlu dan, is-CSIRT, l-awtorità kompetenti jew il-punt uniku ta' kuntatt, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, għandhom iħarsu l-interessi tas-sigurtà u kummerċjali tal-entità kif ukoll il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni pprovduta.

7.   Meta l-għarfien tal-pubbliku jkun meħtieġ għall-prevenzjoni ta' inċident sinifikanti jew għat-trattament ta' inċident sinifikanti li jkun għadu għaddej, jew meta d-divulgazzjoni tal-inċident sinifikanti tkun b'xi mod ieħor fl-interess pubbliku, is-CSIRT ta' Stat Membru jew, fejn applikabbli, l-awtorità kompetenti tiegħu, u, fejn xieraq is-CSIRTs jew l-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra kkonċernati, jistgħu, wara konsultazzjoni mal-entità kkonċernata, jinformaw lill-pubbliku dwar l-inċident sinifikanti jew jitolbu lill-entità tagħmel dan.

8.   Meta jintalab mis-CSIRT jew mill-awtorità kompetenti , il-punt uniku ta' kuntatt għandu jibgħat in-notifiki li jkun irċieva skont il-paragrafu 1 lill-punti uniċi ta' kuntatt tal-Istati Membri l-oħra affettwati.

9.   Kull tliet xhur, il-punt uniku ta' kuntatt għandu jippreżenta lill-ENISA rapport sommarju li jkun fih data anonimizzata u aggregata dwar l-inċidenti sinifikanti, l-inċidenti, it-theddid ċibernetiku u l-kważi inċidenti notifikati f'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u mal-Artikolu 30. Sabiex tikkontribwixxi għall-għoti ta' informazzjoni komparabbli, l-ENISA tista' tadotta gwida teknika dwar il-parametri tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-rapport sommarju. Kull sitt xhur l-ENISA għandha tinforma lill-Grupp ta' Kooperazzjoni u lin-network tas-CSIRTs dwar is-sejbiet tagħha rigward in-notifiki li tkun irċeviet.

10.   Is-CSIRTs jew, fejn applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva (UE) 2022/2557 informazzjoni dwar inċidenti sinifikanti, inċidenti, theddid ċibernetiku u kważi inċidenti notifikati f'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u mal-Artikolu 30 minn entitajiet identifikati bħala entitajiet kritiċi skont id-Direttiva (UE) 2022/2557.

11.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw aktar it-tip ta' informazzjoni, il-format u l-proċedura ta' notifika ppreżentata skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 30 u ta' komunikazzjoni sottomessa skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Sas-17 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni għandha, fir-rigward tal-fornituri ta' servizzi tad-DNS, ir-reġistri ta' ismijiet tat-TLD, il-fornituri ta' servizzi tal-cloud computing, il-fornituri ta' servizzi taċ-ċentri tad-data, il-fornituri ta' networks tal-konsenja tal-kontenut, il-fornituri ta' servizzi ġestiti, il-fornituri ta' servizzi tas-sigurtà ġestiti, kif ukoll il-fornituri tas-swieq online, ta' magni tat-tiftix online u ta' pjattaformi ta' servizzi tan-networking soċjali, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw aktar il-każijiet li fihom inċident għandu jitqies li hu sinifikanti kif imsemmi fil-paragrafu 3. Il-Kummissjoni tista' tadotta tali atti ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' entitajiet essenzjali u importanti oħra.

Il-Kummissjoni għandha tiskambja pariri u tikkoopera mal-Grupp ta' Kooperazzjoni dwar l-abbozzi tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikolu 14(4), il-punt (e).

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 39(2).

Artikolu 24

Użu tal-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà

1.   Biex juru l-konformità ma' rekwiżiti partikolari tal-Artikolu 21, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu entitajiet essenzjali u importanti jużaw prodotti tal-ICT, servizzi tal-ICT u proċessi tal-ICT partikolari, żviluppati mill-entità essenzjali jew importanti jew akkwistati minn partijiet terzi, li huma ċċertifikati fl-ambitu ta' skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà adottati skont l-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) 2019/881. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-entitajiet essenzjali u importanti jużaw servizzi fiduċjarji kwalifikati.

2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 38, sabiex tissupplimenta din id-Direttiva billi tispeċifika liema kategoriji ta' entitajiet essenzjali u importanti għandhom ikunu meħtieġa jużaw ċerti prodotti tal-ICT, servizzi tal-ICT u proċessi tal-ICT iċċertifikati jew jiksbu ċertifikat skont skema Ewropea taċ-ċibersigurtà adottata skont l-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) 2019/881. Dawk l-atti delegati għandhom jiġu adottati meta jkunu ġew identifikati livelli insuffiċjenti ta' ċibersigurtà u għandhom jinkludu perjodu ta' implimentazzjoni.

Qabel ma tadotta tali atti delegati, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-impatt u għandha twettaq konsultazzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) 2019/881.

3.   Meta ma tkun disponibbli l-ebda skema Ewropea xierqa taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għall-finijiet tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Grupp ta' Kooperazzjoni u lill-Grupp Ewropew taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà, tista' titlob lill-ENISA tħejji skema kandidat skont l-Artikolu 48(2) tar-Regolament (UE) 2019/881.

Artikolu 25

Standardizzazzjoni

1.   Biex jippromwovu l-implimentazzjoni konverġenti tal-Artikolu 21(1) u (2), l-Istati Membri għandhom, mingħajr ma jimponu jew jiddiskriminaw favur l-użu ta' xi tip ta' teknoloġija partikolari, jinkoraġġixxu l-użu ta' standards u speċifikazzjonijiet tekniċi Ewropej u internazzjonali li jkunu rilevanti għas-sigurtà tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni.

2.   L-ENISA, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, u, fejn xieraq, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, għandha tagħti pariri u tfassal linji gwida dwar l-oqsma tekniċi li jridu jiġu kkunsidrati fir-rigward tal-paragrafu 1 kif ukoll fir-rigward tal-istandards li jeżistu diġà, inklużi standards nazzjonali, li jippermettu li dawk l-oqsma jiġu koperti.

KAPITOLU V

ĠURISDIZZJONI U REGISTRAZZJONI

Artikolu 26

Ġurisdizzjoni u territorjalità

1.   L-entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti, ħlief fil-każ ta':

(a)

fornituri ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika jew fornituri ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, li għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru li fih jipprovdu s-servizzi tagħhom;

(b)

il-fornituri ta' servizzi tad-DNS, ir-reġistri ta' ismijiet tat-TLD, l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominji, il-fornituri ta' servizzi tal-cloud computing, il-fornituri ta' servizzi ta' ċentri tad-data, il-fornituri ta' networks tal-konsenja tal-kontenut, il-fornituri ta' servizzi ġestiti, il-fornituri ta' servizzi tas-sigurtà ġestiti, kif ukoll il-fornituri ta' swieq online, ta' magni tat-tiftix online, jew ta' pjattaformi ta' servizzi ta' networking soċjali, li għandhom jitqiesu li jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru fejn għandhom l-istabbiliment prinċipali tagħhom fl-Unjoni skont il-paragrafu 2;

(c)

entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika, li għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru li stabbilihom.

2.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, entità kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), għandha titqies li għandha l-istabbiliment ewlieni tagħha fl-Unjoni, fl-Istat Membru fejn jittieħdu l-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet relatati mal-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà. Jekk tali Stat Membru ma jkunx jista' jiġi ddeterminat jew jekk tali deċiżjonijiet ma jittiħdux fl-Unjoni, l-istabbiliment ewlieni għandu jitqies li jkun fl-Istat Membru fejn jitwettqu l-operazzjonijiet taċ-ċibersigurtà. Jekk tali Stat Membru ma jkunx jista' jiġi ddeterminat, l-istabbiliment ewlieni għandu jitqies li jkun fl-Istat Membru fejn l-entita kkonċernata jkollha l-istabbiliment bl-akbar numru ta' impjegati fl-Unjoni.

