20.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 325/94 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2506
tal-15 ta’ Diċembru 2022
dwar miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni mill-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(10) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lill-Ungerija skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, li l-awtoritajiet Ungeriżi wiġbuha fis-27 ta’ Jannar 2022. |
(2) |
Fis-27 ta’ April 2022, il-Kummissjoni bagħtet notifika bil-miktub lill-Ungerija skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 (in-“notifika”). Fin-notifika, il-Kummissjoni qajmet it-tħassib tagħha u ppreżentat il-konstatazzjonijiet tagħha rigward għadd ta’ kwistjonijiet relatati mas-sistema tal-akkwist pubbliku fl-Ungerija, inklużi:
|
(3) |
Dawk il-kwistjonijiet u r-ripetizzjoni tagħhom maż-żmien juru inabbiltà sistemika, falliment jew nuqqas ta’ rieda, min-naħa tal-awtoritajiet Ungeriżi, li jipprevjenu deċiżjonijiet li jiksru l-liġi applikabbli, fir-rigward tal-akkwist pubbliku u l-kunflitti ta’ interess, u b’hekk li jindirizzaw b’mod adegwat ir-riskji ta’ korruzzjoni. Dawn jikkostitwixxu ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipji taċ-ċertezza legali u l-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi u jqajmu tħassib dwar is-separazzjoni tas-setgħat. |
(4) |
Fin-notifika, il-Kummissjoni tat raġunijiet addizzjonali u ppreżentat il-konstatazzjonijiet tagħha rigward għadd ta’ kwistjonijiet relatati mal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni, u l-qafas kontra l-korruzzjoni, inklużi limitazzjonijiet għall-investigazzjoni u prosekuzzjoni effettivi ta’ attività kriminali allegata, l-organizzazzjoni tas-servizzi tal-prosekuzzjoni, u n-nuqqas ta’ qafas kontra l-korruzzjoni effettiv u li jiffunzjona fil-prattika. Dawk il-kwistjonijiet jikkostitwixxu ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, b’mod partikolari fir-rigward taċ-ċertezza legali, il-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
(5) |
Fin-notifika, il-Kummissjoni stabbiliet l-elementi fattwali u r-raġunijiet speċifiċi li bbażat il-konstatazzjonijiet tagħha fuqhom u talbet ukoll lill-Ungerija tipprovdi ċerta informazzjoni u data rigward dawk l-elementi u r-raġunijiet fattwali. Fin-notifika, il-Kummissjoni tat xahrejn lill-awtoritajiet Ungeriżi biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom. |
(6) |
Fis-27 ta’ Ġunju 2022, l-Ungerija wieġbet in-notifika (l-“ewwel tweġiba”). Permezz tal-ittri tat-30 ta’ Ġunju u tal-5 ta’ Lulju 2022, l-Ungerija ppreżentat informazzjoni ulterjuri biex tikkomplementa l-ewwel tweġiba. Barra minn hekk, fid-19 ta’ Lulju 2022, l-Ungerija bagħtet ittra addizzjonali li tipproponi għadd ta’ miżuri ta’ rimedju biex tindirizza l-konstatazzjonijiet fin-notifika. |
(7) |
Il-Kummissjoni vvalutat il-kummenti ppreżentati fl-ewwel tweġiba u kkonkludiet li dawn ma naqqsux it-tħassib u l-konstatazzjonijiet tagħha stabbiliti fin-notifika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li la l-ewwel tweġiba u lanqas l-ittri addizzjonali tat-30 ta’ Ġunju u tal-5 ta’ Lulju 2022 ma kien fihom miżuri ta’ rimedju adegwati impenjati b’mod xieraq fil-kuntest tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092. Minħabba l-preżentazzjoni tardiva tal-ittra tad-19 ta’ Lulju 2022, din ma setgħetx titqies fil-valutazzjoni tal-ewwel tweġiba. Madankollu, il-Kummissjoni qieset l-elementi rilevanti kollha f’dik l-ittra matul il-passi li segwew tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 6 tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, f’konformità mal-prinċipju ta' kooperazzjoni leali mal-Istati Membri. |
(8) |
F’konformità mal-Artikolu 6(7) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, fl-20 ta’ Lulju 2022 il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-Ungerija ('l-ittra ta’ intenzjoni') biex tinforma lill-Istat Membru bil-valutazzjoni tagħha skont l-Artikolu 6(6) ta’ dak ir-Regolament, u bil-miżuri li l-Kummissjoni pprevediet li tipproponi għall-adozzjoni mill-Kunsill skont l-Artikolu 6(9) ta’ dak ir-Regolament, fin-nuqqas ta’ impenn mill-Ungerija li tieħu miżuri ta’ rimedju adegwati. Fl-ittra ta’ intenzjoni, il-Kummissjoni tat lill-Ungerija l-opportunità li tippreżenta l-kummenti tagħha, b’mod partikolari dwar il-proporzjonalità tal-miżuri previsti. |
(9) |
L-Ungerija wieġbet l-ittra ta’ intenzjoni fit-22 ta’ Awwissu 2022 (“it-tieni tweġiba”), u fiha pprovdiet il-kummenti tagħha dwar il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-proċedura u l-proporzjonalità tal-miżuri msemmijin fl-ittra ta’ intenzjoni. Minkejja li kkontestat il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-Ungerija pproponiet ċerti miżuri ta’ rimedju biex tindirizza t-tħassib imqajjem mill-Kummissjoni. Fit-13 ta’ Settembru 2022, l-Ungerija bagħtet ittra lill-Kummissjoni li kienet tinkludi kjarifiki u impenji ulterjuri rilevanti għall-miżuri ta’ rimedju proposti. Fil-fehma tal-Ungerija, il-miżuri ta’ rimedju, inklużi l-impenji addizzjonali inklużi fl-ittra tat-13 ta’ Settembru 2022, indirizzaw bis-sħiħ it-tħassib tal-Kummissjoni, u għalhekk il-Kummissjoni ma kellha tipproponi l-ebda miżura lill-Kunsill. |
(10) |
Billi qieset li ġew issodisfati l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, fit-18 ta' Settembru 2022 il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kontra l-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija ("il-proposta tal-Kummissjoni"). |
(11) |
Skont il-konklużjonijiet stabbiliti fil-proposta tal-Kummissjoni, l-ewwel nett, hemm irregolaritajiet sistemiċi serji, nuqqasijiet u dgħufijiet fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku fl-Ungerija. Irregolaritajiet ta’ dan it-tip instabu wara verifiki konsekuttivi mwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni kemm għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 kif ukoll għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Dawk l-awditi għalqu b’ammonti kumplessivi sinifikanti ta’ korrezzjonijiet finanzjarji, kif ukoll bosta investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) li wasslu għal rakkomandazzjonijiet finanzjarji għall-irkupru ta’ ammonti sinifikanti mill-Ungerija. Barra minn hekk, id-data disponibbli tindika li kien hemm perċentwali inużwalment għoli ta’ kuntratti mogħtija wara proċeduri li fihom offerent wieħed biss ikun ipparteċipa; l-attribuzzjonijiet ta’ kuntratti lil kumpaniji speċifiċi, li gradwalment kienu qed jiksbu ishma kbar mis-suq; kif ukoll nuqqasijiet serji fl-attribuzzjoni ta’ ftehimiet qafas. Barra minn hekk, hemm tħassib dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u l-kunflitt ta’ interess għal “trusts ta’ interess pubbliku” u l-entitajiet ġestiti minnhom, u n-nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tal-ġestjoni tal-fondi minn dawk it-trusts. Dawk il-kwistjonijiet u r-rikorrenza tagħhom maż-żmien juru inabbiltà sistemika, falliment jew nuqqas ta’ rieda, min-naħa tal-awtoritajiet Ungeriżi, li jipprevjenu deċiżjonijiet li jiksru l-liġi applikabbli, fir-rigward tal-akkwist pubbliku u l-kunflitti ta’ interess, u b’hekk li jindirizzaw b’mod adegwat ir-riskji ta’ korruzzjoni. Dawn jikkostitwixxu ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipji taċ-ċertezza legali u l-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi, u jqajmu tħassib fir-rigward tas-separazzjoni tas-setgħat. |
(12) |
It-tieni, hemm kwistjonijiet addizzjonali fir-rigward tal-limitazzjonijiet għall-investigazzjoni u prosekuzzjoni effettivi ta’ attività kriminali allegata, l-organizzazzjoni tas-servizzi tal-prosekuzzjoni, u n-nuqqas ta’ qafas kontra l-korruzzjoni effettiv u li jiffunzjona. B’mod partikolari, hemm nuqqas ta’ rimedji ġudizzjarji effettivi minn qorti indipendenti kontra deċiżjonijiet tas-servizz tal-prosekuzzjoni biex ma ssirx investigazzjoni jew prosekuzzjoni ta’ korruzzjoni, frodi jew reati kriminali oħrajn allegati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, nuqqas ta’ rekwiżit li jingħataw raġunijiet meta każijiet ta’ dan it-tip jiġu attribwiti jew riassenjati, u nuqqas ta’ regoli biex jiġu evitati deċiżjonijiet arbitrarji f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, hemm nuqqas ta’ strateġija komprensiva kontra l-korruzzjoni li tkopri l-aktar oqsma rilevanti għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni; sottoutilizzazzjoni tal-firxa sħiħa ta’ għodod preventivi biex jassistu fl-investigazzjoni tal-korruzzjoni, b’mod partikolari każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli; kif ukoll nuqqas kumplessiv ta’ prevenzjoni u repressjoni effettivi ta’ frodi kriminali u reati ta’ korruzzjoni. Dawk il-kwistjonijiet jikkostitwixxu ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, b’mod partikolari fir-rigward taċ-ċertezza legali, il-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
