7.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 436/17


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2155

tat-13 ta’ Awwissu 2021

li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-klassijiet ta’ strumenti li jirriflettu b’mod adegwat il-kwalità tal-kreditu tad-ditta tal-investiment bħala negozju avvjat u arranġamenti alternattivi possibbli li huma xierqa sabiex jintużaw għall-finijiet ta’ rimunerazzjoni varjabbli

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE u 2014/65/UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(8) u t-tielet subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-rimunerazzjoni varjabbli mogħtija fi strumenti jenħtieġ li tippromwovi l-immaniġġar sod u effettiv tar-riskju u ma għandhiex tħeġġeġ it-teħid ta’ riskji li jaqbżu l-livell ta’ aptit għar-riskju tad-ditta tal-investiment. Għaldaqstant, il-klassijiet ta’ strumenti li jistgħu jintużaw għall-finijiet tar-rimunerazzjoni varjabbli jenħtieġ li jallinjaw l-interessi tal-persunal mal-interessi aktar fit-tul tad-ditta tal-investiment, tal-azzjonisti, tal-kredituri, tal-klijenti u ta’ partijiet ikkonċernati oħra billi jipprovdu inċentivi sabiex il-persunal jaġixxi fl-interess aktar fit-tul tad-ditta tal-investiment.

(2)

Sabiex jiġi żgurat li hemm rabta soda mal-kwalità tal-kreditu ta’ ditta tal-investiment bħala negozju avvjat, l-istrumenti użati għall-finijiet ta’ rimunerazzjoni varjabbli jenħtieġ li jkun fihom avvenimenti skattaturi xierqa għat-tniżżil fil-valur jew għall-konverżjoni li jnaqqsu l-valur tal-istrumenti f’sitwazzjonijiet fejn tkun iddeterjorat il-kwalità tal-kreditu tad-ditta tal-investiment bħala negozju avvjat. Jenħtieġ li l-avvenimenti skattaturi użati għall-finijiet ta’ rimunerazzjoni ma jibdlux il-livell ta’ subordinazzjoni tal-istrumenti u għalhekk ma għandhomx iwasslu għal skwalifika ta’ strumenti tal-Grad 1 jew tal-Grad 2 Addizzjonali bħala strumenti ta’ fondi proprji.

(3)

Filwaqt li l-kundizzjonijiet li japplikaw għall-istrumenti tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali huma speċifikati fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) flimkien mat-Titolu 1 tal-Parti Tnejn, il-Kapitoli 3 u 4 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Istrumenti l-Oħra msemmija fl-Artikolu 32(1), il-punt (j)(iii), tad-Direttiva (UE) 2019/2034 (“Strumenti Oħra”) li jistgħu jiġu konvertiti bis-sħiħ fi strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni jew jitniżżlu fil-valur, ma humiex soġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi skont dawn ir-Regolamenti peress li ma humiex ikklassifikati bħala strumenti ta’ fondi proprji għal finijiet prudenzjali. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi għal klassijiet differenti ta’ strumenti biex jiġi żgurat li huma xierqa sabiex jintużaw għall-finijiet ta’ rimunerazzjoni varjabbli, filwaqt li tittieħed f’kunsiderazzjoni n-natura differenti tal-istrumenti. L-użu ta’ strumenti għall-finijiet ta’ rimunerazzjoni varjabbli fih innifsu ma għandux jipprevjeni strumenti milli jikkwalifikaw bħala fondi proprji ta’ ditta tal-investiment sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/2033. Dan l-użu fih innifsu lanqas ma jenħtieġ li jinftiehem bħala li jipprovdi inċentiv ta’ tifdija tal-istrument, billi wara l-perjodi ta’ differiment u ta’ żamma, il-membri tal-persunal, b’mod ġenerali, jistgħu jirċievu fondi likwidi b’mezzi oħra minbarra t-tifdija.

(4)

Strumenti Oħra ma humiex limitati għall-istrumenti finanzjarji speċifikati fit-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-ħolqien ta’ tali strumenti, dawk l-istrumenti jenħtieġ li jippermettu wkoll l-użu ta’ arranġamenti kuntrattwali oħra bejn il-membri tal-persunal u d-ditti tal-investiment. Sabiex jiġi żgurat li dawk l-Istrumenti Oħra jirriflettu l-kwalità tal-kreditu ta’ ditta tal-investiment bħala negozju avvjat, jenħtieġ li r-rekwiżiti xierqa jiżguraw li tali strumenti jitniżżlu fil-valur jew jiġu konvertiti qabel ma ditta tal-investiment tonqos milli tissodisfa r-rekwiżiti ta’ fondi proprji tagħha.

(5)

Meta l-istrumenti użati għall-finijiet ta’ rimunerazzjoni varjabbli jiġu eżerċitati, jinfdew, jiġu riakkwistati jew konvertiti, b’mod ġenerali jenħtieġ li tali tranżazzjonijiet ma jżidux il-valur tar-rimunerazzjoni mogħtija bil-ħlas ta’ ammonti li huma ogħla mill-valur tal-istrument jew billi jiġu konvertiti fi strumenti li għandhom valur ogħla mill-istrument mogħti inizjalment. Is-sostituzzjoni ta’ strumenti bl-istess valur jenħtieġ li tiżgura li r-rimunerazzjoni ma titħallasx permezz ta’ veikoli jew metodi li jiffaċilitaw in-nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva (UE) 2019/2034 jew mar-Regolament (UE) 2019/2033.