3.   Jekk entità kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), ma tkunx stabbilita fl-Unjoni, iżda toffri servizzi fl-Unjoni, din għandha taħtar rappreżentant fl-Unjoni. Ir-rappreżentant għandu jkun stabbilit f'wieħed minn dawk l-Istati Membri fejn huma offruti s-servizzi. Tali entità għandha titqies li taqa' fil-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit ir-rappreżentant. Fin-nuqqas ta' rappreżentant fl-Unjoni maħtur skont dan il-paragrafu, kwalunkwe Stat Membru fejn l-entità tipprovdi s-servizzi jista' jieħu azzjonijiet legali kontriha għall-ksur ta' din id-Direttiva.

4.   Il-ħatra ta' rappreżentant minn entità kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), għandha tkun mingħajr preġudizzju għal azzjonijiet legali, li jistgħu jinbdew kontra l-entità nnifisha.

5.   L-Istati Membri li jkunu rċevew talba għal assistenza reċiproka fir-rigward ta' entità kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), jistgħu, fil-limiti ta' dik it-talba, jieħdu miżuri superviżorji u ta' infurzar xierqa fir-rigward tal-entità kkonċernata li tipprovdi servizzi jew li għandha network u sistema tal-informazzjoni fit-territorju tagħhom.

Artikolu 27

Reġistru tal-entitajiet

1.   L-ENISA għandha toħloq u żżomm reġistru tal-fornituri ta' servizzi tad-DNS, ir-reġistri ta' ismijiet tat-TLD, l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominji, il-fornituri ta' servizzi tal-cloud computing, il-fornituri ta' servizzi taċ-ċentri tad-data, il-fornituri ta' networks tal-konsenja tal-kontenut, il-fornituri ta' servizzi ġestiti, il-fornituri ta' servizzi tas-sigurtà ġestiti, kif ukoll il-fornituri tas-swieq online, ta' magni tat-tiftix online u ta' pjattaformi ta' servizzi tan-networking soċjali, abbażi tal-informazzjoni riċevuta mill-punti uniċi ta' kuntatt f'konformità mal-paragrafu 4. Fuq talba, l-ENISA għandha tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti aċċess għal dak ir-reġistru, filwaqt li tiżgura li l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni hija protetta fejn applikabbli.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jissottomettu l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti sas-17 ta’ Jannar 2025:

(a)

isem l-entità;

(b)

is-settur, is-sottosettur u t-tip tal-entità rilevanti imsemmija fl-Anness I jew II, fejn applikabbli;

(c)

l-indirizz tal-istabbiliment ewlieni tal-entità u tal-istabbilimenti legali l-oħra tagħha fl-Unjoni jew, jekk mhux stabbiliti fl-Unjoni, tar-rappreżentant tagħha maħtur skont l-Artikolu 26(3);

(d)

dettalji ta' kuntatt aġġornati, inklużi l-indirizzi tal-posta elettronika u n-numri tat-telefon tal-entità u, meta applikabbli, tar-rappreżentant tagħha maħtur skont l-Artikolu 26(3);

(e)

l-Istati Membri fejn l-entità tipprovdi s-servizzi; u

(f)

il-firxiet tal-IP tal-entità.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti dwar kull bidla fl-informazzjoni li ppreżentaw skont il-paragrafu 2 mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur mid-data tal-bidla.

4.   Mal-wasla tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3, ħlief għal dik imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (f), il-punt uniku ta' kuntatt tal-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien żejjed, jgħaddiha lill-ENISA.

5.   Meta applikabbli, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi ppreżentata permezz tal-mekkaniżmu nazzjonali msemmi fl-Artikolu 3(4), ir-raba' subparagrafu.

Artikolu 28

Bażi tad-data tad-data tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominji

1.   Biex jikkontribwixxu għas-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza tad-DNS, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li r-reġistri ta' ismijiet tat-TLD u l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' dominji jiġbru u jżommu data preċiża u kompleta tar-reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' dominji f'bażi tad-data ddedikata bid-diliġenza dovuta f'konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data fir-rigward tad-data li hija data personali.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-bażijiet tad-data tad-data tar-reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' dominji ikun fihom l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati u kkuntattjati d-detenturi tal-ismijiet ta' dominji u l-punti ta' kuntatt li jamministraw l-ismijiet ta' dominji fl-ambitu tat-TLDs. Tali informazzjoni għandha tinkludi:

(a)

l-isem tad-dominju;

(b)

id-data tar-reġistrazzjoni;

(c)

l-isem, l-indirizz tal-email ta' kuntatt u n-numru tat-telefon tar-reġistrant;

(d)

l-indirizz tal-email ta' kuntatt u n-numru tat-telefon tal-punt ta' kuntatt li jamministra l-isem tad-dominju fil-każ li jkunu differenti minn dawk tar-reġistrant.

3.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li r-reġistri ta' ismijiet tat-TLD u l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' dominji jkollhom fis-seħħ politiki u proċeduri, inklużi proċeduri ta' verifika, biex jiżguraw li l-bażijiet tad-data msemmija fil-paragrafu 1 jinkludu informazzjoni preċiża u kompleta. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li dawn il-politiki u l-proċeduri jkunu disponibbli għall-pubbliku.

4.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li r-reġistri ta' ismijiet tat-TLD u l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' dominji jagħmlu disponibbli pubblikament, mingħajr dewmien żejjed wara r-reġistrazzjoni ta' isem ta' dominji, id-data tar-reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' dominji li mhix data personali.

5.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li r-reġistri ta' ismijiet tat-TLD u l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' dominji jipprovdu aċċess għal data speċifika tar-reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' dominji meta jsiru talbiet legali u debitament sostanzjati minn persuni li jridu aċċess leġittimu, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li r-reġistri ta' ismijiet tat-TLD u l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' dominji jirrispondu mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 72 siegħa minn meta jirċievu xi talba għal aċċess. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-politiki u l-proċeduri fir-rigward tal-iżvelar ta' tali data jkunu disponibbli għall-pubbliku.

6.   Il-konformità mal-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 5 ma għandhiex tirriżulta f'duplikazzjoni tal-ġbir tad-data tar-reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' dominji. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li r-reġistri ta' ismijiet tat-TLD u l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' reġistrazzjoni ta' ismijiet ta' dominji jikkooperaw ma' xulxin.

KAPITOLU VI

KONDIVIZJONI TA' INFORMAZZJONI

Artikolu 29

Arranġamenti għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva u, meta rilevanti, entitajiet oħra li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jkunu jistgħu jiskambjaw bejniethom fuq bażi volontarjal-informazzjoni rilevanti dwar iċ-ċibersigurtà, inkluża l-informazzjoni relatata ma' theddid ċibernetiku, kważi inċidenti, vulnerabbiltajiet, tekniki u proċeduri, indikaturi ta' kompromess, tattiċi avversarjali, informazzjoni speċifika dwar l-awtur ta' theddida, twissijiet taċ-ċibersigurtà u rakkomandazzjonijiet rigward il-konfigurazzjoni tal-għodod taċ-ċibersigurtà biex jiġu detetti ċ-ċiberattakki, meta din il-kondiviżjoni tal-informazzjoni:

(a)

ikollha l-għan li tipprevjeni, tiddetetta, tirrispondi għal jew tirkupra mill-inċidenti jew timmitiga l-impatt tagħhom;

(b)

ittejjeb il-livell taċ-ċibersigurtà, b'mod partikolari billi tgħarraf dwar it-theddid ċibernetiku, tillimita jew timpedixxi l-propensità li dan it-theddid jinfirex, tappoġġa firxa ta' kapaċitajiet difensivi, rimedju u divulgazzjoni tal-vulnerabbiltajiet, tekniki ta' detezzjoni, konteniment u prevenzjoni tat-theddid, strateġiji ta' mitigazzjoni, jew stadji ta' rispons u rkupru jew tippromwovi r-riċerka kollaborattiva dwar it-theddid ċibernetiku bejn l-entitajiet pubbliċi u privati.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskambju tal-informazzjoni jsir fi ħdan komunitajiet ta' entitajiet essenzjali u importanti, u fejn rilevanti, il-fornituri jew il-fornituri tas-servizzi tagħhom. Dan l-iskambju għandu jiġi implimentat b'arranġamenti tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni fir-rigward tan-natura potenzjalment sensittiva tal-informazzjoni kondiviża.

