17.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 269/9


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/1956

tas-17 ta’ Ottubru 2022

li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ April 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK.

(2)

Fil-25 ta’ Settembru 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tikkundanna l-użu mifrux u sproporzjonat tal-forza mill-forzi tas-sigurtà Iranjani kontra dimostranti mhux vjolenti, li wassal għal għadd kbir ta’ mwiet u persuni midruba. Id-dikjarazzjoni stqarret ukoll li dawk responsabbli għall-qtil ta’ Mahsa Amini jridu jinżammu responsabbli, u appellat lill-awtoritajiet Iranjani biex jiżguraw investigazzjonijiet trasparenti u kredibbli biex jiċċaraw l-għadd ta’ mwiet u arrestati, jeħilsu lid-dimostranti mhux vjolenti kollha u jipprovdu proċess xieraq lid-detenuti kollha. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni enfasizzat li d-deċiżjoni tal-Iran li jirrestrinġi severament l-aċċess għall-Internet u jimblokka pjattaformi ta’ messaġġi istantanji tikser b’mod sfaċċat il-libertà tal-espressjoni. Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni stqarret li l-Unjoni ser tikkunsidra l-għażliet kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tindirizza l-qtil ta’ Mahsa Amini u l-mod kif il-forzi tas-sigurtà Iranjani wieġbu għad-dimostrazzjonijiet li segwew.

(3)

F’dan il-kuntest, u f’konformità mal-impenn tal-Unjoni li tindirizza l-kwistjonijiet kollha ta’ tħassib mal-Iran, fosthom is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, jenħtieġ li ħdax-il persuna u erba’ entitajiet jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/235/PESK.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2011/235/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2011/235/PESK huwa emendat kif jinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 100, 14.4.2011, p. 51.


ANNESS

Il-persuni u l-entitajiet li ġejjin jinżdiedu mal-lista ta’ persuni u entitajiet li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/235/PESK:

Persuni

 

“Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“96.

ROSTAMI CHESHMEH GACHI Mohammed (magħruf ukoll bħala ROSTAMI, Mohammad)

محمد گچی چشمه رستمی

(magħruf ukoll bħala محمد رستمی)

Post tat-twelid: Kermanshah (Iran)

Data tat-twelid: 1976 jew 1977

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Numru tal-identità nazzjonali: 111936 (Iran)

Nru ta’ identifikazzjoni: 13821 (Iran)

Pożizzjoni: Kap tal-Pulizija tal-Moralità tal-Iran

Mohammad Rostami Cheshmeh Gachi huwa l-kap tal-Pulizija tal-Moralità tal-Iran. Kien il-kap tal-Pulizija tas-Sigurtà Pubblika ta’ Kermanshah mill-bidu tal-2014 sal-bidu tal-2019 u okkupa pożizzjonijiet għolja fil-pulizija tal-intelligence Iranjana.

Il-Pulizija tal-Moralità hija parti mill-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran u hija unità tal-pulizija speċjali li tinforza regoli stretti dwar l-ilbies għan-nisa, inkluż l-ilbies obbligatorju ta’ velu. Il-Pulizija tal-Moralità użat forza illegali kontra n-nisa talli ma kkonformawx mal-liġijiet Iranjani dwar il-ħiġab, vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, wettqet arresti u detenzjonijiet arbitrarji, u użat vjolenza eċċessiva u tortura.

Fit-13 ta’ Settembru 2022, il-Pulizija tal-Moralità arrestat arbitrarjament lil Mahsa Amini ta’ 22 sena f’Tehran, allegatament talli libset ħiġab b’mod mhux xieraq. Sussegwentement ittieħdet fil-kwartieri ġenerali tal-Pulizija tal-Moralità għal “lezzjoni edukattiva u ta’ orjentazzjoni”. Skont rapporti u xhieda affidabbli, hija ġiet imsawta brutalment u ġiet ittrattata ħażin waqt li kienet detenuta, li wassal għad-dħul tagħha fl-isptar u għall-mewt tagħha fis-16 ta’ Settembru 2022. L-imġiba abbużiva tal-Pulizija tal-Moralità mhijiex limitata għal dak l-inċident u ġiet iddokumentata b’mod wiesa’.

Bħala kap tal-Pulizija tal-Moralità tal-Iran, Rostami huwa responsabbli għall-azzjonijiet tal-Pulizija tal-Moralità. Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

17.10.2022

97.