(13) |
Skont il-Kummissjoni, il-kummenti ppreżentati fit-tweġibiet mill-Ungerija ma jindirizzawx b’mod adegwat il-konstatazzjonijiet stabbiliti fl-ittra ta’ notifika u fl-ittra ta’ intenzjoni. B’mod partikolari, it-tweġibiet ma pprovdew l-ebda evidenza dwar it-titjib reċenti mill-Ungerija fis-sistema tal-akkwist pubbliku tagħha (fir-rigward tat-trasparenza, l-intensità tal-kompetizzjoni, il-kontrolli tal-kunflitti ta’ interess). Filwaqt li saru xi bidliet fis-sistema Ungeriża tal-akkwist pubbliku wara l-awditi tas-servizzi tal-Kummissjoni, ma hemm l-ebda indikazzjoni li dawk il-bidliet kellhom impatt fuq il-livell ta’ kompetizzjoni fis-suq Ungeriż. Id-data disponibbli għall-Kummissjoni turi mhux biss żieda fil-konċentrazzjoni ta’ għotjiet fl-akkwist pubbliku, iżda wkoll żieda fil-probabbiltà tar-rebħ ta’ atturi tal-partit fil-gvern tal-Ungerija. Il-Kummissjoni kisbet studju li pprovda analiżi empirika statistika ta’ aktar minn 270 000 kuntratt ta’ akkwist pubbliku fl-Ungerija bejn l-2005 u l-2021. Il-kummenti tal-istudju ġew ikkorroborati bil-konstatazzjonijiet ta’ eżami ta’ ċerta data tal-offerti rigward kuntratti mogħtija lil xi wħud mill-kumpaniji identifikati bħala kumpaniji b’konnessjonijiet politiċi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġabret rapporti mill-media u mill-partijiet ikkonċernati fis-settur tat-turiżmu, fis-settur tal-komunikazzjoni u fis-settur tal-isport. L-Ungerija ma pprovdiet l-ebda evidenza dwar l-applikabbiltà (u lanqas dwar l-applikazzjoni fil-prattika) tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ interess rilevanti għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fir-rigward tat-trusts ta’ interess pubbliku. |
(14) |
L-irregolaritajiet, in-nuqqasijiet u d-dgħufijiet identifikati huma mifruxa u interkonnessi, li jfisser li proċeduri għajr dawk previsti fir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 ma jistgħux jindirizzaw ir-riskji għall-baġit tal-Unjoni b’mod aktar effettiv. Anki jekk jistgħu jintużaw ċerti mezzi disponibbli skont ir-regoli settorjali, bħall-awditi mwettqin mis-servizzi tal-Kummissjoni, u l-korrezzjonijiet finanzjarji għall-irregolaritajiet mhux ikkoreġuti mill-awtoritajiet Ungeriżi, dawk il-miżuri ġeneralment jirrelataw ma’ nefqa diġà ddikjarata lill-Kummissjoni, u l-kontinwazzjoni tan-nuqqasijiet tul ħafna snin turi li l-korrezzjonijiet finanzjarji mhumiex biżżejjed biex jipproteġu l-interess finanzjarju tal-Unjoni minn riskji attwali jew futuri. |
(15) |
Fir-rigward tal-osservanza u l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet abilitanti minquxa fir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jenħtieġ li jiġi nnotat li l-unika konsegwenza tan-nuqqas li tiġi ssodisfata kundizzjoni abilitanti stabbilita fl-Artikolu 15(5) ta’ dak ir-Regolament hija li l-Kummissjoni mhix ser tirrimborża n-nefqa relatata mal-operazzjonijiet marbutin mal-objettiv speċifiku lill-Istat Membru ikkonċernat. Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 jagħti firxa akbar ta’ miżuri possibbli biex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni, inklużi s-sospensjoni tal-approvazzjoni ta’ programm wieħed jew aktar, kif ukoll is-sospensjoni tal-impenji taħt ġestjoni kondiviża. Il-miżuri possibbli skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 jikkonċernaw ukoll il-prefinanzjament, li mhuwiex previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2021/1060. |
(16) |
Fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-akkwist pubbliku u l-interpretazzjoni tagħhom, il-premessa 17 tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tiċċara li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ dak ir-Regolament hija finanzjarja u speċifika għas-settur. Proċeduri ta’ ksur mhumiex ibbażati fuq att leġiżlattiv, iżda direttament fuq l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dik id-dispożizzjoni tal-liġi primarja ma tistax titqies bħala “leġiżlazzjoni tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092. |
(17) |
L-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni meta jimplimentaw miżuri bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 22 ta' dak ir-Regolament, fit-30 ta' Novembru 2022 il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza għall-Ungerija, li fih stadji importanti li jinkorporaw l-impenji meħuda mill-Ungerija skont il-miżuri ta' rimedju maqbula mal-Kummissjoni fil-qafas ta' din il-proċedura. Ir-responsabbiltà primarja għall-konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-miżuri taħt il-Faċilita' għall-Irkupru u r-Reżiljenza tibqa’ tal-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2021/241, filwaqt li l-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 22(5) ta’ dak ir-Regolament, tista’ tipproċedi għal miżuri korrettivi f’każijiet ta’ frodi, korruzzjoni, u kunflitti ta’ interess li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li ma jkunux ġew ikkoreġuti mill-Istat Membru, jew ksur serju ta’ obbligu li jirriżulta mill-ftehim ta’ self jew mill-ftehim ta’ finanzjament. Barra minn hekk, l-istadji importanti huma kondizzjonijiet li jeħtieġ li jiġu ssodisfati sabiex l-Ungerija tkun tista' tressaq talbiet għal pagamenti futuri skont il-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Bħala tali, ma jistgħux jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fir-rigward ta' ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li diġà jaffettwa jew jirriskja li jaffettwa l-implimentazzjoni fl-Ungerija ta' programmi oħra ta' nfiq iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni b'mod dirett biżżejjed. Għalhekk, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2021/241 ma tippermettix lill-Kummissjoni tipproteġi l-baġit tal-Unjoni b’mod aktar effettiv f’dan il-każ. |
(18) |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, l-ebda proċedura oħra skont il-liġi tal-Unjoni ma tippermetti lill-Kummissjoni tipproteġi l-baġit tal-Unjoni b’mod aktar effettiv mill-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092. |
(19) |
L-impatt potenzjali tal-ksur identifikat fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni huwa meqjus bħala partikolarment sinifikanti, billi dak il-ksur huwa intrinsikament marbut mal-proċess li bih jintużaw il-fondi tal-Unjoni mill-Ungerija, billi jikkonsisti f’funzjonament mhux xieraq tal-awtoritajiet pubbliċi li jiddeċiedu dwar l-għoti ta’ kuntratti ffinanzjati permezz tal-baġit tal-Unjoni. Barra minn hekk, jekk il-ksur identifikat ikun abbinat mal-limiti u l-ostakli fid-detezzjoni, l-investigazzjoni u l-korrezzjoni tal-frodi, identifikati bħala raġunijiet addizzjonali relatati mal-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-qafas kontra l-korruzzjoni, l-impatt jista’ jitqies saħansitra aktar sinifikanti. |
(20) |
Meta titqies in-natura tal-konstatazzjonijiet fir-rigward tal-akkwist pubbliku, jenħtieġ li l-miżuri xierqa li jridu jiġu adottati skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 (il-“miżuri xierqa”) ikunu jikkonċernaw il-finanzjament tal-Unjoni li huwa prinċipalment implimentat permezz tal-akkwist pubbliku. L-awditi tal-Kummissjoni li identifikaw proċessi ta’ akkwist pubbliku irregolari u b’nuqqasijiet koprew il-qasam tal-politika ta’ koeżjoni, u minkejja li l-impatt ta’ dawk in-nuqqasijiet u l-irregolaritajiet fuq il-baġit tal-Unjoni ġie kkoreġut finanzjarjament fl-applikazzjoni tar-regoli tal-politika ta’ koeżjoni, dawn juru inabbiltà sistemika, falliment jew nuqqas ta’ rieda mill-awtoritajiet Ungeriżi li jipprevjenu deċiżjonijiet li jiksru l-liġi applikabbli fir-rigward tal-akkwist pubbliku u l-kunflitti ta’ interess, u b’hekk li jindirizzaw b’mod adegwat ir-riskji ta’ korruzzjoni. |
(21) |
Jenħtieġ li, bi prijorità, l-programmi li jridu jiġu protetti mill-miżuri xierqa jkunu l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 li mistennija jiġu implimentati prinċipalment permezz tal-akkwist pubbliku b’analoġija mal-mod kif l-Ungerija implimentat il-programmi ekwivalenti taħt il-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020. Dawk il-programmi huma l-Programm Operazzjonali għall-Ambjent u l-Effiċjenza Enerġetika Plus, il-Programm Operazzjonali għat-Trasport Integrat Plus u l-Programm Operazzjonali għall-Iżvilupp Territorjali u tal-Abitat Plus (il-“programmi kkonċernati”). Fir-rigward tal-programmi kkonċernati, il-livell ta’ implimentazzjoni permezz tal-akkwist pubbliku huwa stmat għal minn 85 % sa 90 %. |
(22) |