3.   L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-istabbiliment ta' arranġamenti tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Tali arranġamenti jistgħu jispeċifikaw l-elementi operazzjonali, inkluż l-użu ta' pjattaformi u għodod ta' awtomatizzazzjoni tal-ICT iddedikati, il-kontenut u l-kundizzjonijiet tal-arranġamenti tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Huma u jistabbilixxu d-dettalji tal-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi f'dawn l-arranġamenti, l-Istati Membri jistgħu jimponu kundizzjonijiet dwar l-informazzjoni magħmula disponibbli mill-awtoritajiet kompetenti jew mis-CSIRTs. L-Istati Membri għandhom joffru assistenza għall-applikazzjoni ta' dawn l-arranġamenti f'konformità mal-politiki tagħhom imsemmija fl-Artikolu 7(2), il-punt (h).

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet essenzjali u importanti jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fl-arranġamenti tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà msemmija fil-paragrafu 2, malli jidħlu f'dawn l-arranġamenti, jew, kif applikabbli, bl-irtirar tagħhom minn dawn l-arranġamenti, malli jidħol fis-seħħ l-irtirar.

5.   L-ENISA għandha tipprovdi assistenza għall-istabbiliment tal-arranġamenti tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà msemmija fil-paragrafu 2 billi tiskambja l-aħjar prattiki u tipprovdi gwida.

Artikolu 30

Notifika volontarja ta' informazzjoni rilevanti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li , minbarra l-obbligu ta' notifika previst fl-Artikolu 23, in-notifiki jkunu jistgħu jiġu ppreżentati lis-CSIRTs jew, fejn applikabbli, lill-awtoritajiet kompetenti, fuq bażi volontarja, minn:

(a)

entitajiet essenzjali u importanti fir-rigward ta' inċidenti, theddid ċibernetiku u kważi inċidenti;

(b)

entitajiet oħra li mhumiex imsemmija fil-punt (a), irrispettivament minn jekk jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, fir-rigward ta' inċidenti sinifikanti, theddid ċibernetiku u kważi inċidenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jipproċessaw in-notifiki msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 23. L-Istati Membri jistgħu jagħtu prijorità lill-ipproċessar tan-notifiki obbligatorji fuq in-notifiki volontarji.

Fejn meħtieġ, is-CSIRTs u, fejn applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-punti uniċi ta' kuntatt bl-informazzjoni dwar in-notifiki riċevuti skont dan l-Artikolu, filwaqt li jiżguraw il-kunfidenzjalità u l-protezzjonijiet xierqa tal-informazzjoni pprovduta mill-entità notifikanti. Mingħajr preġudizzju għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati kriminali, ir-rapportar volontarju ma għandux jirriżulta fl-impożizzjoni ta' xi obbligu fuq l-entità notifikanti li ma kinitx tkun soġġetta għalih kieku ma saritx dik in-notifika.

KAPITOLU VII

SUPERVIZJONI U INFURZAR

Artikolu 31

Aspetti ġenerali dwar is-superviżjoni u l-infurzar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jissorveljaw b'mod effettiv u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-konformità ma' din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom jagħtu prijorità lil kompiti ta' superviżjoni. Tali prijoritizzazzjoni għandha tkun ibbażata fuq approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Għal dak il-għan, meta jkunu qed jeżerċitaw il-kompiti superviżorji tagħhom previsti fl-Artikoli 32 u 33, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jistabbilixxu metodoloġiji superviżorji li jippermettu l-prijoritizzazzjoni ta' tali kompiti skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jaħdmu mill-qrib mal-awtoritajiet superviżorji skont l-Artikolu (UE) 2016/679 meta jkunu qed jindirizzaw inċidenti li jirriżultaw fi ksur tad-data personali, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi u l-kompiti tal-awtoritajiet superviżorji skont dak ir-Regolament.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-oqfsa leġiżlattivi u istituzzjonali nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fis-superviżjoni tal-konformità tal-entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika ma' din id-Direttiva u l-impożizzjoni ta' miżuri ta' infurzar fir-rigward tal-ksur ta' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat xierqa biex iwettqu tali kompiti b'indipendenza operazzjonali fir-rigward tal-entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika li jkunu taħt superviżjoni. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar l-impożizzjoni ta' miżuri xierqa, proporzjonati u effettivi ta' superviżjoni u infurzar fir-rigward ta' dawk l-entitajiet f'konformità mal-oqfsa leġiżlattivi u istituzzjonali nazzjonali.

Artikolu 32

Miżuri superviżorji u ta' infurzar fir-rigward ta' entitajiet essenzjali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri superviżorji jew ta' infurzar imposti fuq l-entitajiet essenzjali fir-rigward tal-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, meta jkunu qed iwettqu l-kompiti superviżorji tagħhom fir-rigward tal-entitajiet essenzjali, ikollhom is-setgħa li jissoġġettaw lil dawk l-entitajiet tal-inqas għal:

(a)

spezzjonijiet fuq il-post u superviżjoni mhux fuq il-post, inklużi kontrolli aleatorji mwettqa minn professjonisti mħarrġa;

(b)

awditi tas-sigurtà regolari u mmirati mwettqa minn korp indipendenti jew minn awtorità kompetenti;

(c)

awditi ad hoc, inkluż meta jkunu ġġustifikati abbażi ta' inċident sinifikanti jew ksur ta' din id-Direttiva mill-entità essenzjali;

(d)

scans tas-sigurtà bbażati fuq kriterji ta' valutazzjoni tar-riskju oġġettivi, mhux diskriminatorji, ġusti u trasparenti, meta meħtieġ bil-kooperazzjoni tal-entità kkonċernata;

(e)

talbiet għall-informazzjoni meħtieġa biex jiġu vvalutati l-miżuri taċ-ċibersigurtà adottati mill-entità kkonċernata, inklużi politiki taċ-ċibersigurtà dokumentati, kif ukoll konformità mal-obbligu li l-informazzjoni tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 27;

(f)

talbiet għall-aċċess għal data, dokumenti u informazzjoni neċessarja għat-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħhom;

(g)

talbiet għal evidenza tal-implimentazzjoni tal-politiki taċ-ċibersigurtà, bħar-riżultati tal-verifiki tas-sigurtà mwettqa minn awditur kwalifikat u l-evidenza sottostanti rispettiva.

L-awditi tas-sigurtà mmirati msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjonijiet tar-riskju mwettqa mill-awtorità kompetenti jew l-entità awditjata, jew fuq informazzjoni disponibbli oħra relatata mar-riskju.

Ir-riżultati ta' kwalunkwe awditu tas-sigurtà mmirat għandhom ikunu disponibbli għall-awtorità kompetenti. Il-kostijiet ta' tali awditjar tas-sigurtà mmirat imwettaq minn korp indipendenti għandhom jitħallsu mill-entità awditjata, ħlief f'każijiet debitament sostanzjati meta l-awtorità kompetenti tiddeċiedi mod ieħor.

3.   Meta jkunu qed jeżerċitaw is-setgħat tagħhom skont il-paragrafu 2, il-punt (e), (f) jew (g), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddikjaraw l-għan tat-talba u jispeċifikaw l-informazzjoni mitluba.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, meta jkunu qed jeżerċitaw is-setgħat tal-infurzar tagħhom fir-rigward tal-entitajiet essenzjali, ikollhom is-setgħa tal-inqas li:

(a)

joħorġu twissijiet dwar ksur ta' din id-Direttiva mill-entitajiet ikkonċernati;

(b)

jadottaw struzzjonijiet vinkolanti, inkluż fir-rigward tal-miżuri neċessarji biex jiġi pprevenut jew rimedjat inċident, kif ukoll skadenzi għall-implimentazzjoni ta' tali miżuri u għar-rapportar dwar l-implimentazzjoni tagħhom, jew ordni li teżiġi li l-entitajiet ikkonċernati jirrimedjaw in-nuqqasijiet identifikati jew il-ksur tal-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva;

(c)

jordnaw lill-entitajiet ikkonċernati jwaqqfu mġiba li tikser din id-Direttiva u ma jirrepetuhiex;

