10.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 396/10


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1934

tat-30 ta’ Lulju 2021

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-oriġini tal-merkanzija

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 62 u 65 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jistabbilixxi regoli għad-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija. Skont il-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu, merkanzija miksuba kompletament f’pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies li toriġina f’dak il-pajjiż jew territorju. Sabiex jiġi ċċarat kif tiġi ddeterminata l-oriġini mhux preferenzjali ta’ prodotti veġetali li għandhom jitqiesu bħala miksuba kompletament f’pajjiż jew territorju wieħed, huwa meħtieġ li jiġi emendat l-Artikolu 31, punt (b) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (2) biex jiġi speċifikat li l-prodotti veġetali mhux biss iridu jkunu nħasdu, iżda wkoll imkabbra biss fil-pajjiż jew territorju rilevanti.

(2)

Sabiex tiġi allinjata d-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-prodotti li l-operazzjonijiet tal-ipproċessar jew tax-xogħol tagħhom mhumiex ekonomikament ġustifikati, koperti jew mhux mill-Anness 22–01 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446, jeħtieġ li jiġi emendat it-tielet paragrafu tal-Artikolu 33 ta’ dak ir-Regolament, biex jiġi speċifikat li l-kriterju dwar id-determinazzjoni tal-porzjon ewlieni tal-materjali użati jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-piż jew fuq il-valur tal-materjali msemmija. L-ispeċifikazzjoni jenħtieġ li ssir skont il-Kapitolu tan-Nomenklatura tas-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, adottata mill-Organizzazzjoni mwaqqfa mill-Konvenzjoni li tistabbilixxi Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, magħmula fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950 (Sistema Armonizzata).

(3)

Skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446, operazzjonijiet minimi mhumiex meqjusa bħala pproċessar jew ħidma sostanzjali, ekonomikament ġustifikati għall-finijiet tal-għoti ta’ oriġini mhux preferenzjali. Għalhekk, f’każijiet fejn l-aħħar trasformazzjoni tal-merkanzija tikkonsisti f’operazzjoni minima, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit metodu li jippermetti d-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija kkonċernata. Jenħtieġ li l-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 jiġi ssupplimentat biex jistabbilixxi li tali merkanzija jenħtieġ li titqies li tkun saritilha l-aħħar ħidma jew ipproċessar sostanzjali fil-pajjiż jew fit-territorju minn fejn oriġinat il-biċċa l-kbira tal-materjali, fuq il-bażi tal-piż jew tal-valur tal-materjali, kif xieraq skont il-Kapitolu tas-Sistema Armonizzata.

(4)

Skont l-Artikolu 35(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446, l-ispare parts essenzjali għall-użu mal-oġġetti elenkati f’Taqsimiet speċifiċi tan-Nomenklatura Magħquda li qabel kienu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni għandhom jitqiesu li għandhom l-istess oriġini bħal dik il-merkanzija jekk l-inkorporazzjoni tal-ispare parts essenzjali fl-istadju tal-produzzjoni ma tkunx biddlet l-oriġini tagħhom. Għal raġunijiet ta’ konsistenza, id-definizzjoni ta’ “spare parts essenzjali” fl-Artikolu 35(3) ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li tiġi emendata biex titneħħa r-referenza għal merkanzija li qabel kienet esportata fil-punt (a) ta’ dik id-dispożizzjoni.

(5)

L-Anness 22-01 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 jistabbilixxi regoli speċifiċi biex jiġi ddeterminat il-pajjiż fejn ċerta merkanzija tkun saritilha l-aħħar trasformazzjoni sostanzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament. Ir-regoli previsti f’dak l-Anness għandhom jiġu applikati għall-oġġetti elenkati fih abbażi tal-klassifikazzjoni tagħhom fis-Sistema Armonizzata. Peress li s-Sistema Armonizzata ġiet emendata fil-verżjoni tagħha tal-2022, jenħtieġ li l-Anness 22-01 jiġi aġġornat kif xieraq.