Jenħtieġ li l-miżuri xierqa jikkonċernaw ukoll azzjonijiet taħt il-programmi tal-Unjoni implimentati b’ġestjoni diretta u indiretta, li għalihom it-trusts ta’ interess pubbliku u l-entitajiet miżmuma minnhom, li jitqiesu bħala entitajiet tal-gvern fis-sens tal-Artikoli 2(b) u 5(1)(a) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, ikunu jistgħu jkunu benefiċjarji jew entitajiet ta’ implimentazzjoni. Fir-rigward tal-ksur identifikat rilevanti għat-trusts ta’ interess pubbliku, jenħtieġ li l-programmi kollha tal-Unjoni implimentati b’ġestjoni diretta u indiretta jkunu fil-mira tal-miżuri xierqa. |
(23) |
F’konformità mar-rekwiżiti tal-proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, jenħtieġ li l-livell xieraq tal-miżuri li jridu jiġu applikati jiġi ddeterminat b’perċentwal li jirrifletti r-riskju riżultanti għall-baġit tal-Unjoni. |
(24) |
Fid-dawl tas-serjetà, il-frekwenza u d-durata tal-ksur sistemiku identifikat fl-akkwist pubbliku, ir-riskju finanzjarju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jista’ jitqies bħala sinifikanti ħafna, u għalhekk jiġġustifika miżuri b’livell għoli ħafna ta’ impatt finanzjarju. |
(25) |
F’konformità mal-Artikolu 6(6) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, l-informazzjoni rċevuta u kwalunkwe kumment magħmul mill-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll l-adegwatezza ta’ kwalunkwe miżura ta’ rimedju proposta, iridu jitqiesu meta tittieħed deċiżjoni dwar il-miżuri xierqa. Għalhekk, jenħtieġ li l-miżuri ta’ rimedju proposti mill-Ungerija jiġu inklużi fil-valutazzjoni. |
(26) |
Fit-tieni tweġiba tagħha, l-Ungerija ppreżentat 17-il miżura ta’ rimedju, li l-impenji tagħhom ġew ikkomplementati b’ittra mibgħuta lill-Kummissjoni fit-13 ta’ Settembru 2022. Skont l-opinjoni tal-Ungerija, dawn jindirizzaw il-kwistjonijiet kollha mqajma mill-Kummissjoni fin-notifika . Il-miżuri ta’ rimedju proposti huma kif ġej:
|
(27) |
Tlettax mill-miżuri ta' rimedju jistabbilixxu Passi Ewlenin ta' Implimentazzjoni li għandhom jittieħdu sad-19 ta' Novembru 2022. L-Ungerija impenjat ruħha li tinforma lill-Kummissjoni sad-19 ta' Novembru 2022, u kull tliet xhur minn hemm 'il quddiem, dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' rimedju, inkluż l-impenji addizzjonali li kien fiha l-ittra tat-13 ta' Settembru 2022. Għal erba' miżuri ta' rimedju, jiġifieri miżuri ta' rimedju (h) u (l) sa (n), il-Kummissjoni indikat li ma kien hemm l-ebda Passi Ewlenin ta' Implimentazzjoni immedjati, peress li jeħtieġu perjodu ta' implimentazzjoni itwal, u li hija ser timmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom bħala parti mill-monitoraġġ tagħha tal-miżuri kollha ta' rimedju, abbażi tar-rapportar trimestrali li għalih l-Ungerija impenjat ruħha bl-ittri tagħha tad-19 ta' Novembru 2022, sal-31 ta' Diċembru 2028. |
(28) |
B’mod ġenerali, l-Ungerija impenjat ruħha li tieħu l-miżuri ta’ rimedju proposti fit-tieni tweġiba tagħha biex tindirizza l-kwistjonijiet imqajma fin-notifika mingħajr kundizzjonijiet u li żżomm lilhom u l-leġiżlazzjoni relatata fis-seħħ mingħajr ebda limitu ta’ żmien u li tinforza kif xieraq ir-regoli stabbiliti fihom. |
(29) |
Kif iċċarat fil-memorandum ta' spjegazzjoni li jakkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri ta' rimedju proposti, meħuda flimkien, fil-prinċipju kapaċi jindirizzaw il-kwistjonijiet rigward l-irregolaritajiet sistemiċi, in-nuqqasijiet u d-dgħufijiet fl-akkwist pubbliku, ir-riskji ta' kunflitti ta' interess, u t-tħassib dwar trusts ta' interess pubbliku, kif ukoll ir-raġunijiet addizzjonali rigward l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-qafas kontra l-korruzzjoni, dment li l-miżuri kollha jiġu implimentati b'mod korrett u effettiv. |
(30) |
Madankollu, il-Kummissjoni żiedet ukoll li r-regoli dettaljati ta' implimentazzjoni għall-miżuri ta' rimedju proposti kienu għadhom iridu jiġu ddeterminati, b'mod partikolari kif l-elementi ewlenin tal-miżuri jiġu trasposti fit-testi legali attwali li jridu jiġu adottati għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta' rimedju. Minħabba li bosta mill-kwistjonijiet identifikati fl-Ungerija mhumiex biss dwar bidliet fil-qafas legali, iżda b'mod aktar prominenti dwar l-implimentazzjoni konkreta tal-bidliet fil-prattika, b'din tal-aħħar tirrikjedi perjodu ta' żmien aktar estiż biex tagħti riżultati konkreti, sakemm jiġu implimentati mill-inqas l-elementi ewlenin ta' xi wħud mill-miżuri ta' rimedju fiż-żmien tal-proposta tal-Kummissjoni, kif indikat fl-iskedi ta' żmien tal-miżuri ta' rimedju ppreżentati mill-Ungerija fit-tieni risposta tagħha, kien għad hemm riskju għall-baġit tal-Unjoni. Sakemm jidħlu fis-seħħ it-testi leġiżlattivi ewlenin li jimplimentaw ħafna mill-miżuri ta' rimedju proposti u filwaqt li titqies il-valutazzjoni li tinsab fil-memorandum ta' spjegazzjoni li jakkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni, kif ukoll il-possibbiltà li l-miżuri jistgħu ma jiġux implimentati b'mod korrett, jew li l-effettività tagħhom tiddgħajjef fid-dettalji tal-miżuri, il-Kummissjoni stmat li l-livell ta' riskju għall-baġit tal-Unjoni kkorrisponda għal 65 % tal-programm kkonċernat, jiġifieri 5 punti perċentwali inqas mir-riskju stmat fin-nuqqas ta' miżuri ta' rimedju. Għalhekk hija pproponiet li l-Kunsill jadotta miżuri xierqa skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092. |
(31) |
B'kont meħud li l-Ungerija kienet impenjat ruħha li tieħu miżuri ta' rimedju biex tindirizza s-sitwazzjoni f'konformità ma' kalendarju dettaljat u li l-Kummissjoni qieset li l-miżuri ta' rimedju proposti, meħuda flimkien, jekk jiġu speċifikati u implimentati b'mod korrett skont dak il-kalendarju dettaljat, jistgħu fil-prinċipju jkunu kapaċi jindirizzaw il-kwistjonijiet, fit-13 ta' Ottubru 2022 il-Kunsill iddeċieda, wara talba mill-Ungerija li kienu jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali skont l-Artikolu 6(10) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 li kienu biżżejjed sabiex tiġi estiża l-iskadenza għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' implimentazzjoni b'xahrejn addizzjonali, biex jingħata lill-Kummissjoni u l-Kunsill biżżejjed żmien biex jivvalutaw l-adozzjoni u l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri ta' rimedju, b'kont meħud tal-għadd kbir u l-kumplessità teknika tagħhom. |
(32) |
Sabiex tilaħħaq mal-iskadenzi stabbiliti fil-Passi Ewlenin ta' Implimentazzjoni, l-Ungerija pproċediet bl-adozzjoni ta' diversi atti leġiżlattivi bejn l-aħħar ta' Settembru 2022 u l-bidu ta' Ottubru. Aktar diskussjonijiet intensi bejn l-awtoritajiet Ungeriżi u s-servizzi tal-Kummissjoni kienu meħtieġa biex jippruvaw jiżguraw li dawk l-atti jkunu allinjati bis-sħiħ mal-miżuri ta' rimedju u li jkunu effettivi. Bħala riżultat ta' dawk id-diskussjonijiet, il-Gvern Ungeriż ippreżenta lill-Assemblea Nazzjonali l-hekk imsejjaħ 'pakkett ta' servizz' fil-15 ta' Novembru 2022, b'għadd ta' emendi proposti għat-testi legali li ġew adottati fl-aħħar ta' Settembru 2022 u l-bidu ta' Ottubru. Il-pakkett ta' servizz huwa magħmul minn żewġ abbozzi ta' liġi, wieħed (T/2033) għall-adozzjoni skont il-proċedura ordinarja, li għaliha l-votazzjoni finali saret fit-22 ta' Novembru 2022, u l-abbozz ta' liġi l-ieħor (T/2032) għall-adozzjoni skont il-proċedura applikabbli għal atti kardinali (li teħtieġ maġġoranza ta' żewġ terzi), li għaliha l-votazzjoni finali saret fis-7 ta' Diċembru 2022. L-Assemblea Nazzjonali adottat iż-żewġ atti. Permezz tal-ittri sottomessi lill-Kummissjoni fid-19 ta' Novembru, fis-26 ta' Novembru, fis-6 ta' Diċembru u fis-7 ta' Diċembru 2022 l-Ungerija infurmat lill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet meħuda biex jiġu implimentati l-impenji li ttieħdu qabel. |
(33) |
Fit-30 ta' Novembru 2022, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar il-miżuri ta' rimedju nnotifikati mill-Ungerija, li tipprovdi lill-Kunsill b'valutazzjoni tal-adegwatezza tal-miżuri ta' rimedju kif adottati mill-Ungerija mid-19 ta' Novembru 2022. Wara talba magħmula mill-Kunsill fis-6 ta' Diċembru 2022, il-Kummissjoni, fid-9 ta' Diċembru 2022, ipprovdiet valutazzjoni aġġornata dwar il-miżuri l-oħra li ħadet l-Ungerija sas-7 ta' Diċembru 2022. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2022 u l-valutazzjoni aġġornata tad-9 ta' Diċembru 2022, meħuda flimkien mal-memorandum ta' spjegazzjoni li jakkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni, jikkostitwixxu l-bażi għad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill. |
(a) Tisħiħ tal-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni tal-illegalitajiet u l-irregolaritajiet li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni permezz ta' Awtorità tal-Integrità ġdida stabbilita.
