8.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/81


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/579

tat-8 ta’ April 2022

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta' Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK (1) dwar miżuri restrittivi kontra l-Belarussja fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

(2)

Fl-24 ta' Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna, u forzi armati Russi bdew attakk fuq l-Ukrajna, inkluż mit-territorju tal-Belarussja. Dak l-attakk huwa ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

(3)

Fit-2 ta' Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/356 (2), li emendat it-titolu tad-Deċiżjoni 2012/642/PESK u introduċiet aktar miżuri restrittivi b'reazzjoni għall-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta' Marzu 2022, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-Unjoni tibqa' lesta li taġixxi bil-ħeffa b'aktar sanzjonijiet robusti kkoordinati kontra r-Russja u l-Belarussja biex ixxekkel b’mod effettiv il-kapaċitajiet tar-Russja biex tkompli l-aggressjoni.

(5)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, huwa xieraq li jkun ipprojbit il-bejgħ lill-Belarussja ta’ titoli trasferibbli denominati fi kwalunkwe munita uffiċjali ta’ Stat Membru, u li jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni lill-Belarussja ta' karti tal-flus denominati fi kwalunkwe munita uffiċjali ta' Stat Membru.

(6)

Huwa xieraq ukoll li kwalunkwe impriża tat-trasport bit-triq stabbilita fil-Belarussja tkun ipprojbita milli tittrasporta merkanzija bit-triq fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fi tranżitu.

(7)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni biex tiġi implimentata dik il-miżura.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2012/642/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2012/642/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2w, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ ta' titoli trasferibbli denominati fi kwalunkwe munita uffiċjali ta’ Stat Membru maħruġa wara t-12 ta' April 2022 jew unitajiet f'impriżi ta' investiment kollettiv li jipprovdu skopertura għal tali titoli, lil kwalunkwe ċittadin Belarussu jew lil kwalunkwe persuna fiżika li tirrisjedi fil-Belarussja jew lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit fil-Belarussja.”;

(2)

l-Artikolu 2x huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2x

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' karti tal-flus denominati fi kwalunkwe munita uffiċjali ta' Stat Membru lill-Belarussja jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja, inkluż il-gvern u il-Bank Ċentrali tal-Belarussja, jew għall-użu fil-Belarussja.

2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' karti tal-flus denominati fi kwalunkwe munita uffiċjali ta' Stat Membru dment li tali bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jkunu neċessarji għal:

(a)

l-użu personali ta' persuni fiżiċi li jivvjaġġaw lejn il-Belarussja jew ta' membri tal-familji immedjati tagħhom li jivvjaġġaw magħhom; jew

(b)

l-iskopijiet uffiċjali tal-missjonijiet diplomatiċi, l-uffiċċji konsulari jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali fil-Belarussja li jgawdu minn immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali.”;

(3)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 2z

1.   Għandu jkun ipprojbit għal kwalunkwe impriża tat-trasport bit-triq stabbilita fil-Belarussja li tittrasporta merkanzija bit-triq fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fi tranżitu.

2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal impriżi tat-trasport bit-triq li jittrasportaw il-posta bħala servizz universali.

3.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika sas-16 ta’ April 2022 għat-trasport tal-merkanzija li beda qabel id-9 ta’ April 2022, dment li l-vettura tal-impriża tat-trasport bit-triq:

(a)

kienet diġà fit-territorju tal-Unjoni fid-9 ta’ April 2022, jew

(b)

teħtieġ li tgħaddi mill-Unjoni biex tirritorna lejn il-Belarussja.

4.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw it-trasport ta' merkanzija minn impriża tat-trasport bit-triq stabbilita fil-Belarussja jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddeterminaw li tali trasport ikun meħtieġ:

(a)

għax-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport fl-Unjoni ta' gass naturali u żejt, inklużi prodotti petrolifiċi raffinati, kif ukoll titanju, aluminju, ram, nikil, palladju u mineral tal-ħadid;

(b)

għax-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport ta' prodotti farmaċewtiċi, mediċi, agrikoli u tal-ikel, inkluż il-qamħ u fertilizzanti li l-importazzjoni, ix-xiri u t-trasport tagħhom huwa permess skont din id-Deċiżjoni;

(c)

għal skopijiet umanitarji; jew,

(d)

għall-funzjonament tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-Belarussja, inklużi delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet, jew organizzazzjonijiet internazzjonali fil-Belarussja li jgawdu minn immunitajiet f'konformità mad-dritt internazzjonali.

5.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 4 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ April 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta' Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/356 tat-2 ta' Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU L 67, 2. 3.2022, p. 103).