(6)

L-Anness 22-03 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex il-prodotti jitqiesu li jkunu joriġinaw f’pajjiżi benefiċjarji għall-iskopijiet tas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (“SĠP”). Ir-regoli previsti f’dak l-Anness għandhom jiġu applikati għal dawk il-prodotti b’mod partikolari fuq il-bażi tal-klassifikazzjoni tagħhom fis-Sistema Armonizzata. Peress li s-Sistema Armonizzata ġiet emendata fil-verżjoni tagħha tal-2022, l-Anness 22-03 għandu jiġi aġġornat skont dan.

(7)

L-Anness 22–04 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 jelenka l-materjali esklużi mill-akkumulazzjoni reġjonali fil-kuntest tal-SĠP. Ir-regoli previsti f’dak l-Anness għandhom jiġu applikati għal dawk il-materjali b’mod partikolari abbażi tal-klassifikazzjoni tagħhom fis-Sistema Armonizzata. Peress li s-Sistema Armonizzata ġiet emendata fil-verżjoni tagħha tal-2022, l-Anness 22-04 għandu jiġi aġġornat skont dan.

(8)

Il-verżjoni tas-Sistema Armonizzata tal-2022 se tapplika biss mill-1 ta’ Jannar 2022, u għalhekk l-emendi għall-Annessi 22.01, 22.03 u 22.04 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 li jirriżultaw mill-verżjoni tas-Sistema Armonizzata tal-2022 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2022.

(9)

Għalhekk ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 31, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

(b)

“prodotti veġetali mkabbra u maħsuda hemm;”;

(2)

fl-Artikolu 33, it-tielet paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għal oġġetti mhux koperti mill-Anness 22–01, fejn l-aħħar xogħol jew ipproċessar jitqies li mhux ġustifikat ekonomikament, il-merkanzija għandha titqies li għaddiet mill-aħħar ipproċessar jew xogħol sostanzjali u ekonomikament ġustifikat, li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura, fil-pajjiż jew territorju fejn oriġina l-parti l-kbira tal-materjali. Meta l-prodott finali għandu jiġi kklassifikat taħt il-Kapitoli 1 sa 29 jew 31 sa 40 tas-Sistema Armonizzata, il-parti l-kbira tal-materjali għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-piż tal-materjali. Meta l-prodott finali għandu jiġi kklassifikat taħt il-Kapitoli 30 jew 41 sa 97 tas-Sistema Armonizzata, il-parti l-kbira tal-materjali għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-valur tal-materjali.”;

(3)

fl-Artikolu 34, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għal oġġetti koperti mill-Anness 22–01, għandhom japplikaw ir-regoli residwi tal-Kapitolu għal dik il-merkanzija. Għal oġġetti mhux koperti mill-Anness 22–01, fejn l-aħħar xogħol jew ipproċessar jitqies bħala operazzjoni minima, l-oriġini tal-prodott finali huwa l-pajjiż jew it-territorju fejn oriġina l-akbar porzjon tal-materjali. Meta l-prodott finali għandu jiġi kklassifikat taħt il-Kapitoli 1 sa 29, jew 31 sa 40 tas-Sistema Armonizzata, il-parti l-kbira tal-materjali għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-piż tal-materjali. Meta l-prodott finali għandu jiġi kklassifikat taħt il-Kapitoli 30 jew 41 sa 97 tas-Sistema Armonizzata, il-parti l-kbira tal-materjali għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-valur tal-materjali.”;

(4)

fl-Artikolu 35(3), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

komponenti li mingħajrhom ma jistax jiġi żgurat it-tħaddim kif suppost ta’ biċċa tagħmir, magna, apparat jew vettura li tqiegħdet f’ċirkolazzjoni libera; kif ukoll”;

(5)

L-Anness 22-01 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(6)

L-Anness 22-03 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(7)

L-Anness 22-04 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punti (5), (6) u (7) tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).