(6)

Meta tingħata rimunerazzjoni varjabbli u meta l-istrumenti użati għar-rimunerazzjoni varjabbli jiġu mifdija, eżerċitati, riakkwistati jew ikkonvertiti, dawk it-tranżazzjonijiet jenħtieġ li jkunu bbażati fuq valuri li jkunu ġew stabbiliti f’konformità mal-istandard kontabilistiku applikabbli fil-mument tat-tranżazzjoni, b’hekk jiġi żgurat li jingħata l-ammont korrett ta’ rimunerazzjoni varjabbli u ma jiġix mibdul b’mod mhux xieraq meta l-istrument jiġi mifdi, eżerċitat, riakkwistat jew ikkonvertit.

(7)

L-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jistabbilixxi l-mekkaniżmi ta’ tniżżil fil-valur u ta’ konverżjoni għal strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali. Barra minn hekk, il-punt (j)(iii) tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva (UE) 2019/2034 jeħtieġ li l-Istrumenti Oħra ikunu jistgħu jiġu konvertiti fi strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni jew jitniżżlu fil-valur. Peress li l-eżitu ekonomiku ta’ konverżjoni jew tniżżil fil-valur ta’ Strumenti Oħra huwa l-istess bħal dak għal strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali, il-mekkaniżmi ta’ tniżżil fil-valur jew konverżjoni għal Strumenti Oħra jenħtieġ li jieħu f’kunsiderazzjoni l-mekkaniżmi li japplikaw għal strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali, bl-adattamenti biex jieħdu kont tal-fatt li Strumenti Oħra ma jikkwalifikawx bħala strumenti tal-fondi proprji minn perspettiva prudenzjali. L-istrumenti tal-Grad 2 ma humiex soġġetti għal rekwiżiti regolatorji rigward it-tniżżil fil-valur u l-konverżjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013. Biex jiġi żgurat li l-valur tat-tali strumenti kollha, meta użati għal rimunerazzjoni varjabbli, jonqos meta tiddgħajjef il-kwalità tal-kreditu tad-ditta tal-investiment, jenħtieġ li jiġu speċifikati s-sitwazzjonijiet li fihom tniżżil fil-valur jew konverżjoni tal-istrument ikunu neċessarji. Il-mekkaniżmi ta’ tniżżil fil-valur, tlugħ fil-valur u konverżjoni għal Strumenti tal-Grad 2 u Strumenti Oħra jenħtieġ li jiġu speċifikati sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti.

(8)

Distribuzzjonijiet li ġejjin minn strumenti jistgħu jieħdu diversi forom. Jistgħu jkunu varjabbli jew fissi u jistgħu jitħallsu b’mod perjodiku jew fil-maturità finali ta’ strument. Sabiex jiġi promoss l-immaniġġar tajjeb u effettiv tar-riskju, jenħtieġ li ma titħallas l-ebda distribuzzjoni lill-persunal matul il-perjodi ta’ differiment. Il-membri tal-persunal jenħtieġ li jirċievu biss id-distribuzzjonijiet fir-rigward ta’ perjodi li jsegwu l-vestiment tal-istrument, u wara dan il-persunal isir is-sid legali tiegħu. Għalhekk, huma biss l-istrumenti b’distribuzzjonijiet li jitħallsu perjodikament lis-sid tal-istrument li huma xierqa għall-użu bħala rimunerazzjoni varjabbli. Jenħtieġ li bonds jew strumenti mingħajr kupuni li jżommu l-qligħ ma jkunux parti minn rimunerazzjoni li trid tikkonsisti minn kwalunkwe wieħed mill-istrumenti msemmija fl-Artikolu 32(1), il-punt (j), tad-Direttiva (UE) 2019/2034. Dan għaliex il-persunal jibbenefika matul il-perjodu ta’ differiment minn valuri li jiżdiedu, u dan jista’ jinftiehem bħala ekwivalenti għar-riċeviment ta’ distribuzzjonijiet.

(9)

Distribuzzjonijiet għoljin ħafna jistgħu jnaqqsu l-inċentiv fit-tul għat-teħid ta’ riskji prudenti peress li effettivament iżidu l-parti varjabbli tar-rimunerazzjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li d-distribuzzjonijiet ma jitħallsux f’intervalli itwal minn sena, peress li dan iwassal għal distribuzzjonijiet li jakkumulaw effettivament matul perjodi ta’ differiment u li jitħallsu mal-vestiment tar-rimunerazzjoni varjabbli. L-akkumulazzjoni tad-distribuzzjonijiet tevita l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 32(3) tad-Direttiva (UE) 2019/2034 li r-rimunerazzjoni pagabbli skont l-arranġamenti ta’ differiment ma tkunx aktar rapida minn fuq bażi pro rata. L-Artikolu 32(2), il-punt (b), tad-Direttiva (UE) 2019/2034 jirrikjedi li r-rimunerazzjoni varjabbli ma għandhiex titħallas permezz ta’ veikoli jew metodi finanzjarji li jiffaċilitaw in-nuqqas ta’ konformità ma’ dik id-Direttiva jew mar-Regolament (UE) 2019/2033. Għalhekk, jenħtieġ li d-distribuzzjonijiet li jsiru wara li l-istrument ikun vestit ma jaqbżux ir-rati tas-suq għal tali strumenti maħruġa minn ditti tal-investiment jew istituzzjonijiet oħrajn ta’ kwalità tal-kreditu komparabbli. Dan jenħtieġ li jiġi żgurat billi jintalab li l-istrumenti użati għar-rimunerazzjoni varjabbli, jew l-istrumenti li huma marbutin magħhom, jinħarġu l-iktar għal investituri oħrajn, jew billi jintalab li t-tali strumenti jkunu soġġetti għal limitu massimu fuq id-distribuzzjonijiet.

