7.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 315/44


DIRETTIVA (UE) 2022/2381 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Novembru 2022

dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost diretturi ta’ kumpanniji elenkati u miżuri relatati

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 157(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-ugwaljanza hija valur fundatur tal-Unjoni u hija komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn tipprevali l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Skont l-Artikolu 3(3) TUE, l-Unjoni għandha tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

(2)

L-Artikolu 157(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill setgħat sabiex jadottaw miżuri mmirati biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs u t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet tal-impjiegi u x-xogħol.

(3)

Bl-għan li tkun żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol, l-Artikolu 157(4) TFUE jippermetti azzjoni pożittiva billi jippermetti lill-Istati Membri jżommu u jadottaw miżuri li jipprevedu vantaġġi speċifiċi sabiex jagħmilha aktar faċli għas-sess li jkun sottorappreżentat biex ifittex attività vokazzjonali jew biex jipprevjeni jew jikkumpensa għal żvantaġġi fil-karrieri professjonali. L-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) jipprevedi li hemm bżonn li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tiġi żgurata fl-oqsma kollha u li l-prinċipju tal-ugwaljanza ma jistax jipprevjeni ż-żamma jew l-adozzjoni ta’ miżuri li jipprevedu vantaġġi speċifiċi favur is-sess sottorappreżentat.

(4)

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġie pproklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fl-2017, jinkorpora fost il-prinċipji tiegħu l-ugwaljanza fit-trattament u l-opportunitajiet bejn in-nisa u l-irġiel, inkluż fir-rigward tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, it-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg u l-progressjoni tal-karriera.

(5)

Il-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol teħtieġ approċċ komprensiv, li jinkludi wkoll it-trawwim ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ibbilanċjat bejn il-ġeneri fi ħdan il-kumpanniji fil-livelli kollha, kif ukoll it-tnaqqis tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. L-iżgurar tal-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol huwa wkoll prerekwiżit ewlieni għat-tnaqqis tal-faqar fost in-nisa.

(6)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 84/635/KEE (4) rrakkomandat li l-Istati Membri jieħdu passi biex jiżguraw li l-azzjoni pożittiva tinkludi, sa fejn possibbli, azzjonijiet li għandhom effett fuq il-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fil-korpi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 96/694/KE (5) rrakkomandat li l-Istati Membri jinkoraġġixxu lis-settur privat biex iżid il-preżenza tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet, b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni, jew fi ħdan il-qafas, ta’ pjanijiet ta’ ugwaljanza u programmi ta’ azzjoni pożittiva.

(7)

Din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel u li tikseb rappreżentanza bbilanċjata bejn il-ġeneri fost l-ogħla pożizzjonijiet maniġerjali billi tistabbilixxi sett ta’ rekwiżiti proċedurali dwar l-għażla ta’ kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni għall-pożizzjoni ta’ direttur abbażi tat-trasparenza u l-mertu.

(8)

F’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni ppreżentat diversi rapporti li janalizzaw is-sitwazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi. Hija inkoraġġiet lill-kumpanniji elenkati biex iżidu l-għadd ta’ membri tas-sess sottorappreżentat fuq il-bordijiet tagħhom permezz ta’ miżuri awtoregolatorji u biex jagħmlu impenji volontarji konkreti f’dak ir-rigward. Fil-komunikazzjoni tagħha tal-5 ta’ Marzu 2010 intitolata “Impenn imsaħħaħ għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel - Karta f’Isem il-Mara”, il-Kummissjoni enfasizzat li n-nisa għad ma għandhomx aċċess sħiħ għall-qsim tas-setgħa u t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-ħajja politika u ekonomika u fis-setturi pubbliċi u privati, u rriaffermat l-impenn tagħha li tuża l-poteri tagħha biex tikseb rappreżentazzjoni aktar ġusta tan-nisa u l-irġiel f’pożizzjonijiet ta’ setgħa fil-ħajja pubblika u fl-ekonomija. It-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet kien wieħed mill-prijoritajiet stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tal-21 ta’ Settembru 2010 intitolata “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015”. Il-kisba ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-politika hija waħda mill-prijoritajiet imniżżlin fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2020 intitolata “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija ta’ Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025”.

(9)

Fil-konklużjoni tiegħu tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), il-Kunsill irrikonoxxa li l-politiki dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri huma vitali għat-tkabbir ekonomiku, il-prosperità u l-kompetittività. Huwa afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jtemm id-disparità bejn il-ġeneri bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, speċjalment fi tliet oqsma ta’ rilevanza kbira għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, jiġifieri l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali. Huwa ħeġġeġ ukoll azzjoni għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha, sabiex isir użu sħiħ mit-talenti kollha. F’dak ir-rigward, l-użu sħiħ tat-talent, tal-għarfien u tal-ideat disponibbli kollha sseddaq id-diversità tar-riżorsi umani u ttejjeb il-prospetti tan-negozju.

(10)

Fil-komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2010 intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” (l-“Istrateġija Ewropa 2020”), il-Kummissjoni rrikonoxxiet li ż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija prekondizzjoni għat-tisħiħ tat-tkabbir u għall-indirizzar tal-isfidi demografiċi fl-Ewropa. L-Istrateġija Ewropa 2020 stabbiliet mira ewlenija li tintlaħaq rata ta’ impjiegi minn tal-inqas 75 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena sal-2020. Huwa importanti li jittieħed impenn ċar favur l-eliminazzjoni tad-differenzi persistenti bejn il-ġeneri fil-pagi u li jsir sforz imsaħħaħ biex jiġu indirizzati l-ostakli kollha għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż il-fenomenu eżistenti tas-“saqaf tal-ħġieġ”. Id-Dikjarazzjoni ta’ Porto li ġiet iffirmata mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern fit-8 ta’ Mejju 2021 (6), laqgħet il-miri ewlenin il-ġodda tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u t-tabella ta’ valutazzjoni soċjali riveduta proposta mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tal-4 ta’ Marzu 2021 intitolata “Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali”. Dak il-pjan ta’ azzjoni jipprevedi li, sabiex jintlaħaq l-għan ġenerali ta’ rata ta’ impjieg ta’ mill-inqas 78 % fost il-popolazzjoni tal-Unjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena sal-2030, huwa neċessarju li jsir sforz biex id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi titnaqqas tal-inqas bin-nofs meta mqabbla mal-2019. It-titjib tal-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi, b’mod partikolari fuq il-bordijiet, huwa mistenni li jkollu effett residwu pożittiv fuq l-impjieg ta’ nisa fil-kumpanniji kkonċernati u fl-ekonomija kollha. Wara l-kriżi tal-COVID-19, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tmexxija inklużiva huma importanti aktar minn qatt qabel, f’konformità mal-ħtieġa li jsir użu sħiħ mir-riżerva ta’ talent disponibbli, kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel. Ir-riċerka wriet li l-inklużjoni u d-diversità jiffaċilitaw l-irkupru u r-reżiljenza. Dawn huma ta’ importanza vitali biex tiġi żgurata l-kompetittività ekonomika tal-Unjoni, biex tiġi inkoraġġuta l-innovazzjoni u jissaħħu l-kompetenzi professjonali fil-bordijiet tal-kumpanniji.

(11)

Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar in-nisa u t-tmexxija tan-negozju, ħeġġeġ lill-kumpanniji biex jilħqu l-limitu kritiku ta’ sehem femminili ta’ 30 % fil-korpi maniġerjali sal-2015 u 40 % sal-2020. Hu stieden lill-Kummissjoni, jekk il-passi meħuda mill-kumpanniji u mill-Istati Membri jinstabu li huma inadegwati, li tipproponi leġiżlazzjoni sal-2012, inklużi kwoti. Ikun importanti li tali leġiżlazzjoni tiġi implimentata fuq bażi temporanja u li sservi bħala katalista għal bidla u għal riformi rapidi mfassla sabiex jiġu eliminati l-inugwaljanzi persistenti bejn il-ġeneri u stereotipi fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-ambitu ekonomiku. Il-Parlament Ewropew tenna dik is-sejħa għal-leġiżlazzjoni fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2012 u tal-21 ta’ Jannar 2021.

