17.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/30


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/758

tas-27 ta’ April 2022

dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.

(2)

L-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) tipprevedi, fost affarijiet oħra, id-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja (l-Artikolu 7), il-protezzjoni ta’ data personali (l-Artikolu 8), il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, li tinkludi r-rispett għal-libertà u pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni (l-Artikolu 11), u għal rimedju effettiv u għal proċess ġust (l-Artikolu 47).

(3)

Id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta jinkludi d-dritt li wieħed ikollu opinjoni u li jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil minn awtorità pubblika u irrispettivament mill-fruntieri. Filwaqt li dan mhuwiex dritt assolut, kull limitazzjoni għalih trid tkun prevista mil-liġi, tirrispetta l-essenza tad-dritt u ssir biss jekk tkun meħtieġa u ġenwinament tissodisfa l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn (l-Artikolu 52(1) tal-Karta).

(4)

F’konformità mal-Artikolu 52(3) tal-Karta u mal-Ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta, jenħtieġ li l-Artikolu 11 tal-Karta jingħata t-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kif interpretata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. L-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jipproteġi l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kull restrizzjoni trid tkun preskritta mil-liġi, trid tkun meħtieġa f’soċjetà demokratika, u trid issir sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi stabbiliti fl-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

(5)

Il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem timponi wkoll obbligu pożittiv fuq l-istati kontraenti biex jissalvagwardjaw il-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni u biex joħolqu ambjent favorevoli għall-parteċipazzjoni fid-dibattitu pubbliku (1). Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tispeċifika wkoll li l-libertà tal-espressjoni tikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u hija applikabbli mhux biss għall-informazzjoni jew għall-ideat li jintlaqgħu b’mod favorevoli jew li jitqiesu bħala inoffensivi jew bħala kwistjoni ta’ indifferenza, iżda wkoll għal dawk li joffendu, jaħsdu jew jiddisturbaw l-istat jew kwalunkwe grupp fil-popolazzjoni (2). Hija ċċarat ukoll li “f’soċjetà demokratika anke gruppi ta’ kampanji żgħar u informali (…) iridu jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom b’mod effettiv” u li “jeżisti interess pubbliku qawwi li lil tali gruppi u individwi barra mis-sistema ġenerali jippermettilhom jikkontribwixxu għad-dibattitu pubbliku billi jxerrdu informazzjoni u ideat dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku ġenerali” (3).

(6)

Il-ġurnalisti għandhom rwol importanti fl-iffaċilitar tad-dibattitu pubbliku u fit-twassil u r-riċeviment ta’ informazzjoni, opinjonijiet u ideat (4). Huwa essenzjali li jingħataw l-ispazju meħtieġ biex jikkontribwixxu għal dibattitu miftuħ, liberu u ġust u biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni u interferenzi manipulattivi oħrajn, inkluż minn atturi f’pajjiżi terzi. Jenħtieġ li l-ġurnalisti jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom b’mod effettiv biex jiżguraw li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal pluralità ta’ fehmiet fid-demokraziji Ewropej.

(7)

Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ukoll għandhom rwol importanti fid-demokraziji Ewropej, speċjalment fid-difiża tad-drittijiet fundamentali, il-valuri demokratiċi, l-inklużjoni soċjali, il-protezzjoni ambjentali u l-istat tad-dritt. Jenħtieġ li jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fil-ħajja pubblika u jsemmgħu leħinhom dwar kwistjonijiet ta’ politika u fi proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet mingħajr biża’ ta’ intimidazzjoni. Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem huma individwi jew organizzazzjonijiet involuti fid-difiża tad-drittijiet fundamentali u varjetà ta’ drittijiet oħra, inklużi d-drittijiet ambjentali u klimatiċi, id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tal-LGBTIQ, id-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranza razzjali jew etnika, id-drittijiet tal-ħaddiema jew il-libertajiet reliġjużi.

(8)

Demokrazija f’saħħitha u prosperuża teħtieġ li n-nies ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fid-dibattitu pubbliku. Sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni sinifikanti, jenħtieġ li n-nies ikunu jistgħu jaċċessaw informazzjoni affidabbli, li tippermettilhom jiffurmaw l-opinjonijiet tagħhom stess u jeżerċitaw il-ġudizzju tagħhom stess fi spazju pubbliku fejn il-fehmiet differenti jkunu jistgħu jiġu espressi liberament.

(9)

Biex jitrawwem dan l-ambjent, importanti li l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jiġu protetti minn proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi u abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (komunement magħrufa bħala “SLAPPs”). Dawn il-proċedimenti tal-qorti jew ikunu manifestament bla bażi jew ikunu proċedimenti kompletament jew parzjalment bla bażi li jkun fihom elementi ta’ abbuż li jiġġustifikaw is-suppożizzjoni li l-għan ewlieni tal-proċedimenti tal-qorti jkun li jipprevjenu, jirrestrinġu jew jippenalizzaw il-parteċipazzjoni pubblika. Indikazzjonijiet ta’ tali abbuż huma n-natura sproporzjonata, eċċessiva jew irraġonevoli tal-pretensjoni jew parti minnha, l-eżistenza ta’ pretensjonijiet multipli asseriti mir-rikorrent fir-rigward ta’ kwistjonijiet simili, jew intimidazzjoni, fastidju jew theddid min-naħa tar-rikorrent jew ir-rappreżentanti tiegħu qabel il-ftuħ ta’ proċediment tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużiv. Dawn il-proċedimenti jikkostitwixxu abbuż tal-proċedimenti tal-qorti u jpoġġu piżijiet bla bżonn fuq il-qrati peress li l-għan tagħhom mhuwiex li jkollhom aċċess għall-ġustizzja iżda li jagħtu fastidju u jsikktu lill-intimati. Proċedimenti twal joħolqu piżijiet fuq is-sistemi tal-qrati nazzjonali.

(10)

Il-proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi u abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jistgħu jieħu l-forma ta’ firxa wiesgħa ta’ abbużi legali, prinċipalment f’materji ċivili jew kriminali, imma anke fi kwistjonijiet tad-dritt amministrattiv u jista’ jkun ibbażat fuq diversi bażijiet.

(11)

Tali proċedimenti tal-qorti spiss jinbdew minn individwi jew entitajiet potenti (pereżempju gruppi ta’ lobbying, korporazzjonijiet u organi tal-istat) f’tentattiv li jsikktu d-dibattitu pubbliku. Spiss ikunu jinvolvu żbilanċ ta’ poter bejn il-partijiet bir-rikorrent ikollu pożizzjoni aktar potenti mill-intimat pereżempju finanzjarjament jew politikament. Għalkemm ma jkunx komponent indispensabbli ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi, meta jkun hemm, żbilanċ ta’ poter iżid b’mod sinifikanti l-effetti dannużi kif ukoll l-effetti dissważivi tal-proċedimenti tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika.

(12)

Proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-kredibbiltà u r-reputazzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem b’mod partikolari u jeżawrixxu r-riżorsi finanzjarji u riżorsi oħrajn tagħhom. Dawn jista’ jkollhom konsegwenzi psikoloġiċi negattivi għall-persuni fil-mira tagħhom u għall-membri tal-familja tagħhom. Proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jipperikolaw il-kapaċità tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jwettqu l-attivitajiet tagħhom. B’riżultat ta’ tali proċedimenti, il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar kwistjoni ta’ interess pubbliku tista’ tittardja jew tiġi evitata għalkollox. L-eżistenza ta’ tali proċedimenti jista’ jkollha effett ta’ deterrent b’mod aktar ġenerali fuq il-ħidma tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem b’mod partikolari, billi tikkontribwixxi għall-awtoċensura b’antiċipazzjoni ta’ proċedimenti futuri possibbli tal-qorti, li jwasslu għat-tfaqqir tad-dibattitu pubbliku għad-detriment tas-soċjetà kollha kemm hi. It-tul tal-proċeduri, il-pressjoni finanzjarja u t-theddida ta’ sanzjonijiet kriminali jikkostitwixxu għodod potenti biex vuċijiet kritiċi jiġu intimidati u msikkta.

