12.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 114/176


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/600

tat-8 ta’ April 2022

dwar ir-rikonoxximent tal-iskema volontarja “Bonsucro EU” biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti mill-bijomassa, il-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tistabbilixxi rekwiżiti għal ċerti karburanti, b’mod partikolari l-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti mill-bijomassa, il-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat, sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jingħaddu lejn il-miri stabbiliti fid-Direttiva jekk dawn ikunu ġew prodotti b’mod sostenibbli u jiffrankaw emissjonijiet sinifikanti ta’ gassijiet serra meta mqabbla mal-karburanti fossili. L-ewwel nett, l-Artikolu 29 tad-Direttiva jistabbilixxi kriterji tas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa u l-Artikolu 26 tad-Direttiva u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni(UE) 2019/807 (2) jistabbilixxi l-kriterji biex jiġi ddeterminat liema materja prima għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa għandha riskju għoli ta’ bidla indiretta fl-użu tal-art, minn naħa waħda, u min-naħa l-oħra liema bijokarburanti, bijolikwidi jew karburanti mill-bijomassa għandhom riskju baxx ta’ bidla indiretta fl-użu tal-art. It-tieni, l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva jistabbilixxi kriterji għall-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat li jintużaw fit-trasport. It-tielet, l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva jirrikjedi lill-operaturi ekonomiċi li jdaħħlu informazzjoni f’bażi tad-data tal-Unjoni dwar it-tranżazzjonijiet magħmula u dwar il-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà ta’ għadd ta’ karburanti rinnovabbli (il-bijokarburanti, il-bijogass u l-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika) u l-karburanti tal-karbonju riċiklat użati fit-trasport.

(2)

Id-Direttiva tipprevedi wkoll regoli dwar kif jiġi kkalkulat il-kontribut tal-elettriku rinnovabbli għall-miri tat-trasport. B’mod partikolari, l-Artikolu 27(3) tad-Direttiva jipprevedi regoli biex isir dan il-kalkolu, kemm meta l-elettriku jintuża direttament biex jagħti l-enerġija lill-vetturi elettriċi u kif ukoll meta jintuża biex jiġu prodotti karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika li jintużaw fit-trasport.

(3)

Sabiex jiġi vverifikat li tinkiseb il-konformità mar-regoli għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti mill-bijomassa u l-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti mill-karbonju riċiklat, l-Istati Membri jistgħu jużaw skemi volontarji. L-iskemi volontarji kellhom rwol importanti fil-forniment ta’ evidenza tal-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi skont id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Fil-qafas tad-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-rwol tal-iskemi volontarji ġie estiż. L-ewwel nett, issa jistgħu jservu biex tiġi ċċertifikata l-konformità tal-karburanti kollha prodotti mill-bijomassa, inklużi l-karburanti gassużi u solidi, mal-kriterji tas-sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001, u tiġi provduta data preċiża dwar l-iffrankar tagħhom tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. It-tieni, jistgħu jservu biex jiċċertifikaw il-konformità tal-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika li jintużaw fit-trasport u tal-karburanti tal-karbonju riċiklat flimkien mal-kriterji tagħhom tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. It-tielet, jistgħu jservu biex tintwera l-konformità mar-regoli, li l-Artikolu 27(3) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jistabbilixxi biex jiġi kkalkulat l-elettriku rinnovabbli fit-trasport. Ir-raba’, jistgħu jservu biex jintwera li l-operaturi ekonomiċi jdaħħlu informazzjoni akkurata fil-bażi tad-data tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar għadd ta’ karburanti rinnovabbli u l-karburanti mill-karbonju riċiklat użati fit-trasport f’konformità mal-Artikolu 28(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Il-ħames, jistgħu jintużaw biex jiġu ċċertifikati l-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa b’riskju baxx ta’ bdil indirett tal-użu tal-art. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li l-iskemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali jistgħu jservu dawn il-finijiet kollha jew xi wħud minnhom.

(4)

Meta operatur ekonomiku jagħti provi jew data dwar il-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, miksuba f’konformità ma’ skema volontarja rikonoxxuta mill-Kummissjoni, sa fejn dan ikun kopert bid-deċiżjoni tar-rikonoxximent, jenħtieġ li l-Istat Membru ma jirrikjedix li l-fornitur jipprovdi evidenza ulterjuri.

