27.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 461/2


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2304

tat-18 ta’ Ottubru 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati komplementari li jiċċertifikaw in-nuqqas ta’ użu ta’ antibijotiċi fil-produzzjoni organika ta’ prodotti tal-annimali għall-fini ta’ esportazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 44(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ċerti pajjiżi terzi jeħtieġu li prodotti tal-annimali organiċi jiġu prodotti mingħajr l-użu ta’ antibijotiċi. Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-swieq f’dawk il-pajjiżi, jenħtieġ li l-operaturi jew il-gruppi ta’ operaturi fl-Unjoni li jixtiequ jesportaw tali prodotti jkunu jistgħu jagħtu prova tan-nuqqas ta’ użu ta’ antibijotiċi permezz ta’ dokument uffiċjali.

(2)

Skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/848, l-awtoritajiet kompetenti jew, fejn xieraq, l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll, jridu jipprovdu ċertifikat lil kwalunkwe operatur jew grupp ta’ operaturi li jkun innotifika l-attività tiegħu u li jikkonforma ma’ dak ir-Regolament. Sabiex jiġi ċċertifikat li l-prodotti tal-annimali organiċi huma prodotti mingħajr l-użu ta’ antibijotiċi, jenħtieġ li l-operatur jew il-grupp ta’ operaturi jkollhom il-possibbiltà li jitolbu lil dawk l-awtoritajiet kompetenti jew, fejn xieraq, l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll, biex joħorġu ċertifikat komplementari. Jenħtieġ li l-mudell għal dak iċ-ċertifikat komplementari jiġi stabbilit.

(3)

Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ċertifikat komplementari li jiċċertifika n-nuqqas ta’ użu ta’ antibijotiċi fil-produzzjoni organika ta’ prodotti tal-annimali għall-fini ta’ esportazzjoni

Fuq talba ta’ operatur jew grupp ta’ operaturi li diġà għandhom ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/848, l-awtorità kompetenti rilevanti jew, fejn xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll rilevanti, għandhom joħorġu ċertifikat komplementari li jiċċertifika li l-operatur jew il-grupp ta’ operaturi pproduċa prodotti tal-annimali organiċi mingħajr l-użu ta’ antibijotiċi jekk tali ċertifikat ikun meħtieġ għall-fini tal-esportazzjoni ta’ dawk il-prodotti mill-Unjoni. Il-mudell għal dak iċ-ċertifikat komplementari huwa stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.


ANNESS

ĊERTIFIKAT KOMPLIMENTARI LI JIĊĊERTIFIKA N-NUQQAS TA’ UŻU TA’ ANTIBIJOTIĊI FIL-PRODUZZJONI ORGANIKA TA’ PRODOTTI TAL-ANNIMALI GĦALL-FINI TA’ ESPORTAZZJONI

1.

Numru tad-dokument:

2.

(agħżel kif xieraq)

Operatur

Grupp ta’ operaturi

3.

Isem u indirizz tal-operatur jew tal-grupp ta’ operaturi:

4.

Isem u indirizz tal-awtorità kompetenti, jew, meta xieraq, tal-awtorità ta’ kontroll jew tal-korp ta’ kontroll tal-operatur jew tal-grupp ta’ operaturi u n-numru tal-kodiċi f’każ ta’ awtorità ta’ kontroll jew ta’ korp ta’ kontroll:

5.

In-numru tad-dokument taċ-ċertifikat ipprovdut lill-operatur jew lill-grupp ta’ operaturi skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/848 f’konformità mal-Anness VI ta’ dak ir-Regolament:

Dan iċ-ċertifikat inħareġ biex jiċċertifika li l-operatur jew il-grupp ta’ operaturi (agħżel kif xieraq) ipproduċa l-prodotti tal-annimali organiċi li ġejjin mingħajr l-użu ta’ antibijotiċi:

1.

………………….

2.

………………….

3.

………………….

6.

Data u post:

Isem u firma f’isem l-awtorità kompetenti emittenti, jew, fejn xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll:

7.

Ċertifikat komplimentari validu minn….[daħħal id-data] sa….[daħħal id-data]