|
1.8.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 201/63 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1341
tat-23 ta’ Ġunju 2022
dwar ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni volontarji għat-tagħmir tar-raġġi X użat fl-ispazji pubbliċi (barra l-avjazzjoni)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ħlief għall-qasam tal-avjazzjoni ċivili, il-liġi tal-Unjoni ma tipprevedix, fil-preżent, rekwiżiti ta’ prestazzjoni armonizzati għat-tagħmir tar-raġġi X użat għad-detezzjoni fi spazji pubbliċi. Tali rekwiżiti jvarjaw bejn l-Istati Membri, u dan iwassal għal livelli irregolari u mhux dejjem għoljin biżżejjed ta’ protezzjoni tal-pubbliku ġenerali kontra t-theddid għas-sigurtà. It-terroristi u kriminali oħra jistgħu jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet li jirriżultaw, inkluż biex jagħmlu attakki fuq il-palk jew iwettqu attivitajiet kriminali oħra fl-Istati Membri b’livell aktar baxx ta’ sigurtà fl-ispazji pubbliċi. |
|
(2) |
L-attakki terroristiċi mwettqa madwar l-Unjoni f’dawn l-aħħar snin seħħew b’mod predominanti fi spazji pubbliċi, immirati lejn membri tal-pubbliku ġenerali. Sabiex jingħata kontribut għal livell għoli biżżejjed ta’ protezzjoni kontra attakki terroristiċi u theddid għas-sigurtà fi spazji pubbliċi madwar l-Unjoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti ta’ prestazzjoni volontarji għat-tagħmir tar-raġġi X fil-livell tal-Unjoni. |
|
(3) |
It-tagħmir ta’ detezzjoni, inkluż it-tagħmir tar-raġġi X, użat fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili huwa soġġett għal rekwiżiti dettaljati stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8005 (1). Dawk ir-rekwiżiti huma definiti sew u joffru livell għoli u konsistenti ta’ protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili. Għalhekk, dak il-qasam ma għandux ikun kopert minn din ir-Rakkomandazzjoni. Barra minn hekk, fl-interess taċ-ċarezza, jenħtieġ li jiġi ċċarat li din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-atti tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-aspetti tas-sikurezza tat-tagħmir tar-raġġi X. |
|
(4) |
Fl-aġenda Kontra t-Terroriżmu għall-UE (2), il-Kummissjoni impenjat ruħha li tappoġġa l-iżvilupp ta’ rekwiżiti volontarji għal teknoloġiji ta’ detezzjoni biex tiżgura li dawn jidentifikaw it-theddid għas-sigurtà li jeħtieġu li jidentifikaw, filwaqt li jippreservaw il-mobbiltà tan-nies. B’segwitu għal dan l-impenn, il-Kummissjoni stabbiliet il-Grupp ta’ Ħidma Tekniku dwar ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni tad-detezzjoni, magħmul minn esperti, manifatturi u uffiċjali tal-Istati Membri minn għadd ta’ servizzi tal-Kummissjoni, u talbitu jassisti fl-iżvilupp ta’ rekwiżiti tal-prestazzjoni volontarji għat-tagħmir tar-raġġi X fil-livell tal-Unjoni. Din ir-Rakkomandazzjoni, u b’mod partikolari r-rekwiżiti volontarji li jinsabu fiha relatati mad-dokumentazzjoni tal-prodott u l-prestazzjoni tar-raġġi X, hija bbażata fuq il-ħidma preparatorja mwettqa minn dan il-grupp ta’ ħidma. |
|
(5) |
Ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni volontarji li jinsabu f’din ir-Rakkomandazzjoni għandhom jintużaw mill-Istati Membri fl-akkwist pubbliku ta’ tagħmir tar-raġġi X maħsub biex jintuża għad-detezzjoni ta’ theddid għas-sigurtà fl-ispazji pubbliċi. |
|
(6) |