(12)

Huwa importanti li l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni imexxu bl-eżempju fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri billi, fost l-oħrajn, jistabbilixxu objettivi għal rappreżentanza bbilanċjata bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-maniġment. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-politiki ta’ reklutaġġ għall-pożizzjonijiet maniġerjali superjuri. Għalhekk, fil-komunikazzjoni tagħha tal-5 ta’ Marzu 2020 intitolata “Unjoni ta’ Ugwaljanza: l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025” il-Kummissjoni enfasizzat li l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jenħtieġ li jiżguraw ukoll bilanċ bejn il-ġeneri f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija. Fil-komunikazzjoni tagħha tal-5 ta’ April 2022 intitolata “Strateġija ġdida dwar ir-Riżorsi Umani għall-Kummissjoni” il-Kummissjoni impenjat ruħha li tiżgura ugwaljanza sħiħa bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-maniġment tagħha sal-2024. Il-Kummissjoni ser timmonitorja l-progress u tirrapporta regolarment f’dak ir-rigward fuq is-sit web tagħha. Il-Kummissjoni tkompli tikkondividi l-aħjar prattiki ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni u ser tirrapporta dwar is-sitwazzjoni tal-bilanċ bejn il-ġeneri f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija f’dawk l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji fuq is-sit web tagħha. Il-Parlament Ewropew, fid-deċiżjoni tal-Bureau tiegħu tat-13 ta’ Jannar 2020, qabel li jistabbilixxi miri għall-bilanċ bejn il-ġeneri f’pożizzjonijiet maniġerjali superjuri u intermedji għall-2024. Il-Parlament Ewropew ser ikompli jissorvelja l-progress fil-livelli kollha tal-maniġment tiegħu u għandu l-għan li jmexxi bl-eżempju. Il-Kunsill ħa l-impenn, fl-Istrateġija tiegħu dwar id-Diversità u l-Inklużjoni 2021-2024, li jikseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-pożizzjonijiet maniġerjali tas-Segretarjat Ġenerali (SĠK) tiegħu b’marġni ta’ bejn 45 u 55 % sa mhux aktar tard minn tmiem l-2026. Il-Pjan ta’ Azzjoni tas-SĠK għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-Maniġment jistabbilixxi miżuri biex jinkiseb dan l-objettiv.

(13)

Huwa importanti li l-kumpanniji u n-negozji jrawmu, jappoġġaw u jiżviluppaw it-talent femminili fil-livelli kollha u matul il-karrieri tagħhom, sabiex jiżguraw li n-nisa kkwalifikati jingħataw opportunitajiet biex ikollhom pożizzjonijiet fuq il-bordijiet u pożizzjonijiet maniġerjali.

(14)

Sabiex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tiġi appoġġata l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet, id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li tippromwovi l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw, tipprevedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw kondiviżjoni ugwali tar-responsabbiltajiet ta’ indukrar bejn in-nisa u l-irġiel permezz ta’ liv tal-ġenituri, tal-paternità u tal-persuni li jindukraw, flimkien mal-liv tal-maternità eżistenti. Dik id-Direttiva tipprevedi wkoll id-dritt li jintalbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli.

(15)

Il-ħatra tan-nisa bħala diretturi qed tiġi ostakolata b’diversi fatturi speċifiċi li jistgħu jingħelbu mhux biss permezz ta’ regoli vinkolanti, iżda anke permezz ta’ inizjattivi edukattivi u inċentivi li jinkoraġixxu prattika tajba. L-ewwel huwa essenzjali li tiżdied is-sensibilizzazzjoni fl-iskejjel tan-negozju u fl-universitajiet dwar il-benefiċċji li ġġib l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-kompetittività tal-kumpanniji. Huwa wkoll neċessarju li jitħeġġeġ it-tiġdid regolari tad-diretturi u li jiġu introdotti miżuri pożittivi li jippromwovu u jirrikonoxxu sforzi mill-Istati Membri u l-kumpanniji biex jadottaw approċċ aktar deċiżiv għal tali bidliet f’korpi prinċipali li jieħdu deċiżjonijiet ekonomiċi fil-livelli kollha.

(16)

L-Unjoni għandha riżerva kbira ta’ nisa bi kwalifiki għolja, li qiegħda tikber b’mod kostanti kif inhu kkonfermat mill-fatt li 60 % tal-gradwati mill-universitajiet huma nisa. Il-kisba tal-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet huwa essenzjali għal użu effiċjenti ta’ dik ir-riżerva eżistenti, li huwa essenzjali għall-indirizzar tal-isfidi demografiċi u ekonomiċi tal-Unjoni. Għalhekk, is-sottorappreżentanza tan-nisa fuq il-bordijiet hija opportunità mitlufa għall-ekonomiji tal-Istati Membri b’mod ġenerali u għall-iżvilupp u t-tkabbir tagħhom. Li nagħmlu użu sħiħ mir-riżerva eżistenti ta’ talent femminili jtejjeb ukoll ir-rendiment fuq l-edukazzjoni kemm għall-individwi kif ukoll għas-settur pubbliku. Huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ li l-preżenza tan-nisa fuq il-bordijiet ittejjeb il-governanza korporattiva, minħabba li l-prestazzjoni tat-tim u l-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet jissaħħu minn mentalità aktar diversa u kollettiva li tinkorpora firxa usa’ ta’ perspettivi. Bosta studji wrew li d-diversità twassal għal mudell tan-negozju aktar proattiv, deċiżjonijiet aktar ibbilanċjati u standards professjonali mtejba fuq il-bordijiet li jirriflettu aħjar ir-realtajiet tas-soċjetà u l-ħtiġijiet tal-konsumatur. Din tinkoraġġixxi wkoll l-innovazzjoni. Bosta studji wrew ukoll li hemm relazzjoni pożittiva bejn id-diversità tal-ġeneri fl-ogħla livell maniġerjali u l-prestazzjoni finanzjarja u l-profitabbiltà ta’ impriża, li jwassal għal tkabbir sostenibbli fit-tul sostanzjali. Il-kisba ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet hija għalhekk ta’ importanza vitali biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-Unjoni f’ekonomija globalizzata u tkun toffri vantaġġ komparattiv fil-konfront ta’ pajjiżi terzi.

(17)

Iż-żieda tar-rappreżentanza tan-nisa fuq il-bordijiet mhux biss taffettwa n-nisa maħtura fuq il-bordijiet, iżda tikkontribwixxi wkoll sabiex jiġi attirat talent femminili lejn il-kumpannija u tiġi żgurata preżenza ikbar tan-nisa fil-livelli maniġerjali kollha u fil-forza tax-xogħol. Għalhekk, sehem akbar ta’ nisa fuq il-bordijiet x’aktarx iħalli impatt pożittiv fuq it-tnaqqis kemm tad-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi u d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi.

(18)

Minkejja evidenza tal-impatt ta’ benefiċċju tal-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-kumpanniji nfushom u fuq l-ekonomija b’mod ġenerali, u minkejja l-liġi eżistenti tal-Unjoni li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess u l-azzjonijiet eżistenti fil-livell tal-Unjoni li jinkoraġġixxu l-awtoregolamentazzjoni, in-nisa jibqgħu ferm sottorappreżentati fl-ogħla korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpanniji madwar l-Unjoni. L-istatistika turi li l-proporzjon ta’ nisa involuti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet kummerċjali tal-ogħla livell għadu baxx ħafna. Jekk nofs ir-riżerva tat-talenti lanqas biss titqies għal pożizzjonijiet ta’ tmexxija, il-proċess u l-kwalità tal-ħatriet infushom jistgħu jkunu kompromessi u dan jista’ jżid n-nuqqas ta’ fiduċja fl-istrutturi tal-poter imprenditorjali u jista’ jwassal għal tnaqqis fl-użu effiċjenti tal-kapital uman disponibbli. Huwa importanti li l-kompożizzjoni tas-soċjetà tkun riflessa fedelment fit-teħid tad-deċiżjonijiet korporattivi u li jintuża l-potenzjal tal-popolazzjoni kollha tal-Unjoni. Skont l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, fl-2021, in-nisa kienu jirrappreżentaw medja ta’ 30,6 % tal-membri tal-bordijiet fl-akbar kumpanniji elenkati u ta’ 8,5 % biss tal-presidenti. Dak jindika sottorappreżentanza inġusta u diskriminatorja tan-nisa, u b’hekk idgħajjef b’mod ċar il-prinċipji tal-Unjoni ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali tan-nisa u tal-irġiel fl-oqsma tal-impjiegi u x-xogħol. Għalhekk jenħtieġ li jiġu introdotti u msaħħa miżuri biex jinkoraġġixxu l-progress fil-karriera għan-nisa fil-livelli kollha tal-maniġment, u għandha tingħata attenzjoni partikolari biex ikun żgurat li dak ikun il-każ fil-kumpanniji elenkati, minħabba r-responsabbiltà ekonomika u soċjali sinifikanti ta’ tali kumpanniji. Barra minn hekk, huwa importanti li l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jmexxu bl-eżempju fir-rigward tar-rimedju tal-iżbilanċi eżistenti bejn il-ġeneri fil-kompożizzjoni tal-bordijiet ta’ maniġment proprja tagħhom.

(19)

Il-proporzjon ta’ nisa fuq il-bordijiet żdied bil-mod ħafna tul l-aħħar snin. Ir-rata ta’ titjib varjat fost l-Istati Membri u wasslet għal riżultati diverġenti ħafna. Ġie nnotat progress ħafna iktar sinifikanti f’dawk l-Istati Membri fejn ġew introdotti miżuri vinkolanti. Dik id-diverġenza x’aktarx li tiżdied minħabba l-approċċi differenti ħafna biex jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet. Għalhekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkondividu informazzjoni dwar il-miżuri effettivi meħuda u l-politiki adottati fil-livell nazzjonali, u biex jiskambjaw l-aħjar prattiki, bil-għan li jiġi appoġġat il-progress madwar l-Unjoni biex tinkiseb rappreżentazzjoni aktar bilanċjata tan-nisa u l-irġiel fuq il-bordijiet.

