28.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 462/10 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2021/2317
tal-11 ta’ Novembru 2021
dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook (1) (il-“Ftehim”) ġie konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/418 (2) u daħal fis-seħħ fl-10 ta’ Mejju 2017. Il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim (il-“Protokoll attwali”) ġie applikat b’mod proviżorju mill-14 ta’ Ottubru 2016 (3). |
(2) |
Il-Protokoll attwali ġie estiż għal sena (4) u għandu jiskadi fit-13 ta’ Novembru 2021. |
(3) |
Fis-7 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Gvern tal-Gżejjer Cook għall-konklużjoni ta’ Protokoll ġdid dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim (“il-Protokoll”). |
(4) |
B’riżultat ta’ dawk in-negozjati, ġie inizjalat il-Protokoll fit-28 ta’ Lulju 2021. |
(5) |
Fil-11 ta’ Novembru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2021/2317 (5) rigward l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll. |
(6) |
Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll jiġu allokati fost l-Istati Membri għall-perijodu kollu tal-applikazzjoni tiegħu. |
(7) |
Minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook u fid-dawl tal-ħtieġa li titnaqqas kemm jista’ jkun l-interruzzjoni ta’ dawk l-attivitajiet mal-iskadenza tal-Protokoll attwali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli. |
(8) |
Il-Protokoll se jibda japplika fuq bażi proviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu, sabiex ikunu jistgħu jitkomplew l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-istess data, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook (il-“Protokoll”) għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej:
Bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun:
— |
Spanja: tliet bastimenti |
— |
Franza: bastiment wieħed |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mis-17 ta’ Diċembru 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Novembru 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
Z. POČIVALŠEK
(1) ĠU L 131, 20.5.2016, p. 3.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/418 tat-28 ta’ Frar 2017 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (ĠU L 64, 10.3.2017, p. 1).
(3) ĠU L 289, 25.10.2016, p. 1.
(4) ĠU L 395, 25.11.2020, p. 1.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2317 tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook (ĠU L 463, 28.12.2021, p. 1).