(d)

jordnaw lill-entitajiet ikkonċernati jiżguraw li l-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà tagħhom jikkonformaw mal-Artikoli 21 jew jissodisfaw l-obbligi ta' rapportar stabbiliti fl-Artikolu 23, b'mod speċifikat u fi żmien perjodu speċifikat;

(e)

jordnaw lill-entitajiet ikkonċernati jinfurmaw lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li fir-rigward tagħhom jipprovdu servizzi jew iwettqu attivitajiet li huma potenzjalment affettwati minn theddida ċibernetika sinifikanti dwar in-natura tat-theddida, kif ukoll dwar kull miżura protettiva jew ta' rimedju possibbli li tista' tittieħed minn dawk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi bħala rispons għal dik it-theddida;

(f)

jordnaw lill-entitajiet ikkonċernati jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet ipprovduti bħala riżultat ta' awditu tas-sigurtà fi żmien skadenza raġonevoli;

(g)

jaħtru uffiċjal tal-monitoraġġ b'kompiti definiti sew għal perjodu ta' żmien determinat biex jissorvelja l-konformità tal-entitajiet ikkonċernati mal-Artikoli 21 u 23;

(h)

jordnaw lill-entitajiet ikkonċernati jippubblikaw aspetti ta' ksur ta' din id-Direttiva b'mod speċifikat;

(i)

jimponu jew jitolbu l-impożizzjoni mill-korpi, mill-qrati jew mit-tribunali rilevanti, f'konformità mal-liġi nazzjonali, ta' multa amministrattiva skont l-Artikolu 34 flimkien ma' kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmija fil-punti (a) sa (h) ta' dan il-paragrafu.

5.   Meta l-miżuri ta' infurzar adottati skont il-paragrafu 4, il-punti (a) sa (d) u (f), ma jkunux effettivi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikollhom is-setgħa li jistabbilixxu skadenza biex sa dik id-data, l-entità essenzjali tintalab tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tirrimedja n-nuqqasijiet jew biex tikkonforma mar-rekwiżiti ta' dawk l-awtoritajiet. Jekk l-azzjoni mitluba ma titteħidx sal-iskadenza stabbilita, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikollhom is-setgħa li:

(a)

jissospendu temporanjament, jew jitolbu korp ta' ċertifikazzjoni jew awtorizzazzjoni jew qorti jew tribunal, f'konformità mal-liġi nazzjonali, jissospendu temporanjament ċertifikazzjoni jew awtorizzazzjoni li tikkonċerna parti mis-servizzi rilevanti pprovduti jew mill-attivitajiet rilevanti imwettqa mill-entità essenzjali, jew kollha kemm huma;

(b)

jitolbu li l-korpi, il-qrati jew it-tribunali rilevanti, f'konformità mal-liġi nazzjonali, jipprojbixxu temporanjament kwalunkwe persuna naturali li tkun responsabbli mit-twettiq ta' responsabbiltajiet maniġerjali fil-livell ta' kap eżekuttiv jew ta' rappreżentant legali fl-entità essenzjali milli teżerċita funzjonijiet maniġerjali f'dik l-entità.

Is-sospensjonijiet jew il-projbizzjonijiet temporanji imposti skont dan il-paragrafu għandhom jiġu applikati biss sakemm l-entità kkonċernata tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tirrimedja n-nuqqasijiet jew tikkonforma mar-rekwiżiti tal-awtorità kompetenti li għaliha jkunu ġew applikati tali miżuri ta' infurzar. L-impożizzjoni ta' tali sospensjonijiet jew projbizzjonijiet temporanji għandhom ikunu soġġetti għal salvagwardji proċedurali xierqa f'konformità mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u l-Karta, inklużi d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, il-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt għad-difiża.

Il-miżuri ta' infurzar previsti f'dan il-paragrafu ma għandhomx ikunu applikabbli għall-entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika li jkunu soġġetti għal din id-Direttiva.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe persuna fiżika responsabbli għal entità essenzjali jew li taġixxi bħala rappreżentant legali tagħha abbażi tas-setgħa li tirrappreżentaha, l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet f'isimha jew l-awtorità li teżerċita kontroll fuqha jkollha s-setgħat li tiżgura l-konformità tagħha ma' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun possibbli li tali persuni fiżiċi jinżammu responsabbli għall-ksur tad-dmirijiet tagħhom li jiżguraw konformità ma' din id-Direttiva.

Fir-rigward tal-entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika, dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali fir-rigward tar-responsabbiltà tal-impjegati pubbliċi u tal-uffiċjali eletti jew maħtura.

7.   Meta jkunu qed jieħdu xi waħda mill-miżuri ta' infurzar imsemmija fil-paragrafu 4 jew 5, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonformaw mad-dritt għad-difiża u jqisu ċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali u, bħala minimu, iqisu kif xieraq:

(a)

il-gravità tal-ksur u l-importanza tad-dispożizzjonijiet miksura, is-segwenti, inter alia, jikkostitwixxu ksur serju fi kwalunkwe każ:

(i)

ksur ripetut;

(ii)

nuqqas ta' notifika jew rimedju ta' inċidenti sinifikanti;

(iii)

nuqqas ta' rimedju għan-nuqqasijiet wara struzzjonijiet vinkolanti mill-awtoritajiet kompetenti;

(iv)

l-ostakolar tal-awditi jew l-attivitajiet ta' monitoraġġ ordnati mill-awtorità kompetenti wara s-sejbien ta' ksur;

(v)

l-għoti ta' informazzjoni falza jew verament impreċiża fir-rigward tal-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà jew l-obbligi ta' rapportar stipulati fl-Artikoli 21 u 23;

(b)

id-durata tal-ksur ;

(c)

kwalunkwe ksur preċedenti rilevanti mill-entità kkonċernata;

(d)

kwalunkwe dannu materjali jew mhux materjali kkawżat, inklużi t-telf finanzjarju jew ekonomiku, l-effetti fuq servizzi oħra u l-għadd ta' utenti affettwati ;

(e)

kwalunkwe intenzjoni jew negliġenza min-naħa tal-awtur tal-ksur;

(f)

kwalunkwe miżura meħuda mill-entità biex tipprevjeni jew ittaffi d-dannu materjali jew mhux materjali;

(g)

kwalunkwe aderenza ma' kodiċijiet ta' kondotta approvati jew mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni approvati;

(h)

il-livell ta' kooperazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi miżmuma responsabbli mal-awtoritajiet kompetenti.

8.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu raġunament dettaljat għall-miżuri tal-infurzar tagħhom. Qabel ma jadottaw tali miżuri, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-entitajiet ikkonċernati bis-sejbiet preliminari tagħhom. Huma għandhom ukoll jippermettu żmien raġonevoli biex dawk l-entitajiet jissottomettu osservazzjonijiet, ħlief f'każijiet debitament sostanzjati fejn azzjoni immedjata għall-prevenzjoni tal-inċidenti jew għar-rispons għalihom tkun b'xi mod ieħor impedita.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom skont din id-Direttiva jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti fi ħdan l-istess Stat Membru skont id-Direttiva (UE) 2022/2557 meta jkunu qed jeżerċitaw is-setgħat superviżorji u ta' infurzar tagħhom bil-għan li jiżguraw il-konformità ta' entità identifikata bħala entità kritika skont id-Direttiva (UE) 2022/2557 ma' din id-Direttiva. Meta xieraq, l-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva (UE) 2022/2557 jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva jeżerċitaw is-setgħat superviżorji u ta' infurzar tagħhom fir-rigward ta' entità li tkun identifikata bħala entità kritika skont id-Direttiva (UE) 2022/2557.

10.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom skont din id-Direttiva jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat skont ir-Regolament (UE) 2022/2554 B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom skont din id-Direttiva jinfurmaw lill-Forum ta' Sorveljanza stabbilit skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554 meta jkunu qed jeżerċitaw is-setgħat superviżorji u ta' infurzar tagħhom bil-għan li jiżguraw il-konformità ta' entità essenzjali li hija maħtura bħala fornitur terz ta' servizzi tal-ICT kritiċi skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2022/2554 ma' din id-Direttiva.

