22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 301/119


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2283

tal-21 ta’ Novembru 2022

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1351 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Latvja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa (1) tal-COVID-19, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Wara talba mingħand il-Latvja fis-7 ta’ Awwissu 2020, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1351 (2), ta assistenza finanzjarja lil-Latvja fil-forma ta’ self li jammonta għal massimu ta’ EUR 192 700 000 b’maturità medja massima ta’ 15-il sena, u b’perjodu ta’ disponibilità ta’ 18-il xahar bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tal-Latvja biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

(2)

Is-self kellu jintuża mil-Latvja biex tiffinanzja l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, miżuri simili u miżuri relatati mas-saħħa, kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1351.

(3)

Wara t-tieni talba mil-Latvja fl-11 ta’ Marzu 2021, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/677 (3) li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1351, ta assistenza finanzjarja addizzjonali ta’ EUR 112 500 000 lil-Latvja billi żied l-ammont massimu ta’ self għal EUR 305 200 000 b’maturità medja massima ta’ 15-il sena, u b’perjodu ta’ disponibbiltà ta’ 18-il xahar, bil-ħsieb li jikkomplementa l-isforzi nazzjonali tal-Latvja biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u twieġeb għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom.

(4)

Is-self addizzjonali kellu jintuża mil-Latvja biex tiffinanzja l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, miżuri simili u miżuri relatati mas-saħħa, kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1351.

(5)

It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fil-Latvja. Dan wassal għal żidiet f’daqqa u qawwija ripetuti fin-nefqa pubblika fil-Latvja fir-rigward tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3, il-punti (a), (c), (d), (g), (h) (f) u (i), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1351.

(6)

It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mil-Latvja fl-2020, fl-2021 u fl-2022 biex titrażżan dik it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku u l-impatt marbut mas-saħħa tagħha kellhom, u għadu qed ikollhom, impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Fl-2020, il-Latvja kellha defiċit u dejn tal-gvern estiż ta’ 4,5 % u 43,3 % tal-prodott domestiku gross (PDG), rispettivament, li nbidlu għal 7,3 % u 44,8 % rispettivament fi tmiem l-2021. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2022 tal-Kummissjoni, il-Latvja hija mistennija jkollha defiċit u dejn tal-gvern estiż ta’ 7,2 % u 47,0 % tal-PDG, rispettivament, sa tmiem l-2022. Skont il-previżjoni interim tas-sajf tal-2022 tal-Kummissjoni, l-PDG tal-Latvja huwa previst li jiżdied b’3,9 % fl-2022.

(7)

Fis-6 ta’ Ottubru 2022, il-Latvja talbet assistenza finanzjarja ulterjuri mill-Unjoni ta’ EUR 167 607 000 bil-ħsieb li tkompli tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha li wettqet fl-2020 u fl-2021 u fl-2022 biex titratta l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom. B’mod partikolari, il-Latvja estendiet u emendat b’mod ulterjuri l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili msemmija fil-premessi (8) sa (12).

(8)

