27.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 461/5


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2305

tal-21 ta’ Ottubru 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar il-każijiet meta u l-kundizzjonijiet li fihom il-prodotti organiċi u l-prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni huma eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, fil-post tal-kontrolli uffiċjali għal tali prodotti, u li jemenda r-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2019/2123 u (UE) 2019/2124

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 48, il-punt (h), u l-Artikoli 51(1), il-punt (a), 53(1), il-punti (a) u (e), u 77(1), il-punt (k), tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-kontrolli uffiċjali fl-Istati Membri biex jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet u l-miżuri għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti li huma maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni bħala prodotti organiċi jew bħala prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni, iridu jitwettqu fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera f’konformità mal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625.

(2)

L-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jispeċifika l-kategoriji ta’ annimali u oġġetti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi u li fuqhom l-awtoritajiet kompetenti jridu jwettqu l-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla fl-Unjoni. Il-prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni msemmija fl-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2018/848 jaqgħu fil-kategoriji ta’ annimali u oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2017/625, permezz ta’ dik id-dispożizzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848. Barra minn hekk, il-prodotti organiċi u l-prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni jistgħu jaqgħu fil-kategoriji ta’ annimali u oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1), il-punt (f) tar-Regolament (UE) 2017/625, anke permezz tal-atti jew tar-regoli msemmija f’dik id-dispożizzjoni, għajr l-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2018/848. Bl-istess mod, il-prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni jistgħu jaqgħu wkoll fil-kategoriji ta’ annimali u oġġetti msemmija fil-punti minn (a) sa (e) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, dment li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 48, il-punt (h) tar-Regolament (UE) 2017/625 l-annimali u l-oġġetti li jippreżentaw riskju baxx jew ma jippreżentaw l-ebda riskju speċifiku jistgħu jkunu eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri. L-Artikolu 3, il-punt (24) tar-Regolament (UE) 2017/625 jiddefinixxi “riskju” b’referenza għall-effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, fuq il-benessri tal-annimali jew fuq l-ambjent, iżda mhux fir-rigward tal-kwalità tal-ikel. Il-prodotti organiċi u l-prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni li jidħlu fl-Unjoni jistgħu jitqiesu li jippreżentaw riskju baxx jew ma jippreżentaw l-ebda riskju speċifiku għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, għall-benessri tal-annimali jew għall-ambjent, meta dawn ma jaqgħux fil-kategoriji ta’ annimali u oġġetti soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 47(1), il-punti minn (a) sa (e), tar-Regolament (UE) 2017/625, jew fil-kategoriji ta’ annimali u oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2017/625, li fir-rigward tad-dħul tagħhom fl-Unjoni jkunu ġew stabbiliti kundizzjonijiet jew miżuri f’konformità mal-Artikolu 126 jew 128 tar-Regolament (UE) 2017/625 rispettivament, jew mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2), il-punti minn (a) sa (h) u (j), ta’ dak ir-Regolament, b’rekwiżit li l-konformità ma’ dawk il-kundizzjonijiet jew ma’ dawk il-miżuri tkun aċċertata mad-dħul tal-annimali u tal-oġġetti fl-Unjoni. Għalhekk, huwa xieraq li tali prodotti jiġu eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera.

(4)

Jenħtieġ li fil-punt tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni jitwettqu l-kontrolli uffiċjali fuq il-prodotti organiċi u fuq il-prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni li huma eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-punti ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fejn isiru tali kontrolli. Jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm il-lista ta’ punti ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera aġġornata fis-Sistema Esperta tal-Kontroll tal-Kummerċ (TRACES) imsemmija fl-Artikolu 133(4) tar-Regolament (UE) 2017/625.