Din ir-Rakkomandazzjoni, li ma għandha l-ebda forza vinkolanti, ma għandhiex tinftiehem bħala li tirrikjedi li l-Istati Membri jakkwistaw jew jużaw ċertu tagħmir partikolari tar-raġġi X għad-detezzjoni ta’ theddid għas-sigurtà fl-ispazji pubbliċi. Id-deċiżjonijiet dwar liema tagħmir għandu jiġi akkwistat jew użat fi spazju pubbliku partikolari għandhom ikomplu jittieħdu esklussivament mill-Istati Membri, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. Jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni pjuttost ikollha l-għan li tippromwovi l-użu tar-rekwiżiti tal-prestazzjoni volontarji li jinsabu f’din ir-Rakkomandazzjoni fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ akkwist tal-Istati Membri biex tikkontribwixxi għall-kisba ta’ prestazzjoni ekwivalenti u għolja ta’ detezzjoni ta’ theddid għas-sigurtà minn tagħmir tar-raġġi X użat mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fi spazji pubbliċi madwar l-Unjoni. |
|
(7) |
Ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni volontarji li jinsabu f’din ir-Rakkomandazzjoni ma għandhomx jinftiehmu bħala li huma maħsuba biex jissostitwixxu l-istandards nazzjonali tal-prestazzjoni għat-tagħmir tar-raġġi X, fejn jeżistu standards nazzjonali bħal dawn. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li japplikaw, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, rekwiżiti ta’ prestazzjoni aktar stretti għat-tagħmir tar-raġġi X użat biex jiġi identifikat theddid għas-sigurtà fl-ispazji pubbliċi. |
|
(8) |
Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tinċentiva indirettament lill-manifatturi biex jikkonformaw mar-rekwiżiti fil-produzzjoni futura tat-tagħmir tar-raġġi X. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikjedu fid-dokument tal-akkwist għat-tagħmir tar-raġġi X li jintuża għad-detezzjoni tat-theddid għas-sigurtà fl-ispazji pubbliċi li l-offerenti jinkludu fl-offerta d-dokumentazzjoni tal-prodott u d-dikjarazzjoni tal-konformità abbażi tal-metodoloġija tal-manifattur stess biex tintwera l-konformità tat-tagħmir tar-raġġi X mar-rekwiżiti tal-prestazzjoni volontarji li jinsabu f’din ir-Rakkomandazzjoni. |
|
(9) |
L-użu ta’ tagħmir tar-raġġi X fi spazji pubbliċi jista’ joħloq sfidi mill-perspettiva tad-drittijiet għall-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali. Huwa ta’ importanza kruċjali fir-rigward tal-attivitajiet kollha marbuta mal-użu tat-tagħmir tar-raġġi X inkwistjoni, inkluż l-akkwist u l-operat tat-tagħmir u kwalunkwe attività ta’ pproċessar sussegwenti, li tiġi limitata kemm jista’ jkun l-intrużività u, fi kwalunkwe każ, li tittieħed azzjoni f’konformità mal-atti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), id-Direttiva 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(10) |
B’kont meħud b’mod partikolari tal-iżviluppi teknoloġiċi rilevanti fil-qasam tad-detezzjoni ta’ theddid għas-sigurtà, ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni volontarji għat-tagħmir tar-raġġi X li jinsabu f’din ir-Rakkomandazzjoni għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni u aġġustamenti fejn meħtieġ. Il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-grupp ta’ ħidma tekniku dwar ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni tad-detezzjoni, għalhekk se ssegwi mill-qrib l-iżviluppi teknoloġiċi u żviluppi rilevanti oħra u tivvaluta regolarment il-ħtieġa għal aġġustamenti ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. |
|
(11) |