(10)

Ir-rekwiżiti ta’ differiment u żamma li japplikaw għall-għotjiet ta’ rimunerazzjoni varjabbli skont l-Artikolu 32(1), il-punt (l), u l-Artikolu 32(3) tad-Direttiva (UE) 2019/2034 iridu jiġu ssodisfati kull meta jkun rilevanti, inkluż meta l-istrumenti użati għar-rimunerazzjoni varjabbli jiġu eżerċitati, jinfdew, jiġu riakkwistati jew konvertiti. Għalhekk, f’dawn is-sitwazzjonijiet l-istrumenti jenħtieġ li jiġu sostitwiti bi Strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali, strumenti tal-Grad 2 u Strumenti Oħra li jirriflettu l-kwalità tal-kreditu tad-ditta tal-investiment bħala negozju avvjat, għandhom karatteristiċi ekwivalenti għal dawk tal-istrument mogħti inizjalment, u huma tal-istess valur, filwaqt li jiġi kkunsidrat kwalunkwe ammont li tniżżel fil-valur. Meta strumenti li ma humiex strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali jkollhom data ta’ maturità fissa, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-maturità li jifdal tat-tali strumenti meta ngħataw sabiex jiġi żgurat li huma konsistenti mar-rekwiżiti dwar il-perjodi ta’ differiment u żamma għal rimunerazzjoni varjabbli.

(11)

Id-Direttiva (UE) 2019/2034 ma tillimitax il-klassijiet ta’ strumenti li jistgħu jintużaw għal rimunerazzjoni varjabbli għal klassi speċifika ta’ strumenti finanzjarji. Għalhekk jenħtieġ li jkun possibbli li jintużaw strumenti sintetiċi jew kuntratti bejn membri tal-persunal u ditti tal-investiment li huma marbutin ma’ strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali u strumenti tal-Grad 2 li jistgħu jiġu konvertiti bis-sħiħ jew jitniżżlu fil-valur. Dan jippermetti l-introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet speċifiċi fit-termini tat-tali strumenti li japplikaw biss għal strumenti mogħtijin lill-persunal, mingħajr il-bżonn li jiġu imposti tali kundizzjonijiet fuq investituri oħrajn.

(12)

F’kuntest ta’ grupp, il-ħruġ jista’ jiġi mmaniġġat b’mod ċentrali fi ħdan impriża prinċipali, inklużi sitwazzjonijiet li fihom l-impriża prinċipali tkun soġġetta għad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jew għad-Direttiva 2019/2034. Id-ditti tal-investiment fi grupp mhux dejjem joħorġu strumenti huma stess li huma xierqa sabiex jintużaw għall-fini ta’ rimunerazzjoni varjabbli. Ir-Regolament (UE) 2019/2033 flimkien mar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jippermetti li strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali u tal-Grad 2 maħruġin minn entità fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-konsolidazzjoni jagħmlu parti mill-fondi proprji ta’ ditta tal-investiment soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet. Għalhekk, jenħtieġ li jkun possibbli li tali strumenti jintużaw għall-fini ta’ rimunerazzjoni varjabbli, dment li jkun hemm rabta ċara bejn il-kwalità tal-kreditu tad-ditta tal-investiment li tuża dawk l-istrumenti għall-fini ta’ rimunerazzjoni varjabbli u l-kwalità tal-kreditu tal-emittent tal-istrument. Rabta bħal din tista’ normalment tkun preżunta bħala l-każ bejn impriża prinċipali u sussidjarja. Strumenti Oħra li ma humiex strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali u tal-Grad 2 li ma jinħarġux direttament minn ditta tal-investiment jenħtieġ li jkunu kapaċi wkoll jintużaw għal rimunerazzjoni varjabbli, soġġetti għal kundizzjonijiet ekwivalenti. Strumenti li huma marbutin ma’ strumenti ta’ referenza maħruġin minn impriżi prinċipali f’pajjiżi terzi u li huma mill-bqija ekwivalenti għal strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali jew tal-Grad 2 jenħtieġ li jkunu eliġibbli sabiex jintużaw għall-finijiet ta’ rimunerazzjoni varjabbli meta l-avveniment skattatur jirreferi għad-ditta tal-investiment li tuża strument sintetiku bħal dan.

(13)

L-Artikolu 32(1), il-punt (k), tad-Direttiva (UE) 2019/2034, jippermetti lid-ditti tal-investiment li ma joħorġu l-ebda wieħed mill-istrumenti msemmija fl-Artikolu 32(1), il-punt (j), ta’ dik id-Direttiva, li jużaw arranġamenti alternattivi, dment li l-awtorità kompetenti tapprova tali użu u dment li tali arranġamenti jissodisfaw l-istess objettivi bħall-istrumenti msemmija fl-Artikolu 32(1), il-punt (j), ta’ dik id-Direttiva. Sabiex jiġu ssodisfati l-istess objettivi, tali arranġamenti alternattivi għalhekk jenħtieġ li jiżguraw li r-rimunerazzjoni varjabbli mogħtija tkun soġġetta għal aġġustamenti tar-riskju impliċiti. Il-valur ta’ tali arranġamenti alternattivi jenħtieġ li għalhekk jonqos kull meta jkun hemm effett negattiv fuq il-prestazzjoni tad-ditta tal-investiment ikkonċernata jew fuq l-assi li timmaniġġa. Barra minn hekk, meta d-ditta tal-investiment tkun soġġetta għar-rekwiżit li tiddifferixxi r-rimunerazzjoni varjabbli skont l-Artikolu 32(1), il-punt (l), tad-Direttiva (UE) 2019/2034, l-arranġamenti alternattivi jenħtieġ li jkunu konsistenti wkoll mar-rekwiżit li tiġi differita r-rimunerazzjoni varjabbli, u mal-applikazzjoni ta’ arranġamenti ta’ malus jew ta’ rkupru u ta’ perjodi ta’ żamma għal rimunerazzjoni varjabbli mħallsa fi strumenti.