(13)

Dawk fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika spiss jiffaċċaw proċedimenti multipli tal-qorti simultanjament u f’bosta ġuriżdizzjonijiet. Il-proċedimenti tal-qorti mibdija fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru kontra persuna residenti fi Stat Membru ieħor normalment ikunu aktar kumplessi u aktar għaljin għall-intimat. Ir-rikorrenti fi proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jistgħu jużaw ukoll għodod proċedurali biex iżidu t-tul u l-ispiża tal-litigazzjoni, u jressqu kawżi f’ġuriżdizzjoni li jipperċepixxu li tkun favorevoli għall-każ tagħhom, minflok fil-qorti li tkun fl-aħjar pożizzjoni biex tismal-kawża.

(14)

L-użu ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika qed jiżdied fl-Unjoni Ewropea. Skont studji reċenti (5), tali proċedimenti qed jintużaw dejjem aktar madwar l-Istati Membri.

(15)

Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2020 (6), ikkundanna l-użu tas-SLAPPs biex isikket jew jintimida l-ġurnalisti investigattivi u l-mezzi tal-media u biex joħloq klima ta’ biża’ madwar ir-rappurtar tagħhom dwar ċerti suġġetti, filwaqt li stieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta biex dawn jiġu evitati. Fir-Riżoluzzjoni (7) tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar it-Tisħiħ tad-demokrazija u tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja fl-UE: l-użu indebitu ta’ azzjonijiet fl-ambitu tad-dritt ċivili u kriminali biex jissikktu l-ġurnalisti, l-Organizzazzjonijiet Nongovernattivi (NGOs) u s-soċjetà ċivili: il-Parlament Ewropew enfasizza għal darba oħra l-prevalenza tal-fenomenu u l-ħtieġa ta’ salvagwardji effettivi għall-vittmi tiegħu madwar l-Unjoni.

(16)

Il-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Promozzjoni tal-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti (8) tirrapporta wkoll għadd dejjem jikber ta’ allerti ta’ theddid serju għas-sikurezza tal-ġurnalisti u l-libertà tal-media fl-Ewropa, inklużi diversi każijiet ta’ intimidazzjoni ġudizzjarja. Ir-Rapport annwali tal-2021 tal-assoċjazzjonijiet sħab tal-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Promozzjoni tal-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti jenfasizza bl-istess mod iż-żieda notevoli ta’ allerti relatati mas-SLAPP irrappurtati fl-2020 meta mqabbla mas-sena preċedenti, kemm fl-għadd ta’ allerti kif ukoll fil-ġuriżdizzjonijiet tal-istati membri kkonċernati tal-Kunsill tal-Ewropa (9). Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u atturi oħra tal-media (10) tat-13 ta’ April 2016, il-Kunsill tal-Ewropa rrakkomanda lill-istati membri tiegħu biex jieħdu l-miżuri leġiżlattivi u/jew miżuri oħra meħtieġa biex jipprevjenu l-użu frivolu, vessatorju jew malizzjuż tal-liġi u l-proċess legali biex jiġu intimidati u msikkta ġurnalisti u atturi oħrajn tal-media.

(17)

Ir-Rapporti tal-Kummissjoni tal-2020 (11) u tal-2021 (12) dwar l-Istat tad-Dritt jenfasizzaw li f’għadd ta’ Stati Membri, il-ġurnalisti u oħrajn involuti fil-protezzjoni tal-interess pubbliku qed jiffaċċaw dejjem aktar theddid u attakki fir-rigward tal-pubblikazzjonijiet u l-ħidma tagħhom, f’diversi forom inkluż l-użu tas-SLAPPs.

(18)

Eżempju ċar tal-użu ta’ proċedimenti tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika fl-Unjoni huwa dak tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li, fiż-żmien tal-qtil tagħha, kienet qed tiffaċċja aktar minn 40 libell ċivili u kriminali u proċedimenti tal-qorti ta’ malafama relatati max-xogħol investigattiv tagħha.

(19)

Il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea (13) ppreżentat mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Diċembru 2020 jenfasizza r-rwol fundamentali tal-media libera u pluralistika fid-demokraziji kif ukoll l-importanza tas-soċjetà ċivili. Huwa jenfasizza fost l-oħrajn ir-rwol importanti li l-media indipendenti u pluralistika għandha biex tippermetti liċ-ċittadini jieħdu deċiżjonijiet infurmati, kif ukoll fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza fl-ispazju tal-informazzjoni, inkluża d-diżinformazzjoni. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni diġà adottat ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/1534 dwar l-iżgurar tal-protezzjoni, tas-sikurezza u tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti u ta’ professjonisti oħra fil-media fl-Unjoni Ewropea (14). Dik ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol aktar sikuri għall-professjonisti kollha tal-media, liberi mill-biża’ u l-intimidazzjoni, kemm jekk online u kemm jekk offline. Fid-dawl tat-theddida dejjem tikber li tirriżulta minn proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika għal-libertà tal-media u l-parteċipazzjoni pubblika, jenħtieġ li l-Unjoni tiżviluppa approċċ koerenti u effettiv biex tiġġieled tali proċedimenti. Din ir-Rakkomandazzjoni tikkomplementa r-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/1534 billi tipprovdi rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Hija tmur lil hinn mill-protezzjoni tal-ġurnalisti u ta’ professjonisti oħra tal-media u tinkludi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni tindirizza t-theddida speċifika ppreżentata minn proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika u billi tagħmel hekk, tappoġġa l-funzjonament xieraq tas-sistema ta’ kontrokontrolli f’demokrazija f’saħħitha. Jenħtieġ li hija tipprovdi gwida lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri effettivi, xierqa u proporzjonati biex jindirizzaw tali proċedimenti u biex jiżguraw f’dan il-kuntest b’mod partikolari l-protezzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. Jenħtieġ li l-miżuri rakkomandati jinkludu s-sensibilizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ għarfien espert, b’mod partikolari fost l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja u l-miri ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, biex jiġi żgurat li jkun disponibbli appoġġ għal dawk fil-mira ta’ tali proċedimenti u biex jiġi appoġġat monitoraġġ imsaħħaħ.

(20)

Sabiex tiġi prevista protezzjoni effiċjenti kontra proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika u jiġi evitat li l-fenomenu jrabbi l-għeruq fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-oqfsa legali rispettivi tagħhom li jirregolaw il-proċedimenti ċivili, kriminali, kummerċjali u amministrattivi, jipprevedu s-salvagwardji meħtieġa biex jiġu indirizzati tali proċedimenti tal-qorti, b’rispett sħiħ tal-valuri demokratiċi u d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għal proċess ġust u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni. Sabiex tiġi pprovduta protezzjoni konsistenti u effiċjenti kontra proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għan li jiżguraw li jkun possibbli li t-talba tiġi miċħuda malajr. Jenħtieġ li jkollhom l-għan ukoll li jipprovdu rimedji oħrajn kontra proċedimenti tal-qorti abbużivi, jiġifieri l-għoti tal-spejjeż sabiex rikorrent li jkun ressaq proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jkun jista’ jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti, il-kumpens għad-danni għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ġarrbet dannu b’riżultat ta’ proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, u l-possibbiltà li jiġu imposti pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq il-parti li tkun fetħet proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. L-objettiv ewlieni li l-qrati jingħataw il-possibbiltà li jimponu pieni huwa li jiskoraġġixxu lir-rikorrenti potenzjali milli jibdew proċedimenti abbużivi tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Jenħtieġ li dawn il-pieni jkunu proporzjonali għall-elementi ta’ abbuż identifikati. Meta jistabbilixxu l-ammonti għall-pieni, il-qrati jistgħu jqisu l-potenzjal għal effett dannuż jew dissważiv tal-proċedimenti fuq il-parteċipazzjoni pubblika, inkluż fir-rigward tan-natura tal-pretensjoni, jekk ir-rikorrent ikunx beda proċedimenti multipli jew konċertati f’materji simili u l-eżistenza ta’ tentattivi ta’ intimidazzjoni, fastidju jew theddid fuq l-intimat.

(21)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għan li jinkludu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom salvagwardji simili għal kawżi domestiċi bħal dawk inklużi fl-istrumenti tal-Unjoni li jfittxu li jindirizzaw proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi u abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika għal kwistjonijiet ċivili b’implikazzjonijiet transfruntieri. Dan jipprovdi protezzjoni konsistenti u effiċjenti kontra proċedimenti tal-qorti ta’ dan it-tip u jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-fenomenu milli jrabbi l-għeruq fl-Unjoni.

