14.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 187/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1206

tat-12 ta’ Lulju 2022

dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi Barranin fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 81(2), punt (a), u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi Barranin fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża taħt l-awspiċi tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fit-2 ta’ Lulju 2019.

(2)

Il-Konvenzjoni għandha l-għan li tippromwovi l-aċċess għall-ġustizzja globalment permezz ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali msaħħa. B’mod partikolari, il-Konvenzjoni għandha l-għan li tnaqqas ir-riskji u l-ispejjeż assoċjati mal-litigazzjoni transfruntiera u r-riżoluzzjoni tat-tilwim u, b’riżultat ta’ dan, li tiffaċilita l-kummerċ, l-investiment u l-mobbiltà internazzjonali.

(3)

L-Unjoni ħadet sehem attiv fin-negozjati li wasslu għall-adozzjoni tal-Konvenzjoni u tikkondividi l-għanijiet tagħha.

(4)

Bħalissa, iċ-ċittadini u n-negozji tal-Unjoni li jixtiequ li sentenza mogħtija fl-Unjoni tiġi rikonoxxuta u eżegwita f’pajjiż mhux tal-Unjoni qed iħabbtu wiċċhom ma’ xenarju legali mifrux minħabba n-nuqqas ta’ qafas internazzjonali komprensiv għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. It-tkabbir fil-kummerċ internazzjonali u l-flussi tal-investiment żied iżidu ir-riskji legali għaċ-ċittadini u għan-negozji tal-Unjoni.

(5)

Għaldaqstant jenħtieġ li din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata permezz ta’ sistema prevedibbli ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni transfruntieri ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali. Dawk l-objettivi jistgħu jinkisbu biss billi tinżamm sistema ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni reċiproċi ta’ sentenzi fost l-Istati, bħal dik adottata fil-Konvenzjoni. Fl-istess ħin, il-Konvenzjoni tkun tippermetti r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ pajjiżi terzi fl-Unjoni biss meta l-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Unjoni jiġu rrispettati.

(6)

Skont l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni, l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li għandhom kompetenza fuq xi wħud mill-kwistjonijiet irregolati mill-Konvenzjoni jew fuq kollha kemm huma, bħall-Unjoni, jistgħu jiffirmaw, jaċċettaw jew japprovaw il-Konvenzjoni jew jaderixxu magħha.

(7)

Skont l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni għandha l-kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Il-Konvenzjoni taffettwa l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Għalhekk, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fil-kwistjonijiet kollha rregolati mill-Konvenzjoni.

(8)

Skont l-Artikolu 24(3) u l-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni, l-adeżjoni mal-Konvenzjoni tista’ sseħħ qabel ma tidħol fis-seħħ.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li l-Unjoni taderixxi għall-Konvenzjoni.

(10)

Mal-adeżjoni mal-Konvenzjoni, jenħtieġ li l-Unjoni tiddikjara f’konformità mal-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni, li hija għandha kompetenza fuq il-kwistjonijiet kollha rregolati mill-Konvenzjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri jkunu marbutin bil-Konvenzjoni bis-saħħa tal-adeżjoni tal-Unjoni.

(11)

F’każijiet li jinvolvu kirjiet mhux residenzjali, ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 jagħti ġuriżdizzjoni esklużiva lill-qrati fl-Istat Membru fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli. Il-Konvenzjoni ma tinkludix tali regoli ta’ ġuriżdizzjoni esklużiva għall-kirjiet mhux residenzjali. Għalhekk, meta taderixxi mal-Konvenzjoni, jenħtieġ li l-Unjoni tiddikjara, f’konformità mal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni, li mhix ser tapplika l-Konvenzjoni għall-kirjiet mhux residenzjali ta’ proprjetajiet immobbli li jkunu jinsabu fl-Unjoni.

(12)

L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(13)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi Barranin fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni (3).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina lill-persuna/i bis-setgħa li tiddepożita, f’isem l-Unjoni, l-istrument ta’ adeżjoni msemmi fl-Artikolu 24(4) tal-Konvenzjoni (l-“istrument”).

Artikolu 3

Meta tiddepożita l-istrument, l-Unjoni għandha tagħmel id-dikjarazzjoni li ġejja f’konformità mal-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni:

“L-Unjoni Ewropea tiddikjara, f’konformità mal-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni, li hija għandha kompetenza fuq il-kwistjonijiet kollha rregolati minn din il-Konvenzjoni. L-Istati Membri tagħha mhumiex ser jiffirmaw, jirratifikaw, jaċċettaw jew japprovaw il-Konvenzjoni, iżda għandhom ikunu marbuta bil-Konvenzjoni bis-saħħa tal-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea.

Għall-finijiet ta’ din id-dikjarazzjoni, it-terminu ‘Unjoni Ewropea’ ma jinkludix ir-Renju tad-Danimarka bis-saħħa tal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.”.

Artikolu 4

Meta tiddepożita l-istrument, l-Unjoni għandha tagħmel id-dikjarazzjoni li ġejja, f’konformità mal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni, rigward il-kirjiet mhux residenzjali ta’ proprjetajiet immobbli:

“L-Unjoni Ewropea tiddikjara, f’konformità mal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni, li mhix ser tapplika l-Konvenzjoni għal kirjiet mhux residenzjali ta’ proprjetajiet immobbli li jinsabu fl-Unjoni Ewropea.”.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha (4).

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

Z. STANJURA


(1)  Approvazzjoni tat-23 ta’ Ġunju 2022 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

(3)  Ara paġna 4 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.