15.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 448/58


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2230

tal-14 ta’ Diċembru 2021

li jibda investigazzjoni li tikkonċerna ċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/492 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta kkonsenjati mit-Turkija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Turkija u kemm jekk le, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) b’mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,

Wara li infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

A.   TALBA

(1)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu u biex tagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta kkonsenjati mit-Turkija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Turkija u kemm jekk le, soġġetti għal reġistrazzjoni.

(2)

It-talba ġiet ippreżentata fit-3 ta’ Novembru 2021 minn TECH-FAB Europe e.V.

B.   PRODOTT

(3)

Il-prodott ikkonċernat mill-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni huwa materjal ta’ rovings u/jew raden ta’ filamenti kontinwi tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta b’elementi oħrajn jew le, ħlief prodotti li huma imprenjati jew preimprenjati (pre-preg), u ħlief materjali tal-għarbiel miftuħ b’ċelloli b’daqs ta’ aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, ikklassifikati fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/492 (2) taħt il-kodiċijiet NM ex 7019 39 00, ex 7019 40 00, ex 7019 59 00 u ex 7019 90 00 (il-kodiċijiet TARIC 7019390080, 7019400080, 7019590080 u 7019900080) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (“il-prodott ikkonċernat”). Dan huwa l-prodott li l-miżuri fis-seħħ bħalissa japplikaw għalih.

(4)

Il-prodott investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, li huwa attwalment kopert mill-kodiċijiet NM ex 7019 39 00, ex 7019 40 00, ex 7019 59 00 u ex 7019 90 00, iżda kkonsenjat mit-Turkija, kemm jekk iddikjarat li joriġina mit-Turkija u kemm jekk le (il-kodiċijiet TARIC 7019390083, 7019400083, 7019590083 u 7019900083) (“il-prodott investigat”).

C.   MIŻURI EŻISTENTI

(5)

Il-miżuri li bħalissa huma fis-seħħ u li possibbilment qiegħed ikun hemm ċirkomvenzjoni tagħhom huma miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/492 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (“il-miżuri eżistenti” (3).).

D.   BAŻIJIET

(6)

It-talba fiha provi biżżejjed li qiegħed ikun hemm ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat permezz ta’ importazzjonijiet tal-prodott investigat.

(7)

Il-provi fit-talba juru dan li ġej:

(8)

Kien hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu u mit-Turkija lejn l-Unjoni wara l-impożizzjoni tal-miżuri fuq il-prodott ikkonċernat.

(9)

Jidher li din il-bidla ġejja mill-konsenja tal-prodott ikkonċernat li jgħaddi mit-Turkija fi triqtu lejn l-Unjoni wara li jiġi sottopost għal operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fit-Turkija. Il-provi juru li dawn l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ jikkostitwixxu ċirkomvenzjoni billi l-operazzjonijiet bdew jew żdiedu sostanzjalment minn meta bdiet l-investigazzjoni anti-dumping jew eżatt qabel. Barra minn hekk, it-talba fiha provi biżżejjed li juru li l-partijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Eġittu jikkostitwixxu 60 % jew aktar tal-valur totali tal-prodott assemblat, u l-valur miżjud mal-partijiet matul l-operazzjoni tal-assemblaġġ jew tal-finalizzazzjoni huwa inqas minn 25 % tal-kost tal-manifattura.

(10)

Barra minn hekk, il-provi għandhom it-tendenza li juru li l-prattika deskritta hawn fuq, timmina l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll f’termini ta’ prezzijiet. Jidher li daħlu volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott investigat fis-suq tal-UE. Barra minn hekk, hemm provi biżżejjed li l-importazzjonijiet tal-prodott investigat qegħdin isiru bi prezzijiet dannużi.

(11)

Fl-aħħar nett, il-provi għandhom it-tendenza li juru li l-prodott investigat isir bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit preċedentement għall-prodott ikkonċernat.

(12)

Jekk l-investigazzjoni tidentifika prattiki ta’ ċirkomvenzjoni oħrajn li jkunu koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku għajr dawk imsemmijin aktar ’il fuq, l-investigazzjoni tkun tista’ tkopri dawn il-prattiki wkoll.

E.   PROĊEDURA

(13)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżistu provi biżżejjed biex jiġġustifikaw il-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku u biex l-importazzjonijiet tal-prodott investigat isiru soġġetti għal reġistrazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(14)

Sabiex tikseb l-informazzjoni meħtieġa għal din l-investigazzjoni, jenħtieġ li l-partijiet interessati kollha jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, iżda mhux aktar tard mil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament. Il-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha. Jekk ikun meħtieġ, tista’ wkoll tintalab informazzjoni mingħand l-industrija tal-Unjoni.

(15)

L-awtoritajiet tat-Turkija, tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u tal-Eġittu se jiġu nnotifikati bil-bidu tal-investigazzjoni.

(a)   Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza

(16)

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni li tkun soġġetta għal drittijiet tal-awtur ta’ terzi, il-partijiet interessati jeħtiġilhom jitolbu permess speċifiku mingħand id-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti espliċitament (a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) li tingħata l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’forma li tippermetti li jeżerċitaw id-dritt tad-difiża tagħhom.