(20)

Ir-regolamentazzjoni mferrxa u diverġenti jew in-nuqqas ta’ regolamentazzjoni fuq livell nazzjonali fir-rigward tal-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet tal-kumpanniji elenkati mhux biss twassal għal diskrepanzi fl-għadd ta’ nisa fost id-diretturi mhux eżekuttivi u għal rati differenti ta’ titjib madwar l-Istati Membri, iżda wkoll toħloq ostakli għas-suq intern billi timponi rekwiżiti diverġenti dwar il-governanza korporattiva fuq il-kumpanniji elenkati fl-Unjoni. Dawk id-differenzi fir-rekwiżiti legali u awtoregolatorji għall-kompożizzjoni tal-bordijiet jistgħu jwasslu għal komplikazzjonijiet prattiċi għall-kumpanniji elenkati li joperaw bejn il-fruntieri, b’mod partikolari meta jistabbilixxu sussidjarji jew f’fużjonijiet u akkwisti, u għall-kandidati għall-pożizzjonijiet ta’ direttur.

(21)

L-iżbilanċi bejn il-ġeneri fil-kumpanniji huma ikbar fil-livelli iktar superjuri. Barra dan, bosta minn dawk in-nisa li huma rrappreżentati fil-livell ta’ maniġment superjuri jinsabu f’oqsma bħar-riżorsi umani u l-komunikazzjoni, filwaqt li huwa iktar probabbli li l-irġiel fil-livell superjuri jiġu impjegati fil-maniġment ġenerali jew maniġment operattiv fil-kumpannija. Billi r-riżerva ewlenija għar-reklutaġġ għall-pożizzjonijiet ta’ direttur fil-parti l-kbira tagħha hija magħmula minn kandidati b’esperjenza f’maniġment superjuri, huwa ta’ importanza vitali li l-għadd ta’ nisa li javvanzaw għal dawn il-pożizzjonijiet maniġerjali fil-kumpanniji jiżdied.

(22)

Wieħed mill-fatturi ewlenin li jippermetti li din id-Direttiva tkun implimentata b’mod korrett hija l-applikazzjoni effettiva tal-kriterji, li jkunu stabbiliti minn qabel u bi trasparenza sħiħa, għall-għażla tad-diretturi fejn il-kwalifiki, l-għarfien u l-ħiliet tal-kandidati jitqiesu fuq bażi ugwali, indipendenti mill-ġeneru tagħhom.

(23)

In-nuqqas attwali ta’ trasparenza fil-proċess tal-għażla u l-kriterji ta’ kwalifika għall-pożizzjonijiet ta’ direttur fil-parti l-kbira tal-Istati Membri jirrappreżenta ostaklu sinifikanti għal bilanċ akbar bejn il-ġeneri fost id-diretturi u jaffettwa b’mod negattiv kemm il-karrieri u l-libertà tal-moviment tal-kandidati u d-deċiżjonijiet tal-investituri. Tali nuqqas ta’ trasparenza jwaqqaf lil kandidati potenzjali għal pożizzjonijiet ta’ direttur milli japplikaw għal bordijiet fejn il-kwalifiki tagħhom ikunu l-aktar meħtieġa u milli jikkontestaw deċiżjonijiet ta’ ħatra li jiddiskriminaw abbażi tal-ġeneru, u b’hekk ifixkel il-moviment ħieles tagħhom fi ħdan is-suq intern. Min-naħa l-oħra, l-investituri jista’ jkollhom strateġiji ta’ investiment li jirrikjedu li tingħata l-informazzjoni marbuta wkoll mal-għarfien espert u l-kompetenza tad-diretturi. Aktar trasparenza fil-kriterji dwar il-kwalifiki u l-proċedura tal-għażla għal diretturi tippermetti lill-investituri jevalwaw aħjar l-istrateġija kummerċjali tal-kumpannija u li jieħdu deċiżjonijiet infurmati. Huwa importanti li l-proċess ta’ ħatra fil-bordijiet ikun ċar u trasparenti u li l-kandidati jiġu vvalutati oġġettivament fuq il-merti individwali tagħhom, indipendenti mill-ġeneru tagħhom.

(24)

Filwaqt li din id-Direttiva ma għandhiex l-għan li tarmonizza l-liġijiet nazzjonali dwar il-proċessi tal-għażla u l-kriterji ta’ kwalifika għall-pożizzjonijiet ta’ direttur fid-dettall, l-introduzzjoni ta’ ċerti rekwiżiti minimi għall-kumpanniji elenkati mingħajr rappreżentazzjoni bilanċjata tal-ġeneri fir-rigward tal-għażla tal-kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni għal pożizzjonijiet ta’ direttur abbażi ta’ proċess tal-għażla definita b’mod ċar u valutazzjoni komparattiva objettiva tal-kwalifiki tagħhom f’termini ta’ adegwatezza, kompetenza u prestazzjoni professjonali hija neċessarja bil-għan li jinkiseb bilanċ bejn il-ġeneri. Hija biss miżura vinkolanti fuq il-livell tal-Unjoni li tista’ effettivament tgħin biex ikunu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni madwar l-Unjoni u jiġu evitati komplikazzjonijiet prattiċi fil-ħajja tan-negozju.

(25)

Għalhekk l-Unjoni jenħtieġ li jkollha l-għan li żżid il-preżenza ta’ nisa fuq il-bordijiet fl-Istati Membri kollha, sabiex jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku, titħeġġeġ il-mobbiltà fis-suq tax-xogħol, tissaħħaħ il-kompetittività tal-kumpanniji elenkati u biex tintlaħaq ugwaljanza effettiva bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol. Dak l-għan jenħtieġ li jintlaħaq billi jiġu stipulati rekwiżiti minimi fir-rigward ta’ azzjoni pożittiva fil-forma ta’ miżuri vinkolanti. Dawk il-miżuri vinkolanti għandhom l-għan li jiksbu objettiv kwantitattiv għall-kompożizzjoni tal-ġeneru tal-bordijiet, fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri u pajjiżi terzi li għażlu dak il-metodu jew metodu simili kisbu l-aħjar riżultati fit-tnaqqis tas-sottorappreżentazzjoni tan-nisa f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi.

(26)

Huwa importanti li kull kumpannija elenkata tiżviluppa politika dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, sabiex tinkiseb rappreżentanza tal-ġeneri aktar bilanċjata fil-livelli kollha. Tali politiki jistgħu jinkludu n-nomina ta’ kandidat mara kif ukoll ta’ kandidat raġel għal pożizzjonijiet ewlenin, skemi ta’ mentoraġġ u gwida għall-iżvilupp tal-karriera għan-nisa, u strateġiji ta’ riżorsi umani mfassla biex jinkoraġġixxu reklutaġġ varjat.

(27)

Il-kumpanniji elenkati għandhom importanza ekonomika, viżibilità u impatt partikolari fis-suq kollu kemm hu. Tali kumpanniji jistabbilixxu standards għall-ekonomija usa’ u l-prattiki tagħhom jista’ jiġi mistenni li jiġu segwiti minn tipi oħra ta’ kumpanniji. In-natura pubblika tal-kumpanniji elenkati tiġġustifika li huma jiġu rregolati aktar fl-interess pubbliku.

(28)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva jenħtieġ li japplikaw għal kumpanniji elenkati.

(29)

Din id-Direttiva jenħtieġ li ma tapplikax għal impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

(30)

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istat Membru kompetenti biex jirregola l-kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva jenħtieġ li jkun l-Istat Membru li fih il-kumpannija elenkata inkwistjoni jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha. Din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli nazzjonali li jiddeterminaw il-liġi applikabbli għall-kumpanniji għal kwistjonijiet mhux irregolati minn din id-Direttiva.

(31)

Hemm diversi sistemi tal-istrutturi tal-bordijiet għal kumpanniji elenkati fl-Istati Membri, fejn id-distinzjoni prinċipali hi bejn sistema b’żewġ livelli b’kemm bord maniġerjali kif ukoll bord superviżorju u sistema unitarja li tikkombina l-funzjonijiet tal-maniġment u tas-sorveljanza f’bord uniku. Jeżistu wkoll sistemi mħallta, li jinvolvu aspetti taż-żewġ sistemi jew li jagħtu lill-kumpanniji għażla bejn mudelli differenti. Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għas-sistemi eżistenti kollha tal-bordijiet fl-Istati Membri.

