23.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 491/1


Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea

Prijoritajiet Leġiżlattivi tal-UE għall-2023 u l-2024

(2022/C 491/01)

Id-determinazzjoni u l-kapaċità tal-Unjoni tagħna li taġixxi qed jiġu sfidati mill-aggressjoni brutali u mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna, ikkaratterizzata minn vjolenza xokkanti u evidenza dejjem akbar ta’ delitti tal-gwerra. L-effetti kollaterali tal-attakk tar-Russja fuq l-istil ta’ ħajja li għal żmien twil konna drajna ngħixu qed iwasslu biex iċ-ċittadini tagħna jħossuhom inqas stabbli llum, u inqas siguri u inqas kunfidenti għall-futur. Minkejja l-isforzi tar-Russja biex iddgħajjef u taqsam l-Unjoni, aħna nibqgħu magħqudin, determinati u impenjati bis-sħiħ biex nappoġġaw lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha. L-isforzi tagħna ser jinkludu għajnuna militari u umanitarja, appoġġ politiku u finanzjarju, kif ukoll aċċess kontinwu tal-Ukreni għall-impjiegi, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kura tas-saħħa tal-UE skont il-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja. Ser niffaċilitaw ukoll l-aċċess tal-Ukrajna għas-suq uniku u għaż-żona tar-roaming bla ħlas, u ser nappoġġaw ir-riabilitazzjoni u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Biex inżommu l-pressjoni ekonomika u ndgħajfu l-kapaċitajiet militari tar-Russja, ser niżguraw ukoll l-implimentazzjoni effettiva u kontinwa tas-sanzjonijiet kontra r-Russja. Ser nappoġġaw lill-Ukrajna u lill-Qorti Kriminali Internazzjonali fid-dokumentazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ delitti tal-gwerra possibbli, u ser nesploraw opzjonijiet sabiex tkun jista’ jiġi żgurat obbligu ta’ rendikont sħiħ. Il-konsegwenzi ta’ din l-aggressjoni qed jinħassu wkoll fil-viċinat immedjat tagħna, b’għadd kbir ta’ persuni spostati, u globalment, b’żieda drammatika fl-insigurtà tal-ikel.

Fil-mument meta għadna kif bdejna nirkupraw mill-pandemija u għaddejjin mit-trasformazzjoni radikali biex niġġieldu sfidi serji oħra bħall-kriżijiet tal-klima u tan-natura, iċ-ċittadini tagħna qed iħabbtu wiċċhom ma’ żieda drammatika fil-prezzijiet tal-elettriku u inflazzjoni li qed tiżdied. Aħna impenjati għal soluzzjonijiet komuni tal-UE biex nindirizzaw din il-kriżi tal-għoli tal-ħajja għaċ-ċittadini u n-negozji tagħna li ġiet aggravata mill-gwerra fl-Ukrajna. Wara l-Pjan REPowerEU, l-UE naqqset malajr id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjoni tal-enerġija Russa billi tat spinta lis-sorsi alternattivi tal-enerġija, lill-iffrankar u lill-ħżin. L-użu tal-poter konġunt tagħna fis-suq, l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni doppja fis-settur tal-enerġija u r-riforma tad-disinn tas-suq tal-elettriku ser jipprovdulna soluzzjonijiet strutturali.

F’dan il-kuntest, ser tingħata prijorità qawwija biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-qafas finanzjarju pluriennali f’sitwazzjoni ġeopolitika u ekonomika ġdida. Ser naħdmu wkoll biex nintroduċu biżżejjed riżorsi proprji ġodda.

Aħna nilqgħu r-riżultati tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (1), li kienet esperiment inkoraġġanti u ta’ suċċess ta’ demokrazija deliberattiva. Biex jirrispondu għall-aspettattivi taċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet ser ikomplu jiżguraw segwitu rapidu u effettiv għar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Konferenza, kull waħda fl-isfera ta’ kompetenza tagħha. Ħafna proposti tal-Konferenza ġew riflessi fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2023 u aħna nimpenjaw ruħna b’mod konġunt li nagħtuhom attenzjoni mill-qrib.