Fl-interess tal-effettività u t-trasparenza, l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jagħtu effett lil din ir-Rakkomandazzjoni u jippreżentaw rapport dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli. |
|
(12) |
Abbażi ta’ dawk ir-rapporti u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, il-Kummissjoni, wara perjodu ta’ żmien xieraq, se tivvaluta l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, bil-ħsieb, fost l-oħrajn, li tivvaluta jekk humiex meħtieġa atti legali tal-Unjoni b’saħħa vinkolanti dwar dan is-suġġett. |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
|
1. |
Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
|
2. |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikjedu fid-dokument tal-akkwist għat-tagħmir tar-raġġi X li jintuża għad-detezzjoni ta’ theddid għas-sigurtà fl-ispazji pubbliċi li l-offerent jinkludi fl-offerta d-dokumentazzjoni tal-prodott stabbilita fil-punt 1 tal-Anness. |
|
3. |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir tar-raġġi X li jakkwistaw għall-użu tad-detezzjoni tat-theddid għas-sigurtà fl-ispazji pubbliċi jikkonforma mar-rekwiżiti tal-prestazzjoni stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness, ħlief meta jaġixxu fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili. |
|
4. |
Fid-dokument tal-akkwist, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li t-tagħmir tar-raġġi X jintuża għad-detezzjoni tat-theddid għas-sigurtà fl-ispazji pubbliċi li l-offerent jinkludi fl-offerta dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-prestazzjoni li tinħareġ mill-manifattur, abbażi tal-metodoloġija tal-manifattur stess. |
|
5. |
Sat-23 ta’ Ġunju 2023, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jagħtu effett lil din ir-Rakkomandazzjoni. |
|
6. |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħhom sat-23 ta’ Diċembru 2023. |
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ġunju 2022.
Għall-Kummissjoni
Ylva JOHANSSON
Membru tal-Kummissjoni
(1) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8005 li tistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni li fihom it-tagħrif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008.
(2) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Aġenda Kontra t-Terroriżmu għall-UE: Antiċipazzjoni, Prevenzjoni, Protezzjoni, Rispons COM(2020) 795 final.
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(4) Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
ANNESS
Rekwiżiti tad-Dokumentazzjoni tal-Prodotti u tal-Prestazzjoni tar-raġġi X
It-termini u d-definizzjonijiet
Għall-għanijiet ta’ dan l-Anness, it-termini u t-tifsiriet li ġejjin japplikaw:
|
(1) |
“Kunċett ta’ operazzjonijiet (CONOPS)”: dokument li jiddeskrivi l-karatteristiċi tat-tagħmir u l-proċedura/i operattiva/i korretta/i; |
|
(2) |
“Allarm skur”: indikazzjoni viżwali ppreżentata lill-operatur meta t-tagħmir tar-raġġi X ma jkunx jista’ jippenetra kompletament oġġett skennjat (magħruf ukoll bħala “allarm tal-ilqugħ” jew “allarm skur”); |
|
(3) |
l-isfruttament tal-attenwazzjoni dipendenti fuq l-enerġija tar-raġġi X f’materjali differenti biex jiġi stmat l-għadd atomiku effettiv ta’ materjali skennjati, tipikament użati biex jiddiskriminaw bejn materjal organiku u inorganiku; |
|
(4) |
“Viżjoni doppja”: Tagħmir tar-raġġi X fejn id-detezzjoni tar-raġġi X hija implimentata f’żewġ angoli differenti ta’ mill-inqas 60° u mhux aktar minn 90° ta’ rotazzjoni biex jingħataw żewġ veduti simultanji ta’ oġġetti skenjati; |
|
(5) |
