9.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 81/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/395

tad-9 ta' Marzu 2022

li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK (1).

(2)

L-Unjoni tibqa' soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

(3)

Fl-24 ta' Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna u l-forzi armati Russi bdew attakk fuq l-Ukrajna. Dak l-attakk huwa ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta' Frar 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna. Bl-azzjonijiet militari illegali tagħha, ir-Russja qed tikser b'mod serju d-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u qed iddgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali. Il-Kunsill Ewropew appella għat-tħejjija u l-adozzjoni urġenti ta' pakkett ta' sanzjonijiet individwali u ekonomiċi ulterjuri.

(5)

Fil-25 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/327 (2), li emendat id-Deċiżjoni 2014/512/PESK u introduċiet miżuri settorjali speċifiċi.

(6)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u b’reazzjoni għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukranja, huwa xieraq li jiddaħħlu aktar miżuri restrittivi fir-rigward tal-esportazzjoni ta' prodotti u teknoloġija tan-navigazzjoni marittima. Huwa xieraq ukoll li tiġi estiża l-lista ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-projbizzjonijiet relatati mas-servizzi tal-investiment, it-titoli trasferibbli, l-istrumenti tas-suq monetarju, u s-self. Barra minn hekk, ċerti kjarifiki huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa ta’ xi wħud mir-restrizzjonijiet settorjali speċifiċi introdotti bid-Deċiżjoni (PESK) 2022/327.

(7)

Tenħtieġ aktar azzjoni mill-Unjoni biex ċerti miżuri jiġu implimentati.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/512/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2014/512/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1a, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Huma pprojbiti tranżazzjonijiet relatati mal-ġestjoni ta' riżervi kif ukoll ta' assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, inkluż tranżazzjonijiet ma' kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f'isem il-Bank Ċentrali tar-Russja jew fuq ordni tiegħu, bħal The Russian National Wealth Fund.”;

(2)

fl-Artikolu 1b, il-paragrafu 2huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, ta’ pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Iżvizzera, jew għal persuni fiżiċi li għandhom permess ta’ residenza temporanju jew permanenti fi Stat Membru, f’pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew fl-Iżvizzera.”;

(3)

fl-Artikolu 4b, il-paragrafu 2, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

il-forniment ta’ finanzjament pubbliku jew assistenza finanzjarja sal-valur totali ta’ EUR 10 000 000 għal kull proġett li minnu jibbenefikaw l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju stabbiliti fl-Unjoni; jew”;

(4)

l-artikolu li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 4g:

“Artikolu 4h

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ prodotti u teknoloġija tan-navigazzjoni marittima, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, għall-użu fir-Russja, jew għat-tqegħid abbord ta’ bastiment bil-bandiera Russa.

2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-prodotti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk il-prodotti u t-teknoloġija, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja;

(b)

il-forniment ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-prodotti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawk il-prodotti jew teknoloġija, jew għall-forniment ta' għajnuna teknika relatata, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra, b'mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja.

3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-prodotti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew għall-forniment relatat ta’ assistenza teknika u finanzjarja, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, maħsuba għal skopijiet umanitarji, emerġenzi tas-saħħa, il-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew fuq l-ambjent jew bħala rispons għal diżastri naturali.

4.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il- bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-prodotti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew għall-forniment relatat ta’ assistenza teknika u finanzjarja, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, wara li jkunu stabbilew li tali prodotti jew teknoloġija jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatata huwa intenzjonati għas-sigurtà marittima.

5.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan l-Artikolu.”;

(5)

l-Anness VI għad-Deċiżjoni 2014/512/PESK huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/327 tal-25 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 48, 25.2.2022, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness VI għad-Deċiżjoni 2014/512/PESK, tiddaħħal entrata għall-entità li ġejja:

“Russian Maritime Register of Shipping”.