(17)

Il-preżentazzjonijiet bil-miktub kollha, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan ir-Regolament, il-kwestjonarji mimlijin u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li jkun intalab trattament kunfidenzjali għalihom għandhom jiġu mmarkati “Sensitive” (4). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

(18)

Il-partijiet li jagħtu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties”. Jenħtieġ li dawn it-taqsiriet ikunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli.

(19)

Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u tal-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

(20)

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://webgate.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni.

Sabiex ikollhom aċċess għal TRON.tdi, il-partijiet interessati jeħtieġu kont tal-EU Login. L-istruzzjonijiet kollha dwar kif wieħed jirreġistra u juża TRON.tdi jinsabu hawnhekk: https://webgate.ec.europa.eu/tron/resources/documents/gettingStarted.pdf

Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qegħdin jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf

Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz tal-posta elettronika tax-xogħol uffiċjali li jiffunzjona u li jiġi vverifikat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni se tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmijin hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate G

Office: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

TRON.tdi: https://webgate.ec.europa.eu/tron/tdi

Posta elettronika: TRADE-GFFTU-AC@ec.europa.eu

(b)   Ġbir ta’ informazzjoni u seduti ta’ smigħ

(21)

Il-partijiet interessati kollha inkluż l-industrija tal-Unjoni, l-importaturi u kwalunkwe assoċjazzjoni rilevanti huma mistiedna jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dment li dawn is-sottomissjonijiet isiru sal-iskadenza prevista fl-Artikolu 3(2). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, dment li jippreżentaw talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn jenħtieġ li jinstemgħu.

(c)   Talbiet għal eżenzjonijiet

(22)

F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat jistgħu jiġu eżentati mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tkunx tikkostitwixxi ċirkomvenzjoni.

(23)

Billi ċ-ċirkomvenzjoni possibbli sseħħ barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lill-produtturi tal-prodott investigat fit-Turkija li jkunu jistgħu juru li mhumiex involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif definiti fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Jekk ikun hemm produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni, jenħtieġ li dawn jippreżentaw ruħhom fil-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament. Kopji tal-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fl-Eġittu, il-kwestjonarju tal-formola tat-talba għall-eżenzjoni għall-produtturi esportaturi fit-Turkija u l-kwestjonarji għall-importaturi fl-UE huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2571. Il-kwestjonarji jridu jiġu ppreżentati fil-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament.

F.   REĠISTRAZZJONI

(24)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk mill-investigazzjoni jirriżulta li tkun ikkonstatata ċirkomvenzjoni, ikun jista’ jiġi impost ammont xieraq ta’ dazji anti-dumping, li ma jaqbiżx id-dazju għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/492, rispettivament għar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u għall-Eġittu, mid-data li fiha tkun ġiet imposta r-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet.

G.   LIMITI TA’ ŻMIEN

(25)

Sabiex ikun hemm amministrazzjoni tajba, jenħtieġ li jiġu ddikjarati l-limiti ta’ żmien biex:

il-partijiet interessati jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni, jippreżentaw kwestjonarji, jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub jew kwalunkwe informazzjoni oħra li trid tiġi kkunsidrata matul l-investigazzjoni,

il-produtturi fit-Turkija jitolbu għal eżenzjonijiet mill-miżuri,

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni.

(26)

Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċitar tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-partijiet jippreżentaw ruħhom fil-limiti ta’ żmien stipulati fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

H.   NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

(27)

Jekk xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ żmien stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, il-konstatazzjonijiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(28)

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni ma għandhiex titqies u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(29)

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u, għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

I.   SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

(30)

L-investigazzjoni se tiġi konkluża, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

J.   PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(31)

Ta’ min jinnota li kull data personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(32)

Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/

K.   UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

(33)

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għall-proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jaf tfeġġ matul il-proċediment.

(34)

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li talba għal seduta mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti jsiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

(35)

Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta malajr kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti jiġu ppreżentati barra mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għaliex dawn it-talbiet ikunu saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li debitament iqis l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija f’waqtha tal-investigazzjoni.

(36)

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ KUMMERĊ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Qiegħda tinbeda investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036, sabiex jiġi ddeterminat jekk hux qiegħed ikun hemm ċirkomvenzjoni tal-miżuri imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/492 mill-importazzjonijiet ta’ materjal ta’ rovings u/jew raden ta’ filamenti kontinwi tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta b’elementi oħrajn jew le, ħlief prodotti li huma imprenjati jew preimprenjati (pre-preg), u ħlief materjali tal-għarbiel miftuħ b’ċelloli b’daqs ta’ aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, li bħalissa huma kklassifikati taħt il-kodiċijiet NM ex 7019 39 00, ex 7019 40 00, ex 7019 59 00 u ex 7019 90 00, ikkonsenjati mit-Turkija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Turkija u kemm jekk le (il-kodiċijiet TARIC 7019390083, 7019400083, 7019590083 u 7019900083).

Artikolu 2

1.   L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

1.   Il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   Biex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jiġu kkunsidrati waqt l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju, talbiet għal eżenzjonijiet, jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

3.   Il-partijiet interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum. Għas-seduti dwar l-istadju tal-bidu tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Sabiex tinstema’, kwalunkwe talba trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/492 tal-1 ta’ April 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (ĠU L 108, 6.4.2020, p. 1).

(3)  ĠU L 108, 6.4.2020, p. 1.

(4)  Dokument immarkat “Sensitive” huwa dokument li jitqies li hu kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).