L-iskema għall-kumpens taż-żmien inattiv għall-ħaddiema tapplika għall-kumpaniji, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-pagaturi tat-tariffa tal-liċenzja, li l-introjtu tagħhom mill-attività ekonomika naqas b’mill-inqas 20 %, meta mqabbel ma’ Awwissu-Ottubru 2020 bħala medja. L-iskema tħallas lill-impjegati assenti bil-permess jew lill-persuni li jaħdmu għal rashom kumpensi ta’ 50 % jew 70 % tas-salarji jew l-introjti tagħhom, skont ir-reġim tat-taxxa li joperaw fih. Il-livell minimu ta’ appoġġ huwa stabbilit għal EUR 500 u l-massimu għal EUR 1 000 għal kull impjegat għal kull xahar kalendarju. L-iskema hija stabbilita bir-Regolament tal-Kabinett Nru 709 (adottat fl-24 ta’ Novembru 2020 (4) u emendat fit-12 ta’ Jannar 2021 (5), fid-19 ta’ Jannar 2021 (6), fl-4 ta’ Frar 2021 (7) u fis-26 ta’ Frar 2021 (8)) “Regolamenti Rigward l-Allowance għall-Inattività għal Kontribwenti għall-Kontinwazzjoni tal-Attività tagħhom fiċ-Ċirkustanzi tal-Kriżi tal-COVID-19”. Il-miżura testendi l-iskema msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (a), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1351 għal persuni impjegati fl-industrija tal-isbuħija, tippermetti lill-persuni li jkunu bidlu t-trattament tat-taxxa tagħhom mill-2021 biex jikkwalifikaw għall-appoġġ, ittejjeb il-kundizzjonijiet ta’ kwalifika għal dawk li jħallsu l-privattivi u tippermetti lill-benefiċjarji jagħżlu bejn żewġ kriterji ta’ kwalifika biex japplikaw għall-appoġġ.

(9)

Mehmuż ma’ din l-iskema għall-kumpens taż-żmien inattiv għall-ħaddiema hemm il-bonus tal-ħaddiema għat-tfal imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (c), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1351 li għalih il-Latvja titlob appoġġ addizzjonali Il-bonus ta’ EUR 50 fix-xahar għal kull wild jagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema inattivi li huma intitolati għal ħelsien mit-taxxa fuq l-introjtu personali għad-dipendenti. Il-miżura ta’ appoġġ ġiet estiża bl-‘Ordni tal-Kabinett Nru 706 tal-1 ta’ Diċembru 2020“Rigward l-Allokazzjoni ta’ Fondi mill-Programm tal-Baġit tal-Istat ‘Fondi għal Avvenimenti Imprevisti’“’ (9)u l-‘Ordni tal-Kabinett Nru 15 tal-11 ta’ Jannar 2021“Rigward l-Allokazzjoni tal-Fondi mill-Programm tal-Baġit tal-Istat ‘Fondi għal Avvenimenti Imprevisti’”’. (10) Il-miżura tista’ titqies bħala miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, peress li tipprovdi appoġġ għad-dħul għall-impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom, li se jgħin ikopri l-ispejjeż tal-indukrar tat-tfal matul l-għeluq tal-iskejjel u b’hekk jgħin lill-ġenituri biex ikomplu jaħdmu, u r-relazzjoni tax-xogħol ma tkunx f’riskju.

(10)

L-iskema għas-sussidji tal-pagi tagħti appoġġ għall-impjegaturi li jiffaċċjaw tnaqqis fid-dħul minn kwalunkwe attività ekonomika b’mill-inqas 20 %. L-iskema tammonta għal 50 % tal-paga grossa medja fix-xahar, iżda mhux aktar minn EUR 500 għal kull xahar kalendarju. L-impjegaturi benefiċjarji huma obbligati jżommu l-impjieg tal-ħaddiema appoġġati u li jissupplimentaw is-sussidju tal-pagi għall-paga regolari sħiħa. L-iskema ġiet stabbilita mir-‘Regolament tal-Kabinett Nru 675 dwar “Regolamenti Rigward l-Għoti ta’ Għajnuna lill-Kontribwenti għall-Kontinwazzjoni tal-Attività tagħhom fiċ-Ċirkustanzi tal-Kriżi tal-COVID19”’(adottati fl-10 ta’ Novembru 2020 (11) u emendati fit-12 ta’ Jannar 2021 (12), fl-1 ta’ April 2021 (13), fis-26 t’Ottubru 2021 (14), fid-9 ta’ Novembru 2021 (15), fit-30 ta’ Novembru 2021 (16), fis-7 ta’ Diċembru 2021 (17), fit-23 ta’ Diċembru 2021 (18) u fil-11 ta’ Jannar 2022 (19)) u l-‘Ordni tal-Kabinett Nru 128 “Rigward l-Allokazzjoni ta’ Fondi mill-Programm tal-Baġit tal-Istat ‘Fondi għal Avvenimenti Imprevisti’”’ (20). Il-miżura testendi l-perjodu ta’ appoġġ tal-iskema msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (d), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1351 u tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eliġibbiltà billi tippermetti lill-benefiċjarji jagħżlu bejn żewġ kriterji ta’ kwalifika biex japplikaw għall-appoġġ, tneħħi r-riskju ta’ kumpens żejjed, tiċċara r-restrizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għal min iħallas il-privattivi u tillimita l-eliġibbiltà għall-appoġġ minn Ottubru 2021 sa Frar 2022 għal persuni li għandhom ċertifikat tal-COVID-19 li jattesta t-tilqim kontra l-COVID-19 jew il-fatt ta’ mard.