(34) |
L-Ungerija impenjat ruħha li tistabbilixxi Awtorità tal-Integrità ġdida bl-għan li ssaħħaħ il-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta' frodi, kunflitti ta' interess u korruzzjoni, kif ukoll illegalitajiet u irregolaritajiet oħra fl-implimentazzjoni ta' kwalunkwe appoġġ finanzjarju tal-Unjoni. Il-ħolqien tal-Awtorità tal-Integrità, korp ġdid fil-kuntest Ungeriż, huwa miżura orizzontali li għandha l-għan li tirrimedja l-ksur sistemiku tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li jikkonċerna l-akkwist pubbliku li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għalhekk hija waħda mill-miżuri ta' rimedju ċentrali proposti mill-Ungerija biex tindirizza t-tħassib imqajjem mill-Kummissjoni. |
(35) |
Fil-miżura ta' rimedju proposta, l-Ungerija inkludiet għadd ta' elementi li fil-mument tal-proposta tal-Kummissjoni huma vvalutati b'mod pożittiv, b'mod partikolari dwar: (i) l-għan u l-objettivi tal-Awtorità tal-Integrità l-ġdida, (ii) il-kamp ta' applikazzjoni tal-mandat tagħha u s-setgħat estensivi, inkluż is-setgħat li tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet kontraenti biex jissospendu l-offerti, is-setgħat li titlob lill-korpi investigattivi amministrattivi jwettqu investigazzjonijiet, is-setgħat li tirrakkomanda l-esklużjoni ta' operaturi ekonomiċi speċifiċi mill-finanzjament tal-Unjoni; id-dritt li titlob stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet kollha tal-awtoritajiet li jikkonċernaw il-proċeduri ta' akkwist pubbliku li jinvolvu kwalunkwe appoġġ mill-Unjoni (u li jista' jkun soġġett għal stħarriġ ġudizzjarju) eċċ.; (iii) ir-regoli dwar il-ħatra tal-bord tal-Awtorità tal-Integrità u dwar l-involviment ta' "kumitat tal-eliġibbiltà" bl-għan li jiġi ggarantit li l-Awtorità tal-Integrità tkun kompletament indipendenti. Barra minn hekk, l-Ungerija hija impenjata li l-Awtorità tal-Integrità ser sserraħ fuq il-fatti stabbiliti minn deċiżjonijiet ġudizzjarji, ser tkun tista' titlob l-intervent tal-qrati, u d-deċiżjonijiet tagħha stess ser ikunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Għal din ir-raġuni, l-Ungerija impenjat ruħha wkoll li l-qrati kollha fl-Ungerija li jisimgħu kawżi ċivili, amministrattivi u kriminali inklużi dawk rilevanti għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni ser jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-indipendenza, l-imparzjalità u li jkunu stabbiliti bil-liġi, f'konformità mal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-acquis rilevanti tal-Unjoni. L-Ungerija impenjat ruħha wkoll li tieħu l-Passi Ewlenin ta' Implimentazzjoni għall-ħolqien tal-Awtorità tal-Integrita' sad-19 ta' Novembru 2022. Wara s-sottomissjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, fl-4 ta' Ottubru 2022, l-Ungerija adottat l-Att li jistabbilixxi l-Awtorità tal-Integrità (l-Att XXVII tal-2022 dwar il-kontroll tal-użu tal-fondi tal-baġit tal-Unjoni Ewropea, 'l-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità'), li daħal fis-seħħ fl-11 ta' Ottubru 2022. Aktar emendi għall-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità ġew introdotti bħala parti miż-żewġ abbozzi ta' liġijiet li jiffurmaw 'il-pakkett ta' servizz' ippreżentat lill-Assemblea Nazzjonali fil-15 ta' Novembru 2022 u vvotat fuqhom fit-22 ta' Novembru 2022 u fis-7 ta' Diċembru 2022. Kif meħtieġ fil-miżura ta' rimedju, l-Ungerija kkonsultat lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-OECD fil-proċess li wassal għall-adozzjoni tal-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità, u qieset ċerti rakkomandazzjonijiet. B'mod parallel mal-proċeduri leġiżlattivi, fit-23 ta' Settembru 2022, l-awtoritajiet Ungeriżi nedew proċedura tal-għażla u tal-ħatra għall-membri tal-Kumitat ta' Eliġibbilta', u mbagħad fl-14 ta' Ottubru 2022, għall-membri tal-bord tal-Awtorità tal-Integrità, li kienu finalment maħtura sal-4 ta' Novembru 2022. L-Awtorità tal-Integrità kellha l-ewwel laqgħa uffiċjali tagħha fit-18 ta' Novembru 2022. |
(36) |
Madankollu, billi l-Kummissjoni sabet fil-komunikazzjoni tagħha tat-30 ta' Novembru 2022 u kkonfermat fid-9 ta' Diċembru 2022 wara valutazzjoni bir-reqqa, li l-qafas regolatorju għall-Awtorità tal-Integrità kif stabbilit fl-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità ma jissodisfax ċerti impenji meħuda skont il-miżura ta' rimedju, li, għalhekk, ma jistgħux jitqiesu effettivi bis-sħiħ u adegwati skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092. Id-dgħufijiet, ir-riskji u n-nuqqasijiet tal-miżura ta' rimedju, li jikkompromettu l-effettività u l-indipendenza tal-Awtorità tal-Integrità u l-kapaċità tagħha li tindirizza s-sejbiet tal-Kummissjoni, huma b'mod partikolari dawn li ġejjin: (i) in-nuqqas ta' regola ċara li tiddikjara li l-Awtorità tal-Integrità ser iżżomm il-kompetenza tagħha wara li proġett jiġi rtirat mill-finanzjament tal-Unjoni; (ii) id-dgħufijiet tas-sistema għall-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti li ma jsegwux ir-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità tal-Integrità; (iii) id-dgħufijiet tal-proċedura ta' tkeċċija; (iv) is-setgħat diretti, u mhux superviżorji, tal-Awtorità tal-Integrità fir-rigward tal-gruppi diversi ta' dikjaranti, u n-nuqqas ta' trasferiment tas-setgħat lill-Awtorità tal-Integrità biex tivverifika d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-membri tal-Gvern; (v) il-kamp ta' applikazzjoni limitat relatat man-nuqqas ta' inklużjoni tal-"uffiċjali b'riskju għoli" kollha fil-kamp ta' applikazzjoni tas-setgħat ta' verifika tal-Awtorità tal-Integrità fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-assi. Il-Kunsill iqis li għal dawn ir-raġunijiet kif esposti aktar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, id-dgħufijiet identifikati, u b'mod partikolari dawk li jillimitaw is-setgħat tal-Awtorità tal-Integrità, huma ta' gravità tant li jimminaw serjament il-kapaċità tal-Awtorità tal-Integrità li tirrimedja l-ksur sistemiku tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li jikkonċerna l-akkwist pubbliku li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. |
(b) It-Task Force Kontra l-Korruzzjoni
(37) |
L-Ungerija impenjat ruħha li tistabbilixxi Task Force Kontra l-Korruzzjoni bil-kompitu li, fost oħrajn, teżamina l-miżuri eżistenti kontra l-korruzzjoni u telabora proposti dwar it-titjib tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u s-sanzjonar ta' prattiki korrotti. Element ewlieni tal-miżura ta' rimedju kien jikkonċerna l-parteċipazzjoni sħiħa, strutturata u effettiva ta' atturi mhux statali attivi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni flimkien mar-rappreżentanti tal-gvern. Barra minn hekk, l-Ungerija impenjat ruħha għal konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali u internazzjonali, inkluż il-Kummissjoni, matul it-tħejjija tal-abbozz tal-leġiżlazzjoni. L-Ungerija impenjat ruħha li tieħu Passi Ewlenin ta' Implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi l-qafas regolatorju għat-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni sat-30 ta' Settembru 2022. F'konformità mal-miżura ta' rimedju, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità jipprevedu li 50 % tal-membri tat-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni għandhom jirrappreżentaw atturi mhux governattivi u jintgħażlu abbażi ta' proċess tal-għażla miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju bi kriterji oġġettivi relatati mal-għarfien espert u l-merti. Wara l-preżentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, l-Ungerija kkonsultat lill-OECD u lill-Kunsill tal-Ewropa, u pprevediet l-istabbiliment ta' Task Force ġdida Kontra l-Korruzzjoni fil-qafas tal-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità. It-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni finalment ġiet stabbilita fl-1 ta' Diċembru 2022. |
(38) |
Fid-dawl ta' dawk l-iżviluppi, abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill iqis li l-Ungerija ħadet il-Passi Ewlenin ta' Implimentazzjoni rilevanti u li l-qafas regolatorju għat-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni kif stabbilit fl-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità jissodisfa l-impenji stabbiliti fil-miżura ta' rimedju. |
(c) Tisħiħ tal-qafas kontra l-korruzzjoni
(39) |