RAHIMI Hossein

حسین رحیمی

Post tat-twelid: Dodhak village, Mahalat, Central province (Iran)

Data tat-twelid: 1964

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Pożizzjoni: Kap tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran f’Tehran

Il-Brigadier Ġeneral Hossein Rahimi ilu l-kap tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran f’Tehran mis-7 ta’ Awwissu 2017.

Ir-rispons tal-LEF għall-protesti ta’ Settembru 2022 f’Tehran kien partikolarment iebes. L-użu eċċessiv ta’ vjolenza mil-LEF biex irażżnu lil dawk il-protesti rriżulta fl-imwiet ta’ diversi persuni.

Bħala kap tal-LEF f’Tehran, Rahimi huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

17.10.2022

98.

ABDI Abbas

عبدی عباس

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Kurunell

Pożizzjoni: Kap tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran f’Divandarreh

Il-Kurunell Abbas Abdi huwa l-kap tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran fid-distrett ta’ Divandarreh.

Ir-rispons tal-LEF għall-protesti ta’ Settembru 2022 f’Divandarreh kien partikolarment iebes. L-użu eċċessiv ta’ vjolenza mil-LEF biex irażżnu lil dawk il-protesti rriżulta fl-imwiet ta’ diversi persuni.

Bħala kap tal-LEF f’Divandarreh, Abdi huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

17.10.2022

99.

MIRZAEI Haj Ahmad (magħruf ukoll bħala MIRZAEI Hajahmad; MIRZAYI Hajj Ahmad)

حاج احمد میرزایی

Post tat-twelid: Tehran (Iran)

Data tat-twelid: 9 ta’ Frar 1957

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Nru ta’ identifikazzjoni: 4268935215 (Iran)

Grad: Kurunell

Pożizzjoni: Kap tal-Pulizija tal-Moralità tal-Iran f’Tehran

Il-Kurunell Haj Ahmed Mirzaei ilu l-kap tal-fergħa ta’ Tehran tal-Pulizija tal-Moralità tal-Iran mill-2018.

Il-Pulizija tal-Moralità hija parti mill-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran u hija unità tal-pulizija speċjali li tinforza regoli stretti dwar l-ilbies għan-nisa, inkluż l-ilbies obbligatorju ta’ velu. Il-Pulizija tal-Moralità użat forza illegali kontra n-nisa talli ma kkonformawx mal-liġijiet Iranjani dwar il-ħiġab, vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, wettqet arresti u detenzjonijiet arbitrarji, u użat vjolenza eċċessiva u tortura.

Fit-13 ta’ Settembru 2022, il-Pulizija tal-Moralità arrestat arbitrarjament lil Mahsa Amini ta’ 22 sena f’Tehran, allegatament talli libset ħiġab b’mod mhux xieraq. Sussegwentement ittieħdet fil-kwartieri ġenerali tal-Pulizija tal-Moralità għal “lezzjoni edukattiva u ta’ orjentazzjoni”. Skont rapporti u xhieda affidabbli, hija ġiet imsawta brutalment u ġiet ittrattata ħażin waqt li kienet detenuta, li wassal għad-dħul tagħha fl-isptar u għall-mewt tagħha fis-16 ta’ Settembru 2022. L-imġiba abbużiva tal-Pulizija tal-Moralità mhijiex limitata għal dak l-inċident u ġiet iddokumentata b’mod wiesa’.

Bħala kap tal-Pulizija tal-Moralità f’Tehran, Mirzaei huwa responsabbli għall-azzjonijiet tal-Pulizija tal-Moralità f’Tehran, inkluż fil-kwartieri ġenerali tagħha fejn Amini ġiet imsawta u ttrattata ħażin. Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

17.10.2022

100.

ZAREPOUR Issa

عیسی زارع پور

Post tat-twelid: Eslamabad-e Gharb, Kermanshah Province (Iran)

Data tat-twelid: 1980

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Pożizzjoni: Ministru għat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni

Issa Zarepour ilu l-Ministru għat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni tal-Iran mill-25 ta’ Awwissu 2021.

Fil-pożizzjoni tiegħu, huwa kellu rwol ewlieni fid-deċiżjoni tal-gvern Iranjan li jikser b’mod sistematiku l-libertà tal-opinjoni u l-espressjoni tal-persuni Iranjani billi jimponi restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-Internet matul il-protesti li segwew il-mewt ta’ Mahsa Amini ta’ 22 sena fis-16 ta’ Settembru 2022.