(5)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2123 (3) jagħmilha possibbli li l-awtoritajiet kompetenti fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera jippermettu t-twettiq ta’ verifiki fiżiċi u tal-identità f’punt ta’ kontroll li ma jkunx post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, fuq kunsinni ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra msemmija fl-Artikolu 47(1), il-punti (c) u (e) tar-Regolament (UE) 2017/625 u fuq kunsinni ta’ ikel u għalf ta’ oriġini mhux mill-annimali soġġetti għall-miżuri previsti mill-atti msemmija fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 47(1) ta’ dak ir-Regolament. Bl-istess mod, ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2123 jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-verifiki tad-dokumenti mill-bogħod minn post ta’ kontroll fuq il-fruntiera fuq kunsinni ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra msemmija fl-Artikoli 72 (1) u 74 (1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Madankollu, ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2123 ma japplikax għall-kunsinni ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra msemmija fl-Artikolu 47(1), il-punti (c) u (e) tar-Regolament (UE) 2017/625 jekk ikunu prodotti organiċi jew prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2018/848.

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2123 għall-kunsinni ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra msemmija fil-punti (c) u (e) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 li jkunu prodotti organiċi jew prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2018/848, jeħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jiġi estiż. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet fir-Regolament Delegat (UE) 2019/2123 li jistabbilixxu l-każijiet meta, u l-kundizzjonijiet li fihom, il-verifiki fiżiċi u tal-identità jistgħu jitwettqu f’punt ta’ kontroll li ma jkunx post ta’ kontroll fuq il-fruntiera fir-rigward ta’ kunsinni ta’ ċerti prodotti soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2018/848.

(7)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-immaniġġjar rapidu tal-annimali u tal-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera jitħallew jawtorizzaw it-tkomplija tat-trasport lejn il-post tad-destinazzjoni finali sakemm ikunu disponibbli r-riżultati tal-analiżijiet u tat-testijiet tal-laboratorju ta’ kunsinni ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra msemmija fl-Artikolu 47(1), il-punti (c) u (e) tar-Regolament (UE) 2017/625, f’konformità mal-Kapitolu II tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2124 (5), inkluż meta tali oġġetti jkunu prodotti organiċi jew prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2018/848.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti Delegati (UE) 2019/2123 u (UE) 2019/2124 jiġu emendati skont dan.

(9)

Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar:

(a)

il-każijiet meta u l-kondizzjonijiet li fihom ċerti prodotti organiċi u prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni li jidħlu fl-Unjoni li jippreżentaw riskju baxx jew ma jippreżentaw l-ebda riskju speċifiku għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, għall-benessri tal-annimali jew għall-ambjent, ikunu eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera mwettqa għall-verifika tal-konformità mar-regoli dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar tal-prodotti organiċi;

(b)

il-post fejn iridu jitwettqu l-kontrolli uffiċjali għall-prodotti msemmija fil-punt (a) maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni; kif ukoll

(c)

emendi fir-Regolamenti Delegati (UE) 2019/2123 u (UE) 2019/2124.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“prodott organiku” tfisser prodott kif iddefinit fil-punt (2) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/848;

2.

“prodott fil-fażi tal-konverżjoni” tfisser prodott kif iddefinit fil-punt (7) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/848.

Artikolu 3

Prodotti organiċi u prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera

Il-prodotti organiċi u l-prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni li ġejjin li jidħlu fl-Unjoni għandhom ikunu eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla fl-Unjoni:

(a)

il-prodotti organiċi u l-prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni għajr dawk li jappartjenu għall-kategoriji ta’ annimali u oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1), il-punti (a) sa (e), tar-Regolament (UE) 2017/625; kif ukoll

(b)

il-prodotti organiċi u l-prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni li huma tal-kategorija ta’ annimali u oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2017/625, għajr dawk li fir-rigward tagħhom ġew stabbiliti l-kundizzjonijiet jew il-miżuri tad-dħul fl-Unjoni permezz ta’ atti adottati f’konformità mal-Artikolu 126 jew 128 tar-Regolament (UE) 2017/625 rispettivament, jew li fir-rigward tad-dħul tagħhom fl-Unjoni ġew stabbiliti l-kundizzjonijiet jew il-miżuri f’konformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2), il-punti minn (a) sa (h) u (j), ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 4

