3.6.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 152/109 |
DEĊIŻJONI (UE) 2022/871 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-30 ta’ Mejju 2022
li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-perijodu ta’ applikazzjoni tagħha u fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Bolivja fuq għelejjel li jipproduċu ż-żerriegħa taċ-ċereali u għelejjel li jipproduċu ż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra u l-ekwivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali u tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fil-Bolivja
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE (3) tipprevedi li, f’ċerti kundizzjonijiet, l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fuq ċerti għelejjel li jipproduċu ż-żerriegħa fil-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni jridu jitqiesu ekwivalenti għall-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. Tipprevedi wkoll li, f’ċerti kundizzjonijiet, iż-żerriegħa ta’ ċerti speċijiet prodotti f’dawk il-pajjiżi terzi trid titqies bħala ekwivalenti għaż-żerriegħa prodotta f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. |
(2) |
L-ekwivalenza ngħatat lil dawk il-pajjiżi terzi abbażi tal-qafas multilaterali għall-kummerċ internazzjonali taż-żrieragħ, jiġifieri l-Iskemi taż-Żrieragħ tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) għaċ-Ċertifikazzjoni Varjetali taż-Żerriegħa li jimxu fil-Kummerċ Internazzjonali u l-metodi tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Ittestjar taż-Żerriegħa (ISTA) jew, fejn xieraq, ir-regoli tal-Assoċjazzjoni tal-Analisti Uffiċjali taż-Żerriegħa li huma ekwivalenti għall-metodi tal-ISTA. Il-Kummissjoni wettqet ukoll valutazzjonijiet leġiżlattivi u awditi f’xi wħud minn dawk il-pajjiżi terzi sabiex tivverifika jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti skont il-liġi tal-Unjoni qabel ma tat l-ekwivalenza għall-ewwel darba. L-ittestjar u r-rapportar annwali fi ħdan il-qafas tal-OECD, l-awditu mill-ġdid perjodiku tal-laboratorji għall-akkreditazzjoni tal-ISTA, kif ukoll l-ispezzjonijiet uffiċjali fil-kuntest tal-liġi tal-Unjoni, jindikaw li l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa f’dawk il-pajjiżi terzi għadhom ikomplu jagħtu l-istess garanziji bħall-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Istati Membri u li ż-żerriegħa prodotta u ċċertifikata f’dawk il-pajjiżi terzi tkompli tagħti l-istess garanziji bħaż-żerriegħa prodotta u ċċertifikata fl-Istati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li dawk l-ispezzjonijiet fuq il-post u ż-żerriegħa jkomplu jitqiesu bħala ekwivalenti għall-ispezzjonijiet fuq il-post u ż-żerriegħa tal-Unjoni. |
(3) |
Fl-2016, il-Bolivja ppreżentat talba lill-Kummissjoni għall-għoti ta’ ekwivalenza lis-sistema tagħha ta’ spezzjonijiet fuq il-post ta’ għelejjel li jipproduċu ż-żerriegħa u għaż-żerriegħa tas-Sorghum spp. (sorgu), Zea mays (qamħirrum) u Helianthus annuus (ġirasol) prodotti u ċċertifikati fil-Bolivja. |
(4) |
Il-Kummissjoni vvalutat il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Bolivja u wettqet awditu fl-2018 dwar is-sistema ta’ kontrolli uffiċjali tal-produzzjoni taż-żerriegħa u ċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa tas-sorgu, tal-qamħirrum u tal-ġirasol fil-Bolivja, u l-ekwivalenza tagħhom mar-rekwiżiti tal-Unjoni, u ppubblikat is-sejbiet tal-awditu f’rapport intitolat “Rapport finali ta’ awditu mwettaq fl-Istat Plurinazzjonali tal-Bolivja mill-14 ta’ Marzu 2018 sat-22 ta’ Marzu 2018 sabiex tiġi evalwata s-sistema ta’ kontrolli uffiċjali u ċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa u l-ekwivalenza tagħhom mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea”. |
(5) |
Dak l-awditu wera li hemm sistema organizzata tajjeb għall-produzzjoni u għaċ-ċertifikazzjoni taż-żrieragħ fil-Bolivja. Il-Kummissjoni identifikat xi nuqqasijiet u pprovdiet ir-rakkomandazzjonijiet lill-Bolivja. Peress li l-Bolivja indirizzat dawk in-nuqqasijiet sat-30 ta’ Novembru 2018, hija tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2003/17/KE u r-rekwiżiti rispettivi stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill 66/402/KEE (4) u 2002/57/KE (5). |
(6) |
Għalhekk, huwa xieraq li tingħata ekwivalenza fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fir-rigward tal-għelejjel li jipproduċu ż-żrieragħ tas-sorgu, tal-qamħirrum u tal-ġirasol fil-Bolivja u fir-rigward taż-żerriegħa tas-sorgu, tal-qamħirrum u tal-ġirasol prodotta fil-Bolivja u ċċertifikati uffiċjalment mill-awtoritajiet tagħha. |
(7) |
Peress li d-Deċiżjoni 2003/17/KE ser tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022, jenħtieġ li jiġi estiż il-perijodu li għalih hija rikonoxxuta l-ekwivalenza skont dik id-Deċiżjoni, sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ tfixkil tal-importazzjonijiet taż-żerriegħa fl-Unjoni. Filwaqt li jitqies l-investiment u ż-żmien meħtieġ għall-produzzjoni taż-żerriegħa ċċertifikata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, huwa xieraq li dak il-perijodu jiġi estiż b’seba’ snin. |
(8) |
Id-Deċiżjoni 2003/17/KE għalhekk jenħtieġ li tiġi emendata skont dan, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Emendi lid-Deċiżjoni 2003/17/KE
Id-Deċiżjoni 2003/17/KE hija emendata kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 6, id-data “il-31 ta’ Diċembru 2022” hija sostitwita bid-data “il-31 ta’ Diċembru 2029”; |
(2) |
it-tabella fl-Anness I hija emendata kif ġej:.
|
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2022.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
B. LE MAIRE
(1) Opinjoni tal-23 ta’ Marzu 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ April 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Mejju 2022.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-pajjiżi terzi fuq l-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa u dwar l-ekwivalenza taż-żerriegħa prodotta fil-pajjiżi terzi (ĠU L 8, 14.1.2003, p. 10).
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (ĠU P 125, 11.7.1966, p. 2309).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74).