(11)

L-iskema ta’ benefiċċji tal-mard relatati mal-COVID-19 tipprovdi benefiċċji tal-mard imħallsa mill-Istat għal dawk li kellhom jitilfu x-xogħol minħabba l-obbligu ta’ awtoiżolament jew awtokwarantina, filwaqt li normalment parti mill-benefiċċju tal-mard jinqasam mal-impjegatur. L-iskema hija stabbilita mill-Emenda tal-Liġi “Dwar l-Assigurazzjoni tal-Maternità u tal-Mard” (adottata fl-20 ta’ Marzu 2020 (21) u emendata fit-12 ta’ Novembru 2020 (22), fl-4 ta’ Novembru 2021 (23) u fit-13 ta’ Jannar 2022 (24)). Il-miżura tipprevedi l-estensjoni tal-perjodu ta’ appoġġ tal-benefiċċji tal-mard relatati mal-COVID-19 imsemmija fl-Artikolu 3, il-punt (g), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1351 u fl-istess ħin tnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eliġibbiltà tal-appoġġ għal persuni li għandhom ċertifikat tat-tilqim kontra l-COVID-19 jew ċertifikat tal-mard jew li rċevew opinjoni dwar il-ħtieġa li jiġi pospost it-tilqim kontra l-COVID-19, u tispeċifika każijiet u kundizzjonijiet meta l-impjegaturi jenħtieġ li jidħlu biex iħallsu kwalunkwe liv minħabba mard bi ħlas lill-impjegat mingħajr appoġġ mill-Istat.

(12)

Il-benefiċċji ta’ għajnuna għall-mard għall-ġenituri u l-indokraturi jagħtu appoġġa lill-impjegati li ma jistgħux jaħdmu mill-bogħod u li jkollhom jieħdu ħsieb tfal taħt l-età ta’ 10 snin jew persuni b’diżabilità meta l-iskejjel u ċ-ċentri ta’ kura matul il-jum jingħalqu minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. Il-miżura tista’ titqies bħala miżura simili għall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, billi din tagħti appoġġ għall-introjtu lill-ġenituri u lill-indokraturi u tgħin biex jiġu ppreservati l-impjiegi billi tipprevjeni lill-ġenituri u lill-indokraturi li jkollhom jieħdu ħsieb lil uliedhom jew lil persuni b’diżabilità meta l-iskejjel u ċ-ċentri ta’ kura matul il-jum ikunu magħluqin mill-ħtieġa li jtemmu r-relazzjoni ta’ impjieg. Il-benefiċċji ta’ għajnuna għall-mard huma previsti fl-‘Emenda tal-Liġi “Dwar l-Assigurazzjoni tal-Maternità u tal-Mard” tas-26 ta’ Novembru 2020’ (25) u l-‘Ordni tal-Kabinett Nru 707 tal-1 ta’ Diċembru 2020“Rigward l-Allokazzjoni ta’ Fondi mill-Programm tal-Baġit tal-Istat ‘Fondi għal Avvenimenti Imprevisti’”’ (26) u l-‘Ordni tal-Kabinett Nru 13 tal-11 ta’ Jannar 2021“Rigward l-Allokazzjoni ta’ Fondi mill-Programmr-Riżorsi Finanzjarji għall-programm tal-Baġit tal-Istat ‘Fondi għal Avvenimenti Imprevisti’”’ (27). Il-Latvja titlob appoġġ addizzjonali għall-miżura eżistenti msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (h), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/677.