(22)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrieżaminaw speċifikament l-oqfsa legali tagħhom applikabbli għall-malafama biex jiżguraw li l-kunċetti u d-definizzjonijiet eżistenti ma jkunux jistgħu jintużaw mir-rikorrenti kontra ġurnalisti jew difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika.

(23)

Sabiex jiġi evitat effett dissważiv fuq id-dibattitu pubbliku, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-pieni kontra l-malafama ma jkunux eċċessivi u sproporzjonati. Jenħtieġ li jagħtu attenzjoni partikolari lil-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa (15) li jindirizzaw il-qafas legali għall-malafama, b’mod partikolari d-dritt kriminali. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri mħeġġa jneħħu s-sentenzi ta’ priġunerija għall-malafama mill-qafas legali tagħhom. L-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fir-Riżoluzzjoni 1577 (2007) (16) tagħha talbet lill-istati membri tagħha, li għadhom jipprevedu sentenzi ta’ priġunerija għall-malafama, anke jekk ma jiġux imposti realment, biex jaboluhom mingħajr dewmien. L-Istati Membri mħeġġa wkoll jiffavorixxu l-użu tad-dritt amministrattiv jew ċivili biex jittrattaw każijiet ta’ malafama, dment li tali dispożizzjonijiet ikollhom effett inqas punittiv minn dawk tad-dritt kriminali (17).

(24)

It-trattament tal-każijiet ta’ malafama minn angolu tad-dritt kriminali jenħtieġ li jintuża biss bħala l-aħħar ħaġa u jenħtieġ li jiġu ppreferuti r-risponsi permezz tad-dritt amministrattiv jew ċivili minflok, f’konformità mal-gwida mill-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (18) u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (19) rrakkomandaw it-tneħħija ta’ malafama mill-istatuti tad-dritt kriminali. Bl-istess mod, il-Kunsill tal-Ewropa esprima riżervi f’dan il-kuntest (20).

(25)

Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali huwa aktar ikkonkretizzat fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21). Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex dritt assolut. L-Artikolu 85 tal-GDPR, jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jirrikonċiljaw skont il-liġi d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inkluż l-ipproċessar għal finijiet ġurnalistiċi u l-finijiet ta’ espressjoni akkademika, artistika jew letterarja.

(26)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-korpi awtoregolatorji u lill-assoċjazzjonijiet tal-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja biex jallinjaw, meta jkun meħtieġ, l-istandards deontoloġiċi tagħhom, inklużi l-kodiċijiet ta’ kondotta, ma’ din ir-Rakkomandazzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw ukoll, kif rilevanti, li l-istandards deontoloġiċi li jfittxu li jiskoraġġixxu jew jipprojbixxu lill-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja milli jinvolvu ruħhom fi mġiba li tista’ tikkostitwixxi abbuż tal-proċess jew abbuż tar-responsabbiltajiet professjonali l-oħra tagħhom lejn l-integrità tal-proċess legali, u s-sanzjonijiet dixxiplinari korrispondenti tagħhom, ikopru proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Jenħtieġ li dan ikun akkumpanjat b’attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u taħriġ xierqa sabiex iżidu l-għarfien u l-effikaċja tal-istandards deontoloġiċi eżistenti li huma rilevanti għal proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika.

(27)

L-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja huma atturi ewlenin fi proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, jew billi jirrappreżentaw litiganti, iħarrku individwi jew jaġġudikaw tilwim. Għalhekk, huwa kruċjali li jkollhom l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex dan jagħmluh. Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw u joffru opportunitajiet ta’ taħriġ lil dawn l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja. It-taħriġ jista’ jikkontribwixxi b’mod sostantiv għall-bini tal-għarfien u l-kapaċità tagħhom dwar kif jidentifikaw proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, inklużi dawk b’element ta’ pajjiż terz, u jirreaġixxu b’mod xieraq. Jenħtieġ li tali taħriġ jindirizza l-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju fil-livelli kollha tal-qorti inklużi l-imħallfin, il-prosekuturi, il-persunal tal-qorti u tal-uffiċċju tal-prosekuturi, kif ukoll kwalunkwe professjonist ieħor tal-ġustizzja assoċjat mal-ġudikatura jew li b’xi mod ieħor jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, irrispettivament mid-definizzjoni fil-liġi nazzjonali, l-istatus legali jew l-organizzazzjoni interna, fil-livelli reġjonali u lokali, fejn proċeduri tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jistgħu jinstemgħu fl-ewwel istanza. Jenħtieġ li dan it-taħriġ jindirizza wkoll operaturi oħrajn fil-qasam tal-ġustizzja bħall-avukati kwalifikati. L-iżvilupp ta’ kapaċità ta’ taħriġ lokali jista’ jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà fit-tul tat-taħriġ.

(28)

L-estensjoni ta’ tali taħriġ għall-ġurnalisti, il-membri tal-kunsill tal-istampa, il-professjonisti tal-media u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tgħinhom jagħrfu meta jiġu kkonfrontati b’tali proċedimenti tal-qorti u jiġu pprovduti b’ħiliet legali kritiċi biex jitnaqqsu r-riskji għalihom li jiġu esposti għal proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jew jkunu armati b’għarfien aħjar biex jindirizzawh aħjar. Dan jista’ jippermettilhom ukoll jinvolvu ruħhom f’rappurtar robust dwar is-SLAPPs. Jenħtieġ li t-taħriġ għall-ġurnalisti jirreferi wkoll għall-istandards etiċi u l-linji gwida stabbiliti mill-kunsilli nazzjonali tal-istampa jew tal-media. Biex jikkontribwixxi għall-bini tal-kapaċitajiet kumplessivi u jsaħħaħ ir-rispons istituzzjonali għal proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, tali taħriġ jista’ jinvolvi wkoll l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, l-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-istituzzjonijiet tal-ombudsman u l-korpi regolatorji statali tal-media.

(29)

Il-fornituri ta’ taħriġ legali u l-assoċjazzjonijiet tal-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja jinsabu f’pożizzjoni tajba ħafna biex jagħtu taħriġ dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, kif ukoll biex jiddeterminaw l-objettivi ta’ tali taħriġ u biex jivvalutaw l-aktar metodoloġija ta’ taħriġ xierqa. It-taħriġ mogħti minn operaturi fil-qasam tal-ġustizzja lil operaturi fil-qasam tal-ġustizzja oħrajn jippermetti lil kulħadd jitgħallem bħala grupp, jaqsam aħjar l-esperjenzi u jrawwem fiduċja reċiproka. Jenħtieġ li l-iskambji ta’ prattiki rilevanti fil-livell Ewropew jiġu mħeġġa, inkluż bl-appoġġ tal-Kummissjoni, bl-involviment tan-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN). L-involviment tal-ġuristi u l-assoċjazzjonijiet professjonali tagħhom, mit-tħejjija tal-analiżijiet tal-ħtiġijiet sal-evalwazzjoni tar-riżultati, huwa ta’ importanza assoluta biex jiġu żgurati l-effettività u s-sostenibbiltà tal-attivitajiet ta’ taħriġ.

(30)

Jenħtieġ li t-taħriġ jindirizza l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u drittijiet fundamentali oħrajn, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-liġijiet nazzjonali u jinkludi gwida prattika dwar kif għandha tiġi applikata l-ġurisprudenza rilevanti, ir-restrizzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem u l-artikulazzjoni bejniethom, inklużi l-libertà tal-espressjoni, is-salvagwardji proċedurali kif ukoll dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn skont il-liġijiet nazzjonali. Jenħtieġ li jittieħed kont debitu tal-manwal tal-Kunsill tal-Ewropa għall-ġuristi dwar il-protezzjoni tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni skont il-KEDB (22).

(31)

Jenħtieġ li t-taħriġ, fost affarijiet oħra, jindirizza l-protezzjoni tad-data personali li tista’ tintuża biex jinbdew proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Jenħtieġ li jindirizza wkoll il-manipulazzjoni u l-interferenza tal-informazzjoni, inkluża d-diżinformazzjoni.