(32)

Is-sistemi kollha tal-bordijiet jiddistingwu, de jure jew de facto, bejn id-diretturi eżekuttivi, li huma involuti fil-maniġment ta’ kuljum tal-kumpannija, u d-diretturi mhux eżekuttivi li jwettqu funzjoni superviżorja u li mhumiex involuti fil-maniġment ta’ kuljum tal-kumpannija elenkata. Din id-Direttiva timmira li ttejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fost iż-żewġ kategoriji ta’ diretturi. Sabiex jinstab il-bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li jiżdied il-bilanċ bejn il-ġeneri tal-bordijiet u l-ħtieġa li jiġi mminimizzat l-indħil fil-maniġment ta’ kuljum ta’ kumpannija, din id-Direttiva tagħmel distinzjoni bejn dawk iż-żewġ kategoriji ta’ direttur.

(33)

F’bosta Stati Membri, ċertu proporzjon tad-diretturi mhux eżekuttivi jistgħu jew iridu, skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali, jinħatru jew jiġu eletti mill-ħaddiema tal-kumpanniji, mill-organizzazzjonijiet tal-impjegati jew mit-tnejn. L-objettivi kwantitattivi stipulati f’din id-Direttiva jenħtieġ li japplikaw ukoll għal dawn id-diretturi. Madankollu, minħabba li xi diretturi mhux eżekuttivi huma r-rappreżentanti tal-impjegati, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu l-mezzi biex jiġi żgurat li dawk l-objettivi jinkisbu, b’konsiderazzjoni xierqa għar-regoli speċifiċi għall-ħatra jew l-elezzjoni ta’ rappreżentanti tal-impjegati kif stabbilit fil-liġi nazzjonali u b’rispett għal-libertà tal-votazzjoni fl-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-impjegati. Minħabba d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar il-kumpanniji tal-Istati Membri, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li japplikaw l-objettivi kwantitattivi separatament għar-rappreżentanti tal-azzjonisti u għar-rappreżentanti tal-impjegati.

(34)

L-Istati Membri jenħtieġ li jissoġġettaw lill-kumpanniji elenkati jew għall-objettiv li jkollhom bordijiet li fuqhom il-membri tas-sess sottorappreżentat ikollhom tal-inqas 40 % ta’ pożizzjonijiet ta’ diretturi mhux eżekuttivi sat-30 ta’ Ġunju 2026 jew, alternattivament, ladarba huwa importanti li l-kumpanniji elenkati jżidu l-proporzjon tas-sess sottorappreżentat fil-pożizzjonijiet kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet, għall-objettiv li jkollhom bordijiet li fuqhom il-membri tas-sess sottorappreżentat ikollhom tal-inqas 33 % tal-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur sat-30 ta’ Ġunju 2026, irrispettivament minn jekk ikunux eżekuttivi jew mhux eżekuttivi, bil-ħsieb li tiġi promossa rappreżentanza tas-sessi aktar ibbilanċjata fost id-diretturi kollha.

(35)

L-objettivi li jkun hemm bordijiet li fuqhom il-membri tas-sess sottorappreżentat ikollhom tal-inqas 40 % tal-pożizzjonijiet ta’ direttur mhux eżekuttiv jew tal-inqas 33 % tal-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur jikkonċernaw il-bilanċ globali bejn il-ġeneri fost id-diretturi u ma għandhomx ifixklu l-għażla konkreta ta’ diretturi individwali minn riżerva wiesgħa ta’ kandidati rġiel u nisa f’kull każ individwali. B’mod partikolari, din id-Direttiva ma teskludi ebda kandidat partikolari għal pożizzjonijiet ta’ direttur, u lanqas ma timponi xi diretturi individwali fuq il-kumpanniji elenkati jew l-azzjonisti. Id-deċiżjoni dwar id-diretturi xierqa għalhekk tibqa’ tal-kumpanniji elenkati u tal-azzjonisti.

(36)

Fid-dawl tax-xorta tagħhom, huwa xieraq li l-impriżi pubbliċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva iservu ta’ mudell għas-settur privat. L-Istati Membri jeżerċitaw influwenza dominanti fuq kumpanniji pubbliċi skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (b), tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE (8), li huma elenkati f’suq regolat. Minħabba din l-influwenza dominanti, l-Istati Membri għandhom l-istrumenti għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex iġibu l-bidla meħtieġa aktar malajr.

(37)

Id-determinazzjoni tal-għadd ta’ pożizzjonijiet ta’ direttur neċessarju biex jinkisbu l-objettivi stipulati f’din id-Direttiva tirrikjedi aktar speċifikazzjoni billi, minħabba d-daqs ta’ bosta bordijiet, mhuwiex possibbli matematikament li tintlaħaq il-proporzjon eżatta ta’ 40 % jew, fejn applikabbli, 33 %. Għaldaqstant, l-għadd ta’ pożizzjonijiet ta’ direttur neċessarju biex jinkisbu l-objettivi stipulati f’dan id-Direttiva jenħtieġ li jkun l-għadd l-eqreb għall-proporzjon ta’ 40 % jew, fejn applikabbli, 33 %, u fiż-żewġ każijiet jenħtieġ li ma jaqbiżx id-49 %.

(38)

Fil-ġurisprudenza (9) tagħha dwar l-azzjoni pożittiva u l-kompatibbiltà tagħha mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni abbażi ta’ sess, li huwa wkoll stipulat fl-Artikolu 21 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“Qorti tal-Ġustizzja”) aċċettat li l-prijorità f’ċerti każijiet tista’ tingħata lis-sess sottorappreżentat fl-għażla għal impjieg jew promozzjoni, dment li l-kandidat mis-sess sottorappreżentat ikun ugwalment ikkwalifikat meta mqabbel mal-kompetitur tas-sess l-ieħor f’termini ta’ adegwatezza, kompetenza u prestazzjoni professjonali, li l-prijorità ma tkunx awtomatika u bla kondizzjonijiet iżda tista’ ma tingħatax jekk raġunijiet speċifiċi għal kandidat individwali tas-sess l-ieħor ixaqilbu l-bilanċ favur dak il-kandidat, u li l-applikazzjoni ta’ kull kandidat tkun soġġetta għal valutazzjoni oġġettiva li tapplika b’mod speċifiku l-kriterji tal-għażla kollha għall-kandidati individwali.

(39)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li dawk il-kumpanniji elenkati li fil-bordijiet tagħhom il-membri tas-sess sottorappreżentat għandhom inqas minn 40 % tal-pożizzjonijiet ta’ direttur mhux eżekuttiv jew inqas minn 33 % tal-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur, inkluż kemm diretturi eżekuttivi kif ukoll dawk mhux eżekuttivi kif applikabbli, jagħżlu l-iktar kandidati kkwalifikati għall-ħatra jew l-elezzjoni għal dawk il-pożizzjonijiet abbażi ta’ valutazzjoni komparattiva tal-kwalifiki tal-kandidati billi japplikaw kriterji ċari, ifformulati b’mod newtrali u li mhumiex ambigwi stabbiliti qabel il-proċess tal-għażla, bil-għan li jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet. Eżempji ta’ tipi ta’ kriterji ta’ għażla li l-kumpanniji elenkati jistgħu japplikaw jinkludu esperjenza professjonali f’kompiti maniġerjali jew ta’ superviżjoni, esperjenza internazzjonali, multidixxiplinarità, tmexxija, ħiliet ta’ komunikazzjoni, kapaċitajiet ta’ networking u għarfien f’oqsma rilevanti speċifiċi bħall-finanzi, is-sorveljanza finanzjarja jew il-maniġment tar-riżorsi umani.

(40)

Meta jintgħażlu l-kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni ta’ pożizzjonijiet ta’ direttur, jenħtieġ li tingħata prijorità lill-kandidat ugwalment ikkwalifikat tas-sess sottorappreżentat. Madankollu, tali prijorità ma għandhiex tikkostitwixxi preferenza awtomatika u bla kondizzjonijiet. Jista’ jkun hemm każijiet eċċezzjonali fejn valutazzjoni oġġettiva dwar is-sitwazzjoni speċifika ta’ kandidat ugwalment ikkwalifikat tas-sess l-ieħor tista’ tieħu preċedenza fuq il-preferenza li, inkella, jkollha tingħata lill-kandidat tas-sess sottorappreżentat. Tali preċedenza ta’ preferenza tista’ sseħħ, pereżempju, fejn politiki ta’ diversità usa’ japplikaw fil-livell nazzjonali jew tal-kumpannija għall-għażla ta’ diretturi. Il-preċedenza fuq l-applikazzjoni ta’ azzjoni pożittiva jenħtieġ li madankollu tibqa’ eċċezzjonali, tkun ibbażata fuq valutazzjoni skont il-każ u tkun debitament ġustifikata minn kriterji oġġettivi li, fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li ma jiddiskriminawx kontra s-sess sottorappreżentat.