“Titjib tat-tarf”: filtru tal-ipproċessar tal-immaġni li jtejjeb il-kunflitt tat-tarf ta’ immaġni f’tentattiv biex tittejjeb l-akutezza apparenti tagħha; |
|
(6) |
“Numru atomiku effettiv”: numru reali (mhux sħiħ) li jiddeskrivi element uniku ipotetiku li juri attenwazzjoni tar-raġġi X simili ħafna għall-oġġett skennjat li jinkludi elementi differenti; |
|
(7) |
“Materjal inorganiku”: fil-kuntest tal-iskrinjar tas-sigurtà tar-raġġi X, materjal b’numru atomiku effettiv akbar minn 10; |
|
(8) |
“Veduta multipla”: Tagħmir tar-raġġi X fejn id-detezzjoni tar-raġġi X tiġi implimentata f’angoli differenti biex tagħti fehmiet simultanji differenti ta’ oġġetti skennjati; |
|
(9) |
“Materjal organiku”: fil-kuntest tal-iskrinjar tas-sigurtà tar-raġġi X, materjal b’numru atomiku effettiv ta’ inqas minn 10; |
|
(10) |
“Projezzjoni ta’ immaġni ta’ theddid (Threat image projection, TIP)”: funzjoni ta’ software użata fl-iskrinjar bir-raġġi X biex jiġi amalgamat sken irreġistrat minn qabel ta’ oġġett ta’ theddida bi sken operazzjonali biex tinħoloq immaġni kkombinata realistika li tiġi ppreżentata lill-operatur kważi f’ħin reali. |
1. Dokumentazzjoni tal-Prodott
It-tagħmir tar-raġġi X li għandu jintuża għad-detezzjoni tat-theddid għas-sigurtà fl-ispazji pubbliċi għandu jiġi pprovdut flimkien mad-dokumentazzjoni (f’forma stampata u/jew elettronika) li jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:
1.1. Dimensjonijiet fiżiċi tat-tagħmir
|
— |
id-dimensjoni globali għandha tiġi espressa bħala tul (L) x wisa’ (W) x għoli (H) f’millimetri (mm); |
|
— |
id-daqs tal-mina għandu jiġi espress bħala tul (L) x wisa’ (W) f’mm; |
|
— |
id-daqs massimu tal-oġġett li jista’ jiġi skennjat għandu jiġi espress bħala tul (L) x wisa’ (W) f’mm; |
|
— |
it-tagħbija massima tat-trasportatur għandha tkun imqassma b’mod ugwali u espressa f’kilogrammi (kg); |
|
— |
l-għoli tal-konvejer (H) għandu jkun espress f’mm. |
1.2. Il-piż tat-tagħmir
Il-piż totali tat-tagħmir tar-raġġi X għandu jiġi espress f’kilogrammi (kg). Il-piż tat-tagħmir għandu jikkunsidra biss il-ħardwer tar-raġġi X u ma jinkludix elementi addizzjonali, bħal ċinturin tal-konvejer.
1.3. Throughput
It-throughput għandu jiġi espress bħala l-veloċità tal-konvejer f’metri kull sekonda (m/s).
1.4. Provvista u konsum tal-enerġija
|
— |
il-provvista tal-enerġija tat-tagħmir tar-raġġi X għandha tiġi espressa f’vultaġġ ta’ kurrent alternanti (VAC) b’tolleranza ta’ ± 10 %; |
|
— |
il-konsum tal-enerġija għandu jiġi espress f’kilovolt-ampere (kVA). |
1.5. Ġeneratur tar-raġġi X
|
— |
in-numru ta’ ġeneraturi għandu jiġi indikat (eż. singolu, doppju, multiplu); |
|
— |
il-vultaġġ tal-anodu għandu jiġi espress f’kilovolt (kV); |
|
— |
il-kurrent tar-raġġ għandu jiġi espress f’milliampere (mA); |
|
— |
is-sistema tat-tkessiħ għandha tiġi deskritta (eż. banju taż-żejt issiġillat b’arja sfurzata). |
1.6. Qawwa f’IP:
Il-klassifikazzjoni tal-IP skont l-IEC 60529 għandha tiġi rrapportata.
1.7. L-ambjent operazzjonali
|
— |
it-temperatura tat-tħaddim għandha tiġi espressa fi grad Celsius (°C); |
|
— |
it-temperatura tal-ħżin għandha tiġi espressa fi grad Celsius (°C); |
|
— |
l-umdità għandha tiġi espressa fil-firxa f’% (mingħajr kondensazzjoni). |
1.8. Sistema ta’ ġarr
Għandu jiġi indikat jekk it-tagħmir jinkludix sistema ta’ ġarr.
1.9. Projezzjoni ta’ immaġni ta’ theddid
Għandu jiġi indikat jekk is-sistema hijiex kapaċi tipprovdi funzjonalità ta’ projezzjoni ta’ immaġni ta’ theddid (TIP).