(32)

Jenħtieġ li t-taħriġ jikkunsidra l-qafas legali u l-kuntest nazzjonali. Li dawn jiġu kkombinati mal-gwida żviluppata mill-Kunsill tal-Ewropa, it-testimonjanzi minn persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika u l-aħjar prattiki minn Stati Membri oħrajn b’mod strutturat u koerenti jista’ jikkontribwixxi għall-objettivi ta’ tagħlim assoċjati mat-taħriġ dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi. It-taħriġ jista’ jintuża wkoll biex irawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri.

(33)

Biex tintlaħaq udjenza ikbar u jitrawwem l-appoġġ, jenħtieġ li t-taħriġ dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jagħmel ukoll l-aħjar użu mit-teknoloġiji l-ġodda, inkluż it-taħriġ online. L-aċċess għar-riżorsi elettroniċi, materjal aġġornat, u għodod ta’ tagħlim awtonomi dwar il-leġiżlazzjoni u l-gwida rilevanti jikkomplementaw il-benefiċċji ta’ tali attivitajiet ta’ taħriġ.

(34)

Sabiex jitrawmu sinerġiji ma’ inizjattivi simili dwar it-taħriġ ta’ operaturi fil-qasam tal-ġustizzja, moduli ta’ taħriġ dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi dwar il-parteċipazzjoni pubblika jistgħu jiġu inklużi fit-taħriġ dwar suġġetti relatati, bħal-libertà tal-espressjoni u l-etika legali. Jenħtieġ li jitħeġġu l-użu ta’ materjali u prattiki ta’ taħriġ eżistenti bħal dawk promossi fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika, is-Sett ta’ Għodod Globali tal-Unesco għall-Atturi Ġudizzjarji (23) u l-korsijiet online tal-HELP (Edukazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għall-Operaturi fil-qasam tal-ġustizzja) (24) tal-Kunsill tal-Ewropa.

(35)

L-inklużjoni ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika fil-kurrikuli tal-liġi u tal-ġurnaliżmu tgħin biex l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja u l-ġurnalisti jkunu mgħammra b’għarfien aħjar biex jirrikonoxxu tali proċedimenti u b’għarfien speċifiku biex jirreaġixxu kif xieraq, u jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ għarfien espert u kompetenzi professjonali fost il-letturi. Tali għarfien jista’ jiġi pprovdut minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja f’korsijiet jew seminars komplementari matul l-aħħar snin ta’ programm ta’ lawrja, pereżempju lill-istudenti tal-liġi li jistudjaw il-liġi u l-ġurnaliżmu.

(36)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika organizzati fost l-oħrajn minn entitajiet nazzjonali, inklużi l-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

(37)

Attivitajiet ta’ komunikazzjoni dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jistgħu jieħdu l-forma ta’ pubblikazzjonijiet, messaġġi, laqgħat pubbliċi, konferenzi, workshops u webinars.

(38)

Il-persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika spiss ikollhom diffikultà biex isibu informazzjoni dwar ir-riżorsi ta’ appoġġ disponibbli. Sabiex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta’ entitajiet jew korpi li jistgħu jipprovdu assistenza fi proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi u sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-appoġġ kontra tali proċedimenti, jenħtieġ li l-informazzjoni tinġabar u ssir disponibbli f’punt uniku, tkun mingħajr ħlas u faċilment aċċessibbli. Għal dak l-għan, jenħtieġ li kull Stat Membru jistabbilixxi punt fokali nazzjonali wieħed li jiġbor u jikkondividi informazzjoni dwar ir-riżorsi disponibbli.

(39)

Għan sottostanti tal-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jenħtieġ li jkun li jiġi promoss l-għarfien dwar l-importanza ta’ spazju pubbliku li jippermetti l-parteċipazzjoni demokratika u jippermetti liċ-ċittadini jkollhom aċċess għal pluralità ta’ fehmiet u informazzjoni affidabbli, mingħajr preġudizzji.

(40)

Jenħtieġ li l-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni jiġu kkoordinati ma’ punti fokali nazzjonali u awtoritajiet kompetenti oħrajn biex tiġi żgurata l-effettività tagħhom. Jenħtieġ li jippruvaw ukoll joħolqu sinerġiji ma’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar suġġetti kompatibbli bħal dawk li jiffukaw fuq it-trawwim ta’ dibattitu miftuħ, liberu u ġust u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni jenħtieġ li jiġu integrati ma’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni li jippromwovu l-parteċipazzjoni ċivika attiva, il-pluraliżmu tal-fehmiet u l-aċċess għal informazzjoni affidabbli. Jenħtieġ li jippruvaw ukoll joħolqu sinerġiji, meta jkun rilevanti, mat-tisħiħ tar-reżiljenza dwar il-media, il-litteriżmu tal-informazzjoni, l-istandards ġurnalistiċi u l-verifika tal-fatti fil-kuntest ta’ miżuri li jindirizzaw id-diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni, u l-interferenza inkluż minn barra l-pajjiż. L-udjenza fil-mira tista’ tinkludi fost l-oħrajn gruppi speċifiċi, bħall-professjonisti tal-media, l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja u l-membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-professjonisti tal-komunikazzjoni, l-akkademiċi, il-gruppi ta’ riflessjoni, il-politiċi, l-impjegati taċ-ċivil, l-awtoritajiet pubbliċi u l-korporazzjonijiet privati.

(41)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għan li jiżguraw, bi kwalunkwe mezz li jqisu xieraq, id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar is-salvagwardji proċedurali u salvagwardji oħrajn skont l-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, inkluża informazzjoni dwar l-entitajiet jew il-korpi li jistgħu jiġu kkuntattjati biex jipprovdu assistenza kontra proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika.

(42)

Tali riżorsi ta’ appoġġ jistgħu jinkludu d-ditti legali li jiddefendu pro bono l-miri ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, l-uffiċċji ta’ konsultazzjoni legali tal-universitajiet li jipprovdu tali appoġġ, l-organizzazzjonijiet li jirreġistraw u jirrapportaw dwar is-SLAPPs, u l-organizzazzjonijiet li jipprovdu assistenza finanzjarja u assistenza oħra lill-persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi.

(43)

Hemm bżonn li l-persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika ikunu adegwatament mgħammra biex jiffaċċjaw proċedimenti ta’ dan it-tip. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu żviluppati kapaċitajiet fl-Istati Membri sabiex jingħata appoġġ lil dawk fil-mira ta’ tali proċedimenti. Jenħtieġ li l-Istati Membri joffru finanzjament u jippromwovu l-finanzjament disponibbli fil-livell tal-Unjoni lill-organizzazzjonijiet li jipprovdu gwida u appoġġ għall-persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi.

(44)

Hemm bżonn ta’ monitoraġġ iktar sistematiku tal-proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika biex dan il-fenomenu jiġi ttrattat aħjar. Id-data miġbura jenħtieġ li tinkludi biżżejjed informazzjoni għall-awtoritajiet u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn biex jikkwantifikawhom u jifhmuhom aħjar inkluż bil-ħsieb li jipprovdu l-appoġġ meħtieġ għall-persuni fil-mira tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jafdaw, b’kont meħud tal-arranġamenti istituzzjonali tagħhom dwar l-istatistika ġudizzjarja (25), awtorità waħda jew aktar bil-ġbir u l-aggregazzjoni tad-data dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika miftuħin fil-qrati nazzjonali. Dawn l-awtoritajiet jistgħu jiġbru d-data mingħand bosta partijiet ikkonċernati. Sabiex jiġi ffaċilitat il-ġbir tad-data, l-awtoritajiet fdati biex jiġbru id-data jistgħu jistabbilixxu punti ta’ kuntatt sabiex l-awtoritajiet ġudizzjarji, l-organizzazzjonijiet professjonali, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u partijiet ikkonċernati oħrajn ikunu jistgħu jikkondividu d-data dwar il-proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jafdaw lil waħda minn dawn l-awtoritajiet bil-koordinament tal-informazzjoni u r-rapportar tad-data aggregata miġbura fil-livell nazzjonali lill-Kummissjoni fuq bażi annwali li tibda mill-aħħar tal-2023. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw ir-responsabbiltà tad-data miġbura. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiżguraw li l-proċess tal-ġbir tad-data jsegwi standards professjonali u li l-awtoritajiet fdati bil-ġbir tad-data u bl-istatistika jgawdu awtonomija suffiċjenti. Jenħtieġ li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data.