(13)

Il-Latvja kompliet testendi u tintroduċi wkoll sensiela ta’ miżuri relatati mas-saħħa biex tindirizza t-tifqigħa tal-COVID-19. B’mod partikolari, dan jikkonċerna l-miżuri stabbiliti fil-premessi (14) sa (15).

(14)

In-nefqa relatata mas-saħħa hija prevista għal tagħmir protettiv personali għall-impjegati tas-settur pubbliku biex jiġi żgurat ambjent tax-xogħol sikur għal dawk esposti għall-infezzjoni mill-virus tal-COVID-19. L-iskema hija stabbilita mir- “Regolament tal-Kabinett Nru 380 dwar “Regolamenti dwar ir-Riżorsi għall-Iżgurar ta’ Sikurezza Epidemjoloġika meħtieġa għall-Istituzzjonijiet Inklużi fil-Lista ta’ Istituzzjonijiet u Ħtiġijiet Prijoritarji” (adottat fid-9 ta’ Ġunju 2020 (28)). Il-Latvja titlob appoġġ addizzjonali għall-miżura eżistenti msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (f), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1351.

(15)

Il-primjums għall-prattikanti mediċi u l-impjegati li jittrattaw il-kriżi tal-COVID-19 minn 20 % sa 100 % tas-salarji fix-xahar jippremjaw il-ħidma mwettqa f’kundizzjonijiet ta’ żieda fir-riskju u żieda fl-ammont ta’ xogħol, kif previst fl-‘Ordnijiet tal-Kabinett Nru 136 tas-27 ta’ Marzu 2020 (29) u Nru 656 tas-6 ta’ Novembru 2020“Rigward l-Allokazzjoni ta’ Fondi mill-Programm tal-Baġit tal-Istat ‘Fondi għal Avvenimenti Imprevisti’”’ (30), l-‘Ordni tal-Kabinett Nru 743 tat-8 ta’ Diċembru 2020“Emendi tal-Ordni tal-Kabinett Nru 655 tas-6 ta’ Novembru 2020‘Dwar id-Dikjarazzjoni ta’ Stat ta’ Emerġenza’”’ (31) u l-‘Ordni tal-Kabinett Nru 37 tal-21 ta’ Jannar 2021“Rigward l-Allokazzjoni ta’ Fondi mill-Programm tal-Baġit tal-Istat ‘Fondi għal Avvenimenti Imprevisti’”’ (32). Dawk il-primjums huma addizzjonali għall-primjum massimu stabbilit fil-‘Liġi Dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali u l-Impjegati tal-Awtoritajiet Statali u tal-Gvern Lokali’. Il-miżura tappoġġa l-impjiegi billi tiżgura s-saħħa u s-sikurezza tal-impjegati u l-kontinwità tas-servizzi pubbliċi essenzjali. Il-Latvja titlob appoġġ addizzjonali għall-miżura eżistenti msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (i), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1351.

(16)

Il-Latvja tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Il-Latvija pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet bi EUR 508 124 069 mill-1 ta’ Frar 2020 b’riżultat tal-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Din jikkostitwixxi żieda f’daqqa u qawwija minħabba li hija relatata wkoll ma’ estensjoni jew emenda ta’ miżuri nazzjonali eżistenti marbuta b’mod dirett mal-iskema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili li jkopru proporzjon sinifikanti ta’ impriżi u tal-forza tax-xogħol fil-Latvja. Il-Latvja biħsiebha tiffinanzja EUR 35 317 069 permezz tal-fondi tagħha stess.