(14)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea wara li kkonsultat lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

(15)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Klassijiet ta’ strumenti li jirriflettu b’mod adegwat il-kwalità tal-kreditu ta’ ditta tal-investiment bħala negozju avvjat u li huma xierqa sabiex jintużaw għall-finijiet ta’ rimunerazzjoni varjabbli

1.   Dawn li ġejjin għandhom ikunu l-klassijiet ta’ strumenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(1), il-punt (j)(iii), tad-Direttiva (UE) 2019/2034:

(a)

klassijiet tal-istrumenti tal-Grad 1 Addizzjonali meta dawk il-klassijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 2, u jikkonformaw mal-Artikolu 5(9) u l-Artikolu 5(13), il-punt (c);

(b)

klassijiet tal-istrumenti tal-Grad 2 meta dawk il-klassijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 3, u jikkonformaw mal-Artikolu 5;

(c)

klassijiet ta’ strumenti li jistgħu jiġu konvertiti bis-sħiħ fi strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni jew li jistgħu jitniżżlu fil-valur u li la huma strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali u lanqas tal-Grad 2 (“Strumenti Oħra”) fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4 meta dawk il-klassijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u jikkonformaw mal-Artikolu 5.

2.   Il-klassijiet ta’ strumenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-istrumenti ma għandhomx ikunu ggarantiti jew soġġetti għal garanzija li żżid is-senjorità tal-pretensjonijiet tad-detentur;

(b)

meta d-dispożizzjonijiet li jirregolaw strument jippermettu l-konverżjoni tiegħu, dak l-istrument għandu jintuża biss għall-finijiet ta’ għoti ta’ rimunerazzjoni varjabbli meta r-rata jew il-medda ta’ konverżjoni tkun stabbilita f’livell li jiżgura li l-valur tal-istrument li fih l-istrument inizjalment mogħti huwa konvertit ma jkunx ogħla mill-valur tal-istrument mogħti inizjalment fi żmien l-għotja tiegħu bħala rimunerazzjoni varjabbli;

(c)

id-dispożizzjonijiet li jirregolaw strumenti konvertibbli li jintużaw għall-uniku skop ta’ rimunerazzjoni varjabbli għandhom jiżguraw li l-valur tal-istrument li fih l-istrument mogħti inizjalment ġie konvertit ma jkunx ogħla mill-valur, fil-ħin ta’ dik il-konverżjoni mill-istrument mogħti inizjalment;

(d)

id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istrument għandhom jipprevedu li kwalunkwe distribuzzjoni titħallas fuq tal-inqas bażi annwali u titħallas lid-detentur tal-istrument;

(e)

l-istrumenti għandhom jiġu pprezzati bil-valur tagħhom fi żmien l-għoti tal-istrument, skont l-istandard kontabilistiku applikabbli;

(f)

id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istrumenti maħruġin għall-uniku skop ta’ rimunerazzjoni varjabbli għandhom jeħtieġu t-twettiq ta’ valwazzjoni skont l-istandard kontabilistiku applikabbli f’każ li l-istrument jinfeda, jiġi eżerċitat, riakkwistat jew konvertit.

Għall-finijiet tal-punt (e), il-valwazzjoni għandha tkun soġġetta għal rieżami indipendenti.

Artikolu 2

Kundizzjonijiet għall-klassijiet tal-istrumenti tal-Grad 1 Addizzjonali

Il-klassijiet tal-istrumenti tal-Grad 1 Addizzjonali għandhom ikunu konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istrument għandhom jispeċifikaw avveniment skattatur għall-fini tal-Artikolu 9(2), il-punt (e)(iii), tar-Regolament (UE) 2019/2033;

(b)

l-avveniment skattatur imsemmi fil-punt (a) iseħħ meta l-proporzjon tal-kapital ta’ Grad 1 ta’ Ekwità Komuni tad-ditta tal-investiment li toħroġ l-istrument jaqa’ taħt xi waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

7 % tal-prodott ta’ 12,5 immultiplikat bir-rekwiżiti ta’ fondi proprji kkalkulati f’konformità mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2019/2033;

(ii)

livell ogħla minn dak speċifikat fil-punt (i), meta ddeterminat mid-ditta tal-investiment jew mill-istituzzjoni li toħroġ l-istrument u speċifikat fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istrument;

(c)

ikun issodisfat wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

l-istrumenti jinħarġu għall-uniku skop li jingħataw bħala rimunerazzjoni varjabbli u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istrument jiżguraw li kwalunkwe distribuzzjoni titħallas b’rata li hija konsistenti mar-rati tas-suq għal strumenti simili maħruġin mid-ditta tal-investiment jew mid-ditti tal-investiment jew mill-istituzzjonijiet ta’ kwalità tal-kreditu paragunabbli u li fi kwalunkwe każ, fiż-żmien li tingħata r-rimunerazzjoni, ma tkunx ogħla minn 8 punti perċentwali ogħla mir-rata medja annwali tal-bidla għall-Unjoni kif ippubblikata mill-Kummissjoni (Eurostat) fl-Indiċijiet Armonizzati tagħha tal-Prezzijiet għall-Konsumatur ippubblikati skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 (7);