Il-post tal-kontrolli uffiċjali fuq il-prodotti organiċi u l-prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera

1.   Għall-prodotti organiċi u l-prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni msemmija fl-Artikolu 3 li huma maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-kontrolli uffiċjali fil-punti tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Istat Membru li fih il-kunsinna tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni liema huma l-punti ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fejn l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kontrolli uffiċjali f’konformità mal-paragrafu 1, filwaqt li jindikaw isimhom, l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha żżomm il-lista ta’ dawk il-punti ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera aġġornata fis-Sistema Esperta u ta’ Kontroll tal-Kummerċ (TRACES).

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti fil-punti tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera msemmija fil-paragrafu 1 ikollhom it-teknoloġija u t-tagħmir meħtieġa għat-tħaddim effiċjenti ta’ TRACES.

Artikolu 5

Emenda fir-Regolament Delegat (UE) 2019/2123

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2123 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 1(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa emendat kif ġej:

(i)

jiddaħħal il-punt (ia) li ġej:

“(ia)

kunsinni tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u tal-oġġetti l-oħra msemmija fil-punt (i) li huma soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*);

(*)  Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150 14.6.2018, p. 1).”;"

(ii)

il-punt (ii) huwa mibdul b’dan li ġej:

“(ii)

kunsinni ta’ ikel u għalf ta’ oriġini mhux mill-annimali soġġetti għall-miżuri previsti mill-atti msemmija fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, inklużi dawk li huma soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2018/848;”;

(b)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

kontrolli dokumentarji mill-bogħod minn post ta’ kontroll fuq il-fruntiera fuq kunsinni ta’:

(i)

il-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u l-oġġetti l-oħra msemmija fl-Artikoli 72(1) u 74(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031;

(ii)

il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra msemmija fil-punt (i) li huma soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2018/848.”;

2.

qabel il-Kapitlu I, jiddaħħal dan l-Artikolu 1a li ġej:

“Artikolu 1a

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

‘kontrolli tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf’ tfisser il-kontrolli uffiċjali mwettqa għall-verifika tal-konformità mar-regoli msemmija fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625;

2.

‘kontrolli fitosanitarji’ tfisser il-kontrolli uffiċjali mwettqa għall-verifika tal-konformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2), il-punt (g) tar-Regolament (UE) 2017/625;

3.

‘kontrolli organiċi’ tfisser il-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2306 (*).

(*)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2306 tal-21 ta’ Ottubru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar il-kontrolli uffiċjali fir-rigward ta’ konsenji ta’ prodotti organiċi u prodotti fil-fażi tal-konverżjoni maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni u dwar iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni (ĠU L 461, …, p. 13).”;"

3.

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-frażi introduttorja tiġi ssostitwita b’dan li ġej:

“Il-kontrolli fiżiċi u tal-identità għall-verifika tal-konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-ikel, is-sikurezza tal-għalf u dwar il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti jistgħu jitwettqu f’punt ta’ kontroll li ma jkunx post ta’ kontroll fuq il-fruntiera meta japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:”;

(b)

jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jwettqu l-kontrolli uffiċjali li ġejjin f’punt ta’ kontroll indikat fiċ-CHED għajr il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, sakemm tkun ġiet immarkata l-kaxxa tal-immarkar “il-kunsinna ma tistax tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera” fil-kaxxa 30 taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni msemmi fl-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2306 (“ċertifikat ta’ spezzjoni”):

(a)

kontrolli fitosanitarji fil-forma ta’ verifiki tal-identità u fiżiċi fir-rigward ta’ kunsinni ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti u tal-oġġetti l-oħra msemmija fl-Artikolu 1(1), punt (a)(ia), ta’ dan ir-Regolament;