(45)

Meta l-awtoritajiet jiġu fdati bil-ġbir u r-rappurtar tad-data, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jistabbilixxu sinerġiji mal-istrumenti rilevanti fil-qasam tal-istat tad-dritt u tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. L-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, fejn stabbiliti, jista’ jkollhom rwol importanti filwaqt li entitajiet oħrajn bħall-uffiċċji tal-ombudspersons, il-korpi tal-ugwaljanza, jew l-awtoritajiet kompetenti bħal dawk innominati skont id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) jistgħu jkunu rilevanti wkoll. Il-punti fokali nazzjonali li jipprovdu ħarsa ġenerali lejn ir-riżorsi ta’ appoġġ u l-entitajiet jew l-awtoritajiet fdati biex jiġbru u jirrappurtaw id-data jistgħu jinsabu fl-istess organizzazzjoni, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti u l-kriterji deskritti f’din ir-Rakkomandazzjoni.

(46)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet fdati bil-ġbir tad-data jippubblikaw l-informazzjoni dwar il-proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, f’formati aċċessibbli fuq is-siti web tagħhom, u, meta jkun rilevanti permezz ta’ għodod xierqa oħrajn. Meta jagħmlu hekk, jenħtieġ li jiżguraw li d-drittijiet fundamentali inkluż id-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali ta’ dawk l-individwi involuti fi proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jiġu rispettati bis-sħiħ.

(47)

Sabiex jiġi delineat it-tul tal-proċedimenti li jikkonċernaw proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi, jenħtieġ li kull meta jkun possibbli tinġabar informazzjoni preċiża dwar l-avvenimenti, l-atti jew l-azzjonijiet li bdew u għalqu tali proċedimenti u d-dati ta’ meta seħħew. Jenħtieġ li d-data miġbura tinkludi wkoll, meta jkun rilevanti, informazzjoni dwar l-isfond ta’ każ, pereżempju, meta jkunu infetħu proċedimenti tal-qorti preċedenti ripetittivi kontra l-istess intimat jew mill-istess rikorrent.

(48)

Kif meħtieġ, il-grupp ta’ esperti tal-UE kontra s-SLAPP stabbilit mill-Kummissjoni (27) jista’ jappoġġa l-iżvilupp fl-Istati Membri kollha ta’ kriterji komparabbli li jistgħu jiġu applikati faċilment mill-awtoritajiet fdati biex jiġbru u jirrappurtaw data dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika.

(49)

Il-grupp ta’ esperti tal-UE kontra s-SLAPP jappoġġa l-iskambju u t-tixrid tal-prattika u l-għarfien fost il-prattikanti dwar kwistjonijiet relatati mas-SLAPP. Dan jista’ jipprovdi, fost l-oħrajn, assistenza teknika lill-awtoritajiet fit-twaqqif ta’ punti fokali, fl-iżvilupp ta’ materjal ta’ taħriġ u fl-organizzazzjoni ta’ assistenza legali.

(50)

Il-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV), stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28), għandu l-għan li jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet u l-valuri minquxa fit-Trattati u fil-Karta. Sabiex jiġu sostnuti u żviluppati aktar soċjetajiet demokratiċi bbażati fuq l-istat tad-dritt, il-programm CERV jipprevedi fost l-oħrajn il-possibbiltà li jiġu ffinanzjati attivitajiet marbutin mal-bini tal-kapaċità u s-sensibilizzazzjoni dwar il-Karta inkluż dwar il-libertà tal-espressjoni. Il-Programm dwar il-Ġustizzja, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/692 (29) jipprevedi fost l-oħrajn il-possibbiltà li jiġu ffinanzjati attivitajiet marbutin mat-taħriġ ġudizzjarju, bil-ħsieb li titrawwem kultura legali u ġudizzjarja komuni bbażata fuq l-istat tad-dritt, u li tiġi appoġġata u promossa l-implimentazzjoni konsistenti u effettiva tal-istrumenti legali tal-Unjoni li huma rilevanti fil-kuntest tal-Programm.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

SUĠĠETT

1.

Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi gwida għall-Istati Membri biex jieħdu miżuri effettivi, xierqa u proporzjonati biex jindirizzaw proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika u jipproteġu b’mod partikolari lill-ġurnalisti u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kontra tali proċedimenti, b’rispett sħiħ tal-valuri demokratiċi u d-drittijiet fundamentali.

OQFSA APPLIKABBLI

2.

Bħala regola ġenerali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-oqfsa legali applikabbli tagħhom jipprevedu s-salvagwardji meħtieġa biex jiġu indirizzati proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika b’rispett sħiħ tal-valuri demokratiċi u d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt ta’ proċess ġust u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni.

3.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għan li jiżguraw li jkun hemm salvagwardji proċedurali biex talba tiġi miċħuda malajr f’każ ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Jenħtieġ li jkollhom l-għan ukoll li jipprovdu rimedji oħrajn kontra proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, jiġifieri l-għoti tal-spejjeż li jfisser li rikorrent li jkun fetaħ proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jkun jista’ jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti, il-kumpens għad-danni għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ġarrbet dannu b’riżultat ta’ proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, u l-possibbiltà li jiġu imposti pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq il-parti li tkun fetħet proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika.

4.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għan li jinkludu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom salvagwardji simili għal kawżi domestiċi bħal dawk inklużi fl-istrumenti tal-Unjoni li jfittxu li jindirizzaw kawżi manifestament bla bażi u abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika għal kwistjonijiet ċivili b’implikazzjonijiet transfruntieri.

5.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-regoli tagħhom applikabbli għall-malafama ma jkollhomx impatt mhux ġustifikat fuq il-libertà tal-espressjoni, fuq l-eżistenza ta’ ambjent medjatiku miftuħ, liberu u pluralistiku, u fuq il-parteċipazzjoni pubblika.

6.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-regoli tagħhom applikabbli għall-malafama jkunu ċari biżżejjed, inklużi l-kunċetti tagħhom, biex jitnaqqas ir-riskju li jintużaw ħażin jew ikunu abbużati.

7.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw ukoll li l-pieni kontra l-malafama ma jkunux eċċessivi u sproporzjonati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu kunsiderazzjoni massima lil-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa (30) li jindirizzaw il-qafas legali għall-malafama, u b’mod partikolari d-dritt kriminali. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri mħeġġa jneħħu s-sentenzi ta’ priġunerija għall-malafama mill-qafas legali tagħhom. L-Istati Membri mħeġġa jiffavorixxu l-użu tad-dritt amministrattiv jew ċivili biex jittrattaw każijiet ta’ malafama (31), dment li tali dispożizzjonijiet ikollhom effett inqas punittiv minn dawk tad-dritt kriminali.

8.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom biex ikun hemm artikolazzjoni adegwata fil-leġiżlazzjoni tagħhom bejn id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni biex jirrikonċiljaw dawk iż-żewġ drittijiet, kif meħtieġ mill-Artikolu 85(2) tar-Regolament (UE) 2016/679.

9.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li r-regoli deontoloġiċi li jirregolaw l-imġiba tal-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja u s-sanzjonijiet dixxiplinari għall-ksur ta’ dawk ir-regoli jikkunsidraw u jinkludu miżuri xierqa biex jiskoraġġixxu proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-korpi awtoregolatorji u lill-assoċjazzjonijiet tal-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja biex jallinjaw l-istandards deontoloġiċi tagħhom, inklużi l-kodiċijiet ta’ kondotta tagħhom, ma’ din ir-rakkomandazzjoni. Huwa rrakkomandat ukoll li jkun hemm sensibilizzazzjoni u taħriġ xierqa.

TAĦRIĠ

10.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw opportunitajiet ta’ taħriġ dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika għall-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja bħall-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju fil-livelli kollha tal-qorti, avukati kwalifikati kif ukoll għal persuni potenzjalment fil-mira ta’ tali proċedimenti tal-qorti. It-taħriġ jenħtieġ li jiffoka fuq il-bini ta’ għarfien espert biex jiġu identifikati tali proċedimenti u jkun hemm reazzjoni xierqa.