(ii)

fi żmien l-għoti tal-istrumenti bħala rimunerazzjoni varjabbli, tal-inqas 60 % tal-istrumenti maħruġa ma nħarġux bħala għotja ta’ rimunerazzjoni varjabbli u ma humiex miżmuma minn waħda minn dawn li ġejjin jew minn xi impriża li għandha rabtiet mill-qrib ma’ xi waħda minn dawn li ġejjin:

id-ditta tal-investiment jew is-sussidjarji tagħha;

l-impriża prinċipali tad-ditta tal-investiment jew is-sussidjarji tagħha;

il-kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tad-ditta tal-investiment jew is-sussidjarji tagħha;

il-kumpanija azzjonarja ta’ attività mħallta tad-ditta tal-investiment jew is-sussidjarji tagħha;

il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta tad-ditta tal-investiment u s-sussidjarji tagħha.

Għall-fini tal-punt (i), meta l-istrumenti jingħataw lil membri tal-persunal li jwettqu s-sehem predominanti tal-attivitajiet professjonali tagħhom barra l-Unjoni u l-istrumenti jkunu denominati f’munita maħruġa minn pajjiż terz, id-ditti tal-investiment jistgħu jużaw indiċi simili kkalkolat b’mod indipendenti tal-prezzijiet għall-konsumatur fir-rigward ta’ dak il-pajjiż terz.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet għall-klassijiet tal-istrumenti tal-Grad 2

Il-klassijiet tal-istrumenti tal-Grad 2 għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

fi żmien l-għotja tal-istrumenti bħala rimunerazzjoni varjabbli, il-perjodu li jifdal qabel il-maturità tal-istrumenti għandu jkun daqs jew jaqbeż is-somma tal-perjodi ta’ differiment u l-perjodi ta’ żamma li japplikaw għal rimunerazzjoni varjabbli fir-rigward tal-għoti ta’ dawk l-istrumenti;

(b)

id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istrument jipprevedu li, malli jseħħ avveniment skattatur, l-ammont prinċipali tal-istrumenti għandu jitniżżel fil-valur fuq bażi permanenti jew temporanja jew l-istrument għandu jiġi konvertit fi strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni;

(c)

l-avveniment skattatur imsemmi fil-punt (b) iseħħ meta l-proporzjon tal-kapital ta’ Grad 1 ta’ Ekwità Komuni tad-ditta tal-investiment li toħroġ l-istrument jaqa’ taħt waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

7 % tal-prodott ta’ 12,5 immultiplikat bir-rekwiżiti ta’ fondi proprji kkalkulati f’konformità mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2019/2033;

(ii)

livell ogħla minn dak speċifikat fil-punt (i), meta ddeterminat mid-ditta tal-investiment jew mill-istituzzjoni li toħroġ l-istrument u speċifikat fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istrument;

(d)

wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2, il-punt (c) jiġi ssodisfat.

Artikolu 4

Kundizzjonijiet għall-klassijiet ta’ Strumenti Oħra

1.   Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1), il-punt (c) ta’ dan ir-Regolament, Strumenti Oħra jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(1), il-punt (j)(iii), tad-Direttiva (UE) 2019/2034 f’kull wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

l-Istrumenti Oħra jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

l-Istrumenti Oħra huma marbutin ma’ strument tal-Grad 1 Addizzjonali jew strument tal-Grad 2 u jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu;

(c)

l-Istrumenti Oħra huma marbutin ma’ strument li jkun strument tal-Grad 1 Addizzjonali jew strument tal-Grad 2 iżda għall-fatt li huwa maħruġ minn impriża prinċipali tad-ditta tal-investiment li hija barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-konsolidazzjoni skont l-Ewwel Parti, it-Titolu II, il-Kapitolu 2, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Istrumenti Oħra jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4.

2.   Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), huma dawn li ġejjin:

(a)

l-Istrumenti Oħra għandhom jinħarġu direttament jew minn ditta ta’ investiment, istituzzjoni jew istituzzjoni finanzjarja inkluża fl-ambitu tal-konsolidazzjoni skont l-Ewwel Parti, it-Titolu II, il-Kapitolu 2, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2019/2033, dment li bidla fil-kwalità tal-kreditu tal-emittent tal-istrument tista’ tkun raġonevolment mistennija li twassal għal bidla simili fil-kwalità tal-kreditu tad-ditta tal-investiment billi jintużaw l-Istrumenti Oħra għall-fini ta’ rimunerazzjoni varjabbli;

(b)

id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-Istrumenti Oħra ma jagħtux id-dritt lid-detentur li jħaffef il-pagament skedat tad-distribuzzjonijiet jew il-kapital ħlief fil-każ tal-insolvenza jew tal-likwidazzjoni tal-istituzzjoni jew tad-ditta tal-investiment li toħroġ dak l-istrument;

(c)

fi żmien l-għoti tal-Istrumenti Oħra bħala rimunerazzjoni varjabbli, il-perjodu li jifdal qabel il-maturità tal-Istrumenti Oħra huwa daqs jew jaqbeż is-somma tal-perjodi ta’ differiment u l-perjodi ta’ żamma li japplikaw fir-rigward tal-għoti ta’ dawk l-istrumenti;

(d)

id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istrument jipprevedu li, malli jseħħ avveniment skattatur, l-ammont prinċipali tal-istrumenti għandu jitniżżel fil-valur fuq bażi permanenti jew temporanja jew l-istrument għandu jiġi konvertit fi strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni;