(b)

kontrolli tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf fil-forma ta’ verifiki fiżiċi u tal-identità fir-rigward ta’ kunsinni ta’ ikel u għalf ta’ oriġini mhux mill-annimali msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (a)(ii), ta’ dan ir-Regolament li huma soġġetti għal kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2018/848.”;

4.

jiddaħħal l-Artikolu 2a li ġej:

“Artikolu 2a

Kundizzjonijiet għat-twettiq tal-kontrolli organiċi fil-forma ta’ kontrolli fiżiċi u tal-identità f’punti ta’ kontroll li mhumiex postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera fir-rigward ta’ kunsinni ta’ ċerti prodotti soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2018/848

1.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jwettqu l-kontrolli organiċi fil-forma ta’ kontrolli fiżiċi u tal-identità fir-rigward ta’ kunsinni tal-pjanti, fuq il-prodotti mill-pjanti u fuq l-oġġetti l-oħra msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (a)(ia), u fuq kunsinni ta’ ikel u għalf ta’ oriġini mhux mill-annimali msemmija fl-Artikolu 1(1), punt (a)(ii), li huma soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2018/848, f’punt ta’ kontroll indikat fiċ-ċertifikat ta’ spezzjoni għajr il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-punt ta’ kontroll fejn għandhom jitwettqu l-kontrolli organiċi fil-forma ta’ kontrolli fiżiċi u tal-identità jkun ġie indikat fiċ-ċertifikat ta’ spezzjoni mill-operatur responsabbli mill-kunsinna meta tingħata notifika minn qabel skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2307 (*) inkella mill-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera;

(b)

l-eżitu tal-kontrolli organiċi fil-forma ta’ kontrolli dokumentarji mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera ikun sodisfaċenti;

(c)

l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jkunu rreġistraw fil-kaxxa 26 taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni l-awtorizzazzjoni tagħhom li jittrasferixxu l-kunsinna lejn il-punt ta’ kontroll;

(d)

l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jkunu rreġistraw fiċ-CHED l-awtorizzazzjoni tagħhom li jittrasferixxu l-kunsinna lejn punt ta’ kontroll għall-kontrolli tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf fil-forma ta’ kontrolli fiżiċi u tal-identità jew għal kontrolli fitosanitarji fil-forma ta’ kontrolli tal-identità u fiżiċi, kif xieraq;

(e)

qabel ma titlaq mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera l-kunsinna, l-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera responsabbli mill-kontrolli organiċi tinforma lill-awtorità kompetenti fil-punt ta’ kontroll responsabbli mill-kontrolli organiċi tal-wasla tal-kunsinna billi tippreżenta ċ-ċertifikat ta’ spezzjoni fis-Sistema ta’ Kontroll u Esperti tal-Kummerċ (TRACES);

(f)

l-operatur ikun ittrasporta l-kunsinna mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera sal-punt ta’ kontroll taħt superviżjoni doganali mingħajr ma jinħattu l-oġġetti matul it-trasport;

(g)

l-operatur ikun żgura li l-kunsinni tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u tal-oġġetti l-oħra msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (a)(ia), u ta’ ikel u għalf ta’ oriġini mhux mill-annimali msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (a)(ii), li huma soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2018/848, ikunu akkumpanjati sal-punt ta’ kontroll minn kopja awtentikata taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni;

(h)

l-operatur ikun indika n-numru ta’ referenza taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni fid-dikjarazzjoni doganali ppreżentata lill-awtoritajiet doganali għall-finijiet tat-trasferiment tal-kunsinna lejn il-punt ta’ kontroll u jkun żamm kopja ta’ dak iċ-ċertifikat għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali kif imsemmi fl-Artikolu 163 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

2.   Ir-rekwiżit li kopja awtentikata taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (g), trid takkumpanja l-kunsinna ma għandux japplika meta dak iċ-ċertifikat ikun inħareġ fi TRACES mill-awtorità ta’ kontroll jew mill-korp ta’ kontroll fil-pajjiż terz f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306 jew imtella’ fi TRACES mill-operatur u l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jkunu kkontrollaw li din tikkorrispondi maċ-ċertifikat oriġinali ta’ spezzjoni.