B’din id-Dikjarazzjoni Konġunta, aħna nenfasizzaw il-proposti leġiżlattivi ewlenin (2) li għalihom it-tliet istituzzjonijiet tagħna ser jimpenjaw l-aħjar sforzi tagħhom. It-twettiq ta’ dawn il-prijoritajiet ser ikun saħansitra aktar importanti bil-ħsieb tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2024, meta ċ-ċittadini ser jivvalutaw kif l-UE wieġbet għall-isfidi attwali tagħha. Dan jikkonċerna kemm il-proposti leġiżlattivi li diġà jinsabu f’idejn il-koleġiżlaturi, kif ukoll dawk li l-Kummissjoni Ewropea ser tkun ressqet sa tmiem l-2023. It-tliet istituzzjonijiet jaqblu li jagħtu l-ogħla prijorità fl-2023 u sa tmiem il-leġiżlatura fl-2024 lill-objettivi ta’ politika li ġejjin:

1.

Biex inwettqu l-Patt Ekoloġiku Ewropew bl-għan tiegħu ta’ newtralità klimatika sal-2050 minkejja ċirkostanzi ġeopolitiċi negattivi, ser naħdmu biex naċċelleraw it-tranżizzjoni ekoloġika u ġusta bħala parti ewlenija mis-soluzzjoni għas-sigurtà tal-enerġija u l-prezzijiet għoljin tal-enerġija, kif ukoll għat-tħassib dwar is-sigurtà tal-ikel. Ser naġixxu biex nikkonkludu malajr il-ħidma fuq il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” biex nilħqu l-miri tagħna ta’ tnaqqis għall-2030, flimkien ma’ ambizzjoni msaħħa biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU li tiġi eliminata gradwalment id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi u li tingħata spinta lill-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa. Ser nagħtu prijorità lir-rinnovament totali tas-suq tal-elettriku tal-UE, lill-ispinta tal-bidu tas-suq tal-idroġenu tal-UE u lill-introduzzjoni aktar rapida tal-enerġija rinnovabbli. Ser nagħtu attenzjoni għar-restawr u l-protezzjoni tal-bijodiversità; is-saħħa tal-ħamrija; it-trażżin tat-tniġġis tal-ilma, tal-arja u mill-mikroplastiċi, u l-indirizzar tal-kriminalità ambjentali. Bl-għan li nibnu ekonomija ċirkolari, ser nistinkaw biex inwettqu d-dritt għat-tiswija, id-disinn sostenibbli tal-prodotti, l-indirizzar tal-iskart mill-imballaġġ, u niżguraw li l-konsumaturi jkollhom l-informazzjoni t-tajba dwar l-asserzjonijiet ambjentali. Ser naġixxu fuq aktar miżuri klimatiċi, b’mod partikolari dwar l-emissjonijiet u t-tniġġis tat-trasport, l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija kif ukoll dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-assorbiment tal-karbonju. Ser nagħtu prijorità lit-tnaqqis tal-iskart u l-impatt ambjentali tiegħu.

2.

Biex niksbu t-tranżizzjoni diġitali u nsaħħu r-reżiljenza tal-UE, ser niffukaw fuq it-tnaqqis tal-użu tar-riżorsi u l-impatt ambjentali u klimatiku, it-tisħiħ tat-tmexxija tal-Ewropa fit-teknoloġiji pijunieri, is-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività u r-reżiljenza tagħna, l-appoġġ tal-ħiliet diġitali rilevanti, u l-ħidma kontinwa għal approċċ iċċentrat fuq il-bniedem. Ser niffukaw l-attenzjoni tagħna fuq proposti pendenti dwar l-intelliġenza artifiċjali, l-aċċess u l-użu tad-data, ir-reżiljenza ċibernetika u ċ-ċibersigurtà, u t-tisħiħ tal-industrija tad-difiża tagħna. Biex niżguraw provvista adegwata u diversifikata għat-tranżizzjoni doppja, ser nagħtu prijorità lill-miżuri dwar il-materja prima kritika u l-materjali tal-art rari, kif ukoll is-semikondutturi. Biex ninkoraġġixxu teknoloġiji innovattivi, ser naġixxu fuq il-qafas regolatorju għall-hyperloop, il-programm il-ġdid tal-politika tal-ispettru tar-radju u komunikazzjoni sigura bbażata fl-ispazju. Ser naġixxu fuq l-ispazju komuni Ewropew tad-data dwar il-mobbiltà. Ser insaħħu s-suq uniku, wieħed mill-assi ewlenin tagħna, inkluż billi naħdmu fuq l-Istrument għall-Emerġenzi fis-Suq Uniku u fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fuq il-pjattaformi. Ser naħdmu wkoll għal regoli ġodda effiċjenti dwar il-privattivi u nappoġġaw lill-SMEs fi żminijiet diffiċli, inkluż permezz ta’ regoli riveduti dwar il-ħlas tard.