L-Ungerija impenjat ruħha li sat-30 ta' Settembru 2022 tadotta strateġiji kontra l-frodi u kontra l-korruzzjoni li jiddefinixxu l-kompiti tal-entitajiet involuti fl-implimentazzjoni ta' kwalunkwe appoġġ finanzjarju tal-Unjoni fir-rigward tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-frodi, il-kunflitt ta' interess u l-korruzzjoni. L-Ungerija impenjat ruħha wkoll li testendi l-kamp ta' applikazzjoni personali u materjali tad-dikjarazzjonijiet tal-assi mill-1 ta' Novembru 2022. Din il-miżura ta' rimedju għandha natura orizzontali u sistemika sabiex tiġġieled kontra l-korruzzjoni u tiżgura t-trasparenza fl-isfera politika. Għalhekk hija waħda mill-miżuri ta' rimedju ċentrali proposti mill-Ungerija. |
(40) |
Wara l-preżentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, l-Ungerija ħadet għadd ta' passi biex tindirizza l-Passi Ewlenin ta' Implimentazzjoni għal dik il-miżura ta' rimedju. Fit-30 ta' Settembru 2022, l-Ungerija adottat l-istrateġija kontra l-frodi u l-korruzzjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027, u għall-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Deċiżjoni tal-Gvern 1470/2022). L-istrateġija ġiet sussegwentement emendata, u ġiet adottata u ppubblikata verżjoni ġdida fil-15 ta' Novembru 2022 (Deċiżjoni tal-Gvern 1540/2022). L-Assemblea Nazzjonali adottat 'l-Att dwar id-Dikjarazzjonijiet tal-Assi' (Att XXXI tal-2022) fil-25 ta' Ottubru 2022, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2022 b'ċerti eċċezzjonijiet. Fil-15 ta' Novembru 2022, l-Ungerija ppreżentat lill-Assemblea Nazzjonali abbozz ta' liġi emendatorja dwar 'l-Att dwar id-Dikjarazzjonijiet tal-Assi', bħala parti mill-pakkett ta' servizzi adottat fis-7 ta' Diċembru 2022. |
(41) |
Fir-rigward tal-istrateġiji kontra l-frodi u kontra l-korruzzjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha tat-30 ta' Novembru 2022, il-Kummissjoni sabet li, minkejja li ma ġietx sodisfatta l-iskadenza miftiehma minħabba l-adozzjoni tal-emendi, l-Ungerija madankollu ssodisfat l-impenji stabbiliti fil-miżura ta' rimedju. Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-assi, il-Kummissjoni sabet li f'konformità mal-miżura ta' rimedju, l-Att dwar id-Dikjarazzjonijiet tal-Assi jestendi l-kamp ta' applikazzjoni personali tad-dikjarazzjonijiet tal-assi biex jinkludi persuni fdati b'funzjonijiet politiċi għolja u membri tal-Assemblea Nazzjonali, kif ukoll qraba tagħhom li jgħixu fl-istess dar. L-Att jestendi wkoll il-kamp ta' applikazzjoni materjali tad-dikjarazzjonijiet tal-assi biex jinkludi l-assi rilevanti kollha. Madankollu, abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, għad hemm dgħufijiet, riskji u nuqqasijiet sinifikanti fil-qafas regolatorju għad-dikjarazzjoni tal-assi stabbilit mill-Ungerija, u b'mod partikolari: (i) in-nuqqas ta' ċarezza u ċertezza legali relatati mal-obbligi ta' divulgazzjoni għal proprjetà immobbli inkluż proprjetà barra l-ġuriżdizzjoni tal-Ungerija; (ii) in-nuqqas ta' ċarezza dwar il-kamp ta' applikazzjoni personali, materjali u temporali tad-dikjarazzjoni tal-assi, l-introjtu u l-interessi ekonomiċi ta' ċerti eżekuttivi, uffiċjali u Membri tal-Assemblea Nazzjonali, u għall-konjuġi jew il-koabitanti u t-tfal tagħhom li jgħixu fl-istess unità domestika; (iii) in-nuqqas ta' inklużjoni fl-Att dwar id-Dikjarazzjonijiet tal-Assi ta' referenza espliċita għall-istabbiliment ta' sistema ta' dikjarazzjonijiet tal-assi ppreżentati elettronikament f'format diġitali, li għandha tinħażen f'bażi tad-data pubblika li jista' jsir tiftix fuqha mingħajr tariffi jew il-ħtieġa ta' reġistrazzjoni. Il-Kunsill iqis li għal dawn ir-raġunijiet kif esposti aktar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, id-dgħufijiet identifikati joħolqu lakuni possibbli fil-liġi u bħala konsegwenza jdgħajfu l-effettività tal-miżura ta' rimedju. |
(d) Żgurar tat-trasparenza tal-użu tal-appoġġ tal-Unjoni mill-fondazzjonijiet ta' ġestjoni tal-assi ta' interess pubbliku
(42) |
L-Ungerija impenjat ruħha li tiżgura t-trasparenza tal-użu tal-appoġġ tal-Unjoni mill-fondazzjonijiet ta' ġestjoni tal-assi ta' interess pubbliku billi temenda l-qafas regolatorju rilevanti sat-30 ta' Settembru 2022. Wara l-preżentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, l-Assemblea Nazzjonali adottat Att leġiżlattiv li jemenda ċerti Atti li jikkonċernaw il-fondazzjonijiet ta' ġestjoni tal-assi ta' interess pubbliku li jwettqu dmir pubbliku, l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana u l-kontrolli tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi fir-rigward tal-kontroll tal-użu tal-fondi tal-baġit tal-Unjoni Ewropea (Att XXIX tal-2022) li daħal fis-seħħ fit-13 ta' Ottubru 2022. |
(43) |
F'konformità mal-miżura ta' rimedju, l-Att XXIX tal-2022 introduċa emendi li wessgħu l-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u dwar il-kunflitt ta' interess biex ikopru wkoll il-fondazzjonijiet ta' ġestjoni tal-assi ta' interess pubbliku li jwettqu dmir pubbliku. Madankollu, il-qafas regolatorju għadu ma jżommx lill-uffiċjali tal-ogħla livell, inkluż eżekuttivi politiċi għolja mill-Assemblea Nazzjonali u mill-korpi awtonomi tal-Ungerija, milli jkunu fuq bordijiet ta' fondazzjonijiet ta' ġestjoni tal-assi ta' interess pubbliku, kif mitlub ripetutament mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-Ungerija introduċiet mill-ġdid mill-1 ta' Novembru 2022 il-possibbiltà (permezz ta' eċċezzjoni mill-projbizzjoni ġenerali) għal eżekuttivi politiċi għolja li jkollhom impjieg ieħor remunerat, inkluż fuq bordijiet ta' fondazzjonijiet ta' ġestjoni tal-assi ta' interess pubbliku. Il-Kunsill iqis li għal dawn ir-raġunijiet kif stabbilit aktar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, id-dgħufijiet tal-qafas regolatorju flimkien mal-iżviluppi leġiżlattivi ġodda jaggravaw il-possibbiltà ta' kunflitt ta' interess li l-miżura ta' rimedju kienet maħsuba li tindirizza u għalhekk jagħmluh inadegwat biex jindirizza t-tħassib oriġinarjament imqajjem mill-Kummissjoni. |
(e) Introduzzjoni ta' proċedura speċifika fil-każ ta' reati speċjali relatati mal-eżerċizzju ta' awtorità pubblika jew il-ġestjoni ta' proprjetà pubblika
(44) |
L-Ungerija impenjat ruħha li tistabbilixxi proċedura ġdida ta' stħarriġ ġudizzjarju li tikkonċerna reati kriminali speċjali relatati mal-eżerċizzju ta' awtorità pubblika jew mal-ġestjoni ta' proprejta' pubblika. Taħt il-miżura ta' rimedju, il-proċedura l-ġdida għandha tipprevedi l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tas-servizz tal-prosekuzzjoni jew tal-awtorità investigattiva li tirrifjuta rapport ta' reat jew ittemm il-proċedimenti kriminali (jiġifieri li tagħlaq investigazzjoni kriminali mingħajr akkuża) rigward il-korruzzjoni u prattiki relatati mal-korruzzjoni. Il-proċedura l-ġdida trid tagħti lil imħallef inkwirenti l-awtorità li jordna l-bidu jew il-kontinwazzjoni tal-proċedimenti kriminali. Kwalunkwe persuna fiżika u ġuridika, bl-eċċezzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, tista' tippreżenta mozzjonijiet skont il-proċedura, li jistgħu jwasslu wkoll għall-possibbiltà li jiġi ppreżentat att ta' akkuża quddiem qorti. Din il-miżura ta' rimedju hija miżura orizzontali li għandha l-għan li tirrimedja problemi strutturali bl-effettività tal-azzjoni ta' prosekuzzjoni fl-Ungerija u li tiżgura li jittieħdu miżuri effettivi u deterrenti biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, f'konformità mal-Artikolu 325 TFUE. Għalhekk hija waħda mill-miżuri ta' rimedju ċentrali proposti mill-Ungerija biex tindirizza t-tħassib imqajjem mill-Kummissjoni. |
(45) |