Dik l-azzjoni kompliet tnaqqas l-ispazju diġà limitat ħafna għall-atturi tas-soċjetà ċivili fl-Iran, fosthom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, biex jiġbru informazzjoni oġġettiva u jikkomunikaw kemm bejniethom kif ukoll mad-dinja esterna.

Il-blackout tal-Internet kellu konsegwenzi negattivi fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, kemm direttament (jiġifieri l-impatt fuq il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni u d-disponibbiltà ta’ informazzjoni oġġettiva), kif ukoll indirettament (jiġifieri ċ-ċans akbar li l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem ma jiġix iddokumentat u b’hekk ikun hemm impatt negattiv fuq l-irfigħ tar-responsabbiltà għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem).

Bħala Ministru għat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni, Zarepour huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

17.10.2022

101.

SEPEHR Mohammad-Hossein

محمدحسین سپهر

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Pożizzjoni: Kmandant tal-Bażi ta’ Taħriġ Ċentrali Iranjana tal-Istat Maġġur tal-Forzi Armati

Mohammad-Hossein Sepehr huwa l-Kmandant tal-Bażi ta’ Taħriġ Ċentrali tal-Istat Maġġur tal-Forzi Armati f’Tehran. Huwa membru tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) u l-Forza ta’ Reżistenza ta’ Basij (organizzazzjoni paramilitari volontarja li topera taħt l-IRGC b’fergħat madwar l-Iran).

Sepehr jissorvelja t-taħriġ kontra l-protesti għall-forzi tas-sigurtà Iranjani u jappoġġa linja repressiva lejn id-dimostranti.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

17.10.2022

102.

SAFARI Sayd Ali

صفری سید علی

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Kurunell

Pożizzjoni: Kap tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran f’Saqqez

Il-Kurunell Sayd Ali Safari huwa l-kap tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran f’Saqqez.

Ir-rispons tal-LEF għall-protesti ta’ Settembru 2022 f’Saqqez kien partikolarment iebes. L-użu eċċessiv ta’ vjolenza mil-LEF biex irażżnu l-protesti rriżulta fl-imwiet ta’ diversi persuni.

Bħala kap tal-LEF f’Saqqez, Safari huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

17.10.2022

103.

ADYANI Seyed Alireza (magħruf ukoll bħala ADIANI Hojjat al-Islam Seyyed Alireza)

ادیانی سید علیرضا

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Pożizzjoni: Kap tal-uffiċċju ideoloġiku-politiku tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran

Seyed Alireza Adyani huwa l-kap tal-uffiċċju ideoloġiku-politiku tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran.

Adyani huwa responsabbli għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tar-regoli tal-ingaġġ għall-forzi tal-pulizija. Huwa ddikjara li l-LEF jeħtieġ li jkunu “prattiċi” u “effettivi” meta jittrattaw l-avversarji u feraħ lill-Pulizija tal-Moralità talli għamlet xogħolha “b’mod intensiv”.

Il-LEF użaw brutalità enormi kontra d-dimostranti, inkluż dawk li pprotestaw wara l-mewt ta’ Mahsa Amini.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

17.10.2022

104.

AZADI Ali

آزادی علی

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: It-Tieni Brigadier Ġeneral

Funzjoni: Kap tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran fil-Kurdistan

It-Tieni Brigadier Ġenerali Ali Azadi ilu l-kap tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran fil-Kurdistan mill-2019.

Matul ir-repressjoni tal-protesti ta’ Settembru 2022, il-forzi taħt il-kmand tiegħu fil-Kurdistan sparaw fuq id-dimostranti u qatlu u darbu diversi persuni.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

17.10.2022

105.

SHALIKAR Mohammed Zaman

شالیکار محمد زمان

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Kurunell

Funzjoni: Kap tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran f’Babol, Mazandaran

Il-Kurunell Mohammed Zaman Shalikar ilu l-Kap tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran f’Babol, Mazandaran mill-2021.

Waqt dimostrazzjonijiet wara l-mewt ta’ Mahsa Amini f’Settembru 2022, il-forzi taħt il-kmand tiegħu sparaw fuq, darbu u qatlu dimostranti f’Babol, Mazandaran.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

17.10.2022

106.

HEIDARI Salman

حیدری سلمان

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Kurunell

Funzjoni: Kap tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran f’Bukan

Il-Kurunell Salman Heidari huwa l-kap tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran f’Bukan.

Ir-rispons tal-LEF għall-protesti ta’ Settembru 2022 f’Bukan kien partikolarment iebes. L-użu eċċessiv ta’ vjolenza mil-LEF biex irażżnu l-protesti rriżulta fil-mewt ta’ mill-inqas persuna minorenni waħda u fid-drib ta’ diversi persuni.