3.

Dwar l-ekonomija li taħdem għan-nies, ser inżidu l-isforzi biex nagħtu spinta lill-kompetittività, niżguraw it-tkabbir u noħolqu opportunitajiet ta’ impjieg għaċ-ċittadini Ewropej. Ser niffukaw b’mod partikolari fuq iż-żgħażagħ u l-iżvilupp ta’ ħiliet rilevanti. Ser inneħħu l-ostakli u l-piżijiet li qed iżommu lura l-kumpaniji ż-żgħar tagħna. Ser naġixxu biex inressqu pakkett ta’ Għajnuna għall-SMEs u biex nappoġġaw u ngħinu lin-negozji, inkluż permezz ta’ aċċess aktar faċli għall-kapital u d-data, soluzzjonijiet ta’ pagament rapidi u innovattivi, u regoli simplifikati dwar l-insolvenza. Ser inkomplu nagħtu prijorità lill-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u d-dikjarazzjoni tas-Summit ta’ Porto, u nieħdu aktar miżuri biex niżguraw li d-dimensjoni soċjali titqies fl-azzjonijiet kollha tagħna, inkluż id-dritt għall-iskonnessjoni u l-eliminazzjoni tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi. Ser naħdmu lejn ftehim rapidu dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali biex tiġi appoġġata l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, kif ukoll dwar l-assigurazzjoni tad-depożiti, il-governanza korporattiva sostenibbli, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, u dwar projbizzjoni fuq prodotti magħmula b’xogħol furzat. Ser nagħtu l-attenzjoni dovuta lir-rieżami tal-governanza ekonomika tal-UE biex niżguraw li jaħdem biex jagħti appoġġ lill-ekonomiji tal-UE u tal-Istati Membri u ser naħdmu biex insaħħu s-swieq kapitali u r-rwol tal-euro, inkluż l-euro diġitali, u nlestu l-unjoni bankarja. Ser nagħmlu ħilitna biex nagħmlu progress fir-riforma globali tat-taxxa. Biex nappoġġaw l-iżvilupp sostenibbli globalment, ser naħdmu lejn ftehim rapidu dwar l-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati, u lejn kodiċi doganali riformat.

4.

Għal Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja, irridu nuru l-appoġġ sod tagħna lill-Ukrajna u nżommu sod fil-prinċipji ewlenin tagħna tal-multilateraliżmu u l-ordni bbażat fuq ir-regoli, kif ukoll fl-impenn tagħna għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja. F’konformità mal-Boxxla Strateġika, ser naħdmu aktar biex nagħtu spinta lill-kapaċitajiet komuni tagħna ta’ difiża u sigurtà u lir-reżiljenza tagħna, inkluż kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza minn barranin. Ser naġixxu biex nistabbilixxu sett ta’ għodod qafas biex niġġieldu kontra l-korruzzjoni. Ser inkomplu l-kooperazzjoni tagħna mal-pajjiżi kandidati fil-Balkani tal-Punent, flimkien mal-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia, bil-ħsieb tal-adeżjoni futura tagħhom mal-Unjoni. Biex insaħħu r-reżiljenza tal-UE u niddiversifikaw il-ktajjen tal-provvista tagħna, ser nippromwovu r-ratifika sħiħa tal-ftehimiet kummerċjali u nsaħħu l-involviment tagħna ma’ sħab u alleati tal-istess fehma.