1.10. Rekwiżiti għall-immarkar CE
It-tagħmir għandu jiġi pprovdut bid-dokumentazzjoni rilevanti kollha biex juri l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE li tippermetti t-twaħħil tal-marka CE. Għandha tkun ir-responsabbiltà tal-manifatturi li jiddeterminaw liema regoli japplikaw għall-prodotti tagħhom. Id-dispożizzjonijiet rilevanti jistgħu jinkludu, pereżempju:
|
— |
Id-Direttiva 2006/42/KE dwar il-makkinarju |
|
— |
Id-Direttiva 2014/35/KE dwar il-vultaġġ baxx |
|
— |
Id-Direttiva 2014/30/UE dwar il-kompatibbiltà elettromanjetika |
1.11. Tnixxija ta’ radjazzjoni
It-tagħmir għandu jiġi pprovdut b’dikjarazzjoni ffirmata minn rappreżentant legali tal-manifattur li dan jissodisfa r-rekwiżiti kollha għall-esponiment okkupazzjonali u pubbliku għar-radjazzjoni jonizzanti skont id-Direttiva tal-Kunsill2013/59/Euratom dwar standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti.
1.12. Struzzjonijiet operattivi (kunċett ta’ operazzjonijiet)
Is-sistema għandha tiġi pprovduta bi struzzjonijiet operattivi, magħrufa wkoll bħala kunċett ta’ operazzjonijiet (CONOPS).
2. 2. Rekwiżiti ta’ Prestazzjoni tar-Raġġi X
It-tagħmir tar-raġġi X li għandu jintuża għad-detezzjoni ta’ theddid għas-sigurtà fl-ispazji pubbliċi għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ prestazzjoni li ġejjin:
2.1. Funzjonijiet għat-titjib tal-immaġni
It-tagħmir tar-raġġi X għandu jkollu l-funzjonijiet li ġejjin biex itejjeb l-immaġni użata fuq l-iskrin:
|
— |
il-kapaċità li jiżżumja għal tal-anqas darbtejn fuq kwalunkwe parti tal-immaġni; |
|
— |
il-funzjoni ta’ inverżjoni tal-vidjow sabiex ikun jista’ juri immaġni monokromatika bl-abjad muri bħala iswed, u bl-iswed muri bħala abjad; |
|
— |
karatteristika ta’ titjib fit-tarf. |
Kwalunkwe funzjoni magħżula għandha terġa’ tiġi ssettjata awtomatikament meta jintwera l-oġġett skrinjat li jmiss lill-operatur.
2.2. Allarmi skuri
It-tagħmir tar-raġġi X għandu jiġġenera allarmi skuri meta oġġetti skenjati ma jkunux jistgħu jiġu ppenetrati kompletament bir-raġġi X.
2.3. Imġiba tal-immappjar tal-kuluri
It-tagħmir tar-raġġi X għandu jiddistingwi bejn materjali inorganiċi u organiċi billi jurihom b’kuluri differenti. It-tagħmir tar-raġġi X għandu jkollu l-funzjonijiet ta’ immaġni li ġejjin biex jiddistingwi bejn materjali inorganiċi u organiċi:
|
— |
funzjoni inorganika biex jiġu enfasizzati l-materjali inorganiċi. |
|
— |
funzjoni organika biex jiġu enfasizzati l-materjali organiċi. |
L-ispeċifikazzjonijiet tal-imġiba tal-immappjar tal-kulur li t-tagħmir tar-raġġi X għandu jissodisfa huma indikati fit-Tabella 2.1.
Tabella 2.1
Imġiba tal-immappjar tal-kulleġġi
|
Numru atomiku effettiv ta’ materjal |
l-ebda funzjoni tal-immaġni attivata |
funzjoni organika attivata |
funzjoni inorganika attivata |
|
0 < Zeff ≤ 10 |
oranġjo |
oranġjo |
xejn |
|
10 < Zeff ≤ 17 |
aħdar |
oranġjo |
blu/aħdar |
|
Zeff > 17 |
blu |
xejn |
blu |
Meta materjal organiku u inorganiku jitqiegħed fuq xulxin, it-tagħmir tar-raġġi X għandu juri l-materjal organiku meta l-funzjoni organika tkun attivata, kif indikat fit-Tabella 2.2.