Fil-miżura ta' rimedju proposta, l-Ungerija inkludiet għadd ta' elementi li ġew ivvalutati b'mod pożittiv fil-mument tal-proposta tal-Kummissjoni, bħall-possibbiltà li l-entitajiet ġuridiċi jiftħu l-proċedura ta' stħarriġ ġudizzjarju, pożizzjoni proċedurali privileġġata garantita għall-persuna li tiddenunzja reat, referenza għall-fatt li l-kompetenza esklużiva biex tisma' l-kawżi skont il-proċedura l-ġdida ser tiġi attribwita lil qorti speċjalizzata (jiġifieri l-Qorti tad-Distrett Ċentrali ta' Buda), referenza għall-fatt li l-qrati kollha u l-imħallfin investigattivi involuti fil-proċedura l-ġdida ser ikunu konformi mal-Artikolu 19(1) TUE u l-acquis rilevanti tal-Unjoni, u perjodu ta' żmien raġonevoli għall-proċedura b'mod ġenerali. L-Ungerija impenjat ruħha wkoll li tieħu l-Passi Ewlenin ta' Implimentazzjoni għall-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-emendi meħtieġa għall-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali u tar-regolamenti ta' implimentazzjoni rilevanti sal-15 ta' Novembru 2022. Wara l-preżentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, l-Assemblea Nazzjonali adottat Att li jemenda l-Att XC tal-2017 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali ('l-Att dwar l-Istħarriġ Ġudizzjarju') fit-3 ta' Ottubru 2022, li daħal fis-seħħ fil-15 ta' Novembru 2022 u kompla jiġi modifikat wara skambji mal-Kummissjoni u ġie adottat f'verżjoni emendata fit-22 ta' Novembru 2022. L-Ungerija bdiet stħarriġ ex ante quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Ungeriża, li sab li l-Att dwar l-Istħarriġ Ġudizzjarju huwa f'konformità mal-prinċipju ta' monopolju tal-prosekuzzjoni kif stabbilit fil-Liġi Fundamentali Ungeriża. L-Ungerija finalment ippreżentat lill-Kummissjoni l-abbozzi ta' Digrieti li jistabbilixxu r-regolamenti ta' implimentazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tal-proċedura l-ġdida ta' stħarriġ u impenjat ruħha li tadottahom mingħajr dewmien sabiex tiżgura li dawn jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2023. |
(46) |
L-Att dwar l-Istħarriġ Ġudizzjarju jimplimenta għadd ta' impenji proposti fil-miżuri ta' rimedju billi jintroduċi emendi rilevanti għall-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. Il-Kummissjoni laqgħet ukoll il-miżuri addizzjonali meħuda mill-Ungerija fil-qafas tal-emenda tal-Att dwar l-Istħarriġ Ġudizzjarju, bħas-setgħa għall-Awtorità tal-Integrità li tippreżenta mozzjoni għal reviżjoni jew reviżjoni ripetuta u l-abolizzjoni tas-setgħa tal-Prosekutur Ġenerali li jippreżenta rimedju straordinarju kontra d-deċiżjonijiet. Madankollu, kif muri mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni, dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Att dwar l-Istħarriġ Ġudizzjarju jintroduċu marġni ta' diskrezzjoni fil-proċedura li tista' tintuża biex jiġi affettwat l-eżitu wara mozzjoni għal stħarriġ jew għal prosekuzzjoni, li jikkomprometti l-effettività u l-adegwatezza ġenerali tal-miżura ta' rimedju. B'mod partikolari, (i) ir-regoli applikabbli ma jiddikjarawx b'mod ċar il-konsegwenzi legali għall-prosekutur ta' deċiżjoni ġudizzjarja li tannulla d-deċiżjoni tiegħu wara mozzjoni għal stħarriġ. Peress li ma hemm l-ebda garanzija li d-deċiżjonijiet ta' stħarriġ ġudizzjarju ser jiġu segwiti kif xieraq permezz ta' azzjoni korretta mill-prosekutur, id-diskrezzjoni mogħtija lill-prosekutur iddgħajjef serjament l-effettività u b'hekk l-adegwatezza tal-miżura ta' rimedju. Barra minn hekk (ii) għall-każijiet fejn tista' tiġi ppreżentata mozzjoni għal prosekuzzjoni, l-Att dwar l-Istħarriġ Ġudizzjarju jirrikjedi eżami tar-raġuni għall-mozzjoni għal prosekuzzjoni mill-qorti tal-proċess in camera u mingħajr ma tinstema' l-evidenza, li huwa addizzjonali għall-eżami preliminari tar-raġunijiet formali stabbilit skont il-proċedura l-ġdida. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni u tar-raġunijiet ipprovduti fiha, tali eżami mill-qorti tal-proċess tar-raġuni għall-mozzjoni għal prosekuzzjoni jammonta għal filtrazzjoni sostantiva li tirriskja li tantiċipa jew tipprevjeni deċiżjoni dwar il-merti, mingħajr il-possibbiltà li tiġi mfittxija u tinstema' l-evidenza fil-każ. Dan jirrappreżenta pass mhux meħtieġ u jdgħajjef l-effettività tal-miżura ta' rimedju. Fl-aħħar nett, l-Att dwar l-Istħarriġ Ġudizzjarju ma jiċċarax il-kamp ta' applikazzjoni fiż-żmien tar-regoli l-ġodda u, b'mod partikolari, jonqos milli jiċċara li l-proċedura l-ġdida ser tapplika wkoll għal reati kriminali (mhux preskritti) imwettqa qabel l-1 ta' Jannar 2023. Il-Kunsill iqis li għal dawn ir-raġunijiet u dawk stabbiliti aktar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, id-dgħufijiet identifikati huma ta' gravità tali li jikkompromettu serjament l-adegwatezza tal-miżura ta' rimedju biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' investigazzjonijiet, prosekuzzjoni u sanzjonar ineffettivi ta' reati kriminali fil-qasam tal-proprjeta' pubblika. |
(f) Tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' awditjar u kontroll biex jiġi garantit l-użu tajjeb tal-appoġġ tal-Unjoni
(47) |
L-Ungerija impenjat ruħha li ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta' awditjar u kontroll biex tiggarantixxi l-użu tajjeb tal-appoġġ tal-Unjoni billi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti inkludiet dispożizzjonijiet biex issaħħaħ ir-regoli u l-proċeduri biex tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi b'mod aktar effettiv il-kunflitti ta' interess fl-użu tal-fondi tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 61 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), inkluż mekkaniżmu ta' kontroll effettiv fuq il-validità tad-dikjarazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess. Wara l-preżentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, l-Ungerija ħadet għadd ta' passi biex tindirizza l-Passi Ewlenin ta' Implimentazzjoni għal din il-miżura ta' rimedju. B'mod partikolari, l-Assemblea Nazzjonali adottat u mmodifikat ulterjorment l-Att XXVIII tal-2022 li stabbilixxa d-Direttorat tal-Awditjar Intern u l-Integrità fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u jipprovdih garanziji ta' indipendenza u effettività. Il-pakkett ta' servizzi kien jinkludi wkoll abbozz ta' liġi li jbiddel il-qafas regolatorju li jirregola d-Direttorat Ġenerali għall-Awditjar tal-Fondi Ewropej ("EUTAF"). L-Ungerija adottat ukoll id-Digriet tal-Gvern 373/2022, li jemenda d-Digriet 374/2022 kif ukoll id-Digriet tal-Gvern 463/2022, li jsaħħaħ ir-regoli u l-proċeduri biex jipprevjeni, jidentifika u jikkoreġi b'mod aktar effettiv il-kunflitti ta' interess. Abbażi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2022 u r-raġunijiet ipprovduti fiha, il-Kunsill iqis li l-Ungerija ħadet il-Passi Ewlenin ta' Implimentazzjoni u li t-testi leġiżlattivi rilevanti jissodisfaw l-impenji stabbiliti mill-miżura ta' rimedju. |
(g) Tnaqqis tas-sehem ta' proċeduri ta' sejħiet għall-offerti b'offerti waħdiena ffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni
(48) |
L-Ungerija impenjat ruħha li tnaqqas is-sehem tal-proċeduri tal-offerti ffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni u magħluqa fl-2022 b'offerti waħdiena ta' inqas minn 15 %, kif imkejjel bil-metodoloġija tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern, sal-31 ta' Diċembru 2022. Il-Pass Ewlieni ta' Implimentazzjoni għal din il-miżura kien il-prestazzjoni tal-ewwel awditu mill-EUTAF dwar il-konformità mal-metodoloġija tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern sat-30 ta' Settembru 2022. L-Ungerija ppreżentat ir-rapport fis-7 ta' Ottubru 2022 u, wara kummenti mill-Kummissjoni, ippreżentat verżjoni finali riveduta fit-3 ta' Novembru 2022. L-awditu kkonkluda li l-metodoloġija użata kienet adegwata u konformi mal-metodoloġija użata mit-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Internet, b'eċċezzjoni waħda, li għaliha l-EUTAF ifformula rakkomandazzjoni. Abbażi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2022 u r-raġunijiet ipprovduti fiha, il-Kunsill iqis li l-Ungerija ħadet il-Pass Ewlieni ta' Implimentazzjoni kif meħtieġ mill-miżura ta' rimedju. |
(i) Żvilupp ta' għodda ta' rapportar ta' offerta waħdanija għall-monitoraġġ u r-rappurtar dwar proċeduri ta' akkwisti pubbliċi magħluqa b'offerti waħdiena
(49) |
L-Ungerija impenjat ruħha li tiżviluppa għodda ġdida ta' monitoraġġ u rapportar għall-kejl tas-sehem tal-proċeduri ta' akkwist li jirriżultaw f'offerti waħdiena ffinanzjati minn riżorsi nazzjonali jew minn appoġġ tal-Unjoni jew mit-tnejn li huma sat-30 ta' Settembru 2022. Wara l-preżentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, l-Ungerija ħadet għadd ta' passi biex tindirizza l-Passi Ewlenin ta' Implimentazzjoni għal dik il-miżura ta' rimedju. B'mod partikolari, l-Ungerija żviluppat għodda ġdida ta' monitoraġġ u rapportar li ġiet awditjata bħala operazzjonali, funzjonali u kapaċi timmonitorja l-proporzjon ta' proċeduri ta' akkwist b'offerta waħdanija. F'konformità mal-miżura ta' rimedju, l-għodda ta' rapportar ser tiġi żviluppata aktar sal-31 ta' Diċembru 2022 biex tinkludi data dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi. Abbażi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2022 u r-raġunijiet ipprovduti fiha, il-Kunsill iqis li l-Ungerija ħadet il-Passi Ewlenin ta' Implimentazzjoni u l-għodda ta' rapportar ta' offerta waħdanija ġiet żviluppata u hija operazzjonali kif meħtieġa mill-miżura ta' rimedju. |