(41)

Fi Stati Membri fejn ir-rekwiżiti stipulati f’din id-Direttiva relatati mal-għażla ta’ kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni ta’ pożizzjonijiet ta’ direttur huma applikabbli, il-kumpanniji elenkati li fil-bordijiet tagħhom il-membri tas-sess sottorappreżentat ikollhom tal-anqas 40 % tal-pożizzjonijiet ta’ direttur mhux eżekuttiv jew tal-anqas 33 % tal-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur, kif applikabbli, jenħtieġ li ma jkunux obbligati li jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti.

(42)

Il-metodi tal-għażla tal-kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni għall-pożizzjonijiet ta’ direttur ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor u minn kumpannija elenkata għal oħra. Dawn jistgħu jinvolvu l-preselezzjoni ta’ kandidati li jiġu ppreżentati lill-assemblea tal-azzjonisti, pereżempju minn kumitat ta’ nominazzjoni jew minn ditti ta’ tiftix tal-eżekuttivi. Ir-rekwiżiti għall-għażla tal-kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni ta’ pożizzjonijiet ta’ direttur jenħtieġ li jintlaħqu fi stadju xieraq tal-proċess tal-għażla skont il-liġi nazzjonali u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-kumpanniji elenkati kkonċernati, inkluż qabel l-elezzjoni ta’ kandidat mill-azzjonisti, pereżempju meta titħejja lista mqassra. F’dak ir-rigward, din id-Direttiva tistabbilixxi l-istandards minimi biss għall-għażla ta’ kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni għall-pożizzjonijiet ta’ direttur, u b’hekk tagħmel possibbli l-applikazzjoni tal-kondizzjonijiet previsti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bil-għan li jkun hemm ugwaljanza bejn il-ġeneri u li jinkiseb l-objettiv ta’ rappreżentazzjoni iktar bilanċjata ta’ nisa u rġiel fil-bordijiet tal-kumpanniji elenkati. Din id-Direttiva ma tinterferixxix bla bżonn fil-maniġment ta’ kuljum ta’ kumpanniji elenkati, peress li dawn iżommu l-libertà li jagħżlu l-kandidati fuq il-bażi tal-kwalifiki jew ta’ kunsiderazzjonijiet oġġettivi rilevanti oħra.

(43)

Fid-dawl tal-objettivi ta’ din id-Direttiva rigward il-bilanċ bejn il-ġeneri, il-kumpanniji elenkati jenħtieġ li jkunu meħtieġa fuq talba ta’ kandidat għall-ħatra jew l-elezzjoni ta’ pożizzjoni ta’ direttur, li jinformaw lil dak il-kandidat bil-kriterji tal-kwalifiki li fuqhom l-għażla kienet ibbażata, il-valutazzjoni komparattiva oġġettiva tal-kandidati skont dawn il-kriterji u, fejn rilevanti, il-kunsiderazzjonijiet speċifiċi li eċċezzjonalment ixaqilbu l-bilanċ favur kandidat li mhux mis-sess sottorappreżentat. Rekwiżit li tingħata tali informazzjoni jista’ jimplika limitazzjoni għad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li huma rikonoxxuti, rispettivament, mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Madankollu, dawn il-limitazzjonijiet huma neċessarji u, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jilħqu b’mod ġenwin objettivi rikonoxxuti ta’ interess ġenerali. Għalhekk huma konformi mar-rekwiżiti għal tali limitazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta u mal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tali limitazzjonijiet jenħtieġ jiġu applikati f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(44)

Fejn kandidat mis-sess sottorappreżentat għall-ħatra jew l-elezzjoni ta’ pożizzjoni ta’ direttur jistabbilixxi fatti, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, li minnhom jista’ jiġi preżunt li dak il-kandidat kien ikkwalifikat bl-istess mod bħall-kandidat magħżul tas-sess l-ieħor, il-kumpannija elenkata jenħtieġ li tkun meħtieġa turi l-korrettezza tal-għażla.

(45)

Filwaqt li din id-Direttiva tfittex li tistabbilixxi rekwiżiti minimi fil-forma ta’ miżuri vinkolanti biex tittejjeb il-kompożizzjoni tal-ġeneru tal-bordijiet,, huwa importanti, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, li tiġi rikonoxxuta l-leġittimità ta’ approċċi differenti u li tiġi rikonoxxuta l-effettività ta’ ċerti miżuri nazzjonali eżistenti, diġà adottati f’dan il-qasam ta’ politika, li wrew riżultati sodisfaċenti. Għalhekk, f’xi Stati Membri, diġà saru sforzi biex tiġi żgurata rappreżentanza aktar bilanċjata tan-nisa u l-irġiel fuq il-bordijiet permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri vinkolanti li huma kkunsidrati effettivi daqs dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Dawk l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jissospendu l-applikazzjoni tar-rekwiżiti stipulati f’din id-Direttiva relatati mal-għażla tal-kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni ta’ pożizzjonijiet ta’ direttur u, fejn rilevanti, dawk relatati mal-istabbiliment ta’ objettivi kwantitattivi individwali, dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet għal sospensjoni stabbiliti f’din id-Direttiva. F’każijiet bħal dawn, fejn l-Istati Membri jkunu introduċew tali miżuri vinkolanti permezz ta’ liġi nazzjonali, ir-regoli ta’ tqarrib stabbiliti f’din id-Direttiva fir-rigward tal-għadd speċifiku ta’ diretturi jenħtieġ li jiġu applikati mutatis mutandis għall-fini tal-valutazzjoni ta’ dawk il-miżuri nazzjonali skont din id-Direttiva. Fi Stat Membru fejn tali sospensjoni tkun tapplika, l-objettivi stipulati f’din id-Direttiva jenħtieġ li jitqiesu li ntlaħqu u għalhekk l-objettivi stipulati f’din id-Direttiva fir-rigward tad-diretturi mhux eżekuttivi jew id-diretturi kollha ma jissostitwixxux u ma jiġux miżjuda mal-miżuri nazzjonali rilevanti.

(46)

Bil-għan ukoll li jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fost diretturi involuti f’kompiti tal-maniġment ta’ kuljum, il-kumpanniji elenkati jenħtieġ li jkunu meħtieġa li jistabbilixxu objettivi kwantitattivi individwali rigward rappreżentanza aktar bilanċjata taż-żewġ sessi fost id-diretturi eżekuttivi, bil-għan li jinkisbu tali objettivi sad-data stabbilita f’din id-Direttiva. Dawk l-objettivi jenħtieġ li jgħinu lill-kumpanniji biex jiksbu progress tanġibbli meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali tagħhom. Dak l-obbligu jenħtieġ li ma japplikax għal kumpanniji elenkati li jilħqu l-objettiv ta’ 33 % rilevanti għad-diretturi kollha, kemm eżekuttivi kif ukoll dawk mhux eżekuttivi.

(47)

L-Istati Membri jenħtieġ li jobbligaw lill-kumpanniji elenkati, fuq bażi annwali, sabiex jipprovdu informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-ġeneru tal-bordijiet tagħhom u dwar il-miżuri li ttieħdu bil-għan li jinkisbu l-objettivi stipulati f’din id-Direttiva, lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jippermettulhom jivvalutaw il-progress magħmul minn kull kumpannija elenkata lejn il-kisba tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost id-diretturi. Il-kumpanniji elenkati jenħtieġ li jippubblikaw tali informazzjoni b’mod xieraq u faċilment aċċessibbli fuq is-siti web tagħhom u jinkluduha fir-rapporti annwali tagħhom. Fejn kumpannija elenkata ma tkunx kisbet l-objettivi kwantitattivi applikabbli, din jenħtieġ li tinkludi f’tali informazzjoni deskrizzjoni tal-miżuri konkreti li hija tkun ħadet jew li biħsiebha tieħu fil-futur sabiex tikseb l-objettivi stipulati f’din id-Direttiva. Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn u duplikazzjoni tal-isforzi, l-informazzjoni dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet li għandha tiġi rrapportata skont din id-Direttiva jenħtieġ li tifforma parti, fejn applikabbli, mid-dikjarazzjoni ta’ governanza korporattiva ta’ kumpanniji elenkati, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni applikabbli u, b’mod partikolari mad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Fejn l-Istati Membri jkunu ssospendew l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 skont l-Artikolu 12, l-obbligi ta’ rappurtar stabbiliti f’din id-Direttiva jenħtieġ li ma japplikawx, dment li l-liġi nazzjonali ta’ dawk l-Istati Membri tipprovdi għal obbligi ta’ rappurtar li jiżguraw li l-informazzjoni rigward il-progress magħmul minn kumpanniji elenkati lejn il-kisba ta’ rappreżentanza aktar bilanċjata tan-nisa u l-irġiel fuq il-bordijiet tagħhom tiġi ppubblikata regolarment.