Tabella 2.2
Imġiba tal-immappjar tal-kulur (b’trasformazzjoni multipla organika/inorganika)
|
Numru atomiku effettiv ta’ materjal |
l-ebda funzjoni tal-immaġni attivata |
funzjoni organika attivata |
funzjoni inorganika attivata |
|
materjal organiku taħt il-pjanċa tal-aluminju |
aħdar |
oranġjo |
blu/aħdar |
|
materjal organiku taħt pjanċa tal-azzar |
blu |
oranġjo |
blu |
2.4. Testijiet tal-kwalità tal-immaġni
It-testijiet tal-kwalità tal-immaġni għat-tagħmir tar-raġġi X għandhom jitwettqu bl-użu tal-biċċa tat-test tal-perċezzjoni umana (HP) deskritta fl-istandard internazzjonali li ġej:
|
— |
ASTM F792-17e1, Standard Practice for Evaluating the Imaging Performance of Security X-Ray Systems, ASTM International, West Conshohocken, PA, 2017, www.astm.org |
Il-kwalità tal-immaġni tat-tagħmir tar-raġġi X għandha tiġi vvalutata bl-użu tad-disa’ testijiet li ġejjin:
2.4.1. Test 1: display tal-wajer
|
— |
il-kapaċità ta’ tagħmir tar-raġġi X li juri immaġnijiet li jistgħu jintużaw minn operatur biex jidentifika wajers tal-metall. |
2.4.2. Test 2: penetrazzjoni utli
|
— |
il-kapaċità ta’ tagħmir tar-raġġi X li jipproduċi immaġni li tippermetti d-detezzjoni, minn operatur jew algoritmu, ta’ wajers li huma moħbija minn ħxuna differenti ta’ materjal li jibblokka. |
2.4.3. Test 3: riżoluzzjoni spazjali
|
— |
il-kapaċità ta’ tagħmir tar-raġġi X li juri oġġetti spazjati mill-qrib u b’kuntrast għoli bħala separati. |
2.4.4. Test 4: penetrazzjoni sempliċi
|
— |
il-kapaċità ta’ tagħmir tar-raġġi X li juri immaġnijiet li jistgħu jintużaw minn operatur biex jidentifika numri taċ-ċomb li altrimenti jkunu moħbija minn materjal li jimblokka l-azzar. |
2.4.5. Test 5: immaġni organika rqiqa
|
— |
il-kapaċità ta’ tagħmir tar-raġġi X li juri immaġnijiet li jistgħu jintużaw minn operatur biex jidentifika biċċiet irqaq ta’ materjal organiku. |
2.4.6. Test 6: sensittività għall-kuntrast tal-azzar
|
— |
il-kapaċità ta’ tagħmir tar-raġġi X li juri immaġnijiet li jistgħu jintużaw minn operatur biex jidentifika daħliet ċirkolari baxxi fl-azzar. |
2.4.7. Test 7: diskriminazzjoni fil-materjali
|
— |
il-kapaċità ta’ tagħmir tar-raġġi X li juri immaġnijiet li jistgħu jintużaw minn operatur biex jiddiskrimina bejn materjali b’numri atomiċi effettivi differenti. |
2.4.8. Test 8: klassifikazzjoni tal-materjali
|
— |
il-kapaċità ta’ tagħmir tar-raġġi X li juri immaġnijiet li jistgħu jintużaw minn operatur biex jidentifika b’mod konsistenti materjal partikolari fuq firxa ta’ ħxuna differenti. |
2.4.9. Test 9: differenzjazzjoni organika
|
— |
il-kapaċità ta’ tagħmir tar-raġġi X li juri immaġnijiet li jistgħu jintużaw minn operatur biex jiddifferenzja bejn materjali organiċi ta’ numri atomiċi effettivi differenti. |
2.5. Limiti tal-kwalità tal-immaġni
B’referenza għall-biċċa tat-test tal-perċezzjoni umana (HP) fl-ASTM F792–17e1, il-limiti minimi għal kull test tal-kwalità tal-immaġni għandhom ikunu kif deskritt fit-Tabella 2.3 hawn taħt. Biex jikkwalifika għal standard speċifiku, it-tagħmir tar-raġġi X għandu jilħaq il-limiti minimi rispettivi għat-testijiet kollha tal-kwalità tal-immaġni.