(17)

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Latvja u vverifikat iż-żieda għall-għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika effettiva u ppjanata relatata direttament mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif ukoll ir-rikors għal miżuri rilevanti relatati mas-saħħa marbutin mat-tifqigħa tal-COVID-19, kif imsemmijin fit-talba tas-6 ta’ Ottubru 2022, f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(18)

Il-miżuri relatati mas-saħħa msemmija fit-talba tal-Latvja tas-6 ta’ Ottubru 2022 u fil-premessi (14) sa (15) jammontaw għal EUR 70 921 236.

(19)

Għalhekk, jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li l-Latvja tiġi megħjuna titratta l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku qawwi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, id-daqs u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tas-segmenti f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

(20)

Minħabba li l-perjodu ta’ disponibbiltà indikat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1351 skada, huwa meħtieġ perjodu ta’ disponibbiltà ġdid għall-assistenza finanzjarja addizzjonali. Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-assistenza finanzjarja ta’ 18-il xahar mogħti bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1351 jenħtieġ li jiġi estiż b 21 xahar u, b’konsegwenza ta’ dan, il-perjodu ta’ disponibbiltà totali jenħtieġ li jkun ta’ 39 xahar li jibda mill-ewwel jum wara li tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1351.

(21)

Jenħtieġ li l-Latvja u l-Kummissjoni jqisu din id-Deċiżjoni fil-ftehim ta’ self imsemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

(22)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kull proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

(23)

Jenħtieġ li l-Latvja tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn il-Latvja implimentat dik in-nefqa.

(24)

Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tal-Latvja, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1351 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Latvja self li jammonta għal massimu ta’ EUR 472 807 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

2.   Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 39 xahar li jibdew mill-ewwel jum wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit bis-segwenti:

“4.   L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672. Kwalunkwe ħlas parzjali sussegwenti għandu jiġi rilaxxat f’konformità mat-termini ta’ dak il-ftehim ta’ self jew, fejn rilevanti, ikun soġġett għad-dħul fis-seħħ ta’ addendum għal dan, jew ta’ ftehim ta’ self emendat konkluż bejn il-Latvja u l-Kummissjoni li jissostitwixxi l-ftehim ta’ self oriġinali.”;

(2)

L-Artikolu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Il-Latvja tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

(a)

l-iskema għall-kumpens ta’ żmien inattiv tal-ħaddiema, kif previst fir-“Regolamenti tal-Kabinett Nru 179 (adottati fil-31 ta’ Marzu 2020) ‘Regolamenti rigward l-Għotja għall-Inattività għall-Persuni li Jaħdmu għal Rashom affettwati mill-Firxa tal-COVID-19’ u Nru 165 (adottat fis-26 ta’ Marzu 2020) ‘Regolamenti rigward l-Impjegaturi Affettwati mill-Kriżi Kkawżata mill-COVID-19 li huma Eliġibbli għall-Għotja għall-Inattività u Diviżjoni tat-Taxxa li Tħallset Tard fi Ħlasijiet Parzjali jew Differiment Tagħhom għal sa Tliet Snin’”, kif estiża u emendata l-aħħar bl-Emendi għar-Regolament tal-Kabinett Nru 709 “Ir-Regolamenti fir-Rigward tal-Għotja għall-Inattività għall-Kontribwenti tat-Taxxa għall-Kontinwazzjoni tal-Attività tagħhom fiċ-Ċirkostanzi tal-Kriżi tal-COVID-19” fid-19 ta’ Jannar 2021-, l-4 ta’ Frar 2021 u s-26 ta’ Frar 2021;

(b)

l-għotja għal żmien ta’ waqfien mix-xogħol, kif previst abbażi tar-“Regolament tal-Kabinett Nru 236 (adottat fit-23 ta’ April 2020) ‘Regolamenti Rigward l-Għotja ta’ Assistenza għall-Inattività għall-Impjegati jew għall-Persuni li Jaħdmu għal Rashom Affettwati mill-Firxa tal-COVID-19’”;