(e)

l-avveniment skattatur imsemmi fil-punt (d) iseħħ meta l-proporzjon tal-kapital ta’ Grad 1 ta’ Ekwità Komuni tal-istituzzjoni jew tad-ditta tal-investiment li toħroġ l-istrument jaqa’ taħt xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

fil-każ ta’ ditta tal-investiment li toħroġ l-istrumenti, 7 % tal-prodott ta’ 12,5 immultiplikat bir-rekwiżiti ta’ fondi proprji kkalkulati f’konformità mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2019/2033;

(ii)

fil-każ ta’ istituzzjoni li toħroġ l-istrumenti, 7 % tal-proporzjon tal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni tal-istituzzjoni li toħroġ l-istrument;

(iii)

livell ogħla minn dak speċifikat fil-punti (i) jew (ii), fejn iddeterminat mid-ditta tal-investiment jew mill-istituzzjoni li toħroġ l-istrument u speċifikat fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istrument;

(f)

wieħed mir-rekwiżiti fl-Artikolu 2, il-punt (c), jiġi ssodisfat.

3.   Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), huma dawn li ġejjin:

(a)

l-Istrumenti Oħra jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 2, il-punti (a) sa (e);

(b)

l-Istrumenti Oħra huma marbutin ma’ strument tal-Grad 1 Addizzjonali jew tal-Grad 2 maħruġin minn entità fi ħdan l-ambitu tal-konsolidazzjoni skont l-Ewwel Parti, it-Titolu II, il-Kapitolu 2, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2019/2033 (l-“istrument ta’ referenza”);

(c)

fi żmien l-għoti tal-istrument bħala rimunerazzjoni varjabbli, l-istrument ta’ referenza jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 2, il-punti (c) u (f);

(d)

il-valur ta’ Strument Ieħor huwa marbut mal-istrument ta’ referenza b’tali mod li qatt ma jkun ikbar mill-valur tal-istrument ta’ referenza;

(e)

il-valur ta’ kwalunkwe distribuzzjoni mħallsa wara l-vestiment tal-Istrument l-Ieħor huwa marbut mal-istrument ta’ referenza b’tali mod li d-distribuzzjonijiet imħallsin qatt ma jkunu ikbar mill-valur ta’ kwalunkwe distribuzzjoni mħallsa taħt l-istrument ta’ referenza;

(f)

id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-Istrumenti Oħra jipprovdu li jekk l-istrument ta’ referenza jiġi eżerċitat, konvertit, riakkwistat jew jinfeda fi ħdan il-perjodu ta’ differiment jew żamma, l-Istrumenti Oħra għandhom jintrabtu ma’ strument ta’ referenza ekwivalenti li jissodisfa l-kundizzjonijiet f’dan l-Artikolu b’tali mod li l-valur totali tal-Istrumenti Oħra ma jiżdiedx.

4.   Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c), huma dawn li ġejjin:

(a)

l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddeterminaw għall-finijiet tal-Artikolu 55 tad-Direttiva (UE) 2019/2034 jew tal-Artikolu 127 tad-Direttiva 2013/36/UE li d-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni li toħroġ l-istrument li miegħu huma marbuta l-Istrumenti Oħra hija soġġetta għal superviżjoni konsolidata minn awtorità superviżorja ta’ pajjiż terz li hija ekwivalenti għal dik irregolata mill-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/2034 fil-każ li l-emittent ikun ditta tal-investiment li tinsab f’pajjiż terz jew fid-Direttiva 2013/36/UE fil-każ li l-emittent ikun istituzzjoni li tinsab f’pajjiż terz u r-rekwiżiti tal-Ewwel Parti, it-Titolu II, il-Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

l-Istrumenti Oħra jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, il-punt (a) u l-punti (c) sa (f).

Artikolu 5

Proċeduri ta’ tniżżil fil-valur, tlugħ fil-valur u konverżjoni

1.   Għall-fini tal-Artikolu 3, il-punt (b), u l-Artikolu 4(2), il-punt (d), id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istrumenti tal-Grad 2 u Strumenti Oħra għandhom ikunu konformi mal-proċeduri u t-twaqqit stipulati fil-paragrafi 2 sa 14 ta’ dan l-Artikolu għall-kalkolu tal-proporzjon tal-kapital ta’ Grad 1 ta’ Ekwità Komuni u l-ammonti li jridu jitniżżlu fil-valur, jittellgħu fil-valur jew jiġu konvertiti. Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istrumenti tal-Grad 1 Addizzjonali għandhom jikkonformaw mal-proċeduri stipulati fil-paragrafu 9 u l-paragrafu 13, il-punt (c) ta’ dan l-Artikolu fir-rigward tal-ammonti li jridu jitniżżlu fil-valur, jittellgħu fil-valur jew jiġu konvertiti.

2.   Meta d-dispożizzjonijiet li jirregolaw Strumenti tal-Grad 2 u Strumenti Oħra jeħtieġu li l-istrumenti jiġu konvertiti fi strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni wara li jseħħ avveniment skattatur, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jispeċifikaw waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

ir-rata ta’ dik il-konverżjoni u limitu fuq l-ammont permess ta’ konverżjoni;

(b)

medda li fiha l-istrumenti se jikkonvertu fi strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni.

