27.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 249/56


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1658

tas-26 ta’ Settembru 2022

li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1189 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Ġermanja

(notifikata bid-dokument C(2022) 6931)

(It-test bil-Ġermaniż biss hu awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva li taffettwa l-annimali porċini miżmuma u selvaġġi u li tista’ tħalli impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tal-biedja, u tikkawża tfixkil fil-movimenti tal-konsenji ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni, u fl-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi.

(2)

F’każ ta’ tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-annimali porċini miżmuma, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra tal-annimali porċini miżmuma.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tatar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategorija A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż id-deni Afrikan tal-ħnieżer, kif ukoll ċerti miżuri li jridu jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tkun tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u jekk ikun meħtieġ, żoni ristretti aktar madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.

(4)

Wara tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’annimali porċini miżmuma fl-istat tas-Sassonja t’Isfel fil-Ġermanja, li ġiet ikkonfermata fit-2 ta’ Lulju 2022, u l-informazzjoni li waslet mingħand dak l-Istat Membru federali dwar is-sitwazzjoni tal-marda fit-territorju tiegħu, ġiet adottata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1189 (4). Dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tipprevedi li l-Ġermanja trid tiżgura li ż-żona ristretta, li fiha japplikaw il-miżuri previsti għaż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, tinkludi mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

(5)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1189 tapplika sal-14 ta’ Ottubru 2022. Il-perjodu ta’ applikabbiltà tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1189 ġie stabbilit billi tqieset id-data tat-tifqigħa, l-epidemjoloġija tal-marda u ż-żmien meħtieġ biex issir investigazzjoni epidemjoloġika li tiżgura l-assenza tal-marda u f’konformità mal-istandards internazzjonali (5) tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH, imwaqqfa bħala OIE) dwar l-irkupru tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard f’żona li qabel kienet ħielsa mill-mard u mal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar ir-reġjonalizzazzjoni tal-ASF (6).

(6)

Fl-aħħar ta’ Awwissu 2022, il-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni favorevoli attwali tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-annimali porċini miżmuma fiż-żona ristretta fl-istat tas-Sassonja t’Isfel u li l-miżuri għaż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza ġew implimentati kif xieraq f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, biex ikun evitat aktar tixrid ta’ dik il-marda.

(7)

Abbażi ta’ dik l-informazzjoni u l-ġustifikazzjonijiet li waslu, b’mod partikolari filwaqt li tqieset it-tlestija tal-miżuri preliminari tat-tindif u tad-diżinfettar fl-istabbiliment affettwat fil-5 ta’ Lulju 2022, u filwaqt li titqies is-sitwazzjoni favorevoli attwali tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-annimali porċini miżmuma fl-istat tas-Sassonja t’Isfel u l-miżuri implimentati kif xieraq mill-Ġermanja, u biex ikun evitat it-tfixkil bla bżonn għall-kummerċ, jixraq li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1189 titħassar b’effett mill-5 ta’ Ottubru 2022.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1189 titħassar b’effett mill-5 ta’ Ottubru 2022.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta' Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta' mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1189 tat-8 ta’ Lulju 2022 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Ġermanja (ĠU L 184, 11.7.2022, p. 66).

(5)  Il-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE, id-29 edizzjoni, 2021. Il-Volumi I u II ISBN 978-92-95115-40-8; https://www.woah.org/en/what-we-do/standards/codes-and-manuals/terrestrial-code-online-access/

(6)  Id-Dokument ta’ Ħidma SANTE/7112/2015/Rev. 3 “Principles and criteria for geographically defining ASF regionalisation”. https://ec.europa.eu/food/animals/animal-diseases/control-measures/asf_en