Artikolu 33

Miżuri superviżorji u ta' infurzar fir-rigward ta' entitajiet importanti

1.   Meta jingħataw evidenza, indikazzjoni jew informazzjoni li entità importanti allegatament mhix konformi ma' din id-Direttiva, u b'mod partikolari l-Artikoli 21 u 23 tagħha, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu azzjoni, fejn meħtieġ, permezz ta' miżuri superviżorji ex post. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-miżuri jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, b'kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, meta jkunu qed jeżerċitaw il-kompiti superviżorji tagħhom fir-rigward tal-entitajiet importanti, ikollhom is-setgħa li jissoġġettaw lil dawk l-entitajiet tal-inqas għal:

(a)

spezzjonijiet fuq il-post u superviżjoni ex post mhux fuq il-post imwettqa minn professjonisti mħarrġa;

(b)

awditi tas-sigurtà mmirati mwettqa minn korp indipendenti jew minn awtorità kompetenti;

(c)

scans tas-sigurtà bbażati fuq kriterji ta' valutazzjoni tar-riskju oġġettivi, mhux diskriminatorji, ġusti u trasparenti, meta meħtieġ bil-kooperazzjoni tal-entità kkonċernata;

(d)

talbiet għall-informazzjoni meħtieġa biex jiġu vvalutati, ex post, il-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà adottati mill-entità kkonċernata, inklużi politiki taċ-ċibersigurtà dokumentati, kif ukoll il-konformità mal-obbligu li tiġi ppreżentata informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 27;

(e)

talbiet għal aċċess għal data, dokumenti u informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħhom;

(f)

talbiet għal evidenza tal-implimentazzjoni tal-politiki taċ-ċibersigurtà, bħar-riżultati tal-verifiki tas-sigurtà mwettqa minn awditur kwalifikat u l-evidenza sottostanti rispettiva.

L-awditi tas-sigurtà mmirati msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjonijiet tar-riskju mwettqa mill-awtorità kompetenti jew l-entità awditjata, jew fuq informazzjoni disponibbli oħra relatata mar-riskju.

Ir-riżultati ta' kwalunkwe awditu tas-sigurtà mmirat għandhom ikunu disponibbli għall-awtorità kompetenti. Il-kostijiet ta' tali awditjar tas-sigurtà mmirat imwettaq minn korp indipendenti għandhom jitħallsu mill-entità awditjata, ħlief f'każijiet debitamen sostanzjati meta l-awtorità kompetenti tiddeċiedi mod ieħor.

3.   Meta jkunu qed jeżerċitaw is-setgħat tagħhom skont il-paragrafu 2, il-punti (d), (e) jew (f), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddikjaraw l-għan tat-talba u jispeċifikaw l-informazzjoni mitluba.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, meta jkunu qed jeżerċitaw is-setgħat tal-infurzar tagħhom fir-rigward tal-entitajiet importanti, ikollhom is-setgħa tal-inqas li:

(a)

joħorġu twissijiet dwar il-ksur ta' din id-Direttiva mill-entitajiet ikkonċernati;

(b)

jaddottaw istruzzjonijiet vinkolanti jew ordni li tirrikjedi li l-entitajiet ikkonċernati jirrimedjaw in-nuqqasijiet identifikati jew il-ksur ta' din id-Direttiva;

(c)

jordnaw lill-entitajiet ikkonċernati jwaqqfu mġiba li tikser din id-Direttiva u ma jirrepetuhiex;

(d)

jordnaw lill-entitajiet ikkonċernati jiżguraw li l-miżuri ta' ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà tagħhom jikkonformaw mal-Artikoli 21 jew jissodisfaw l-obbligi ta' rapportar stabbiliti fl-Artikolu 23, b'mod speċifikat u fi żmien perjodu speċifikat;

(e)

jordnaw lill-entitajiet ikkonċernati jinfurmaw lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li fir-rigward tagħhom jipprovdu servizzi jew iwettqu attivitajiet li huma potenzjalment affettwati minn theddida ċibernetika sinifikanti dwar in-natura tat-theddida, kif ukoll dwar kull miżura protettiva jew ta' rimedju possibbli li tista' tittieħed minn dawk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi bħala rispons għal dik it-theddida;

(f)

jordnaw lill-entitajiet ikkonċernati jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet ipprovduti bħala riżultat ta' awditu tas-sigurtà fi żmien skadenza raġonevoli;

(g)

jordnaw lill-entitajiet ikkonċernati jippubblikaw aspetti ta' ksur ta' din id-Direttiva b'mod speċifikat;

(h)

jimponu jew jitolbu l-impożizzjoni mill-korpi, mill-qrati jew mit-tribunali rilevanti, f'konformità mal-liġi nazzjonali, ta' multa amministrattiva skont l-Artikolu 34 flimkien ma' kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmija fil-punti (a) sa (g) ta' dan il-paragrafu.

5.   L-Artikolu 32(6), (7) u (8) għandu japplika mutatis mutandis għall-miżuri superviżorji u ta' infurzar previsti f'dan l-Artikolu għall-entitajiet importanti .

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom skont din id-Direttiva jikkoperaw mal-awtoritajiet kompetenti kompetenti tal- Stat Membru konċernat skont ir-Regolament (UE) 2022/2554 B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom taħt din id-Direttiva jinfurmaw lill-Forum ta' Sorveljanza stabbilit skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554 meta jeżerċitaw is-setgħat superviżorji u ta' infurzar tagħhom immirati biex jiżguraw konformità ta' entità importanti li hija nominata bħala fornitur terz ta' servizzi tal-ICT kritiċi skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2022/2554 ma' din id-Direttiva.

Artikolu 34

Kundizzjonijiet ġenerali għall-impożizzjoni tal-multi amministrattivi fuq l-entitajiet essenzjali u importanti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-multi amministrattivi imposti fuq l-entitajiet essenzjali u importanti skont dan l-Artikolu fir-rigward tal-ksur ta' din id-Direttiva jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali.

2.   Il-multi amministrattivi għandhom jiġu imposti flimkien ma' kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 32(4), il-punti (a) sa (h), l-Artikolu 32(5) u l-Artikolu 33(4), il-punti (a) sa (g).

3.   Meta jkun qed jiġi deċiż jekk għandhiex tiġi imposta multa amministrattiva u tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar l-ammont tagħha f'kull każ individwali, mill-inqas għandha tingħata attenzjoni għall-elementi previsti fl-Artikolu 32(7).

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jiksru l-Artikolu 21 jew 23, l-entitajiet essenzjali jkunu soġġetti, f'konformità mal-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, għal multi amministrattivi li jammontaw għal massimu ta' EUR 10 000 000 jew ta' massimu ta' mill-inqas 2 % tal-fatturat annwali dinji totali fis-sena finanzjarja preċedenti tal-impriża li lilha tappartjeni l-entità essenzjali, skont liema minnhom tkun l-iżjed.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jiksru l-Artikolu 21 jew 23, l-entitajiet importanti jiġu soġġetti, f'konformità mal-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, għal multi amministrattivi li jammontaw għal massimu ta' EUR 7 000 000 jew għal massimu ta' mill-inqas 1,4 % tal-fatturat annwali dinji totali fis-sena finanzjarja preċedenti tal-impriża li lilha tappartjeni l-entità importanti, skont liema minnhom tkun l-iżjed.

6.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu s-setgħa li jimponu ħlasijiet perjodiċi ta' pieni biex iġiegħlu lil entità essenzjali jew importanti twaqqaf ksur ta' din id-Direttiva f'konformità ma' deċiżjoni preċedenti tal-awtorità kompetenti.

7.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikoli 32 u 33, kull Stat Membru jista' jistabbilixxi r-regoli dwar jekk u sa fejn il-multi amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika.