3.   Meta d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istrumenti jipprevedu li l-ammont prinċipali tagħhom għandu jitniżżel fil-valur meta jseħħ avveniment skattatur, it-tniżżil fil-valur għandu jnaqqas b’mod permanenti jew temporanju dawn kollha li ġejjin:

(a)

il-pretensjoni tad-detentur tal-istrument fl-insolvenza jew il-likwidazzjoni tal-istituzzjoni jew tad-ditta tal-investiment li toħroġ l-istrument;

(b)

l-ammont li jrid jitħallas fil-każ tal-eżerċitar jew tat-tifdija tal-istrument;

(c)

id-distribuzzjonijiet li saru fuq l-istrument.

4.   Kwalunkwe distribuzzjoni pagabbli wara tniżżil fil-valur għandha tkun imsejsa fuq l-ammont imnaqqas tal-kapital.

5.   Tniżżil fil-valur jew konverżjoni tal-istrumenti għandhom, skont il-qafas kontabilistiku applikabbli, jiġġeneraw entrati li jikkwalifikaw bħala entrati tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni.

6.   Meta d-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni li toħroġ l-istrument tkun stabbiliet li l-proporzjon tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni jkun niżel taħt il-livell li jniedi l-konverżjoni jew it-tniżżil fil-valur tal-istrument, il-korp maniġerjali jew kwalunkwe korp rilevanti ieħor tad-ditta tal-investiment jew tal-istituzzjoni li toħroġ l-istrument għandu jkun meħtieġ jiddetermina bla dewmien li seħħ avveniment skattatur u għandu jkun hemm obbligu irrevokabbli ta’ tniżżil fil-valur jew konverżjoni tal-istrument.

7.   L-ammont aggregat tal-istrumenti li huma meħtieġa li jitniżżel il-valur tagħhom jew li jiġu konvertiti meta jseħħ avveniment skattatur ma għandux ikun inqas mill-inqas wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-ammont meħtieġ biex il-proporzjon tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni tad-ditta tal-investiment jew tal-istituzzjoni li toħroġ l-istrument jitreġġa’ lura bis-sħiħ għall-perċentwal stabbilit bħala l-avveniment skattatur fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istrument;

(b)

l-ammont tal-kapital sħiħ tal-istrument.

8.   Meta jseħħ avveniment skattatur:

(a)

id-ditta tal-investiment għandha tinforma lill-membri tal-persunal li jkunu ngħataw l-istrumenti bħala rimunerazzjoni varjabbli u lill-persuni li jkunu għadhom qed iżommu tali strumenti;

(b)

id-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni li toħroġ l-istrument għandha tniżżel il-valur tal-ammont ta’ kapital tal-istrumenti, jew tikkonverti l-istrumenti fi strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni malajr kemm jista’ jkun u fi żmien perjodu massimu ta’ xahar skont ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu.

9.   Meta strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali, strumenti tal-Grad 2 u Strumenti Oħra jinkludu livell skattatur identiku, l-ammont ta’ kapital għandu jitniżżel fil-valur jew jiġi konvertit fuq bażi pro rata għad-detenturi kollha tat-tali strumenti li jintużaw għall-finijiet ta’ rimunerazzjoni varjabbli.

10.   L-ammont tal-istrument li jrid jitniżżel fil-valur jew jiġi konvertit għandu jkun soġġett għal reviżjoni indipendenti. Dik ir-reviżjoni għandha titlesta malajr kemm jista’ jkun u ma għandhiex toħloq xkiel għat-tniżżil fil-valur jew biex jiġi konvertit l-istrument.

11.   Ditta tal-investiment jew istituzzjoni li toħroġ strumenti li jikkonvertu għal Grad 1 ta’ Ekwità Komuni meta jseħħ avveniment skattatur għandha tkun meħtieġa tiżgura li l-kapital azzjonarju awtorizzat tagħha jibqa’ biżżejjed il-ħin kollu biex jikkonverti t-tali strumenti konvertibbli kollha f’ishma jekk iseħħ avveniment skattatur. Id-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni għandha tkun meħtieġa żżomm il-ħin kollu l-awtorizzazzjoni minn qabel meħtieġa biex toħroġ l-istrumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni li fihom jiġu konvertiti t-tali strumenti meta jseħħ avveniment skattatur.

12.   Ditta tal-investiment jew istituzzjoni li toħroġ l-istrumenti li jikkonvertu fi Grad 1 ta’ Ekwità Komuni meta jseħħ avveniment skattatur għandha tkun meħtieġa tiżgura li ma jkun hemm l-ebda xkiel proċedurali għal dik il-konverżjoni minħabba l-inkorporazzjoni tagħha jew statuti jew arranġamenti kuntrattwali.

13.   Sabiex it-tniżżil fil-valur ta’ strument jitqies temporanju, għandhom jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

it-tlugħ fil-valur għandu jkun ibbażat fuq profitti wara li l-emittent tal-istrument ikun ħa deċiżjoni formali li tikkonferma l-profitti finali;

(b)

kwalunkwe tlugħ fil-valur tal-istrument jew pagament ta’ kupuni fuq l-ammont imnaqqas tal-kapital għandu jiġi mħaddem bid-diskrezzjoni sħiħa tad-ditta tal-investiment jew tal-istituzzjoni li toħroġ l-istrument soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (c), (d), u (e) u d-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ma għandhiex tkun obbligata li topera jew li tħaffef tlugħ fil-valur taħt ċirkostanzi speċifiċi;

(c)

it-tlugħ fil-valur għandu jkun operat fuq bażi prorata fost strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali, strumenti tal-Grad 2 u Strumenti Oħra użati għall-fini ta’ rimunerazzjoni varjabbli li kienu soġġetti għal tniżżil fil-valur;