11.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jħeġġu lill-assoċjazzjonijiet tal-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja u lill-fornituri ta’ taħriġ legali biex joffru taħriġ dwar kif jittrattaw proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-fornituri ta’ taħriġ fil-livell Ewropew bħan-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju biex jipprovdu taħriġ ta’ dan it-tip. Jenħtieġ li l-ġuristi u l-assoċjazzjonijiet professjonali tagħhom ikunu involuti fl-iżvilupp, l-organizzazzjoni, it-twettiq u l-evalwazzjoni tat-taħriġ.

12.

Jenħtieġ li t-taħriġ ikopri l-aspetti rilevanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Jenħtieġ li jkun jinkludi gwida prattika dwar kif iridu jiġu applikati d-dritt tal-Unjoni, il-ġurisprudenza nazzjonali, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar l-aċċertament li r-restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti, rispettivament, mill-Artikolu 52 tal-Karta u mill-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll dwar l-artikolazzjoni tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, u ma’ drittijiet fundamentali oħra.

13.

Jenħtieġ li t-taħriġ ikopri wkoll is-salvagwardji proċedurali kontra proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, meta jkun disponibbli, kif ukoll il-ġuriżdizzjoni u l-liġi applikabbli rilevanti f’materji kriminali, amministrattivi, ċivili, kummerċjali u tad-drittijiet fundamentali.

14.

Jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ taħriġ jindirizzaw ukoll l-obbligu għall-Istati Membri, skont ir-Regolament (UE) 2016/679, li jirrikonċiljaw, bil-liġi, il-protezzjoni tad-data personali mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Jenħtieġ li dawn ikopru r-regoli adottati mill-Istati Membri għal dan il-għan u l-eżenzjonijiet jew id-derogi speċifiċi għar-Regolament (UE) 2016/679 applikabbli għall-ipproċessar tad-data mwettaq għal skopijiet ġurnalistiċi jew għall-iskop ta’ espressjoni akkademika, artistika jew letterarja (32). Jenħtieġ li jittieħed kont debitu tal-elementi msemmijin fl-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

15.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw l-integrazzjoni ta’ dan it-taħriġ fit-taħriġ dwar il-libertà tal-espressjoni u l-etika legali.

16.

Jenħtieġ li t-taħriġ għall-ġurnalisti, għall-professjonisti medjati oħrajn u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem isaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jittrattaw proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Jenħtieġ li jiffoka fuq ir-rikonoxximent ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, kif jiġġestixxu s-sitwazzjoni li tkun fil-mira ta’ tali proċedimenti tal-qorti u jinfurmahom bid-drittijiet u l-obbligi tagħhom sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-passi meħtieġa biex jipproteġu ruħhom minn tali proċedimenti. Jenħtieġ li t-taħriġ għall-ġurnalisti jinkludi wkoll l-istandards etiċi u l-linji gwida stabbiliti mill-kunsilli nazzjonali tal-istampa jew tal-media.

17.

L-Istati Membri jistgħu jħeġġu lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja biex jinkludu għarfien dwar kif jidentifikaw proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika fil-kurrikuli tagħhom, speċjalment għal-lawrji fil-liġi u fil-ġurnaliżmu.

18.

It-taħriġ jista’ jinkludi testimonjanzi minn persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. It-taħriġ jista’ wkoll, filwaqt li jagħmel l-aħjar użu mill-għarfien żviluppat fil-qafas tal-grupp ta’ esperti tal-UE kontra s-SLAPP, irawwem l-iskambju tal-esperjenzi bejn l-Istati Membri.

SENSIBILIZZAZZJONI

19.

L-Istati Membri mħeġġa jappoġġaw inizjattivi, inklużi dawk tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, immirati lejn is-sensibilizzazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ informazzjoni dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Jenħtieġ li ssir enfasi partikolari fuq l-indirizzar tal-miri potenzjali ta’ tali proċedimenti.

20.

Jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni jkollhom l-għan li jispjegaw il-kwistjoni ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika b’mod sempliċi u aċċessibbli sabiex tali proċedimenti jiġu rikonoxxuti faċilment.

21.

Jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni jipprovdu informazzjoni dwar strutturi ta’ appoġġ eżistenti, inkluża referenza għal punti ċentrali nazzjonali li jiġbru u jikkondividu informazzjoni dwar ir-riżorsi disponibbli. Jenħtieġ li l-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni jipprovdu wkoll ħarsa ġenerali ċara lejn il-linji legali ta’ difiża disponibbli taħt l-oqfsa nazzjonali f’każ ta’ proċediment tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużiv kontra l-parteċipazzjoni pubblika u kif dawn jistgħu jintużaw b’mod effettiv.

22.

Kampanji ta’ sensibilizzazzjoni li jiġġieldu attitudnijiet negattivi, sterjotipi u preġudizzji wkoll jistgħu jindirizzaw il-proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika.

23.

Jenħtieġ li l-promozzjoni ta’ fehim aħjar tan-natura u l-firxa tal-impatt ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika tiġi inkluża f’attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-dritt għal-libertà tal-espressjoni indirizzati lil gruppi speċifiċi, bħall-professjonisti medjatiċi, l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja, il-membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-akkademiċi, il-gruppi ta’ riflessjoni, il-professjonisti tal-komunikazzjoni, l-impjegati taċ-ċivil, il-politiċi, l-awtoritajiet pubbliċi u l-korporazzjonijiet privati.

MEKKANIŻMI TA’ APPOĠĠ

24.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jkollhom aċċess għal appoġġ individwali u indipendenti. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jidentifikaw u jsaħħu l-organizzazzjonijiet li jipprovdu gwida u appoġġ għal tali miri. Tali organizzazzjonijiet jistgħu jinkludu l-assoċjazzjonijiet ta’ professjonisti legali, il-kunsilli tal-media u tal-istampa, l-assoċjazzjonijiet inklużivi għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-assoċjazzjonijiet fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, id-ditti legali li jiddefendu persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika pro bono, l-uffiċċji ta’ konsultazzjoni legali tal-universitajiet u organizzazzjonijiet nongovernattivi oħrajn.

25.

Jenħtieġ li kull Stat Membru jistabbilixxi punt fokali li jiġbor u jaqsam l-informazzjoni dwar l-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu gwida u appoġġ għall-persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi.

26.

L-Istati Membri mħeġġa jagħmlu użu mill-finanzjamenti nazzjonali u tal-Unjoni biex jipprovdu appoġġ finanzjarju u jippromwovu l-finanzjament disponibbli fil-livell tal-Unjoni lejn organizzazzjonijiet li jipprovdu gwida u appoġġ għall-persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika b’mod partikolari biex jiżguraw li jkollhom biżżejjed riżorsi biex jirreaġixxu malajr kontra tali proċedimenti.

27.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm assistenza legali għall-intimati fi proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika b’mod affordabbli u aċċessibbli faċilment.

28.

Jenħtieġ li kull Stat Membru jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki bejn l-organizzazzjonijiet li jipprovdu gwida u appoġġ għall-persuni fil-mira ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi.

ĠBIR, RAPPURTAR U MONITORAĠĠ TAD-DATA

29.

Jenħtieġ li l-Istati Membri, b’kont meħud tal-arranġamenti istituzzjonali tagħhom dwar l-istatistika ġudizzjarja, jinkarigaw awtorità waħda jew aktar bir-responsabbiltà tal-ġbir u l-aggregazzjoni tad-data dwar proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika miftuħin fil-qrati nazzjonali, b’rispett sħiħ tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li awtorità waħda tkun responsabbli biex tikkoordina l-informazzjoni u tirrapporta d-data aggregata miġbura fil-livell nazzjonali lill-Kummissjoni fuq bażi annwali u li dan jibda qabel tmiem l-2023, b’rispett sħiħ tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data. Il-Kummissjoni se tippubblika sommarju annwali tal-kontribuzzjonijiet li tirċievi.

30.

Meta jkun meħtieġ, il-grupp ta’ esperti kontra s-SLAPP tal-UE jista’ jappoġġa l-iżvilupp u l-aħjar użu tal-istandards u mudelli dwar il-ġbir tad-data.

31.