(c)

il-bonus tal-ħaddiema għat-tfal, kif previst fl- “Ordni tal-Kabinett Nru 178 tas-16 ta’ April 2020‘Rigward l-Allokazzjoni ta’ Fondi mill-Programm tal-Baġit tal-Istat “Fondi għal Avvenimenti Imprevisti”’”, kif estiż;

(d)

l-iskema għal sussidji tal-pagi għall-industriji tat-turiżmu u tal-esportazzjoni, kif previst fir- “Rapport ta’ informazzjoni dwar miżuri biex tingħeleb il-kriżi tal-COVID-19 u l-irkupru ekonomiku”, kif estiża u emendata l-aħħar bl-Emendi għar-Regolament tal-Kabinett Nru 675 dwar “Regolamenti Rigward l-Għoti ta’ Għajnuna lill-Kontribwenti tat-Taxxa għall-Kontinwazzjoni tal-Attività tagħhom fiċ-Ċirkustanzi tal-Kriżi tal-COVID-19” fl-1 ta’ April 2021, fis-26 ta’ Ottubru 2021, fid-9 ta’ Novembru 2021, , fit-30 ta’ Novembru 2021, fis-7 ta’ Diċembru 2021, fit-23 ta’ Diċembru 2021 u fil-11 ta’ Jannar 2022;

(e)

pagamenti ta’ appoġġ għall-paga għal professjonisti mediċi u dawk impjegati mill-industrija kulturali, kif previst fil-“Liġi dwar il-Miżuri għall-Prevenzjoni u t-Trażżin ta’ Theddid għall-Istat u l-Konsegwenzi Tagħha Minħabba l-Firxa tal-COVID-19”, u l-“Liġi dwar it-Trażżin tal-Konsegwenzi tal-Infezzjoni tal-COVID-19” u l-“Ordni tal-Kabinett Nru 303 tat-3 ta’ Ġunju 2020‘Rigward l-Allokazzjoni ta’ Fondi mill-Programm tal-Baġit tal-Istat “Fondi għal Avvenimenti Imprevisti”’”, rispettivament;

(f)

in-nefqa relatata mas-saħħa fit-tagħmir ta’ protezzjoni personali, kif previst fl-“Ordnijiet tal-Kabinett Nru 79 tat-3 ta’ Marzu 2020, Nru 118 tal-20 ta’ Marzu 2020 u Nru 220 tas-27 ta’ April 2020,”Rigward l-Allokazzjoni tal-Fondi mill-Programm tal-Baġit tal-Istat ‘fondi għal Avvenimenti Imprevisti’”", “Regolament tal-Kabinett Nru 380 tad-9 ta’ Ġunju 2020“Regolamenti dwar ir-Riżorsi biex tiġi Żgurata s-Sikurezza Epidemjoloġika Meħtieġa għall-Istituzzjonijiet Inklużi fil-Lista ta’ Istituzzjonijiet u Ħtiġijiet ta’ Prijorità”’;

(g)

il-benefiċċji tal-mard relatati mal-COVID-19, kif previst fl- “Emenda għal-Liġi ‘Dwar l-Assigurazzjoni tal-Maternità u tal-Mard’”(adottata fl-20 ta’ Marzu 2020), kif estiża u emendata l-aħħar bl-Emendi għal-Liġi “Dwar l-Assigurazzjoni tal-Maternità u tal-Mard” fl-4 ta’ Novembru 2021 u fit-13 ta’ Jannar 2022;

(h)

benefiċċji ta’ għajnuna għall-mard għall-ġenituri u l-indokraturi, kif previst fl-“Emenda tal-Liġi “Dwar l-Assigurazzjoni tal-Maternità u tal-Mard””, (it-Taqsimiet 48 u 49 tad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali), adottati fis-26 ta’ Novembru 2020, l-“Ordni tal-Kabinett Nru 707 tal-1 ta’ Diċembru 2020“Rigward l-Allokazzjoni ta’ Fondi mill-Programm tal-Baġit tal-Istat ‘Fondi għal Avvenimenti Imprevisti’”” u l-“Ordni tal-Kabinett Nru 13 tal-11 ta’ Jannar 2021“Rigward l-Allokazzjoni ta’ Fondi mill-Programm tal-Baġit tal-Istat “Fondi għal Avvenimenti Imprevisti”””;