(48)

Ir-rekwiżiti relatati mal-għażla ta’ kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni għall-pożizzjonijiet ta’ direttur, l-obbligu li jiġi stabbilit objettiv kwantitattiv b’rabta mad-diretturi eżekuttivi u l-obbligi ta’ rappurtar jenħtieġ li jkunu infurzati b’penali li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, u l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji adegwati jkunu disponibbli għal dak il-għan. Tali penali jistgħu jinkludu multi jew il-possibbiltà li korp ġudizzjarju jannulla deċiżjoni li tikkonċerna l-għażla tad-diretturi jew li jiddikjaraha nulla u mingħajr effett. Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali dwar l-impożizzjoni ta’ penali, dment li l-kumpanniji elenkati jkunu konformi ma’ dawk l-obbligi, jenħtieġ li dawn ma jiġux ippenalizzati talli ma jkunx irnexxielhom jilħqu l-objettivi kwantitattivi li jikkonċernaw ir-rappreżentazzjoni tan-nisa u l-irġiel fost id-diretturi. Jenħtieġ li l-penali ma jiġux applikati għall-kumpanniji elenkati stess jekk taħt il-liġi nazzjonali azzjoni jew ommissjoni partikolari ma tkunx attribwibbli lill-kumpannija, iżda lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn bħal azzjonisti individwali. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li japplikaw penali għajr dawk elenkati fil-lista mhux eżawrjenti ta’ penali stabbiliti f’din id-Direttiva, speċjalment f’każijiet ta’ ksur serju u ripetut minn kumpannija elenkata relatata mal-obbligi stipulati minn din id-Direttiva. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li, fit-twettiq ta’ kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet, il-kumpanniji elenkati jikkonformaw mal-obbligi applikabbli relatati mal-liġi soċjali u tax-xogħol, f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.

(49)

L-Istati Membri jew il-kumpanniji elenkati jenħtieġ li jkunu jistgħu jintroduċu jew iżommu miżuri aktar favorevoli biex tiġi żgurata rappreżentazzjoni iktar ibbilanċjata tan-nisa u l-irġiel.

(50)

L-Istati Membri jenħtieġ li jaħtru korpi għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tal-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet. Barra minn hekk, kampanji ta’ informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aqwa prattiki jkunu jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għas-sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjoni fost il-kumpanniji elenkati kollha u jinkoraġġuhom jilħqu bilanċ bejn il-ġeneri b’mod proattiv. B’mod partikolari, l-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu politika biex isostnu u jinċentivaw lill-SMEs biex itejbu b’mod sinifikanti il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli maniġerjali kollha u fuq il-bordijiet.

(51)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta. B’mod partikolari, tikkontribwixxi għat-twettiq tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (l-Artikolu 23 tal-Karta) u l-libertà professjonali u d-dritt għax-xogħol (l-Artikolu 15 tal-Karta). Din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali (l-Artikolu 47 tal-Karta). Il-limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju tal-libertà ta’ intrapriża (l-Artikolu 16 tal-Karta) u d-dritt għall-proprjetà (l-Artikolu 17(1) tal-Karta) jirrispettaw l-essenza ta’ dik il-libertà u ta’ dak id-dritt u huma neċessarja u proporzjonati. Huwa possibbli li jsiru limitazzjonijiet biss jekk ikunu ġenwinament jilħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn.

(52)

Filwaqt li xi Stati Membri ħadu azzjoni regolatorja jew inkoraġġew l-awtoregolamentazzjoni b’riżultati mħalltin, il-parti l-kbira tal-Istati Membri ma ħadux azzjoni jew indikaw ir-rieda tagħhom li jaġixxu b’mod li jwassal għal titjib suffiċjenti. Projezzjonijiet ibbażati fuq analiżi komprensiva tal-informazzjoni kollha disponibbli dwar ix-xejriet tal-imgħoddi u dawk attwali u l-intenzjonijiet juru li Stat Membri li jaġixxu individwalment mhux ser jiksbu rappreżentazzjoni bbilanċjata tan-nisa u l-irġiel fost id-diretturi fl-Unjoni kollha f’konformità mal-objettivi stipulati f’din id-Direttiva fi kwalunkwe punt fil-futur prevedibbli. In-nuqqas ta’ azzjoni f’dan il-qasam inaqqas ir-ritmu tat-tfittxija tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol b’mod aktar ġenerali, inkluż f’termini ta’ tnaqqis tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, li tirriżulta parzjalment minn segregazzjoni vertikali. Fid-dawl ta’ dawk iċ-ċirkostanzi u minħabba d-diskrepanzi li dejjem qed jikbru bejn l-Istati Membri f’termini tar-rappreżentazzjoni tan-nisa u l-irġiel fuq il-bordijiet, il-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet fl-Unjoni kollha jista’ jittejjeb biss permezz ta’ approċċ komuni, u l-potenzjal għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-kompetittività u t-tkabbir jista’ jintlaħaq aħjar permezz ta’ azzjoni koordinata fil-livell tal-Unjoni aktar milli permezz ta’ inizjattivi nazzjonali ta’ kamp ta’ applikazzjoni, ambizzjoni u effikaċja varjabbli. Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-kisba ta’ rappreżentanza aktar ibbilanċjata ta’ nisa u rġiel fost id-diretturi ta’ kumpanniji elenkati billi jiġu stabbiliti miżuri effettivi li għandhom l-għan li jgħaġġlu l-progress lejn il-bilanċ bejn il-ġeneri, filwaqt li l-kumpanniji elenkati jkollhom biżżejjed żmien biex jagħmlu l-arranġament neċessarji għal dak il-għan, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva hija limitata għall-iffissar ta’ għanijiet u prinċipji komuni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb dak l-objettiv. L-Istati Membri huma mogħtija biżżejjed libertà biex jiddeterminaw kif l-objettivi stipulati f’din id-Direttiva jenħtieġ li jinkisbu l-aħjar meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali, b’mod partikolari r-regoli u l-prattiki li jikkonċernaw ir-reklutaġġ fuq il-bordijiet. Din id-Direttiva ma tinterferixxix mal-possibbiltà li l-kumpanniji elenkati jaħtru d-diretturi l-aktar ikkwalifikati, u toffri qafas flessibbli u tipprovdi għal perjodu twil biżżejjed ta’ adattament.

(53)

L-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili sabiex jinfurmawhom b’mod effiċjenti dwar is-sinifikat, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(54)

F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-objettivi li jridu jintlaħqu mill-kumpanniji elenkati jenħtieġ li jkun limitat fiż-żmien u jenħtieġ li jibqa’ fis-seħħ biss sakemm isir progress sostenibbli dwar il-kompożizzjoni tal-ġeneri tal-bordijiet. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina regolarment l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Barra minn hekk, din id-Direttiva tipprevedi data li fiha tiskadi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina, fir-rieżami tagħha, jekk hemmx il-ħtieġa li testendi t-tul taż-żmien ta’ din id-Direttiva lil hinn minn dik id-data.

(55)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni tat-28 ta’ Settembru 2011 dwar dokumenti ta’ spjegazzjoni, (12) l-Istati Membri impenjaw irwieħhom li jakkumpanjaw, f’każijiet iġġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Għan

Din id-Direttiva għandha l-għan li tikseb rappreżentazzjoni aktar ibbilanċjata tan-nisa u l-irġiel fost id-diretturi ta’ kumpanniji elenkati billi tistabbilixxi miżuri effettivi li għandhom l-għan li jgħaġġlu l-progress lejn il-bilanċ bejn il-ġeneri, filwaqt li tħalli lill-kumpanniji elenkati biżżejjed żmien biex jagħmlu l-arranġamenti neċessarji għal dak il-fini.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva tapplika għal kumpanniji elenkati. Din id-Direttiva ma tapplikax għal impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“kumpannija elenkata” tfisser kumpannija li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru u li l-ishma tagħha huma ammessi għan-negozjar f’suq regolat fit-tifsira tal-Artikolu 4(1), il-punt (21), tad-Direttiva 2014/65/UE fi Stat Membru wieħed jew aktar;

(2)

“bord” tfisser korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta’ kumpannija elenkata;

(3)

“direttur” tfisser membru ta’ bord, inkluż membru li huwa rappreżentant tal-impjegati;

(4)

“direttur eżekuttiv” tfisser membru ta’ bord unitarju li hu involut fil-maniġment ta’ kuljum ta’ kumpannija elenkata jew, fil-każ ta’ sistema b’żewġ bordijiet, membru tal-bord li jwettaq il-funzjonijiet ta’ maniġment ta’ kumpannija elenkata;

(5)

“direttur mhux eżekuttiv” tfisser membru ta’ bord unitarju li mhux direttur eżekuttiv jew, fil-każ ta’ sistema b’żewġ bordijiet, membru tal-bord li jwettaq il-funzjonijiet superviżorji ta’ kumpannija elenkata;

(6)

“bord unitarju” tfisser bord uniku li jwettaq kemm il-funzjonijiet maniġerjali kif ukoll dawk superviżorji ta’ kumpannija elenkata;

(7)

“sistema b’żewġ bordijiet” tfisser sistema li fiha l-funzjonijiet maniġerjali u superviżorji ta’ kumpannija elenkata jitwettqu minn bordijiet separati;

(8)

“intrapriża mikro, żgħira u ta’ daqs medju” jew “SME” tfisser kumpannija li timpjega inqas minn 250 persuna u li għandha fatturat annwali li ma jaqbiżx EUR 50 miljun, jew total annwali tal-karta tal-bilanċ li ma jaqbiżx EUR 43 miljun, jew, għal SME li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru li l-munita tiegħu ma tkunx l-ewro, l-ammonti ekwivalenti fil-munita ta’ dak l-Istat Membru.

