16.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/48


DEĊIŻJONI (UE) 2022/2249 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-9 ta’ Novembru 2022

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/ 911 dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tat-TARGET-ECB (BĊE/2022/22) (BĊE/2022/38)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 17, 22 u 23 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida (UE) 2022/912 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/8) (1), li tipprovdi għall-bidu tal-operazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni ġdida tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET) mill-21 ta’ Novembru 2022.

(2)

Wara l-adozzjoni tal-Linja Gwida (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8), fid-19 ta’ April 2022 il-Bord Eżekuttiv adotta d-Deċiżjoni (UE) 2022/911 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/22) (2), biex jimplimenta bidliet fit-termini u l-kundizzjonijiet tas-sistema komponenti TARGET2 tal-Bank Ċentrali Ewropew (TARGET2-BĊE), u biex jipprovdi għat-tħassir tad-Deċiżjoni BĊE/2007/7 tal-Bank Ċentrali Ewropew (3).

(3)

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda fl-20 ta’ Ottubru 2022 li jiskeda mill-ġdid il-bidu tal-operazzjonijiet tat-TARGET biex jibda mill-20 ta’ Marzu 2023 minħabba l-ħtieġa li l-utenti jingħataw aktar żmien biex ilestu l-ittestjar tagħhom tal-pjattaforma teknika l-ġdida f’ambjent stabbli, wara li titqies in-natura sistemika tat-TARGET.

(4)

Fid-9 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida (UE) 2022/2250 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/39) (4), li temenda l-Linja Gwida (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8) biex tirrifletti d-data l-ġdida għall-bidu tal-operazzjonijiet tat-TARGET.

(5)

Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu implimentati aġġustamenti korrispondenti għad-Deċiżjoni (UE) 2022/911 (BĊE/2022/22), li għandhom japplikaw mill-20 ta’ Marzu 2023. Id-Deċiżjoni BĊE/2007/7 għandha tkompli tapplika sa dik id-data.

(6)

Sabiex jiġi żgurat allinjament mad-dispożizzjonijiet tal-Linja Gwida (UE) 2022/2250 (BĊE/2022/39), din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien u tapplika mill-21 ta’ Novembru 2022.

(7)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2022/911 (BĊE/2022/22) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni (UE) 2022/911 (BĊE/2022/22) hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Revoka ta’ Deċiżjoni BĊE/2007/7

Id-Deċiżjoni BĊE/2007/7 hija rrevokata b’effett mill-20 ta’ Marzu 2023.”;

(2)

fl-Artikolu 5, it-tieni sentenza hija ssostitwita b’dan li ġej:

“Għandha tapplika mill-20 ta' Marzu 2023.’;

(3)

fl-Anness I, il-Parti I, il-paragrafu 1 tal-Artikolu 35 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

‘1.   These Conditions become effective from 20 March 2023.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-18 ta’ Novembru 2022.

Għandha tapplika mill-21 ta’ Novembru 2022.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-9 ta’ Novembru 2022.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Il-Linja Gwida (UE) 2022/912 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Frar 2022 dwar il-ġenerazzjoni ġdida tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2012/27 (BĊE/2022/8) (ĠU L 163, 17.6.2022, p. 84).

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/911 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ April 2022 dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tat-TARGET-ECB u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/7 (BĊE/2022/22) ĠU L 163, 17.6.2022, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni BĊE/2007/7 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Lulju 2007 dwar il-kundizzjonijiet tat-TARGET2-BĊE (ĠU L 237, 8.9.2007, p.71).

(4)  Il-Linja Gwida (UE) 2022/2250 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ Novembru 2022 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2022/912 dwar il-ġenerazzjoni ġdida tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET) (BĊE/2022/8) (BĊE/2022/39) (Ara l-paġna 50 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).