5.

Biex nippromwovu l-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna, ser nagħtu prijorità assoluta lill-finalizzazzjoni tar-riforma tal-qafas leġiżlattiv dwar il-migrazzjoni u l-ażil qabel tmiem il-leġiżlatura, abbażi tal-pjan direzzjonali konġunt dwar il-patt dwar il-migrazzjoni u l-ażil. Ser nimmiraw ukoll li nilħqu progress rapidu dwar il-pakkett dwar il-migrazzjoni legali, u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen rivedut. Bħala parti mis-Sena Ewropea proposta għall-Ħiliet, għandna l-għan li naħdmu bħala prijorità fuq il-proposta li jmiss dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki ta’ pajjiżi terzi kif ukoll l-appoġġ għall-mobbiltà għat-tagħlim fl-UE. Ser naġixxu biex nikkonkludu l-ħidma fuq id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri tal-viża u d-dokumenti tal-ivvjaġġar, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi, il-miżuri kontra t-traffikar, l-obbligu li tiġi kkomunikata informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri, l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat mill-kriminalità, kif ukoll il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal. Biex inkomplu nibnu l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa, ser nagħtu prijorità lill-adozzjoni u l-implimentazzjoni rapidi tal-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa. Ser nagħtu wkoll attenzjoni speċjali biex nindirizzaw il-kwistjoni tas-saħħa mentali u l-prevenzjoni tal-kanċer.

6.

Biex nipproteġu d-demokrazija u l-valuri tagħna minn theddid bla preċedent, ser nużaw l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħna biex insaħħu u niddefendu l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza u l-antidiskriminazzjoni, kif ukoll il-libertà u l-pluraliżmu tal-media fl-Unjoni. Ser naħdmu malajr biex nikkonkludu l-ħidma fuq it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku, l-istatut u l-finanzjament tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u d-drittijiet elettorali tal-Ewropej mobbli fil-ħin għall-elezzjonijiet li jmiss tal-Parlament Ewropew. Ser nagħtu attenzjoni partikolari lil aktar inizjattivi biex insaħħu r-reżiljenza demokratika minn ġewwa, u niddefendu s-sistema demokratika tagħna minn interessi esterni, diżinformazzjoni u interferenza minn barranin, flimkien mat-tisħiħ tal-qafas leġiżlattiv tagħna kontra l-korruzzjoni. Ser nagħtu prijorità lit-trasparenza fil-pagi kif ukoll lill-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika. Ser naġixxu biex nissalvagwardjaw id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u nippromwovu s-solidarjetà interġenerazzjonali.

Barra minn hekk, lil hinn mill-ħidma skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, niddikjaraw l-impenn tagħna:

li nibqgħu nappoġġaw lill-Ukrajna u nindirizzaw l-impatt tal-aggressjoni Russa fuq iċ-ċittadini u n-negozji tagħna;

li nkomplu nimplimentaw il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza;

li, hekk kif infakkru t-30 anniversarju tas-suq uniku fl-2023, naħdmu flimkien biex napprofonduh billi nneħħu l-ostakli u nimlew il-lakuni, speċjalment fis-settur tas-servizzi, biex nisfruttaw il-qawwa sħiħa tiegħu;

li fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet, nippromwovu l-Ewropa bħala post attraenti għall-ħaddiema tas-sengħa u biex niffaċilitaw il-mobbiltà intra-UE ta’ ħaddiema tas-sengħa u tat-trainees;

li nħaffu l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-iżvilupp sostenibbli;

li nistinkaw għal ambizzjoni ogħla u aktar azzjoni fil-livell globali biex jiġu indirizzati l-kriżijiet interkonnessi tal-klima u tal-bijodiversità;

li nsaħħu l-kuntatti diplomatiċi tagħna mas-sħab madwar id-dinja, inkluż permezz tal-istrateġija Global Gateway, filwaqt li nippromwovu standards għolja ambjentali, tas-saħħa, soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem;