(j) L-iżvilupp tas-Sistema Elettronika tal-Akkwist Pubbliku biex tiżdied it-trasparenza
(50) |
Sabiex tiżdied it-trasparenza fl-akkwist pubbliku, l-Ungerija impenjat ruħha li toħloq u tippubblika fuq is-sit web tas-Sistema Elettronika tal-Akkwist Pubbliku bażi tad-data li jkun fiha informazzjoni dwar l-avviżi kollha ta' għoti ta' kuntratti ta' proċeduri ta' akkwist pubbliku f'forma strutturata, inkluż in-numri ta' identifikazzjoni tal-kumpaniji u l-ismijiet ta' kull membru individwali tal-konsorzji u s-sottokuntratturi. Dik il-bażi ta' data għandha tiġi aġġornata regolarment u tkun disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas. Wara l-preżentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, l-Ungerija infurmat lill-Kummissjoni li l-iżvilupp ta' bażi ta' data bil-funzjonalitajiet meħtieġa tlesta sat-30 ta' Settembru 2022. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-funzjonalitajiet tal-bażi tad-data l-ġdida, il-Kunsill iqis li l-Ungerija ħadet il-Pass Ewlieni ta' Implimentazzjoni rilevanti għal din il-miżura u ssodisfatu. |
(k) Żvilupp ta' qafas għall-kejl tal-prestazzjoni li jivvaluta l-effiċjenza u l-kosteffettività tal-akkwisti pubbliċi
(51) |
Sabiex tikkonforma mal-impenn tagħha li tiżviluppa qafas għall-kejl tal-prestazzjoni biex tivvaluta l-effiċjenza u l-kosteffettività tal-akkwisti pubbliċi sat-30 ta' Settembru 2022, li għandu jkun operazzjonali sat-30 ta' Novembru 2022, fil-5 ta' Settembru 2022 l-Ungerija adottat id-Deċiżjoni tal-Gvern 1425/2022. Fit-30 ta' Novembru 2022, l-Ungerija ppubblikat fuq is-sit web tas-Sistema Elettronika tal-Akkwist Pubbliku dokument li jistabbilixxi l-qafas għall-kejl tal-prestazzjoni. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-qafas stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Gvern 1425/2022, il-Kunsill iqis li l-Ungerija ħadet il-Pass Ewlieni ta' Implimentazzjoni rilevanti u ssodisfat l-impenji tagħha għal din il-miżura. |
(o) L-applikazzjoni ta' ARACHNE, għodda tal-Kummissjoni għall-kejl tar-riskju
(52) |
Fir-rigward tat-tħassib imqajjem dwar il-kapaċità tal-Ungerija li ttejjeb il-kontrolli tal-kunflitt ta' interess rigward l-użu tal-fondi tal-Unjoni, l-Ungerija impenjat ruħha li tapplika proċeduri għall-użu sistematiku u estiż tal-funzjonalitajiet kollha tal-għodda unika għall-estrazzjoni tad-data u għall-kejl tar-riskju (ARACHNE) li l-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri għal kwalunkwe appoġġ mill-Unjoni u għall-perjodi kollha ta' programmazzjoni, biex jiġu evitati u identifikati b'mod effettiv il-kunflitti ta' interess, il-frodi, il-korruzzjoni, il-finanzjament doppju u irregolaritajiet oħra. Fit-30 ta' Settembru 2022, il-Gvern Ungeriż adotta d-Digriet tal-Gvern 373/2022 u d-Digriet emendatorju 374/2022, li daħal fis-seħħ fl-istess jum u stabbilixxa dispożizzjonijiet biex tiġi żgurata t-trażmissjoni ta' ċerta data lil ARACHNE fuq bażi regolari. Ukoll, fl-istess jum, ġie trażmess l-ewwel pakkett ta' data lill-ARACHNE. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li d-Digriet tal-Gvern 373/2022 u d-Digriet emendatorju 374/2022 jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-użu sistematiku u effettiv tal-ARACHNE, il-Kunsill iqis li l-Ungerija ħadet il-Pass Ewlieni ta' Implimentazzjoni rilevanti u ssodisfat l-impenji tagħha għal din il-miżura. |
(p) It-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-OLAF
(53) |
L-Ungerija impenjat ruħha li ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-OLAF billi tinnomina awtorità nazzjonali kompetenti biex tassisti lill-OLAF fit-twettiq ta' kontrolli fuq il-post fl-Ungerija meta operatur ekonomiku soġġett għal dawk il-kontrolli jirrifjuta li jikkoopera. L-Ungerija impenjat ruħha wkoll li tintroduċi sanzjoni dissważiva tat-tip finanzjarju li tiġi imposta f'każ li operatur ekonomiku jirrifjuta li jikkoopera mal-OLAF għall-finijiet tal-kontrolli u l-ispezzjonijiet tal-OLAF fuq il-post. Wara l-preżentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, fl-4 ta' Ottubru 2022, l-Assemblea Nazzjonali adottat l-Att XXIX tal-2022, li emenda l-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana tiġi nnominata bħala l-awtorità nazzjonali kompetenti biex tassisti lill-OLAF u biex tintroduċi sanzjoni finanzjarja dissważiva li għandha tiġi imposta f'każ li operatur ekonomiku jirrifjuta li jikkoopera mal-OLAF. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill iqis li l-Ungerija ħadet il-Passi Ewlenin ta' Implimentazzjoni rilevanti u ssodisfat l-impenji tagħha għal din il-miżura. |
(q) L-adozzjoni ta' att leġiżlattiv li jiżgura trasparenza mtejba tal-infiq pubbliku
(54) |
Bħala parti mis-sett ta' miżuri ta' rimedju, l-Ungerija impenjat ruħha li sal-31 ta' Ottubru 2022 tadotta att leġiżlattiv li jiżgura trasparenza mtejba tal-infiq pubbliku billi jistabbilixxi obbligu għall-korpi pubbliċi kollha li jippubblikaw b'mod proattiv sett definit minn qabel ta' informazzjoni dwar l-użu tal-fondi pubbliċi f'reġistru ċentrali. Wara l-preżentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, l-Assemblea Nazzjonali adottat fit-8 ta' Novembru 2022 l-Att XL tal-2022, li sussegwentement ġie emendat fit-22 ta' Novembru 2022 bħala parti mill-pakkett ta' servizzi. Fis-7 ta' Diċembru 2022, ġiet adottata emenda addizzjonali tad-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta' proċedura amministrattiva addizzjonali għat-trasparenza. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ungerija ħadet il-Passi Ewlenin ta' Implimentazzjoni meħtieġa, minkejja dewmien fl-implimentazzjoni tagħhom. Madankollu, abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni kif aġġornata fid-9 ta' Diċembru 2022, għad hemm dgħufija fil-qafas regolatorju li timmina l-effettività tiegħu, b'mod partikolari n-nuqqas ta' obbligu għall-awtoritajiet kontraenti kollha li jippubblikaw informazzjoni fin-nuqqas ta' data dwar il-"korp responsabbli" għall-infiq pubbliku, l-awtorità kontraenti jew il-fornituri tas-servizzi, il-fornituri, u l-fornituri tal-kapaċità fis-sett minimu ta' data li għandha tittella' fir-reġistru ċentrali. |
(55) |
Fil-qosor, l-Ungerija ħadet għadd ta' passi biex tindirizza l-Passi Ewlenin ta' Implimentazzjoni (leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi) elenkati fl-Anness għall-memorandum ta' spjegazzjoni li jakkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni, u ħafna mill-impenji meħuda mill-Ungerija fil-miżuri ta' rimedju jistgħu jitqiesu bħala ssodisfati, kif deskritt hawn fuq. Dawn il-valutazzjonijiet pożittivi huma mingħajr preġudizzju għal żviluppi ulterjuri fir-rigward ta' dawk il-miżuri ta' rimedju li jeħtieġ li jiġu sostanzjati fil-prattika, jew li jeħtieġu perjodu ta' implimentazzjoni itwal f'konformità mal-impenji meħuda mill-Ungerija. |
(56) |
Madankollu, għad hemm dgħufijiet, riskji u nuqqasijiet sinifikanti f'għadd ta' miżuri ta' rimedju. B'mod partikolari, dgħufijiet sinifikanti jkomplu jimminaw serjament l-adegwatezza tal-miżuri ta' rimedju li għandhom natura orizzontali, strutturali u sistemika u huma ta' importanza kruċjali biex jirrimedjaw il-ksur sistemiku tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fir-rigward tal-akkwist pubbliku, l-effettività tal-azzjoni ta' prosekuzzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Ungerija. Għalhekk, dawn id-dgħufijiet jipperikolaw l-effettività tal-miżuri ta' rimedju meħuda fl-intier tagħhom. Meta jitqies il-karattru orizzontali, strutturali u sistemiku tal-miżuri li għad iridu jiġu ssodisfati, il-fatt li l-Ungerija ħarset b'mod sodisfaċenti għadd ta' impenji fir-rigward ta' miżuri ta' rimedju settorjali oħra mhuwiex biżżejjed biex tinbidel din il-konklużjoni. |
(57) |
B'kont meħud tan-natura orizzontali, strutturali u sistemika tal-miżuri li għad iridu jiġu ssodisfati, il-fatt li l-Ungerija ssodisfat b'mod sodisfaċenti għadd ta' impenji fir-rigward ta' miżuri ta' rimedju puntwali oħra mhuwiex biżżejjed biex jindirizza l-ksur identifikat tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-impatt li għandhom jew ir-riskju li jkollhom fuq il-baġit tal-Unjoni. Kif iċċarat mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni aġġornata tagħha tad-9 ta' Diċembru 2022, bl-eċċezzjoni unika tal-miżura ta' rimedju relatata mal-fondazzjonijiet tal-ġestjoni tal-assi ta' interess pubbliku, il-miżuri ta' rimedju jridu jiġu vvalutati fl-intier tagħhom, bħala pakkett globali, fid-dawl tal-adegwatezza ġenerali tagħhom biex itemmu s-sitwazzjoni u abbażi ta' valutazzjoni kwalitattiva, u mhux biss kwantitattiva. |