8.   Meta s-sistema legali ta' Stat Membru ma jipprevedix multi amministrattivi, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li dan l-Artikolu jiġi applikat b'tali mod li l-multa tinbeda mill-awtorità kompetenti u tiġi imposta minn qrati jew tribunali nazzjonali kompetenti, filwaqt li jiġi żgurat li dawk ir-rimedji legali jkunu effettivi u jkollhom effett ekwivalenti għall-multi amministrattivi imposti mill-awtoritajiet kompetenti. Fi kwalunkwe każ, il-multi imposti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet tal-liġijiet li jadotta skont dan il-paragrafu sas-17 ta’ Ottubru 2024 u, mingħajr dewmien, kwalunkwe liġi ta' emenda jew emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 35

Ksur li jinvolvi ksur ta' data personali

1.   Meta l-awtoritajiet kompetenti jsiru jafu, matul is-superviżjoni jew l-infurzar, li l-ksur minn entità essenzjali jew importanti tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 21 u 23 ta' din id-Direttiva jista' jinvolvi ksur ta' data personali, kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (12), tar-Regolament (UE) 2016/679 li għandu jiġi nnotifikat skont l-Artikolu 33 ta' dak ir-Regolament, huma għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jinformaw lill-awtoritajiet superviżorji kif imsemmi fl-Artikolu 55 jew 56 ta' dak ir-Regolament.

2.   Meta l-awtoritajiet superviżorji kif imsemmija fl-Artikolu 55 jew 56 tar-Regolament (UE) 2016/679 jimponu multa amministrattiva skont l-Artikolu 58(2), il-punt (i), ta' dak ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jimponu multa amministrattiva skont l-Artikolu 34 ta' din id-Direttiva għal ksur imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu li jirriżulta mill-istess imġiba bħal dik li kienet is-suġġett tal-multa amministrattiva skont l-Artikolu 58(2), il-punt (i), tar-Regolament (UE) 2016/679. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, madankollu, jimponu l-miżuri ta' infurzar previsti fl-Artikolu 32(4), il-punti (a) sa (h), fl-Artikolu 32(5) u fl-Artikolu 33(4), il-punti (a) sa (g), ta' din id-Direttiva.

3.   Meta l-awtorità superviżorja kompetenti skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor għajr l-awtorità kompetenti, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-awtorità superviżorja stabbilita fl-Istat Membru tagħha stess tal-ksur potenzjali tad-data msemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 36

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur ta' miżuri nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri, sas-17 ta’ Jannar 2025, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk ir-regoli u dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 37

Assistenza reċiproka

1.   Meta entità tkun qed tipprovdi servizzi f'aktar minn Stat Membru wieħed, jew tkun qed tipprovdi servizzi fi Stat Membru wieħed jew aktar u n-network u s-sistemi tal-informazzjoni tagħha jkunu jinsabu fi Stat Membru ieħor jew fi Stati Membri oħra, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkooperaw bejniethom u jassistu lil xulxin kif ikun meħtieġ. Dik il-kooperazzjoni għandha tinvolvi, tal-anqas, li:

(a)

l-awtoritajiet kompetenti li japplikaw miżuri superviżorji jew ta' infurzar fi Stat Membru għandhom, permezz tal-punt uniku ta' kuntatt, jinformaw u jikkonsultaw lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri l-oħra kkonċernati dwar il-miżuri superviżorji u ta' infurzar meħuda ;

(b)

awtorità kompetenti tista' titlob lil awtorità kompetenti oħra tieħu miżuri superviżorji jew ta' infurzar;

(c)

malli tirċievi talba sostanzjata mingħand awtorità kompetenti oħra, awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti l-oħra assistenza reċiproka proporzjonata għar-riżorsi proprji tagħha sabiex il-miżuri superviżorji jew ta' infurzar ikunu jistgħu jiġu implimentati b'mod effettiv, effiċjenti u konsistenti.

Din l-assistenza reċiproka msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tista' tkopri talbiet għal informazzjoni u miżuri superviżorji, inklużi talbiet biex isiru spezzjonijiet fuq il-post jew superviżjoni mhux fuq il-post jew verifiki tas-sigurtà mmirati. Awtorità kompetenti li tirċievi talba għal assistenza ma tistax tirrifjuta dik it-talba sakemm ma jkunx stabbilit li mhix kompetenti biex tipprovdi l-assistenza mitluba, li l-assistenza mitluba mhix proporzjonata mal-kompiti superviżorji tal-awtorità kompetenti, jew li t-talba tikkonċerna informazzjoni jew tinvolvi attivitajiet li, jekk jiġu żvelati jew imwettqa, ikunu kuntrarju għall-interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew id-difiża tal-Istat Membru. Qabel ma tirrifjuta tali talba, l-awtorità kompetenti għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kkonċernati kif ukoll, fuq talba ta' wieħed mill-Istati Membri kkonċernati, lill-Kummissjoni u lill-ENISA,

2.   Fejn ikun xieraq u bi qbil komuni, l-awtoritajiet kompetenti ta' diversi Stati Membri jistgħu jwettqu azzjonijiet superviżorji konġunti.

KAPITOLU VIII

ATTI DELEGATI U TA' IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 38

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 24(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mis-16 ta’ Jannar 2023.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 24(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 24(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk l-ebda oġġezzjoni ma tkun ġiet espressa jew min-naħa tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel tmiem dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 39

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta l-opinjoni tal-kumitat tkun trid tinkiseb bi proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, sal-limitu ta' żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew membru tal-kumitat jitlob li jsir hekk.

KAPITOLU IX

DISPOZIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 40

Rieżami

Sas-17 ta’ Ottubru 2027 u kull 36 xahar minn dakinhar 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-funzjonament ta' din id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu b'mod partikolari jivvaluta r-rilevanza tad-daqs tal-entitajiet ikkonċernati, u s-setturi, is-sottosetturi u t-tipi tal-entità msemmija fl-Annessi I u II għall-funzjonament tal-ekonomija u tas-soċjetà fir-rigward taċ-ċibersigurtà. Għal dak il-għan u bil-ħsieb li tkompli tiġi avvanzata l-kooperazzjoni strateġika u operazzjonali, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra r-rapporti tal-Grupp ta' Kooperazzjoni u tan-network tas-CSIRTs dwar l-esperjenza miksuba f'livell strateġiku u operazzjonali. Ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat, meta jkun hemm bżonn, bi proposta leġiżlattiva.

Artikolu 41

Traspożizzjoni

1.   Sas-17 ta’ Ottubru 2024, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f'dak ir-rigward.

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-18 ta’ Ottubru 2024.

2.   Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 42

Emenda tar-Regolament (UE) Nru 910/2014

Fir-Regolament (UE) Nru 910/2014, l-Artikolu 19 jitħassar b'effett mit-18 ta’ Ottubru 2024.

Artikolu 43

Emenda tad-Direttiva (UE) 2018/1972

Fid-Direttiva (UE) 2018/1972, l-Artikoli 40 u 41 jitħassru b'effett mit-18 ta’ Ottubru 2024.

Artikolu 44

Tħassir

Id-Direttiva (UE) 2016/1148 titħassar b'effett mit-18 ta’ Ottubru 2024.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw f'konformità mat-tabella tal-korrelazzjoni mogħtija fl-Anness III.

Artikolu 45

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 46

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  ĠU C 233, 16.6.2022, p. 22.

(2)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 170.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Novembru 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2022.

(4)  Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(7)  Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (ara paġna 164 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u, (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69).

(15)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1584 tat-13 ta' Settembru 2017 dwar Rispons Koordinat għal Inċidenti u Kriżijiet taċ-Ċibersigurtà fuq Skala Kbira (ĠU L 239, 19.9.2017, p. 36).

(16)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1993 tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar l-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi (ĠU L 320, 17.12.2018, p. 28).

(17)  Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15).

(19)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/534 tas-26 ta' Marzu 2019 Ċibersigurtà ta' networks 5G (ĠU L 88, 29.3.2019, p. 42).

(20)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(21)  Ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1).

(22)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(23)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(24)  Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).

(25)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(26)  ĠU C 183, 11.5.2021, p. 3.

(27)  Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1).

(28)  Id-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI (ĠU L 218, 14.8.2013, p. 8).

(29)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(30)  Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(31)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ("id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali") (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

(32)  Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57).


ANNESS I

SETTURI TA' KRITIKALITÀ GĦOLJA

Settur

Sottosettur

Tip ta' entità

1.