(i)

primjums għall-prattikanti mediċi u l-impjegati li qed jittrattaw il-kriżi tal-COVID-19, kif previst fl- “Ordni tal-Kabinett Nru 136 Adottata fis-27 ta’ Marzu 2020‘Rigward l-Allokazzjoni ta’ Fondi mill-Programm tal-Baġit tal-Istat “Fondi għal Avvenimenti Imprevisti”’”, “Ordni tal-Kabinett Nru 656 Adottata fis-6 ta’ Novembru 2020‘Rigward l-Allokazzjoni ta’ Fondi mill-Programm tal-Baġit tal-Istat “Fondi għal Avvenimenti Imprevisti”’”, “Ordni tal-Kabinett Nru 743 tat-8 ta’ Diċembru 2020”‘Emenda għall-Ordni tal-Kabinett Nru 655 tas-6 ta’ Novembru 2020“Dwar id-Dikjarazzjoni ta’ Stat ta’ Emerġenza”’ u “Ordni tal-Kabinett Nru 37 Adottata fil-21 ta’ Jannar 2021 Rigward l-Allokazzjoni ta’ Fondi mill-Programm tal-Baġit tal-Istat ‘Fondi għal Avvenimenti Imprevisti””.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

Z. NEKULA


(1)  ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1351 tal-25 ta’ Settembru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Latvja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 314, 29.9.2020, p. 38).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/677 tat-23 ta’ April 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1351 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Latvja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19, (ĠU L 144, 27.4.2021, p. 7).

(4)  Latvijas Vēstnesis, 230B, 27.11.2020.

(5)  Latvijas Vēstnesis, 9 A, 14.1.2021.

(6)  Latvijas Vēstnesis, 15, 22.1.2021.

(7)  Latvijas Vēstnesis, 25 A, 5.2.2021.

(8)  Latvijas Vēstnesis, 48, 10.3.2021.

(9)  Latvijas Vēstnesis, 234, 3.12.2020.

(10)  Latvijas Vēstnesis, 9, 14.1.2021.

(11)  Latvijas Vēstnesis, 222 A, 16.11.2020.

(12)  Latvijas Vēstnesis, 9, 14.1.2021.

(13)  Latvijas Vēstnesis, 66, 7.4.2021.

(14)  Latvijas Vēstnesis, 211, 1.11.2021.

(15)  Latvijas Vēstnesis, 220, 12.11.2021.

(16)  Latvijas Vēstnesis, 236, 7.12.2021.

(17)  Latvijas Vēstnesis, 240, 13.12.2021.

(18)  Latvijas Vēstnesis, 249 A, 27.12.2021.

(19)  Latvijas Vēstnesis, 9, 13.1.2022.

(20)  Latvijas Vēstnesis, 42, 2.3.2021.

(21)  Latvijas Vēstnesis, 57B, 21.3.2020.

(22)  Latvijas Vēstnesis, 221 A, 13.11.2020

(23)  Latvijas Vēstnesis, 215 A, 5.11.2021

(24)  Latvijas Vēstnesis, 10 A, 14.1.2022.

(25)  Latvijas Vēstnesis, 230 A, 27.11.2020.

(26)  Latvijas Vēstnesis, 234, 3.12.2020.

(27)  Latvijas Vēstnesis, 9, 14.1.2021.

(28)  Latvijas Vēstnesis, 113 A, 12.6.2020.

(29)  Latvijas Vēstnesis, 62B, 27.3.2020.

(30)  Latvijas Vēstnesis, 218, 10.11.2020.

(31)  Latvijas Vēstnesis, 237 A, 8.12.2020.

(32)  Latvijas Vēstnesis, 16, 25.1.2021.