(*)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2307 tal-21 ta’ Ottubru 2021 li jistabbilixxi r-regoli dwar id-dokumenti u n-notifiki meħtieġa għall-prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni (ĠU L 461, xxx, p. 30).”;"

5.

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-kontrolli tal-identità u l-kontrolli fiżiċi fuq kunsinni ta’ ikel u għalf ta’ oriġini mhux mill-annimali msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (a)(ii), jistgħu jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti f’punt ta’ kontroll li ma jkunx post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, meta tapplika waħda minn dawn li ġejjin:”;

(b)

jiżdiedu dawn il-paragrafi 3 u 4:

“3.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jwettqu l-kontrolli fiżiċi u tal-identità fuq kunsinni ta’ ikel u għalf ta’ oriġini mhux mill-annimali msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (a)(ii), li huma soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2018/848, f’punt ta’ kontroll li ma jkunx post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, meta, minbarra waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu:

(a)

l-operatur responsabbli mill-kunsinna jkun talab it-trasferiment lejn punt ta’ kontroll kemm għall-kontrolli tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf fil-forma ta’ kontrolli fiżiċi u tal-identità u għall-kontrolli organiċi fil-forma ta’ kontrolli fiżiċi u tal-identità;

(b)

f’każ li l-kunsinna tintgħażel mill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera kemm għall-kontrollii tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf fil-forma ta’ kontrolli fiżiċi u tal-identità kif ukoll għall-kontrolli organiċi fil-forma ta’ kontrolli fiżiċi u tal-identità, l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jkunu awtorizzaw jew iddeċidew tali trasferiment, kif xieraq, fir-rigward ta’ dawk il-kontrolli kollha. Dawk il-kontrolli għandhom jitwettqu fl-istess punt ta’ kontroll, li jrid jiġi deżinjat għall-kategorija ta’ oġġetti fil-kunsinna u li jrid ikun jinsab fl-Istat Membru fejn il-kunsinna trid tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera.

4.   Meta l-kunsinni jiġu ttrasferiti lejn punt ta’ kontroll skont il-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera responsabbli mill-kontrolli tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf għandhom jirreġistraw it-trasferiment fiċ-CHED u l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera responsabbli għall-verifiki organiċi għandhom jirreġistraw it-trasferiment fiċ-ċertifikat tal-ispezzjoni.”;

6.

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1 jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c)

il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra msemmija fil-punti (a) u (b) li huma soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2018/848.”;

(b)

jiżdiedu dawn il-paragrafi 4 u 5:

“4.   Fir-rigward tal-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c), il-kontrolli tal-identità u dawk fiżiċi jistgħu jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti f’punt ta’ kontroll li ma jkunx post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, meta, minbarra waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, japplika dan li ġej:

(a)

l-operatur responsabbli mill-kunsinna jkun talab it-trasferiment għal punt ta’ kontroll kemm għall-kontrolli fitosanitarji fil-forma ta’ kontrolli tal-identità u fiżiċi, kif ukoll għall-kontrolli organiċi fil-forma ta’ kontrolli tal-identità u fiżiċi;

(b)

f’każ li l-kunsinna tintgħażel mill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera kemm għall-kontrolli fitosanitarji fil-forma ta’ kontrolli tal-identità u fiżiċi kif ukoll għall-kontrolli organiċi fil-forma ta’ kontrolli tal-identità u fiżiċi, l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jkunu awtorizzaw jew iddeċidew tali trasferiment, skont kif jixraq, fir-rigward ta’ dawk il-kontrolli kollha. Dawk il-kontrolli għandhom jitwettqu fl-istess punt ta’ kontroll, li jrid jiġi deżinjat għall-kategorija ta’ oġġetti fil-kunsinna u li jrid ikun jinsab fl-Istat Membru fejn il-kunsinna trid tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera.