Enerġija

(a)

Elettriku

Impriżi tal-elettriku kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (57), tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), li jwettqu l-funzjoni ta' "provvista" kif definita fil-punt (12), tal-Artikolu 2 ta' dik id-Direttiva

Operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (29), tad-Direttiva (UE) 2019/944

Operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (35), tad-Direttiva (UE) 2019/944

Produtturi kif definiti f-Artikolu 2, il-punt (38), tad-Direttiva (UE) 2019/944

Operaturi nominati tas-suq tal-elettriku kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (8), tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2)

Parteċipanti fis-suq kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (25), tar-Regolament (UE) 2019/943 li jipprovdu servizzi ta' aggregazzjoni, ta' rispons għad-domanda jew ta' ħżin tal-enerġija kif definiti fl-Artikolu 2, il-punti (18), (20) u (59), tad-Direttiva (UE) 2019/944

Operaturi ta' punt tal-irriċarġjar li huma responsabbli għall-ġestjoni u l-operazzjoni ta' punt tal-irriċarġjar, li jipprovdi servizz tal-irriċarġjar lill-utenti finali, inkluż f'isem fornitur ta' servizz ta' mobbiltà u minfloku;

(b)

Tisħin u tkessiħ distrettwali

Operaturi ta' tisħin distrettwali jew tkessiħ distrettwali kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (19), tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3)

(c)

Żejt

Operaturi ta' pipelines għat-trażmissjoni taż-żejt

Operaturi ta' faċilitajiet tal-produzzjoni, tar-raffinar u tat-trattament, tal-ħżin u tat-trażmissjoni taż-żejt

Entitajiet ċentrali ta' ħżin kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (f), tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE (4)

(d)

Gass

Impriżi tal-fornitura kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (8), tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5)

Operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (6), tad-Direttiva 2009/73/KE

Operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (4), tad-Direttiva 2009/73/KE

Operaturi tas-sistema tal-ħżin kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (10), tad-Direttiva 2009/73/KE

Operaturi tas-sistema tal-LNG kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (12), tad-Direttiva 2009/73/KE

Impriżi tal-gass naturali kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva 2009/73/KE

Operaturi ta' faċilitajiet tar-raffinar u tat-trattament tal-gass naturali

(e)

Idroġenu

Operaturi tal-produzzjoni, tal-ħżin u tat-trażmissjoni tal-idroġenu

2.

Trasport

(a)

Ajru

Trasportaturi tal-ajru kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (4), tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 użati għal skopijiet kummerċjali

Korpi ta' tmexxija tal-ajruport kif definiti f-Artikolu 2, il-punt (2), tad-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), ajruporti kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), ta' dik id-Direttiva, inklużi l-ajruporti ewlenin elenkati fit-Taqsima 2 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u l-entitajiet li joperaw installazzjonijiet anċillari li jinsabu f'dawk l-ajruporti

Operaturi għall-kontroll tal-ġestjoni tat-traffiku li jipprovdu servizzi ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru (KTA) kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8)

(b)

Ferrovija

Maniġers tal-infrastruttura kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (2), tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9)

Impriżi ferrovjarji kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (1), tad-Direttiva 2012/34/UE, inklużi operaturi ta' faċilitajiet ta' servizz kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (12), ta' dik id-Direttiva

(c)

Ilma

Kumpaniji għat-trasport ta' passiġġieri u merkanzija fuq l-ilma fl-ilmijiet interni, marittimu u kostali, kif definit għat-trasport marittimu fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), li ma jinkludux il-bastimenti individwali mħaddma minn dawk il-kumpaniji

Korpi ta' tmexxija ta' portijiet kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (1), tad-Direttiva 2005/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), inklużi l-faċilitajiet tal-port tagħhom kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (11), tar-Regolament (KE) Nru 725/2004, u entitajiet li jwettqu xogħlijiet u jħaddmu tagħmir f'dawk il-portijiet

Operaturi ta' servizzi tat-traffiku tal-bastimenti (VTS) kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (o), tad-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12)

(d)

Triq

Awtoritajiet tat-toroq kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (12), tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/962 (13) responsabbli għall-kontroll tal-ġestjoni tat-traffiku, għajr l-entitajiet pubbliċi li għalihom il-ġestjoni tat-traffiku jew it-tħaddim ta' sistemi intelliġenti tat-trasport huma biss parti mhux essenzjali mill-attività ġenerali tagħhom

Operaturi ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti kif definiti fl-Artikolu 4, il-punt (1), tad-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14)

3.

Settur bankarju

 

Istituzzjonijiet ta' kreditu kif definiti fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15)

4.

Infrastrutturi tas-swieq finanzjarji

 

Operaturi ta' ċentri ta' negozjar kif definiti fl-Artikolu 4, il-punt (24), tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16)

Kontropartijiet ċentrali (CCPs) kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17)

5.

Saħħa

 

Fornituri tal-kura tas-saħħa kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (g), tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18)

Laboratorji ta' referenza tal-UE msemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19)

Entitajiet li jwettqu attivitajiet ta' riċerka u żvilupp ta' prodotti mediċinali kif definiti fl-Artikolu 1, il-punt (2), tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20)

Entitajiet li jimmanifatturaw prodotti farmaċewtiċi bażiċi u preparazzjonijiet farmaċewtiċi msemmija fit-Taqsima C, id-Diviżjoni 21 tan-NACE Rev. 2

Entitajiet li jimmanifatturaw apparati mediċi meqjusa kritiċi waqt emerġenza tas-saħħa pubblika (lista ta' apparati kritiċi ta' emerġenza tas-saħħa pubblika) skont it-tifsira tal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2022/123 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21)

6.

Ilma tax-xorb

 

Fornituri u distributuri ta' ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1)(a), tad-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), għajr id-distributuri li d-distribuzzjoni tagħhom tal-ilma għall-konsum mill-bniedem hi parti mhux essenzjali mill-attività ġenerali tagħhom ta' distribuzzjoni ta' komoditajiet u oġġetti oħrajn

7.

Ilma mormi

 

Impriżi li jiġbru, jarmu jew jittrattaw ilma mormi urban, ilma mormi domestiku jew ilma mormi industrijali kif definiti fl-Artikolu 2, il-punti (1), (2) u (3), tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE (23) għajr l-impriżi li għalihom il-ġbir, ir-rimi jew it-trattament ta' ilma mormi urban, ilma mormi domestiku jew ilma mormi industrijali huwa parti mhux essenzjali mill-attività ġenerali tagħhom

8.

Infrastruttura diġitali

 

Fornituri ta' Punti ta' Skambju fuq l-Internet

Fornituri ta' servizzi tad-DNS, għajr l-operaturi tar-root name servers

Reġistraturi ta' isem TLD

Fornituri ta' servizzi tal-cloud computing

Fornituri ta' servizzi ta' ċentru tad-data

Fornituri ta' network tal-konsenja tal-kontenut

Fornituri ta' servizzi fiduċjarji

Fornituri ta' networks pubbliċi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi

Fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament,

9.

Ġestjoni tas-servizzi tal-ICT (minn negozju għal negozju)

 

Fornituri ta' servizzi ġestiti

Fornituri ta' servizzi ta' sigurtà ġestiti

10.

Amministrazzjoni pubblika

 

Entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika ta' gvernijiet ċentrali kif definiti minn Stat Membru f'konformità mal-liġi nazzjonali

Entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika fil-livell reġjonali kif definiti minn Stat Membru f'konformità mal-liġi nazzjonali

11.

Spazju

 

Operaturi ta' infrastruttura terrestri, proprjetà tal-Istati Membri jew partijiet terzi, u ġestita u operata mill-istess Stati Membri jew partijiet privati, li jappoġġaw l-forniment ta' servizzi bbażati fl-ispazju, għajr fornituri ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika


(1)  Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82)

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE tal-14 ta' Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta' ħażniet ta' żejt mhux maħdum u/jew ta' prodotti petroliferi (ĠU L 265, 9.10.2009, p. 9).

(5)  Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).

(6)  Id-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti (ĠU L 70, 14.3.2009, p. 11).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar it-titjib fis-sigurtà fuq il-bastimenti u fil-portijiet (ĠU L 129, 29.4.2004, p. 6).

(11)  Id-Direttiva 2005/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar it-titjib tas-sigurtà fil-portijiet, (ĠU L 310, 25.11.2005, p. 28).

(12)  Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).

