22.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 93/193


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/461

tal-15 ta’ Marzu 2022

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570 fir-rigward tal-kapaċitajiet tat-trasport u tal-loġistika tar-rescEU

(notifikata bid-dokument C(2022) 1685)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(1), il-punt (g) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tistabbilixxi l-qafas legali tar-rescEU. Ir-rescEU hija riżerva ta’ kapaċitajiet fil-livell tal-Unjoni li għandha l-għan li tipprovdi assistenza f’sitwazzjonijiet predominanti fejn il-kapaċitajiet eżistenti fil-livell nazzjonali u dawk impenjati mill-Istati Membri għar-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili ma jkunux jistgħu jiżguraw rispons effettiv għal diżastri naturali u dawk maħluqa mill-bniedem.

(2)

Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (“Mekkaniżmu tal-Unjoni”) ġie msaħħaħ reċentement bir-Regolament (UE) 2021/836 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) li jemenda d-Deċiżjoni 1313/2013/UE. L-emenda għandha l-għan li tegħleb il-limitazzjonijiet tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni li feġġew matul il-pandemija tal-COVID-19, u li tappoġġa aħjar lill-Istati Membri meta jiġu affettwati simultanjament mill-istess emerġenzi jew diżastri jew minn emerġenzi jew diżastri differenti.

(3)

L-operazzjonijiet tat-trasport u tal-loġistika ġew identifikati bħala sfida f’ħafna operazzjonijiet ta’ rispons tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni matul dawn l-aħħar snin. Aktar reċentement, il-ħtieġa għal effettività aktar strateġika f’dan il-qasam saret evidenti matul it-tifqigħa u l-istadji inizjali tal-pandemija tal-COVID-19, b’mod partikolari għat-trasport ta’ assi mediċi, persunal u pazjenti. In-nuqqas ta’ riżorsi loġistiċi u tat-trasport suffiċjenti ġie identifikat bħala ostaklu ewlieni fir-rigward tal-kapaċità tal-Istati Membri li jipprovdu jew jirċievu assistenza.

(4)

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 12(2) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, it-trasport u l-loġistika ġew stabbiliti bħala qasam ta’ prijorità għall-iżvilupp tal-kapaċità rescEU, b’żieda mat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru, ir-rispons mediku ta’ emerġenza u l-inċidenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (“CBRN”).

(5)

Il-kompiti ewlenin ta’ kapaċità ta’ trasport u loġistika taħt rescEU għandhom ikunu li tipprovdi servizzi ta’ trasport u loġistika relatati għal persuni (inklużi pazjenti jew timijiet involuti f’operazzjonijiet ta’ rispons), materjal, jew tagħmir, jew taħlita ta’ dawk imsemmija hawn fuq.

(6)

Wara konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, ġie identifikat li l-kapaċitajiet tat-trasport u tal-loġistika jistgħu jkunu bi skop multiplu flimkien mal-kapaċitajiet diġà definiti tar-rescEU mill-ajru.

(7)

Skont l-Artikolu 12(4) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, ir-rekwiżiti ta’ kwalità għal kapaċitajiet ta’ reazzjoni li jiffurmaw parti minn rescEU għandhom jiġu stabbiliti f’konsultazzjoni mal-Istati Membri.

(8)

Jenħtieġ li l-kapaċitajiet ta’ trasport u loġistika jiġu stabbiliti biex jirrispondu għal riskji ta’ probabbiltà baxxa b’impatt għoli, f’konformità mal-kategoriji msemmija fl-Artikolu 3d tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/570 (3) u wara konsultazzjoni mal-Istati Membri.

(9)

Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/570 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-kumitat li jissemma fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 qiegħed jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

is-sitt inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“-

kapaċitajiet ta’ kenn.”;

(ii)

jiżdied is-seba’inċiż li ġej:

“-

il-kapaċitajiet tat-trasport u tal-loġistika.”;

(b)

Il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

kapaċitajiet ta’ kenn temporanju.”

(ii)

jiżdied il-punt (j) li ġej:

“(j)

il-kapaċità tat-trasport u tal-loġistika.”

