1.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/54


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1338

tad-29 ta’ Lulju 2022

li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mir-Repubblika tal-Filippini maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli tat-tilqim kontra l-COVID-19, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Huwa se jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jippermetti l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn pajjiżi terzi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom jekk il-Kummissjoni tikkonstata li dawk iċ-ċertifikati COVID-19 jinħarġu f’konformità ma’ standards li jitqiesu ekwivalenti għal dawk stabbiliti skont dak ir-Regolament. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri jeħtiġilhom japplikaw ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2021/953 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, imma li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tagħhom u li għandhom id-dritt li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe konstatazzjoni ta’ ekwivalenza stipulata f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika għaċ-ċertifikati tat-tilqim kontra l-COVID-19, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mir-Repubblika tal-Filippini liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom B’mod simili, abbażi tar-Regolament (UE) 2021/954, jenħtieġ li tali konstatazzjonijiet ta’ ekwivalenza japplikaw ukoll għaċ-ċertifikati tat-tilqim kontra l-COVID-19 maħruġa mir-Repubblika tal-Filippini liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(3)

Fis-27 ta’ Ottubru 2021, ir-Repubblika tal-Filippini pprovdiet lill-Kummissjoni b’informazzjoni dettaljata dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim skont is-sistema intitolata “VaxCertPH”. Ir-Repubblika tal-Filippini infurmat lill-Kummissjoni li hija tqis li ċ-ċertifikati COVID-19 tagħha qed jinħarġu f’konformità ma’ sistema standard u teknoloġika, huma interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Filippini infurmat lill-Kummissjoni li ċ-ċertifikati tat-tilqim kontra l-COVID-19 maħruġa mir-Repubblika tal-Filippini f’konformità mas-sistema “VaxCertPH” fihom id-data stabbilita fl-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953.

(4)

Ir-Repubblika tal-Filippini infurmat ukoll lill-Kummissjoni li taċċetta l-vaċċinazzjoni, ċertifikati tat-testijiet għat-testijiet NAAT (eż.: RT-PCR) u ċertifikati tal-fejqan maħruġa mill-Istati Membri u mill-pajjiżi taż-ŻEE f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

(5)

Fl-14 ta’ Lulju 2022, wara talba mir-Repubblika tal-Filippini, il-Kummissjoni wettqet testijiet tekniċi li wrew li ċ-ċertifikati tat-tilqim kontra l-COVID-19 maħruġin mir-Repubblika tal-Filippini f’konformità mas-sistema “VaxCertPH” huma interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 li jippermetti l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ċ-ċertifikati tat-tilqim kontra l-COVID-19 maħruġin mir-Repubblika tal-Filippini f’konformità mas-sistema “VaxCertPH” fihom id-data meħtieġa.

(6)

Minbarra dan, ir-Repubblika tal-Filippini infurmat lill-Kummissjoni li hija toħroġ ċertifikati tat-tilqim interoperabbli għat-tilqim kontra l-COVID-19. Dawk il-vaċċini bħalissa jinkludu Comirnaty, Vaxzevria, CoronaVac, Sputnik V, Sputnik Light, Jcovden, Covaxin, Spikevax, u Covovax.

(7)

Ir-Repubblika tal-Filippini infurmat lill-Kummissjoni li ma toħroġx ċertifikati tat-testijiet interoperabbli.

(8)

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Filippini infurmat lill-Kummissjoni li hija ma toħroġx ċertifikati ta’ fejqan interoperabbli.

(9)

Minbarra dan, ir-Repubblika tal-Filippini għarrfet lill-Kummissjoni li meta l-verifikaturi fil-Filippini jivverifikaw iċ-ċertifikati, id-data personali inkluża fihom tiġi pproċessata biss biex jiġi vverifikat u kkonfermat l-istatus tat-tilqim, tar-riżultat tat-test jew tal-fejqan tad-detentur u mhux se tinżamm wara.

(10)

L-elementi meħtieġa biex jiġi stabbilit li ċ-ċertifikati tat-tilqim kontra l-COVID-19 maħruġa mir-Repubblika tal-Filippini f’konformità mas-sistema “VaxCertPH” iridu jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 huma b’hekk issodisfati.

(11)

Għalhekk, iċ-ċertifikati tat-tilqim kontra l-COVID-19 maħruġa mir-Repubblika tal-Filippini f’konformità mas-sistema “VaxCertPH” jenħtieġ li jiġu aċċettati bil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) 2021/953.

(12)

Sabiex din id-Deċiżjoni tkun operazzjonali, jenħtieġ li r-Repubblika tal-Filippini tiġi konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

(13)

Sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha biex tissospendi l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jew tħassarha, jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

(14)

Sabiex ir-Repubblika tal-Filippini tiġi konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(15)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 2021/953,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iċ-ċertifikati tat-tilqim kontra l-COVID-19 maħruġa mir-Repubblika tal-Filippini f’konformità mas-sistema “VaxCertPH” għandhom, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 2

Ir-Repubblika tal-Filippini għandha tiġi konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).