Tabella 2.3
Limiti għall-kwalità tal-immaġni
|
|
Test tal-kwalità tal-immaġni |
Standard 1 |
Standard 2 |
|
1 |
display tal-wajer: ħxuna tal-wajer fl-arja |
AWG 30 (0.255 mm) |
AWG 34 (0.160 mm) |
|
2 |
penetrazzjoni utli: ħxuna tal-wajer taħt l-aluminju (Al) ta’ ħxuna speċifikata |
AWG 24 (0.511 mm) wara 16 mm Al |
AWG 24 (0.511 mm) wara 20 mm Al u AWG 30 (0.255 mm) wara 12 mm Al |
|
3 |
riżoluzzjoni spazjali: gauges perpendikolari tal-par ta’ linji (4 slottijiet, vertikali u orizzontali, f’azzar 1018, 1010 jew 1008) |
Slottijiet wesgħin 2 mm bi spazju ta’ 2 mm |
Slottijiet wesgħin 1.5 mm bi spazju ta’ 1.5 mm |
|
4 |
penetrazzjoni sempliċi: numri taċ-ċomb (ħxuna ta’ 3.0 ± 0.2 mm) imwaħħla ma’ azzar ta’ ħxuna speċifikata; |
Azzar bi ħxuna ta’ 24 mm |
Azzar bi ħxuna ta’ 28 mm |
|
5 |
immaġni organika rqiqa: tarġiet fil-poliossimetilen bi ħxuna ta’ 0.25, 0.5, 1, 2 u 5 mm. Kull tarġa għandha toqob b’dijametru ta’ 2, 5 u 10 mm. |
4 toqob viżibbli (*) |
7 toqob viżibbli (*) |
|
6 |
sensittività għall-kuntrast tal-azzar: tarġiet tal-azzar bi ħxuna ta’ 0.5, 1, 2, u 5 mm. Kull tarġa għandha toqob ta’ 2, 5 u 10 mm, kollha b’fond ta’ 0.1 mm. |
4 toqob viżibbli (*) |
7 toqob viżibbli (*) |
|
7 |
diskriminazzjoni fil-materjali: grilja ta’ attenwaturi kwadri (ammonti li jvarjaw ta’ plastik tal-azzar li jvarja n-numru atomiku effettiv u l-attenwazzjoni (**)). |
jistgħu jiġu ddifferenzjati l-ilwien ta’ 10 kaxxa fil-qrib |
jistgħu jiġu ddifferenzjati l-ilwien ta’ 12 kaxxa fil-qrib |
|
8 |
klassifikazzjoni tal-materjali: test li s-sistema tidentifika b’mod konsistenti materjal partikolari fuq firxa ta’ ħxuna (**). |
4 kolonni huma kklassifikati bħala l-istess materjal għal kull kolonna |
6 kolonni huma kklassifikati bħala l-istess materjal għal kull kolonna |
|
9 |
differenzjazzjoni organika: l-osservatur jirreġistra jekk jipperċepixxix differenza fil-lewn bejn erba’ kwadri differenti (**). |
kwadri 1 sa 4 murija bħala materjal organiku |
kwadri 1 sa 4 murija bħala materjal organiku |
(*) Toqba titqies viżibbli jekk tkun tista’ tingħaraf mill-inqas nofs l-erja jew it-tarf tagħha.
(**) ara ASTM F792–17e1 għal deskrizzjoni aktar dettaljata tal-biċċa tat-test tal-perċezzjoni umana.