5.   Meta l-kunsinni jiġu ttrasferiti lejn punt ta’ kontroll f’konformità mal-paragrafu 4, l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera responsabbli mill-kontrolli fitosanitarji għandhom jirreġistraw it-trasferiment fiċ-CHED u l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera responsabbli mill-kontrolli organiċi għandhom jirreġistraw it-trasferiment fiċ-ċertifikat ta’ spezzjoni.”;

7.

fl-Artikolu 6, jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:

“6.   Fir-rigward ta’ kunsinni ttrasferiti lejn punt ta’ kontroll għat-twettiq ta’ kontrolli organiċi fil-forma ta’ kontrolli tal-identità u fiżiċi, l-awtoritajiet kompetenti tal-punt ta’ kontroll għandhom:

(a)

jikkonfermaw il-wasla tal-kunsinna lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera responsabbli mill-kontrolli organiċi permezz ta’ TRACES;

(b)

fiċ-ċertifikat tal-ispezzjoni jirreġistraw l-eżitu tal-kontrolli organiċi fil-forma ta’ kontrolli tal-identità u fiżiċi u jirreġistraw id-deċiżjoni dwar il-kunsinna f’konformità mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306.”;

8.

fl-Artikolu 7, il-frażi introduttorja hija ssostitwita b’dan li ġej:

“Il-kontrolli tad-dokumenti fuq il-kunsinni tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u tal-oġġetti l-oħra kif imsemmija fl-Artikolu 1(1)(b), li jidħlu fl-Unjoni, jistgħu jitwettqu minn waħda minn dawn li ġejjin:”;

9.

L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (a), jiżdied il-punt (v) li ġej:

“(v)

fir-rigward tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u tal-oġġetti l-oħra msemmija fl-Artikolu 4(1), il-punt (c), ta’ dan ir-Regolament, iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni msemmi fir-Regolament Delegat (UE) 2021/2306.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Meta l-kunsinni tal-pjanti, tal-prodotti tal-pjanti u tal-oġġetti l-oħra jkunu jridu jiġu ttrasportati mill-operatur lejn punt ta’ kontroll biex jitwettqu l-kontrolli tal-identità u l-kontrolli fiżiċi, għandhom japplikaw l-Artikoli 2, 2a, 4 u 5.”.

Artikolu 6

Emenda fir-Regolament Delegat (UE) 2019/2124

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2124 huwa emendat kif ġej:

1.

fl-Artikolu 1(1), il-punt (a), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(iia)

il-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u l-oġġetti l-oħra msemmija fil-punti (i) u (ii) li huma soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

(*)  Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150 14.6.2018, p. 1).”;"

2.

fl-Artikolu 6(3), il-frażi tal-bidu hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jiżgura li l-imballaġġ jew il-mezz tat-trasport tal-kunsinna tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u tal-oġġetti l-oħra msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (a)(i), (ii) u (iia), ikun magħluq jew issiġillat b’tali mod li, waqt it-trasport tagħha lejn il-faċilità ta’ tkomplija tat-trasport u waqt il-ħżin hemmhekk:”.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2123 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-każijiet meta l-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi fuq ċerti oġġetti jistgħu jitwettqu f’punti ta’ kontroll u l-verifiki dokumentarji jistgħu jitwettqu ’l bogħod mill-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u l-kundizzjonijiet li bihom isiru dawn il-verifiki (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 64).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016., p. 4).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2124 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-kontrolli uffiċjali ta’ kunsinni ta’ annimali u ta’ oġġetti fit-tranżitu, fit-trasbord u fit-tkomplija tat-trasport fl-Unjoni, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008, (KE) Nru 1251/2008, (KE) Nru 119/2009, (UE) Nru 206/2010, (UE) Nru 605/2010, (UE) Nru 142/2011, (UE) Nru 28/2012, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/759 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 73).