Artikolu 4

Liġi applikabbli

L-Istat Membru kompetenti biex jirregola materji koperti minn din id-Direttiva fir-rigward ta’ kumpannija elenkata partikolari għandu jkun l-Istat Membru fejn dik il-kumpannija jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha. Il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

Artikolu 5

Objettivi fir-rigward ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fuq bordijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanniji elenkati jkunu soġġetti għal wieħed mill-objettivi li ġejjin, li għandhom jintlaħqu sat-30 ta’ Ġunju 2026:

(a)

il-membri tas-sess sottorappreżentat ikollhom mill-inqas 40 % tal-pożizzjonijiet ta’ direttur mhux eżekuttiv;

(b)

il-membri tas-sess sottorappreżentat ikollhom mill-inqas 33 % tal-pożizzjonijiet kollha ta’ diretturi, inkluż diretturi eżekuttivi u mhux eżekuttivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanniji elenkati li ma jkunux soġġetti għall-objettiv stipulat fil-paragrafu 1, il-punt (b), jistabbilixxu objettivi kwantitattivi individwali bil-ħsieb li jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fost id-diretturi eżekuttivi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali kumpanniji elenkati jkollhom l-għan li jiksbu tali objettivi kwantitattivi individwali sat-30 ta’ Ġunju 2026.

3.   L-għadd ta’ pożizzjonijiet ta’ direttur mhux eżekuttiv meqjus neċessarju sabiex jinkiseb l-objettiv stipulat fil-paragrafu 1, il-punt (a), għandu jkun l-għadd l-eqreb lejn il-proporzjon ta’ 40 %, iżda li ma jaqbiżx 49 %. L-għadd tal-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur meqjus neċessarju sabiex jintlaħaq l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (b), għandu jkun l-għadd l-eqreb lejn il-proporzjon ta’ 33 %, iżda li ma jaqbiżx 49 %. Dak l-għadd huwa mogħti fl-Anness.

Artikolu 6

Mezzi sabiex jinkisbu l-objettivi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanniji elenkati li ma jiksbux l-objettivi msemmija fl-Artikolu 5(1), il-punt (a) jew (b), kif applikabbli, jaġġustaw il-proċess tal-għażla tal-kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni għall-pożizzjonijiet ta’ direttur. Dawk il-kandidati għandhom jintgħażlu abbażi ta’ valutazzjoni komparattiva tal-kwalifiki ta’ kull kandidat. Għal dak il-fini, għandhom jiġu applikati kriterji ċari, ifformulati b’mod newtrali u mhux ambigwi b’mod mhux diskriminatorju matul il-proċess kollu tal-għażla, inkluż matul it-tħejjija ta’ avviżi ta’ postijiet battala, il-fażi ta’ preselezzjoni, il-fażi tat-tpoġġija fuq lista qasira u l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ għażla ta’ kandidati. Tali kriterji għandhom jiġu stabbiliti qabel dak il-proċess tal-għażla.

2.   Fir-rigward tal-għażla ta’ kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni għall-pożizzjonijiet ta’ direttur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jagħżlu bejn kandidati li huma ugwalment kwalifikati f’termini ta’ adegwatezza, kompetenza u prestazzjoni professjonali, tingħata prijorità lill-kandidat tas-sess sottorappreżentat sakemm, f’każijiet eċċezzjonali, raġunijiet ta’ piż legali akbar, bħat-twettiq ta’ politiki oħra dwar id-diversità, invokati fil-kuntest ta’ valutazzjoni oġġettiva li tqis is-sitwazzjoni speċifika ta’ kandidat tas-sess l-ieħor u li hija bbażata fuq kriterji mhux diskriminatorji, ixaqilbu l-bilanċ favur il-kandidat tas-sess l-ieħor.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq talba ta’ kandidat li jkun ġie kkunsidrat matul l-għażla ta’ kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni għall-pożizzjoni ta’ direttur, il-kumpanniji elenkati huma obbligati jgħarrfu lil dak il-kandidat b’dan li ġej:

(a)

il-kriterji tal-kwalifiki li kienu l-bażi tal-għażla;

(b)

il-valutazzjoni komparattiva oġġettiva tal-kandidati skont dawk il-kriterji; u

(c)

fejn rilevanti, il-kunsiderazzjonijiet speċifiċi li eċċezzjonalment xaqilbu l-bilanċ favur kandidat li mhux mis-sess sottorappreżentat.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji, skont is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, biex jiżguraw li fejn kandidat li ma ġiex aċċettat u li jkun mis-sess sottorappreżentat jistabbilixxi fatti, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, li minnhom jista’ jiġi preżunt li dak il-kandidat kien kwalifikat daqs il-kandidat tas-sess l-ieħor li ntgħażel għall-ħatra jew l-elezzjoni għall-pożizzjoni ta’ direttur, għandha tkun il-kumpannija elenkata li tipprova li ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 6(2).

Dan il-paragrafu ma għandux iżomm lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta’ prova li huma aktar favorevoli għar-rikorrenti.

5.   Fejn il-proċess tal-għażla ta’ kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni għall-pożizzjoni ta’ direttur isir permezz ta’ votazzjoni tal-azzjonisti jew l-impjegati, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpanniji elenkati jiżguraw li l-votanti jkunu infurmati kif xieraq dwar il-miżuri previsti f’din id-Direttiva, inkluż penali f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità min-naħa tal-kumpannija elenkata.

Artikolu 7

Rapportar

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li kumpanniji elenkati jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti, darba fis-sena, dwar ir-rappreżentazzjoni tal-ġeneri fuq il-bordijiet tagħhom, b’distinzjoni bejn diretturi eżekuttivi u mhux eżekuttivi, u dwar il-miżuri meħuda bil-għan li jinkisbu l-objettivi applikabbli stipulati fl-Artikoli 5(1) u, fejn applikabbli, l-objettivi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 5(2). L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpanniji elenkati jippubblikaw dik l-informazzjoni b’mod xieraq u aċċessibbli faċilment fuq is-siti web tagħhom. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw u jaġġornaw regolarment, b’mod faċilment aċċessibbli u ċentralizzat, lista tal-kumpanniji elenkati li jkunu kisbu kwalunkwe wieħed mill-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 5(1).

2.   Meta kumpannija elenkata ma tkunx kisbet wieħed mill-objettivi stipulati fl-Artikolu 5(1) jew, fejn applikabbli, l-objettivi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 5(2), l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tinkludi r-raġunijiet għalfejn objettivi ma nkisbux u deskrizzjoni komprensiva tal-miżuri li l-kumpannija elenkata diġà ħadet jew biħsiebha tieħu sabiex tiksibhom.

3.   Fejn applikabbli, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi inkluża wkoll fid-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva tal-kumpannija, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2013/34/UE.

4.   L-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw fi Stat Membru li jkun issospenda l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 skont l-Artikolu 12 fejn il-liġi nazzjonali tipprovdi għal obbligi ta’ rappurtar li jiżguraw il-pubblikazzjoni regolari ta’ informazzjoni rigward il-progress li sar minn kumpanniji elenkati lejn rappreżentanza aktar bilanċjata tan-nisa u l-irġiel fuq il-bordijiet tagħhom.

Artikolu 8

Penali u miżuri addizzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli għall-ksur minn kumpanniji elenkati tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikolu 5(2) u l-Artikoli 6 u 7, kif applikabbli, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi jkunu disponibbli l-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji adegwati sabiex ikun possibbli li jiġu infurzati l-obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Tali penali jistgħu jkunu jinvolvu multi jew il-possibbiltà li korp ġudizzjarju jannulla deċiżjoni li tikkonċerna l-għażla tad-diretturi magħmula b’mod kuntrarju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikolu 6 jew li jiddikjaraha nulla u mingħajr effett. L-Istati Membri għandhom sat-28 ta’ Diċembru 2024, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli jew b’dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

2.   Kumpanniji elenkati jistgħu jinżammu responsabbli biss għal atti jew ommissjonijiet li jistgħu jiġu attribwiti lilhom skont il-liġi nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fit-twettiq ta’ kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet, il-kumpanniji elenkati jikkonformaw mal-obbligi applikabbli relatati mal-liġi soċjali u tax-xogħol, f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni.

Artikolu 9

Rekwiżiti minimi

L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli minn dawk stipulati f’din id-Direttiva biex tiġi żgurata rappreżentazzjoni iktar ibbilanċjata tan-nisa u l-irġiel fir-rigward ta’ kumpanniji elenkati inkorporati fit-territorju nazzjonali tagħhom.