Bħala kap tal-LEF f’Bukan, Heidari huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.”

17.10.2022".

Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“5.

Pulizija tal-Moralità tal-Iran

(magħrufa wkoll bħala Gasht-e-Ershad;Islamic Guidance Patrol;Guidance Patrols)

غشتى إرشاد

Indirizz: Vozara Street, corner of 25th Street, District 6, Tehran (Iran)

Il-Pulizija tal-Moralità hija parti mill-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran u hija unità tal-pulizija speċjali li tinforza regoli stretti dwar l-ilbies għan-nisa, inkluż l-ilbies obbligatorju ta’ velu. Il-Pulizija tal-Moralità użat forza illegali kontra n-nisa talli ma kkonformawx mal-liġijiet Iranjani dwar il-ħiġab, vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, wettqet arresti u detenzjonijiet arbitrarji, u użat vjolenza eċċessiva u tortura.

Fit-13 ta’ Settembru 2022, il-Pulizija tal-Moralità arrestat arbitrarjament lil Mahsa Amini ta’ 22 sena f’Tehran, allegatament talli libset ħiġab b’mod mhux xieraq. Sussegwentement ittieħdet fil-kwartieri ġenerali tal-Pulizija tal-Moralità għal “lezzjoni edukattiva u ta’ orjentazzjoni”. Skont rapporti u xhieda affidabbli, hija ġiet imsawta brutalment u ġiet ittrattata ħażin waqt li kienet detenuta, li wassal għad-dħul tagħha fl-isptar u għall-mewt tagħha fis-16 ta’ Settembru 2022. L-imġiba abbużiva tal-Pulizija tal-Moralità mhijiex limitata għal dak l-inċident u ġiet iddokumentata b’mod wiesa’.

Il-Pulizija tal-Moralità għalhekk iġġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

17.10.2022

6.

Forza ta’ Reżistenza ta’ Basij

(magħrufa wkoll bħala Basij-e Mostazafan)

بسیج مستضعفین

 

Il-Forza ta’ Reżistenza ta’ Basij hija organizzazzjoni paramilitari volontarja li topera taħt il-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) b’fergħat madwar l-Iran.

Ir-rispons tal-forzi tas-sigurtà għall-protesti ta’ Settembru 2022 fl-Iran kien partikolarment iebes, u rriżulta fl-imwiet ta’ diversi persuni. Il-Forza ta’ Reżistenza ta’ Basij hija waħda mill-forzi ordnati mill-gvern biex twaqqaf dawk il-protesti. Hija darbet u qatlet diversi dimostranti.

Il-Forza ta’ Reżistenza ta’ Basij għalhekk iġġorr ir-responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

17.10.2022

7.

Kmand taċ-Ċiberdifiża tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (CDC)

قرارگاه دفاع سایبری

Indirizz: Tehran (Iran)

Telefon: + 98 26 3448 9826

Il-Kmand taċ-Ċiberdifiża tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (CDC) jissorvelja s-siti web, il-posta elettronika u l-attivitajiet online ta’ individwi meqjusa bħala avversarji politiċi.

Matul il-protesti ta’ Settembru 2022 fl-Iran, is-CDC ħa rwol attiv fil-politiki repressivi tal-gvern Iranjan, inkluż bl-identifikazzjoni u l-arrest tad-dimostranti.

Is-CDC hija għaldaqstant direttament responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

17.10.2022

8.

Forzi tal-Infurzar tal-Liġi tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran (LEF) (magħrufa wkoll bħala NAJA; FARAJA)

فرماندهی انتظامی جمهوری اسلامی ایران

Indirizz: Tehran (Iran)

Il-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran (LEF) huma forza tal-pulizija bl-uniformi.

Il-ksur sfaċċat u gravi tad-drittijiet tal-bniedem mil-LEF, bħall-isparar indiskriminat b’munizzjon attiv fuq dimostranti paċifiċi, fosthom tfal, ġie ddokumentat b’mod wiesa’ minn mindu bdew il-protesti f’nofs Settembru 2022 wara l-mewt ta’ Mahsa Amini. Aktar minn 70 dimostrant mietu u mijiet indarbu serjament, fosthom tfal. Sa mill-bidu tad-dimostrazzjonijiet, il-forzi tal-pulizija ddetenew ukoll b’mod arbitrarju bosta difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti.

Il-LEF għalhekk huma responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

17.10.2022".