(5)

It-talba lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva mill-iskema volontarja “Bonsucro EU” ġiet sottomessa lill-Kummissjoni għall-ewwel darba fit-18 ta’ Frar 2021. Din it-talba wasslet għal valutazzjoni tal-iskema min-naħa tal-Kummissjoni, u fiha ġew identifikati ċerti kwistjonijiet li jeħtieġu modifika. Fis-sottomissjoni mill-ġdid tagħha tat-23 ta’ Ġunju 2021, l-iskema indirizzat dawn il-kwistjonijiet b’mod korrett. L-iskema tkopri l-materja prima tal-bijomassa prodotta mill-kannamiela kif ukoll il-bijoetanol tal-ewwel ġenerazzjoni u l-etanol ċellulożiku prodott mill-kannamiela u mir-residwi tagħha u l-karburanti mill-bijomassa prodotti mill-bagasse.

(6)

Fil-valutazzjoni tal-iskema volontarja “Bonsucro EU”, il-Kummissjoni sabet li din tkopri b’mod adegwat il-kriterji tas-sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, filwaqt li fiha wkoll data akkurata dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-fini tal-Artikolu 29(10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u tapplika metodoloġija tal-bilanċ tal-massa f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Din il-valutazzjoni ma tqisx l-att ta’ implimentazzjoni li jmiss li għandu jiġi adottat f’konformità mal-Artikolu 30(8) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar ir-regoli għall-verifika tal-kriterji tas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-kriterji ta’ riskju baxx ta’ bidla indiretta fl-użu tal-art. Għaldaqstant, l-iskema volontarja “Bonsucro EU” se tiġi rivalutata meta dawn l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni jiġu adottati.

(7)

Il-valutazzjoni tal-iskema volontarja “Bonsucro EU” sabet li din tilħaq l-istandards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti u li tikkonforma mar-rekwiżiti metodoloġiċi stabbiliti fl-Annessi V u VI tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

(8)

Jenħtieġ li l-iskema rikonoxxuta tkun disponibbli fit-taqsima ddedikata għall-iskemi volontarji fuq is-sit web EUROPA tal-Kummissjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti, il-Bijolikwidi u l-karburanti mill-Bijomassa,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iskema volontarja “Bonsucro EU” (“l-iskema”), sottomessa għar-rikonoxximent tal-Kummissjoni fit-23 ta’ Ġunju 2021, turi, għall-karburanti awditjati bħala parti mill-iskema, l-elementi li ġejjin:

(a)

il-konformità tal-konsenji tal-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (5) u (10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(b)

il-konformità tal-operaturi ekonomiċi mal-obbligu li jdaħħlu informazzjoni akkurata fil-bażi tad-data tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-karburanti rinnovabbli u l-karburanti tal-karbonju riċiklat użati fit-trasport f’konformità mal-Artikolu 28(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(c)

il-konformità tal-konsenji tal-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa mal-kriterji ta’ riskju baxx ta’ bidla indiretta fl-użu tal-art stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2019/807.

L-iskema fiha wkoll data akkurata dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-fini tal-Artikolu 29(10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, u b’hekk tiżgura li t-tagħrif rilevanti kollu mogħti mill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar ’il fuq fil-katina tal-kustodja jitgħadda lill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar ’l isfel f’din il-katina.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni hija valida għal perjodu ta’ ħames snin wara li tidħol fis-seħħ. F’każ li l-kontenut tal-iskema, kif sottomessa fit-23 ta’ Ġunju 2021 lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent, jinbidel b’mod li jista’ jaffettwa l-bażi ta’ din id-Deċiżjoni, dawn il-bidliet għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-bidliet innotifikati bil-ħsieb li tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha tkopri b’mod adegwat il-kriterji ta’ sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet rikonoxxuta.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni tista’ tħassar din id-Deċiżjoni, inter alia, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

jekk ikun intwera biċ-ċar li l-iskema ma tkunx implimentat elementi kkunsidrati bħala importanti għal din id-Deċiżjoni jew jekk ikun twettaq ksur gravi u strutturali ta’ dawk l-elementi;

(b)

jekk l-iskema ma tissottomettix rapporti annwali lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(c)

jekk l-iskema ma timplimentax standards ta’ awditjar indipendenti u rekwiżiti oħra speċifikati fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 30(8) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jew titjib għal elementi oħra tal-iskema kkunsidrati bħala importanti għal rikonoxximent kontinwu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/807 tat-13 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ materja prima b’riskju għoli ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art li għaliha qed tiġi osservata espansjoni sinifikanti taż-żona ta’ produzzjoni f’art b’ħażna kbira ta’ karbonju u ċ-ċertifikazzjoni ta’ bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti mill-bijomassa b’riskju baxx ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art (ĠU L 133, 21.5.2019, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).