|
19.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 323/88 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2488
tal-14 ta’ Novembru 2022
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor dwar l-adeżjoni tar-Renju tal-Arabja Sawdija mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 45(2) tal-Ftehim, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor jista’ jestendi l-Ftehim għal perjodi suċċessivi, ta’ mhux aktar minn sentejn kull darba. Sa mill-konklużjoni tiegħu, il-Ftehim ġie estiż regolarment għal perjodi ulterjuri ta’ sentejn. Il-Ftehim ġie estiż l-aħħar fit-30 ta’ Novembru 2021 u jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2023. |
|
(3) |
L-Artikolu 41 tal-Ftehim jistipula li l-Ftehim hu miftuħ għall-adeżjoni mill-Gvernijiet tal-Istati kollha f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor. |
|
(4) |
L-adeżjoni ta’ membru ġdid mal-Ftehim wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim teħtieġ l-allokazzjoni ta’ voti tal-membru l-ġdid fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor, kif ukoll l-aġġustament tal-voti tal-membri eżistenti, skont l-Artikolu 25 tal-Ftehim. |
|
(5) |
Fis-16 ta’ Frar 2021, il-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija applika formalment għall-adeżjoni mal-Ftehim. Il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor ser jistabbilixxi, matul sessjoni futura tiegħu, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, il-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tar-Renju tal-Arabja Sawdija mal-Ftehim. |
|
(6) |
Ir-Renju tal-Arabja Sawdija huwa attur importanti fis-settur taz-zokkor fil-livell dinji, u sieħeb kummerċjali importanti tal-Unjoni fil-qasam tal-prodotti agrikoli u tal-ikel, inkluż iz-zokkor. L-approvazzjoni tal-adeżjoni tar-Renju tal-Arabja Sawdija mal-Ftehim skont l-Artikolu 25 tal-Ftehim hija fl-interess tal-Unjoni. |
|
(7) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor, dwar l-adeżjoni tar-Renju tal-Arabja Sawdija mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor matul sessjoni futura tiegħu, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, għandha tkun li tapprova l-adeżjoni tar-Renju tal-Arabja Sawdija mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992, u li tiżgura li l-għadd ta’ voti li għandhom jiġu allokati lir-Renju tal-Arabja Sawdija jiġu kkalkulati skont l-Artikolu 25(4) tal-Ftehim.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Novembru 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE tat-13 ta’ Novembru 1992 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 379, 23.12.1992, p. 15).