Jenħtieġ li d-data msemmija fil-punt 29 tinkludi:

(a)

l-għadd ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, miftuħin fis-sena rilevanti;

(b)

l-għadd ta’ każijiet ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, miċħudin fis-sena rilevanti mill-2022, kemm miċħudin abbażi tal-merti u kemm għal raġunijiet proċedurali;

(c)

l-għadd ta’ proċedimenti tal-qorti, ikklassifikati skont it-tip ta’ intimat (eż. ġurnalist, difensur tad-drittijiet tal-bniedem, stabbiliment tal-istampa);

(d)

l-għadd ta’ proċedimenti tal-qorti, ikklassifikati skont it-tip ta’ rikorrent (eż. politiku, persuna privata, kumpanija, jekk ir-rikorrent huwiex entità barranija);

(e)

ċifri dwar atti ta’ parteċipazzjoni pubblika li nfetħu proċedimenti tal-qorti għalihom;

(f)

ċifri dwar l-istimi tal-ammont tad-danni inizjali mitlubin mir-rikorrenti;

(g)

deskrizzjoni tal-bażijiet legali differenti użati mir-rikorrenti u ċ-ċifri relatati;

(h)

ċifri dwar it-tul tal-proċedimenti, inklużi l-istanzi kollha;

(i)

ċifri dwar elementi transfruntieri; u

(j)

meta tkun disponibbli, data oħra inkluż dwar l-ispejjeż ġudizzjarji tal-proċedimenti u, meta jkun rilevanti u xieraq, ċifri rilevanti dwar l-isfond storiku tal-kawżi.

32.

Jenħtieġ li l-awtorità li tiżgura l-koordinazzjoni, imsemmija fil-punt 29, tippubblika d-data, f’formati aċċessibbli fuq is-sit web tagħha, u meta jkun rilevanti permezz ta’ għodod xierqa oħrajn, filwaqt li tieħu l-arranġamenti meħtieġa biex tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ dawk involuti fi proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika.

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

33.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-appoġġ ta’ finanzjament disponibbli fil-livell tal-Unjoni biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, u jippromwovu l-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli għall-entitajiet pubbliċi u privati, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari taħt il-Programm CERV u l-Programm dwar il-Ġustizzja.

34.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jittrażmettu sa tmiem l-2023 u sussegwentement fuq talba, f’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni li jkun fih data aggregata kkonsolidata fil-livell tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni se torganizza, meta jkun meħtieġ, diskussjonijiet mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, f’fora rilevanti, dwar il-miżuri u l-azzjonijiet meħuda biex tiġi applikata r-Rakkomandazzjoni.

35.

Mhux aktar tard minn 5 snin wara d-data tal-adozzjoni, il-Kummissjoni se tivvaluta l-impatt ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fuq l-evoluzzjoni ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika fl-Unjoni Ewropea. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se tiddetermina jekk humiex meħtieġa passi addizzjonali biex tiġi żgurata l-protezzjoni adegwata tal-persuni fil-mira ta’ tali proċedimenti, filwaqt li jitqiesu l-konstatazzjonijiet tar-Rapporti tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt u informazzjoni rilevanti oħra inkluża data esterna.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Didier REYNDERS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ara pereżempju s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-14 ta’ Settembru 2010, Dink vs it-Turkija (rikorsi nri 2668/07, 6102/08, 30079/08, 7072/09 u 7124/09), il-paragrafu 137. Ara wkoll dwar l-obbligi pożittivi skont l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-Rapport tat-Taqsima tar-Riċerka tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem”, https://www.echr.coe.int/documents/research_report_article_10_eng.pdfI

(2)  Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-7 ta’ Diċembru 1976, Handyside vs Ir-Renju Unit (rikors nru 5493/72), il-paragrafu 49.

(3)  Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-15 ta’ Frar 2005, Steel and Morris vs Ir-Renju Unit (rikors nru 68416/01), il-paragrafu 89.

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2022)4 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-promozzjoni ta’ ambjent favorevoli għal ġurnaliżmu ta’ kwalità fl-era diġitali tipprevedi li “... ġurnaliżmu ta’ kwalità, li jserraħ fuq l-istandards tal-etika professjonali filwaqt li jieħu forom differenti skont il-kuntesti ġeografiċi, legali u soċjetali, isegwi l-għan doppju li jaġixxi bħala għassies pubbliku fis-soċjetajiet demokratiċi u jikkontribwixxi għas-sensibilizzazzjoni u l-illuminazzjoni tal-pubbliku”, https://search.coe.int/cm/pages/result_details.aspx?objectid=0900001680a5ddd0. Ir-riżoluzzjoni 2213 (2018) dwar l-istatus tal-ġurnalisti fl-Ewropa adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tirreferi fir-rigward tal-ġurnalisti professjonali għal “missjoni li tipprovdi informazzjoni lill-pubbliku dwar suġġetti ġenerali jew speċjalisti ta’ interess b’mod responsabbli u oġġettiv kemm jista’ jkun.” https://search.coe.int/cm/pages/result_details.aspx?objectid=0900001680a5ddd0.

(5)  Network akkademiku dwar id-drittijiet taċ-ċittadinanza Ewropea, Talba ad hoc – SLAPP fil-kuntest tal-UE, id-29 ta’ Mejju 2020, https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/ad-hoc-literature-review-analysis-key-elements-slapp_en.pdf, p. 4 u n-Network akkademiku dwar id-drittijiet taċ-ċittadinanza Ewropea, il-Kawżi Strateġiċi Kontra l-Parteċipazzjoni Pubblika (SLAPP) fl-Unjoni Ewropea: Studju komparattiv, it-30 ta’ Ġunju 2021, https://ec.europa.eu/info/files/strategic-lawsuits-against-public-participation-slapp-european-union-comparative-study_en.

(6)  P9_TA(2020)0320. F’din ir-Riżoluzzjoni, il-Parlament tenna wkoll it-termini tar-Riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ Marzu 2019 (P8_TA(2019)0328).

(7)  P9_TA(2021)0451.

(8)  Mill-2015 ’il quddiem, il-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa ffaċilitat il-kompilazzjoni u t-tixrid ta’ informazzjoni dwar tħassib serju dwar il-libertà tal-media u s-sikurezza tal-ġurnalisti fl-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa. Organizzazzjonijiet Sħab Kontribwenti – NGOs internazzjonali u assoċjazzjonijiet ta’ ġurnalisti mistednin – joħorġu allerti dwar ksur tal-libertà tal-media u jippubblikaw rapporti annwali dwar is-sitwazzjoni tal-libertà tal-media u s-sikurezza tal-ġurnalisti fl-Ewropa. L-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa mistennija jaġixxu u jindirizzaw il-kwistjonijiet u jinfurmaw lill-Pjattaforma bl-azzjonijiet meħudin b’rispons għall-allerti. Ir-rata baxxa ta’ rispons tal-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa, li huma wkoll Stati Membri tal-UE, turi ħtieġa għal aktar azzjoni. https://www.coe.int/en/web/media-freedom.

(9)  Fl-2021, ġew ippubblikati 282 allert fuq il-Pjattaforma għall-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti (coe.int), fost dawn, bosta każijiet ikkonċernati ta’ intimidazzjoni ġudizzjarja, jiġifieri l-użu opportunistiku, arbitrarju jew vessatorju tal-leġiżlazzjoni, inkluż il-malafama, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, is-sigurtà nazzjonali, il-ħuliganiżmu jew il-liġijiet kontra l-estremiżmu. Ir-Rapport Annwali tal-2021 mill-organizzazzjonijiet sħab tal-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Promozzjoni tal-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti nnota żieda fl-2020 meta mqabbla mas-sena preċedenti, kemm fl-għadd ta’ allerti kif ukoll fil-ġuriżdizzjonijiet tal-istati membri kkonċernati tal-Kunsill tal-Ewropa - 1680a2440e (coe.int).

(10)  Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2016)4 tal-Kumitat tal-Ministri lill-istati membri dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u atturi tal-media oħrajn, https://search.coe.int/cm/Pages/result_details.aspx?ObjectId=09000016806415d9#_ftn1.

(11)  COM(2020) 580 tat-30 ta’ Settembru 2020.

(12)  COM(2021) 700 final tal-20 ta’ Lulju 2021.

(13)  COM(2020) 790 final tat-3 ta’ Diċembru 2020.

(14)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1534 tas-16 ta’ Settembru 2021 dwar l-iżgurar tal-protezzjoni, tas-sikurezza u tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti u ta’ professjonisti oħra fil-media fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 331, 20.9.2021, p. 8).