li noffru perspettiva Ewropea kredibbli lill-Ukrajna, lir-Repubblika tal-Moldova u lill-Georgia, flimkien mal-Balkani tal-Punent, u li nżommu l-appoġġ tagħna għas-Sħubija tal-Lvant u l-Viċinat tan-Nofsinhar;

li nagħtu prijorità lill-ftehimiet kummerċjali ma’ sħab tal-istess fehma, li nsaħħu r-relazzjonijiet mal-Amerka Latina u l-Karibew, u li nikkonsolidaw sħubija mġedda mal-Afrika;

li nindirizzaw it-theddid li jirriżulta mill-kriminalità organizzata tranżnazzjonali u l-organizzazzjonijiet terroristiċi billi nkomplu insegwu l-Istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà 2020-2025.

Bħala l-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea, aħna nimpenjaw lill-istituzzjonijiet tagħna biex fl-2023 u l-2024 jaħdmu fuq dawn il-prijoritajiet komuni, iggwidati mill-prinċipji fundamentali ta’ fiduċja reċiproka, rispett, u spirtu kollaborattiv. Il-futur tal-Ewropa jinsab fil-kapaċità tagħha li tadatta b’ħeffa, fortitudni u għaqda.

Ser naħdmu flimkien ukoll biex niżguraw l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni eżistenti u ser nimmonitorjaw mill-qrib l-implimentazzjoni f’waqtha u effettiva ta’ din id-Dikjarazzjoni Konġunta.

Съставено в Брюксел на петнадесети декември две хиляди двадесет и втора година.

Hecho en Bruselas, el quince de diciembre de dos mil veintidós.

V Bruselu dne patnáctého prosince dva tisíce dvacet dva.

Udfærdiget i Bruxelles den femtende december to tusind og toogtyve.

Geschehen zu Brüssel am fünfzehnten Dezember zweitausendzweiundzwanzig.

Kahe tuhande kahekümne teise aasta detsembrikuu viieteistkümnendal päeval Brüsselis.

Έγινε στις Βρυξέλλες, στις δέκα πέντε Δεκεμβρίου δύο χιλιάδες είκοσι δύο.

Done at Brussels on the fifteenth day of December in the year two thousand and twenty two.

Fait à Bruxelles, le quinze décembre deux mille vingt-deux.

Arna dhéanamh sa Bhruiséil, an cúigiú lá déag de mhí na Nollag sa bhliain dhá mhíle fiche a dó.

Sastavljeno u Bruxellesu petnaestog prosinca godine dvije tisuće dvadeset druge.

Fatto a Bruxelles, addì quindici dicembre duemilaventidue.

Briselē, divi tūkstoši divdesmit otrā gada piecpadsmitajā decembrī.

Priimta du tūkstančiai dvidešimt antrų metų gruodžio penkioliktą dieną Briuselyje.

Kelt Brüsszelben, a kétezer-huszonkettedik év december havának tizenötödik napján.

Magħmul fi Brussell, fil-ħmistax-il jum ta’ Diċembru fis-sena elfejn u tnejn u għoxrin.

Gedaan te Brussel, vijftien december tweeduizend tweeëntwintig.

Sporządzono w Brukseli dnia piętnastego grudnia roku dwa tysiące dwudziestego drugiego.

Feito em Bruxelas, em quinze de dezembro de dois mil e vinte e dois.

Întocmit la Bruxelles la cincisprezece decembrie două mii douăzeci și doi.

V Bruseli pätnásteho decembra dvetisícdvadsaťdva.

V Bruslju, petnajstega decembra dva tisoč dvaindvajset.

Tehty Brysselissä viidentenätoista päivänä joulukuuta vuonna kaksituhattakaksikymmentäkaksi.

Som skedde i Bryssel den femtonde december år tjugohundratjugotvå.

Image 1


(1)  Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa — Rapport dwar l-eżitu finali, disponibbli fuq https://futureu.europa.eu/mt/pages/reporting

(2)  Skont il-Proċedura Leġiżlattiva Ordinarja.