20.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ April 2022

dwar il-konverżjoni tal-karti tal-flus tal-hryvnia fil-munita tal-Istati Membri ospitanti għall-benefiċċju ta’ persuni spostati mill-Ukrajna

(2022/C 166/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292, l-ewwel u t-tieni sentenza, flimkien mal-Artikolu 78(2), il-punt (c), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Minn mindu bdiet l-invażjoni Russa tal-Ukrajna fi ftit ġimgħat biss fl-Unjoni Ewropea waslu aktar minn 4 miljun persuna. Kemm id-daqs kif ukoll il-ħeffa tal-wasliet huma bla preċedent.

(2)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (1) stabbiliet l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna minħabba kunflitt armat u introduċiet protezzjoni temporanja għal persuni spostati mill-Ukrajna.

(3)

Dawk il-persuni spostati li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali, skont id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE (2) u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382, ikollhom bżonn urġenti ta’ likwidità biex ikopru l-ispejjeż essenzjali tagħhom. Bosta minnhom waslu bil-karti tal-flus tal-hryvnia, u qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet estremi biex jikkonvertu dawk il-karti tal-flus fil-munita tal-Istat Membru ospitanti.

(4)

Il-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna ssospenda l-iskambju tal-karti tal-flus tal-hryvnia fi flus barranin sabiex jipproteġi r-riżervi ta’ muniti barranin limitati tal-Ukrajna.

(5)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Istati Membri mhumiex lesti li jwettqu l-operazzjonijiet ta’ skambji tal-munita minħabba l-konvertibbiltà limitata tal-karti tal-flus tal-hryvnia u l-iskopertura għar-riskju tar-rata tal-kambju.

(6)

Xi Stati Membri qed jikkunsidraw li jistabbilixxu skemi nazzjonali li jappoġġaw il-konverżjoni b’rata fissa ta’ ammont limitat ta’ hryvnia għal kull persuna spostata.

(7)

Il-konverżjoni tal-karti tal-flus tal-hryvnia fil-munita tal-Istati Membri ospitanti jenħtieġ li tiġi ffaċilitata sabiex il-persuni spostati mill-Ukrajna jiġu megħjuna jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom, b’mod partikolari meta jivvjaġġaw fl-Unjoni.

(8)

Il-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna avviċina għadd ta’ Stati Membri sabiex jistabbilixxi skemi nazzjonali għax-xiri ta’ karti tal-flus tal-hryvnia bir-rata tal-kambju uffiċjali.

(9)

Jenħtieġ li jiġi promoss approċċ koordinat fir-rigward tal-iskemi nazzjonali li jiddaħħlu fis-seħħ mill-Istati Membri bil-ħsieb li l-persuni spostati mill-Ukrajna jingħataw l-istess trattament fir-rigward tal-konverżjoni tal-karti tal-flus tal-hryvnia fil-munita tal-Istat Membru ospitanti, li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li tiġi evitata l-possibbiltà ta’ mġiba spekulattiva fis-suq.

(10)

F’konformità mal-Artikoli 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Irlanda nnotifikat, permezz ta’ ittra tal-11 ta’ April 2022, ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

(11)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

FIR-RISPETT TAL-KOMPETENZI NAZZJONALI U B’KUNSIDERAZZJONI TAĊ-ĊIRKOSTANZI U L-PRATTIKI NAZZJONALI B’DAN JIRRAKKOMANDA:

GĦAN U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

1.

L-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tiffaċilita l-konverżjoni tal-karti tal-flus tal-hryvnia fil-munita tal-Istati Membri ospitanti mill-persuni spostati mill-Ukrajna intitolati għal protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali fit-tifsira tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382.

RAKKOMANDAZZJONI EWLENIJA

2.

Stat Membru jenħtieġ li joħloq skema nazzjonali biex jiffaċilita l-konverżjoni tal-karti tal-flus tal-hryvnia fil-munita nazzjonali tiegħu li jkollha l-karatteristiċi li ġejjin:

(a)

persuna spostata li tippreżenta evidenza li hija intitolata għal protezzjoni temporanja kif previst fid-Direttiva 2001/55/KE jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali kif imsemmi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382, bħal dik imsemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2022/C 126 I/01 (3) jenħtieġ li tkun tista’ tikkonverti karti tal-flus tal-hryvnia fil-munita tal-Istat Membru ospitanti. Fil-każ ta’ minorenni mhux akkumpanjati spostati, tali konverżjoni jenħtieġ li ssir mir-rappreżentant previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2001/55/KE;

(b)

jenħtieġ li jiġu stabbiliti limiti massimi għall-ammont ta’ hryvnias li għandhom jiġu kkonvertiti għal kull persuna spostata. B’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi nazzjonali, dawn il-limiti massimi jenħtieġ li jkunu ta’ 10 000 hryvnia, jew inqas, għal kull persuna spostata;

(c)

il-konverżjoni jenħtieġ li titħalla ssir mingħajr imposti;

(d)

ir-rata tal-kambju applikabbli jenħtieġ li tkun ir-rata tal-kambju uffiċjali kif ippubblikata mill-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna;

(e)

it-tul ta’ żmien tal-iskemi nazzjonali jenħtieġ li jkun ta’ mill-anqas tliet xhur.

RAKKOMANDAZZJONIJIET ADDIZZJONALI

3.

Bil-ħsieb li jiġi garantit aċċess effettiv għall-iskema ta’ konverżjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jagħmlu l-aħjar użu minn network ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jipparteċipaw fl-iskema ta’ konverżjoni fl-implimentazzjoni ta’ dik l-iskema. Bil-ħsieb li jiġi żgurat ir-rispett tal-limitu massimu għal kull persuna spostati, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw li jaqblu mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jipparteċipaw dwar kif jirreġistraw u jivverifikaw l-identità ta’ kull persuna spostata li tuża l-iskema ta’ konverżjoni.

4.

Bil-ħsieb li tiġi garantita governanza finanzjarja soda u fejn meħtieġ, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu li jaqblu mal-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna dwar il-modalitajiet għal skambju futur ta’ karti tal-flus tal-hryvnia.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ April 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1).

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2022/C 126 I/01 dwar il-linji gwida operazzjonali għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU C 126 I, 21.3.2022, p. 1).