(58) |
Konsegwentement, fid-dawl tal-valutazzjoni mwettqa hawn fuq, għandu jiġi konkluż li l-miżuri ta' rimedju nnotifikati mill-Ungerija, meħuda fl-intier tagħhom, kif adottati u fid-dawl tad-dettalji tagħhom, u l-inċertezza li tirriżulta dwar l-applikazzjoni tagħhom fil-prattika, ma jġibux fi tmiemu l-ksur identifikat tal-prinċipji tal-istat tad-dritt. Billi l-każijiet identifikati ta' nuqqas ta' konformità jirreferu għal ksur ta' natura sistemika, dawn jaffettwaw fil-biċċa l-kbira l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'mod suffiċjentement dirett. |
(59) |
Meta l-Kunsill isib li l-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 jkunu ssodisfati, huwa għandu jadotta miżuri ta' livell xieraq sabiex jiżgura li l-baġit tal-Unjoni jkun protett mill-impatt attwali jew potenzjali li jirriżulta mill-ksur identifikat tal-prinċipji tal-istat tad-dritt. |
(60) |
Fid-dawl tal-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt identifikat f'din id-Deċiżjoni, u tal-impatt sinifikanti tiegħu fuq il-baġit tal-Unjoni, u minħabba li l-miżuri ta' rimedju adottati s'issa mill-Ungerija jippreżentaw dgħufijiet sinifikanti li jikkompromettu serjament l-adegwatezza tagħhom biex jindirizzaw dak il-ksur, il-Kunsill iqis li r-riskju li jirriżulta għall-baġit tal-Unjoni għadu għoli. Skont il-premessa (18) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, il-grad ta' kooperazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat għandu jitqies meta jiġu stabbiliti l-miżuri li għandhom jiġu adottati. Inizjalment il-Kummissjoni qieset li approssimazzjoni raġonevoli għar-riskju għall-baġit tikkorrispondi għal 65 % tal-fondi tal-programmi kkonċernati. Madankollu, fid-dawl tal-għadd u s-sinifikat tal-miżuri ta' rimedju li ġew implimentati b'mod sodisfaċenti mill-Ungerija biex tindirizza l-ksur identifikat tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, li jiġi stabbilit riskju għall-baġit ta' 55% tal-programmi kkonċernati għandha tkun "approssimazzjoni raġonevoli". Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu sospiżi 55% tal-impenji fil-programmi kkonċernati, ladarba jiġu approvati. Dak il-livell jista' jitqies bħala approssimazzjoni raġonevoli tal-impatt fuq il-baġit tal-Unjoni, jew ir-riskji serji għalih, tal-ksur identifikat tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, filwaqt li jitqies il-grad ta' kooperazzjoni tal-Ungerija matul il-proċedura, kif jirriżulta mill-miżuri ta' rimedju implimentati, u għalhekk huwa proporzjonat fid-dawl tal-objettiv tal-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni stabbilit fir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092. |
(61) |
Fir-rigward tal-għażla fost it-tipi diversi ta' miżuri previsti mill-Artikolu 5 tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, il-Kunsill iqis li s-sospensjoni tal-impenji baġitarji li jirriżultaw mill-programmi kkonċernati ladarba jiġu approvati tagħti protezzjoni effettiva u f'waqtha lill-baġit tal-Unjoni billi jiġi evitat li l-ksur tal-prinċipji tar-regoli tad-dritt identifikat f'din id-Deċiżjoni jaffettwa l-baġit allokat għall-programmi kkonċernati. Fl-istess ħin, is-sospensjoni tal-impenji baġitarji xorta tippermetti lill-Ungerija tibda timplimenta dawk il-programmi msemmija skont ir-regoli applikabbli, u għalhekk tippreserva l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni u l-pożizzjoni tal-benefiċjarji finali. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta' miżuri oħra possibbli, is-sospensjoni tal-impenji baġitarji hija ta' natura temporanja u ma għandhiex effetti definittivi f'konformità mal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092. Il-miżura tista' għalhekk titneħħa skont il-proċedura prevista minn dak l-Artikolu msemmi mingħajr telf ta' finanzjament mill-Unjoni, dment li is-sitwazzjoni tiġi rimedjata bis-sħiħ fi żmien sentejn. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, il-miżura magħżula hija għalhekk biżżejjed biex tinkiseb il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni filwaqt li hija l-inqas ta' piż, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi tal-każ. |
(62) |
Fir-rigward tal-ksur identifikat b'rabta mat-trusts ta' interess pubbliku, il-qafas regolatorju fl-Ungerija għandu dgħufijiet, kif stabbilit hawn fuq, li ma rrimedjawx ir-riskju ta' kunflitt ta' interess li l-miżura ta' rimedju kellha tindirizza. Fid-dawl tal-inadegwatezza tal-miżura ta' rimedju, jibqa' riskju serju għall-baġit tal-Unjoni u jista' jiġi indirizzat bl-aħjar mod permezz ta' projbizzjoni milli tidħol f'impenji legali ġodda ma' kwalunkwe trust ta' interess pubbliku u ma' kwalunkwe entità miżmuma minnhom taħt kwalunkwe programm b'ġestjoni diretta jew indiretta. Tali miżura ma taffettwax l-allokazzjonijiet ġenerali tal-fondi mill-programmi tal-Unjoni taħt ġestjoni diretta u indiretta li xorta jistgħu jintużaw għal entitajiet oħra u għalhekk hija biżżejjed biex tinkiseb il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni filwaqt li tkun proporzjonata għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv. |
(63) |
Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, din id-Deċiżjoni ma taffettwax l-obbligi tal-Ungerija li timplimenta l-programmi u l-fondi kkonċernati minn din id-Deċiżjoni, u b’mod partikolari l-obbligi tagħha lejn ir-riċevituri jew il-benefiċjarji finali, inkluż l-obbligu li tagħmel pagamenti skont ir-regoli speċifiċi għas-settur jew finanzjarji applikabbli. L-Ungerija għandha tirrapporta dwar il-konformità tagħha ma’ dawk l-obbligi lill-Kummissjoni kull tliet xhur mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
(64) |
Jenħtieġ li l-Ungerija tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' rimedju li impenjat ruħha għalihom, u b'mod partikolari dwar dawk li jeħtieġu li jiġu sostanzjati fil-prattika jew li jirrikjedu perjodu ta' implimentazzjoni itwal. |
(65) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni fl-Ungerija u teżerċita, kif xieraq, il-prerogattivi tagħha skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta malajr kwalunkwe żvilupp fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' rimedju proposti mill-Ungerija sabiex tippreżenta lill-Kunsill mingħajr dewmien il-proposti meħtieġa għat-tneħħija tal-miżuri skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 f'każ li l-kondizzjonijiet għall-adozzjoni tagħhom ma jibqgħux jiġu ssodisfati. Jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm lill-Kunsill infurmat perjodikament, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1 Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 huma ssodisfati għall-adozzjoni ta’ miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kontra ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija.
2 Il-miżuri ta’ rimedju proposti mill-Ungerija fuq il-bażi tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, mhumiex kompletament adegwati biex jindirizzaw il-konstatazzjonijiet stabbiliti fin-notifika tal-Kummissjoni mibgħuta lill-Ungerija fis-27 ta’ April 2022.
Artikolu 2
1. 55% tal-impenji baġitarji taħt il-programmi operazzjonali li ġejjin fil-Politika ta' Koeżjoni, ladarba jiġu approvati, għandhom jiġu sospiżi:
(a) |
il-Programm Operazzjonali għall-Ambjent u l-Effiċjenza Enerġetika Plus; |
(b) |
il-Programm Operazzjonali għat-Trasport Integrat Plus; |
(c) |
il-Programm Operazzjonali għall-Iżvilupp Territorjali u tal-Abitat Plus. |
2 Meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni b’ġestjoni diretta jew indiretta skont l-Artikolu 62(1) il-punti (a) u (c) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 , ma għandu jittieħed l-ebda impenn legali ma’ kwalunkwe trust ta’ interess pubbliku stabbilit fuq il-bażi tal-Att Ungeriż IX tal-2021 jew ma’ kwalunkwe entità miżmuma minn tali trust ta’ interess pubbliku.
Artikolu 3
L-Ungerija għandha tinforma lill-Kummissjoni sal-16 ta’ Marzu 2023 u kull tliet xhur wara, mill-implimentazzjoni tal-miżuri ta' rimedju li l-Ungerija tkun impenjat ruħha għalihom bit-tieni tweġiba tagħha, tinkludi l-impenji addizzjonali inklużi fl-ittra tal-Ungerija tat-13 ta' Settembru 2022.
Artikolu 4
Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.
Magħmul fi Brussell, l-15 ta’ Diċembru 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BEK
(1) ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
(4) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).