(d)

l-ammont massimu li għandu jiġi attribwit għas-somma tat-tlugħ fil-valur tal-Istrumenti tal-Grad 2 u ta’ Strumenti Oħra flimkien mal-pagament ta’ kupuni fuq l-ammont imnaqqas tal-kapital għandu jkun daqs il-profitt tad-ditta tal-investiment jew tal-istituzzjoni mmultiplikat bl-ammont miksub bid-diviżjoni tal-ammont determinat fil-punt (i) bl-ammont determinat fil-punt (ii):

(i)

is-somma tal-ammont nominali tal-istrumenti kollha tal-Grad 2 u Strumenti Oħra tad-ditta tal-investiment qabel it-tniżżil fil-valur li kienu soġġetti għal tniżżil fil-valur;

(ii)

is-somma tal-fondi proprji u tal-ammont nominali tal-Istrumenti Oħra użati għall-fini ta’ rimunerazzjoni varjabbli tad-ditta tal-investiment;

(e)

is-somma ta’ kwalunkwe ammont ta’ tlugħ fil-valur u kwalunkwe pagament ta’ kupuni fuq l-ammont imnaqqas tal-kapital għandha tiġi ttrattata bħala pagament li jirriżulta fi tnaqqis tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni u għandha tkun:

(i)

konsistenti maż-żamma ta’ bażi kapitali soda ta’ ditta tal-investiment,

(ii)

fejn applikabbli, konsistenti mal-ħruġ f’waqtu tagħha minn appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju, u

(iii)

fejn applikabbli, limitat għal porzjon tad-dħul nett meta d-ditta tal-investiment tibbenefika minn appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju.

14.   Għall-finijiet tal-paragrafu 13, il-punt (d), il-kalkolu għandu jsir fil-mument meta jsir it-tlugħ fil-valur.

Artikolu 6

Arranġamenti alternattivi

Arranġamenti alternattivi li jistgħu jintużaw minn ditti tal-investiment għall-ħlas ta’ rimunerazzjoni varjabbli skont l-Artikolu 32(1), il-punt (k), tad-Direttiva (UE) 2019/2034, soġġetti għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti, għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-arranġament alternattiv jikkontribwixxi għall-allinjament tar-rimunerazzjoni varjabbli mal-interessi fit-tul-tad-ditta tal-investiment, tal-kredituri u tal-klijenti tagħha;

(b)

l-arranġament alternattiv huwa soġġett għal politika ta’ żamma mfassla biex tallinja l-inċentivi tal-individwu mal-interessi aktar fit-tul tad-ditta tal-investiment, tal-kredituri u tal-klijenti tagħha, il-perjodu ta’ żamma għandu jkun mill-inqas sitt xhur;

(c)

l-ammont riċevut taħt arranġament alternattiv u l-kundizzjonijiet applikabbli huma dokumentati sew u trasparenti għall-membru tal-persunal li jirċievi rimunerazzjoni varjabbli skont tali arranġament;

(d)

għal ammonti riċevuti taħt arranġamenti ta’ differiment u żamma, l-arranġament alternattiv jiżgura li l-persunal ma jkunx jista’ jaċċessa, jittrasferixxi jew jifdi l-parti differita tar-rimunerazzjoni varjabbli matul tali perjodi;

(e)

l-arranġament alternattiv ma jipprevedix iż-żieda fil-valur tar-rimunerazzjoni varjabbli riċevuta matul il-perjodi ta’ differiment permezz ta’ pagamenti ta’ imgħax jew arranġamenti simili oħrajn għajr minn arranġamenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (f);

(f)

meta l-arranġament alternattiv jippermetti bidliet determinati minn qabel tal-valur riċevut bħala rimunerazzjoni varjabbli matul il-perjodi ta’ differiment u żamma, abbażi tal-prestazzjoni tad-ditta tal-investiment jew tal-assi li timmaniġġa, għandhom jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

il-bidla fil-valur hija bbażata fuq indikaturi tal-prestazzjoni predefiniti li huma bbażati fuq il-kwalità tal-kreditu tad-ditta tal-investiment jew fuq il-prestazzjoni tal-assi li timmaniġġa;

(ii)

meta d-differiment u ż-żamma jridu jiġu applikati, il-bidliet fil-valur jenħtieġ li jiġu kkalkulati mill-inqas darba fis-sena u fi tmiem il-perjodu ta’ żamma;

(iii)

ir-rata ta’ bidliet possibbli fil-valur pożittivi u negattivi jenħtieġ li tkun ibbażata bl-istess mod fuq il-livell ta’ bidliet pożittivi jew negattivi fil-kwalità tal-kreditu jew fuq il-prestazzjoni mkejla;

(iv)

meta t-tibdil fil-valur skont il-punt (i) ikun ibbażat fuq il-prestazzjoni tal-assi li timmaniġġa, il-perċentwal tat-tibdil fil-valur ikun limitat għall-perċentwal tal-bidla fil-valur tal-assi li timmaniġġa;

(v)

meta t-tibdil fil-valur skont il-punt (i) ikun ibbażat fuq il-kwalità tal-kreditu tad-ditta tal-investiment, il-perċentwal tal-bidla fil-valur ikun limitat għall-perċentwal tad-dħul gross totali annwali fir-rigward tat-total tal-fondi proprji tad-ditti tal-investiment;

(g)

l-arranġament alternattiv ma jfixkilx l-applikazzjoni tal-Artikolu 32(1), il-punt (m), tad-Direttiva (UE) 2019/2034.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ħames jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 314, 5.12.2019, p. 64.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(5)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta’ Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1).