(15)  Ara, fost l-oħrajn, Ir-Riżoluzzjoni 1577 tal-PACE Lejn id-dekriminalizzazzjoni tal-malafama (2007) https://assembly.coe.int/nw/xml/XRef/Xref-XML2HTML-en.asp?fileid=17588&lang=en, Ir-Rakkomandazzjoni tal-PACE Lejn id-dekriminalizzazzjoni tal-malafama 1814 (2007) https://assembly.coe.int/nw/xml/XRef/Xref-XML2HTML-en.asp?fileid=17587&lang=en, l-istudju tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Libertà tal-espressjoni u l-malafama. Studju tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (2012) https://rm.coe.int/study-on-the-alignment-of-laws-and-practices-concerning-alignment-of-l/16804915c5, u iktar reċenti l-istudju tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (2016) https://rm.coe.int/CoERMPublicCommonSearchServices/DisplayDCTMContent?documentId=09000016806ac95b.

(16)  Ir-Riżoluzzjoni 1577 (2007) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tal-4 ta’ Ottubru 2007 dwar lejn id-dekriminalizzazzjoni tal-malafama, https://assembly.coe.int/nw/xml/XRef/Xref-XML2HTML-en.asp?fileid=17588&lang=en.

(17)  Ara wkoll il-Kumment ġenerali Nru 34, l-Artikolu 19 tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Bniedem: Il-Libertajiet tal-opinjoni u tal-espressjoni tat-12 ta’ Settembru 2011, https://www2.ohchr.org/english/bodies/hrc/docs/gc34.pdf u r-Rapport Speċjali dwar il-fastidju legali u l-abbuż tas-sistema ġudizzjarja kontra l-media tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ewropa tar-Rappreżentant dwar il-Libertà tal-Media tat-23 ta’ Novembru 2021, https://www.osce.org/files/f/documents/c/f/505075_0.pdf

(18)  Il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, Kumment ġenerali Nru 34 l-Artikolu 19: Libertajiet ta’ opinjoni u espressjoni tat-12 ta’ Settembru 2011, https://www2.ohchr.org/english/bodies/hrc/docs/gc34.pdf.

(19)  L-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ewropa tar-Rappreżentant għal-Libertà tal-Media, Rapport speċjali dwar il-fastidju legali u l-abbuż tas-sistema ġudizzjarja kontra l-media, it-23 ta’ Novembru 2021, https://www.osce.org/files/f/documents/c/f/505075_0.pdf.

(20)  Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2016)4 tal-Kumitat tal-Ministri lill-istati membri dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u atturi tal-media oħrajn, ara l-paragrafu 6.

(21)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(22)  Il-manwal tal-Kunsill tal-Ewropa għall-prattikanti legali dwar il-protezzjoni tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni skont il-KEDB (2017), https://rm.coe.int/handbook-freedom-of-expression-eng/1680732814.

(23)  Sett ta’ għodod globali għall-atturi ġudizzjarji: standards legali internazzjonali dwar il-libertà tal-espressjoni, l-aċċess għall-informazzjoni u s-sikurezza tal-ġurnalisti (2021) https://unesdoc.unesco.org/ark:/48223/pf0000378755.

(24)  https://www.coe.int/en/web/help/home.

(25)  Ara l-Linji Gwida dwar l-istatistika ġudizzjarja tal-Kummissjoni Ewropea għall-effikaċja tal-ġustizzja (CEPEJ) fit-12-il laqgħa plenarja tagħha (Strasburgu, 10–11 ta’ Diċembru 2008) - CEPEJ-GT-EVAL (coe.int).

(26)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

(27)  Ir-Reġistru tal-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni u Entitajiet Oħra Simili (europa.eu)

(28)  Ir-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 (ĠU L 156, 5.5.2021, p. 1).

(29)  Ir-Regolament (UE) 2021/692 għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ spazju Ewropew ta’ ġustizzja u għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

(30)  Ara, fost l-oħrajn, Ir-Riżoluzzjoni 1577 tal-PACE Lejn id-dekriminalizzazzjoni tal-malafama (2007) https://assembly.coe.int/nw/xml/XRef/Xref-XML2HTML-en.asp?fileid=17588&lang=en, Ir-Rakkomandazzjoni tal-PACE Lejn id-dekriminalizzazzjoni tal-malafama 1814 (2007) https://assembly.coe.int/nw/xml/XRef/Xref-XML2HTML-en.asp?fileid=17587&lang=en, l-istudju tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Libertà tal-espressjoni u l-malafama. Studju tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (2012) https://rm.coe.int/study-on-the-alignment-of-laws-and-practices-concerning-alignment-of-l/16804915c5, u iktar reċenti l-istudju tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (2016) https://rm.coe.int/CoERMPublicCommonSearchServices/DisplayDCTMContent?documentId=09000016806ac95b.

(31)  Lil hinn mill-Kunsill tal-Ewropa (ara n-nota preċedenti f’qiegħ il-paġna), hemm domanda internazzjonali li qed tikber biex il-malafama tiġi dekriminalizzata. Ara l-Kumment ġenerali Nru 34, l-Artikolu 19 tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Bniedem: Il-Libertajiet tal-opinjoni u tal-espressjoni tat-12 ta’ Settembru 2011, https://www2.ohchr.org/english/bodies/hrc/docs/gc34.pdf u r-Rapport Speċjali dwar il-fastidju legali u l-abbuż tas-sistema ġudizzjarja kontra l-media tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ewropa tar-Rappreżentant dwar il-Libertà tal-Media tat-23 ta’ Novembru 2021, https://www.osce.org/files/f/documents/c/f/505075_0.pdf

(32)  Għal aktar informazzjoni dwar it-traspożizzjoni tal-Artikolu 85 GDPR fil-liġijiet nazzjonali, ara l-SWD, p. 26.


ANNESS

Elementi li jistgħu jiġu inklużi fit-taħriġ dwar talbiet għall-protezzjoni tad-data fil-kuntest ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (komunement magħrufa bħala “SLAPP”):

Il-leġiżlazzjoni adottata mill-Istati Membri biex jirrikonċiljaw id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, li għandha tipprevedi eżenzjonijiet jew derogi mid-dispożizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 85(2) tal-GDPR għall-ipproċessar imwettaq għal finijiet ġurnalistiċi jew għal finijiet tal-espressjoni akkademika, artistika jew letterarja, jekk dawn ikunu meħtieġa għar-rikonċiljazzjoni ta’ dawn iż-żewġ drittijiet.

Għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont il-GDPR, l-Artikolu 12(5) tal-GDPR jistabbilixxi li t-talbiet li jkunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, jistgħu jiġu rrifjutati (jew imposti b’tariffa raġonevoli).

Id-dritt ta’ rettifika fl-Artikolu 16 tal-GDPR jikkonċerna biss sitwazzjonijiet fejn id-data personali ma tkunx preċiża. Barra minn hekk, id-dritt li d-data personali li ma tkunx kompluta timtela mhuwiex awtomatiku u jiddependi mill-fini tal-ipproċessar.

Għall-eżerċizzju tad-dritt li wieħed jintesa, il-GDPR jipprevedi li dan id-dritt ma għandux japplika sal-punt li l-ipproċessar ikun meħtieġ għad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni (l-Artikolu 17(3)(a) tal-GDPR).

Bħala ostaklu għall-għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni, l-Artikolu 79(2) tal-GDPR jipprevedi li l-proċedimenti kontra kontrollur jew proċessur tad-data – eż. il-ġurnalist, id-difensur tad-drittijiet, l-attur tas-soċjetà ċivili, il-kumpanija tal-media, eċċ. – jistgħu jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikollu stabbiliment jew, sakemm il-kontrollur jew il-proċessur ma jkunx awtorità pubblika ta’ Stat Membru li jeżerċita s-setgħat pubbliċi tiegħu, fejn is-suġġett tad-data jkollu r-residenza abitwali tiegħu. Dik id-dispożizzjoni ma tħalli l-ebda lok għal azzjonijiet li jallegaw ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data quddiem qrati oħrajn mingħajr ebda rabta mal-ipproċessar tad-data personali, l-istabbiliment tal-ġurnalist jew tal-media jew ir-residenza abitwali tar-rikorrent, inkluż għad-danni.