Artikolu 10

Korpi għall-promozzjoni tal-bilanċ bejn il-ġeneri f’kumpanniji elenkati

L-Istati Membri għandhom jaħtru korp wieħed jew aktar għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tal-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet. Għal dak il-fini, l-Istati Membri jistgħu jaħtru, pereżempju, l-korpi dwar l-ugwaljanza li huma ħatru skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

Artikolu 11

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-28 ta’ Diċembru 2024 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi għat-twettiq ta’ tali referenza għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri li issospendew l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6 skont l-Artikolu 12 għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li turi li l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 12 ikunu ssodisfati.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 12

Sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6

1.   Stat Membru jista’ jissospendi l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 u, fejn rilevanti, l-Artikolu 5(2), fejn, sas-27 ta’ Diċembru 2022, ikunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin f’dak l-Istat Membru:

(a)

il-membri tas-sess sottorappreżentat ikollhom mill-inqas 30 % tal-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur mhux eżekuttiv jew mill-inqas 25 % tal-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur fil-kumpanniji elenkati; jew

(b)

il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru:

(i)

teżiġi li l-membri tas-sess sottorappreżentat ikollhom mill-inqas 30 % tal-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur mhux eżekuttiv jew mill-inqas 25 % tal-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur f’kumpanniji elenkati;

(ii)

tinkludi miżuri ta’ infurzar effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ tan-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-punt (i); u

(iii)

tirrikjedi li l-kumpanniji elenkati kollha mhux koperti minn dik il-liġi nazzjonali jistabbilixxu objettivi kwantitattivi individwali għall-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur.

Fejn Stat Membru jkun issospenda l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 u, fejn rilevanti, l-Artikolu 5(2) abbażi ta’ kwalunkwe waħda mill-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-objettivi stipulati fl-Artikolu 5(1) għandhom jitqiesu li nkisbu f’dak l-Istat Membru.

2.   Għall-fini tal-valutazzjoni tal-issodisfar tal-kondizzjonijiet għal sospensjoni abbażi tal-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) jew (b), l-għadd ta’ pożizzjonijiet ta’ direttur meħtieġ għandu jkun l-eqreb għadd għall-proporzjon ta’ 30 % ta’ diretturi mhux eżekuttivi jew 25 % tal-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur, iżda mhux aktar minn 39 %. Dak għandu jkun ukoll il-każ fejn, skont il-liġi nazzjonali, l-objettivi kwantitattivi stipulati fl-Artikolu 5 jiġu applikati separatament għar-rappreżentanti tal-azzjonisti u tal-impjegati.

3.   Fejn, fi Stat Membru li jkun issospenda l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 u, fejn rilevanti, l-Artikolu 5(2) skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jibqgħux jiġu ssodisfati, l-Artikolu 6 u, fejn rilevanti, l-Artikolu 5(2) għandhom japplikaw mhux aktar tard minn sitt xhur wara li tali kondizzjonijiet ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

Artikolu 13

Rieżami

1.   Sad-29 ta’ Diċembru 2025, u kull sentejn wara, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Tali rapport għandu jinkludi informazzjoni komprensiva dwar il-miżuri meħuda bil-għan li jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 5(1), informazzjoni pprovduta f’konformità mal-Artikolu 7 u, fejn applikabbli, informazzjoni rappreżentattiva dwar objettivi kwantitattivi individwali stabbiliti minn kumpanniji elenkati skont l-Artikolu 5(2).

2.   L-Istati Membri li jkunu ssospendew l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 u, fejn rilevanti, l-Artikolu 5(2) skont l-Artikolu 12 għandhom jinkludu fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu informazzjoni li turi jekk u kif il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12 huma ssodisfati u jekk huma humiex qed ikomplu jagħmlu progress lejn rappreżentanza aktar bilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fost il-pożizzjonijiet ta’ diretturi mhux eżekuttivi jew il-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur f’kumpanniji elenkati.

Sad-29 ta’ Diċembru 2026, u kull sentejn wara dan, il-Kummissjoni għandha toħroġ rapport speċifiku li jaċċerta, fost l-oħrajn, jekk u kif il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 12(1) huma ssodisfati u, kif applikabbli, jekk l-Istati Membri reġgħux bdew japplikaw l-Artikolu 6 u l-Artikolu 5(2), f’konformità mal-Artikolu 12(3).

3.   Sal-31 ta’ Diċembru 2030, u kull sentejn wara, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tevalwa b’mod partikolari jekk l-objettivi ta’ din id-Direttiva nkisbux.

4.   Fir-rapport tagħha msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk, fid-dawl tal-iżviluppi fir-rappreżentanza tan-nisa u tal-irġiel fil-bordijiet f’livelli differenti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fl-ekonomija kollha u b’kont meħud ta’ jekk il-progress li sar huwiex sostenibbli biżżejjed, din id-Direttiva hijiex strument effiċjenti u effettiv biex jiżdied il-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet tal-kumpanniji. Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis jekk hemmx bżonn li tiġi estiża d-durata ta’ din id-Direttiva lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2038 jew jekk hemmx bżonn li tiġi emendata, pereżempju billi jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal kumpanniji mhux elenkati li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ SMEs jew billi jiġu riveduti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) sabiex jiġi żgurat progress kontinwu lejn rappreżentanza aktar bilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fost il-pożizzjonijiet ta’ diretturi eżekuttivi u mhux eżekuttivi jew il-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur f’kumpanniji elenkati.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ u skadenza

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2038.

Artikolu 15

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Novembru 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  ĠU C 133, 9.5.2013, p. 68.

(2)  ĠU C 218, 30.7.2013, p. 33.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Novembru 2013 (ĠU C 436, 24.11.2016, p. 225) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-17 ta’ Ottubru 2022 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ottubru 2022 (ĠU C 433, 15.11.2022, p. 14).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 84/635/KEE tat-13 ta’ Diċembru 1984 dwar il-promozzjoni ta’ azzjoni pożittiva għan-nisa (ĠU L 331, 19.12.1984, p. 34).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 96/694/KE tat-2 ta’ Diċembru 1996 dwar is-sehem bilanċjat tan-nisa u l-irġiel fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet (ĠU L 319, 10.12.1996, p. 11).

(6)  https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2021/05/08/the-porto-declaration/

(7)  Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).

(8)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-intrapriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja f’ċerti intrapriżi (ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17).

(9)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1995, Kalanke v Freie Hansestadt Bremen, C-450/93, ECLI:EU:C:1995:322; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, Marschall v Land Nordrhein-Westfalen, C-409/95, ECLI:EU:C:1997:533; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 2000, Badeck u Oħrajn, C-158/97, ECLI:EU:C:2000:163; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Lulju 2000, Abrahamsson u Anderson, C-407/98, ECLI:EU:C:2000:367.

(10)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(11)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(12)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(13)  Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).


ANNESS

OBJETTIVI NUMERIĊI TA’ DIRETTURI TAS-SESS SOTTORAPPREŻENTAT

Għadd ta’ pożizzjonijiet fuq il-bord

Għadd minimu ta’ diretturi mhux eżekuttivi tas-sess sottorappreżentat neċessarju sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ 40 % (Artikolu 5(1), il-punt (a))

Għadd minimu ta’ diretturi tas-sess sottorappreżentat neċessarju sabiex jinkiseb l-objettiv ta’ 33 % (Artikolu 5(1), il-punt (b))

1

-

-

2

-

-

3

1 (33,3  %)

1 (33,3  %)

4

1 (25  %)

1 (25  %)

5

2 (40  %)

2 (40  %)

6

2 (33,3  %)

2 (33,3  %)

7

3 (42,9  %)

2 (28,6  %)

8

3 (37,5  %)

3 (37,5  %)

9

4 (44,4  %)

3 (33,3  %)

10

4 (40  %)

3 (30  %)

11

4 (36,4  %)

4 (36,4  %)

12

5 (41,7  %)

4 (33,3  %)

13

5 (38,4  %)

4 (30,8  %)

14

6 (42,9  %)

5 (35,7  %)

15

6 (40  %)

5 (33,3  %)

16

6 (37,5  %)

5 (31,3  %)

17

7 (41,2  %)

6 (35,3  %)

18

7 (38,9  %)

6 (33,3  %)

19

8 (42,1  %)

6 (31,6  %)

20

8 (40  %)

7 (35  %)

21

8 (38,1  %)

7 (33,3  %)

22

9 (40,1  %)

7 (31,8  %)

23

9 (39,1  %)

8 (34,8  %)

24

10 (41,7  %)

8 (33,3  %)

25

10 (40  %)

8 (32  %)

26

10 (38,5  %)

9 (34,6  %)

27

11 (40,7  %)

9 (33,3  %)

28

11 (39,3  %)

9 (32,1  %)

29

12 (41,4  %)

10 (34,5  %)

30

12 (40  %)

10 (33,3  %)