(13)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/962 tat-18 ta' Diċembru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment tas-servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali fl-UE kollha (ĠU L 157, 23.6.2015, p. 21).

(14)  Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport (ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(16)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(17)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(18)  Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Novembru 2022 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 26).

(20)  Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67).

(21)  Ir-Regolament (UE) 2022/123 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Jannar 2022 dwar rwol imsaħħaħ għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fit-tħejjija għall-kriżijiet u fil-maniġġar tagħhom għall-prodotti mediċinali u għall-apparati mediċi (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 1).

(22)  Id-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 435, 23.12.2020, p. 1).

(23)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta' Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40).


ANNESS II

SETTURI KRITIĊI OĦRA

Settur

Sottosettur

Tip ta' entità

1.

Servizzi postali u tal-kurrier

 

Fornituri ta' servizzi postali kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1a), tad-Direttiva 97/67/KE, inklużi fornituri ta' servizzi ta' kurrier

2.

Immaniġġjar tal-iskart

 

Impriżi li jwettqu l-immaniġġjar tal-iskart kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (9), tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), għajr impriżi li għalihom l-immaniġġjar tal-iskart mhux l-attività ekonomika prinċipali tagħhom

3.

Manifattura, produzzjoni u distribuzzjoni ta' sustanzi kimiċi

 

Impriżi li jwettqu l-manifattura ta' sustanzi u d-distribuzzjoni ta' sustanzi jew taħlitiet, kif imsemmija fl-Artikolu 3, il-punti (9) u (14), tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) U impriżi li jwettqu l-produzzjoni ta' oġġetti, kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (3), ta' dak ir-Regolament, minn sustanzi jew taħlitiet

4.

Produzzjoni, ipproċessar u distribuzzjoni alimentari

 

Negozji tal-ikel kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (2), tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li huma involuti fid-distribuzzjoni bl-ingrossa u fil-produzzjoni u l-ipproċessar industrijali

5.

Manifattura

(a)

Manifattura ta' apparat mediku u apparat mediku dijanjostiku in vitro

Entitajiet li jimmanifatturaw apparati mediċi kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u entitajiet li jimmanifatturaw apparati mediċi dijanjostiċi in vitro kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għajr entitajiet li jimmanifatturaw apparati mediċi msemmija fl-Anness I, il-punt 5, il-ħames inċiż, ta' din id-Direttiva

(b)

Manifattura ta' prodotti għall-kompjuters, prodotti elettroniċi u prodotti ottiċi

Impriżi li jwettqu kwalunkwe attività mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fit-Taqsima C, id-Diviżjoni 26 tan-NACE Rev. 2

(c)

Manifattura ta' tagħmir elettriku

Impriżi li jwettqu kwalunkwe attività mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fit-Taqsima C, id-Diviżjoni 27 tan-NACE Rev. 2

(d)

Manifattura ta' makkinarju u tagħmir m.k.b.

Impriżi li jwettqu kwalunkwe attività mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fit-Taqsima C, id-Diviżjoni 28 tan-NACE Rev. 2

(e)

Manifattura ta' vetturi motorizzati, trejlers u semitrejler

Impriżi li jwettqu kwalunkwe attività mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fit-Taqsima C, id-Diviżjoni 29 tan-NACE Rev. 2

(f)

Manifattura ta' tagħmir ieħor għat-trasport

Impriżi li jwettqu kwalunkwe attività mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fit-Taqsima C, id-Diviżjoni 30 tan-NACE Rev. 2

6.

Fornituri diġitali

 

Fornituri ta' swieq online

Fornituri ta' magni tat-tiftix online

Fornituri ta' pjattaformi ta' servizzi tan-networking soċjali

7.

Riċerka

 

Organizzazzjonijiet tar-riċerka


(1)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2017 dwar apparati mediċi dijanjostiċi in vitro u li jħassar id-Direttiva 98/79/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/227/UE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 176).


ANNESS III

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Id-Direttiva (UE) 2016/1148

Din id-Direttiva

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(3)

-

Artikolu 1(4)

Artikolu 2(12)

Artikolu 1(5)

Artikolu 2(13)

Artikolu 1(6)

Artikolu 2(6) u (11)

Artikolu 1(7)

Artikolu 4

Artikolu 2

Artikolu 2(14)

Artikolu 3

Artikolu 5

Artikolu 4

Artikolu 6

Artikolu 5

-

Artikolu 6

-

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(1) u (2)

Artikolu 7(2)

Artikolu 7(4)

Artikolu 7(3)

Artikolu 7(3)

Artikolu 8(1) sa (5)

Artikolu 8(1) sa (5)

Artikolu 8(6)

Artikolu 13(4)

Artikolu 8(7)

Artikolu 8(6)

Artikolu 9(1), (2) u (3)

Artikolu 10(1), (2) u (3)

Artikolu 9(4),

Artikolu 10(9)

Artikolu 9(5),

Artikolu 10(10)

Artikolu 10(1), (2) u (3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 13(1), (2) u (3)

Artikolu 10(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 23(9)

Artikolu 11(1),

Artikolu 14(1) u (2)

Artikolu 11(2)

Artikolu 14(3)

Artikolu 11(3)

Artikolu 14(4), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) sa (q) u (s) u l-paragrafu (7)

Artikolu 11(4)

Artikolu 14(4), l-ewwel subparagrafu, il-punt (r), u t-tieni subparagrafu

Artikolu 11(5)

Artikolu 14(8)

Artikolu 12(1) sa (5)

Artikolu 15(1) sa (5)

Artikolu 13

Artikolu 17

Artikolu 14(1) u (2)

Artikolu 21(1) sa (4)

Artikolu 14(3)

Artikolu 23(1)

Artikolu 14(4)

Artikolu 23(3)

Artikolu 14(5)

Artikolu 23(5), (6) u (8)

Artikolu 14(6)

Artikolu 23(7)

Artikolu 14(7)

Artikolu 23(11)

Artikolu 15(1)

Artikolu 31(1)

Artikolu 15(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a)

Artikolu 32(2), il-punt (e)

Artikolu 15(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b)

Artikolu 32(2), il-punt (g)

Artikolu 15(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 32(3)

Artikolu 15(3)

Artikolu 32(4), il-punt(b)

Artikolu 15(4)

Artikolu 31(3)

Artikolu 16(1) u (2)

Artikolu 21(1) sa (4)

Artikolu 16(3)

Artikolu 23(1)

Artikolu 16(4)

Artikolu 23(3)

Artikolu 16(5)

-

Artikolu 16(6)

Artikolu 23(6)

Artikolu 16(7)

Artikolu 23(7)

Artikolu 16(8) u (9)

Artikolu 21 (5) u Artikolu 23(11)

Artikolu 16(10)

-

Artikolu 16(11)

Artikolu 2(1), (2) u (3)

Artikolu 17(1)

Artikolu 33(1)

Artikolu 17(2), il-punt (a)

Artikolu 32(2), il-punt (e)

Artikolu 17(2), il-punt (b)

Artikolu 32(4), il-punt (b)

Artikolu 17(3)

Artikolu 37(1), il-punti (a) u (b)

Artikolu 18(1)

Artikolu 26(1), il-punt (b), u l-paragrafu (2)

Artikolu 18(2)

Artikolu 26(3)

Artikolu 18(3)

Artikolu 26(4)

Artikolu 19

Artikolu 25

Artikolu 20

Artikolu 30

Artikolu 21

Artikolu 36

Artikolu 22

Artikolu 39

Artikolu 23

Artikolu 40

Artikolu 24

-

Artikolu 25

Artikolu 41

Artikolu 26

Artikolu 45

Artikolu 27

Artikolu 46

Anness I, il-punt (1)

Artikolu 11(1)

Anness I, il-punti (2)(a)(i) sa (iv)

Artikolu 11(2), il-punti (a) sa (d)

Anness I, il-punt (2)(a)(v)

Artikolu 11(2), il-punt (f)

Anness I, il-punt (2)(b)

Artikolu 11(4)

Anness I, il-punti (2)(c)(i) u (ii)

Artikolu 11(5), il-punt (a)

Anness II

Anness I

Anness III, il-punti (1) u (2)

Anness II, il-punt (6)

Anness III, il-punt (3)

Anness I, il-punt (8)