(2)

L-Artikolu 3a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Artikolu 3a

L-ispejjeż eliġibbli tal-kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni medika mill-ajru tar-rescEU, tal-kapaċitajiet tat-tim mediku ta’ emerġenza tat-tip 2 u tat-tip 3, tal-kumulazzjoni ta’ riżerva medika, tad-dekontaminazzjoni CBRN, tal-kapaċitajiet ta’ kumulazzjoni ta’ riżerva CBRN, u tal-kapaċitajiet ta’ kenn temporanju, tat-trasport u tal-loġistika

Il-kategoriji tal-ispiża kollha msemmija fl-Anness Ia tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE għandhom jitqiesu fil-kalkolu tal-ispiża eliġibbli totali tal-kapaċitajiet tar-rescEU.”

(3)

Fl-Artikolu 3e, il-paragrafi 3 u 4 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“3.   Il-kapaċitajiet tar-rescEU msemmija fl-Artikolu 2(2)(c) sa (j) għandhom jiġu stabbiliti bl-għan li jimmaniġġjaw riskji ta’ probabbiltà baxxa b’impatt għoli.

4.   Meta l-kapaċitajiet ta’ rescEU msemmija fl-Artikolu 2(2)(c) sa (j) jiġu skjerati skont il-Mekkaniżmu tal-Unjoni, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tkopri 100 % tal-ispejjeż operazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 23(4b) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE.”;

(4)

L-Anness huwa emendat skont l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’Marzu 2022.

Għall-Kummissjoni

Janez LENARČIČ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/836 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 185, 26.5.2021, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/570 tat-8 ta’ April 2019 li tistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kapaċitajiet tar-rescEU u li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/762/UE (ĠU L 99, 10.4.2019, p. 41).


ANNESS

Fl-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570, qiegħda tiżdied it-Taqsima 10 kif ġej:

“10.

Kapaċità tat-Trasport u l-Loġistika

 

Kompiti

Jiġu provduti servizzi ta’ trasport u loġistika relatati għal persuni, inklużi pazjenti u timijiet involuti f’operazzjonijiet ta’ rispons, materjal, jew tagħmir, jew taħlita ta’ dawk imsemmija qabel.

Il-kompiti deskritti taħt it-taqsimiet 1, 2, 3 u 4 jistgħu jiġu inklużi.

 

Kapaċitajiet

Għall-ajruplani, il-kapaċità li jiġu ttrasportati mill-inqas 35 persuna jew li jiġu ttrasportati mill-inqas 7 tunnellati ta’ materjal, jew it-tnejn li huma.

Kapaċità ta’ operat lejl u nhar.

Kapaċità li jiġu żgurati funzjonijiet ta’ appoġġ loġistiku rilevanti (bħat-tagħbija/il-ħatt ta’ materjal).

Kapaċità li jaħdem, fejn meħtieġ, f’ċirkostanzi operazzjonalment diffiċli (1).

Kapaċità li jitwettaq, fejn meħtieġ, it-trasport u l-immaniġġjar loġistiku ta’ merkanzija speċjali (2) skont l-istandards internazzjonali rilevanti.

 

Elementi prinċipali

L-ekwipaġġ adattat għall-kompiti mwettqa u l-perjodu ta’ żmien tal-operazzjonijiet.

Persunal tekniku mgħammar u mħarreġ b’mod adegwat biex iwettaq il-kompiti differenti definiti hawn fuq.

Tagħmir ta’ komunikazzjoni adegwat (bħal komunikazzjoni mill-ajru għall-ajru u mill-ajru għall-art għal kapaċitajiet mill-ajru).

Modulu integrat għal operazzjonijiet loġistiċi, bħal operazzjonijiet ta’ tagħbija/ħatt.

 

Awtosuffiċjenza

Il-ħażna u l-manutenzjoni tat-tagħmir differenti tal-kapaċità.

Tagħmir għal komunikazzjoni ma’ sieħba rilevanti, notevolment dawk responsabbli mill-koordinazzjoni fuq il-post.

 

Skjerament

Disponibbiltà għat-tluq sa mhux aktar minn 12-il siegħa wara l-aċċettazzjoni tal-offerta.

Għall-ajruplani, il-kapaċità li titwettaq titjira ta’ mill-inqas 2 000 mil nawtiku (3 700  km) b’tagħbija utli ta’ 5 tunnellati mingħajr riforniment.


(1)  Għall-ħiliet mill-ajru, tali ċirkostanzi jistgħu jinkludu ċirkostanzi li fihom ir-runways għat-tlugħ jew l-inżul ma jkunux disponibbli, jew ikunu qosra jew iddanneġġjati.

(2)  Dawn jinkludu oġġetti perikolużi, provvisti mediċi, loġistika ta’ katina kiesħa għat-trasport ta’ vaċċini, eċċ.