ANNESS I

L-Anness 22-01 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 huwa emendat kif ġej:

(1)

fin-Noti introduttorji, fil-punt 2.1, it-tielet sentenza hija sostitwita b’din li ġejja:

“‘Sistema Armonizzata’ jew ‘SA’ tfisser in-nomenklatura tal-oġġetti ta’ merkanzija stabbilita skont il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, kif emendata bir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali tat-28 ta’ Ġunju 2019 (“SA 2022”).”;

(2)

tul it-test, il-kliem “Kodiċi SA 2017” huwa sostitwit bil-kliem “Kodiċi SA 2022”;

(3)

fit-Taqsima IV, il-Kapitolu 20, il-punt (2) tal-Kapitolu tar-regola residwa applikabbli għat-taħlitiet huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(2)

L-oriġini ta’ taħlita ta’ prodotti ta’ dan il-Kapitolu tkun il-pajjiż tal-oriġini tal-materjali li jammontaw għal aktar minn 50 % skont il-piż tat-taħlita. madankollu, l-oriġini ta’ taħlita ta’ prodotti tal-intestatura 2009 (meraq tal-frott jew tal-ġewż (inkluż il-most tal-għeneb u l-ilma tal-ġewż tal-Indi) u meraq tal-ħxejjex, mhux iffermentati u li ma fihomx spirtu miżjud, kemm jekk fihom zokkor miżjud jew materjal ieħor li jagħmel ħelu jew le) għandha tkun il-pajjiż tal-oriġini tal-materjali li jammontaw għal aktar minn 50 % skont il-piż ta’ materja niexfa tat-taħlita. Il-piż tal-materjali tal-istess oriġini jittieħed flimkien.”;

(4)

fit-Taqsima IV, il-Kapitolu 22, it-test tat-titolu “Regola residwa tal-Kapitolu” fl-aħħar tal-Kapitolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Meta l-pajjiż tal-oriġini ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat bl-applikazzjoni tar-regoli primarji u tar-regola(i) residwa(i) oħra tal-Kapitolu, il-pajjiż tal-oriġini tal-oġġetti jkun il-pajjiż li fih oriġina l-ikbar porzjon tal-materjali, kif determinat abbażi tal-piż tal-materjali.”;

(5)

fit-Taqsima XVI, il-Kapitolu 85, it-tabella, ir-ringiela marbuta mal-Kapitolu “8541”, fil-kolonna “Deskrizzjoni tal-merkanzija”, it-test huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Apparati semikondutturi (eż. dijodi, transistors, transdjusers ibbażati fuq semikondutturi); apparati semikondutturi fotosensittivi, inklużi ċelloli fotovoltajċi assemblati f’moduli jew magħmulin f’pannelli jew le; dijodu li jemetti d-dawl (LED), kemm jekk assemblati b’dijodi li jemettu d-dawl (LED) oħrajn u kemm jekk le; kristalli pjeżoelettriċi immuntati.”.


ANNESS II

L-Anness 22-03 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 huwa emendat kif ġej:

(1)

fin-Noti introduttorji, fil-punt 2.1, it-tielet sentenza hija sostitwita b’din li ġejja:

“‘Sistema Armonizzata’ jew ‘SA’ tfisser in-nomenklatura tal-oġġetti ta’ merkanzija stabbilita skont il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, kif emendata bir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali tat-28 ta’ Ġunju 2019 (“SA 2022”).”;

(2)

fit-Titolu tal-kolonna 1 tat-tabella fil-Parti II tal-Anness, il-kliem “intestatura tas-Sistema Armonizzata” huwa sostitwit bil-kliem “Kodiċi SA 2022”;

(3)

fir-ringiela għall-Kapitolu “0305”, it-test fil-kolonna “Deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Ħut, imnixxef, immellaħ jew fis-salmura; ħut affumikat, kemm jekk imsajjar qabel jew matul il-proċess tal-affumikar u kemm jekk le.”.

(4)

fir-ringiela għall-Kapitolu “0306”, it-test fil-kolonna “Deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Krustaċji, kemm jekk fil-qoxra u kemm jekk le, imnixxfin, immellħin jew fis-salmura; krustaċji affumikati, kemm jekk fil-qoxra u kemm jekk le, kemm jekk imsajrin qabel jew matul il-proċess tal-affumikar u kemm jekk le; krustaċji, fil-qoxra, imsajrin bil-fwar jew bit-togħlija fl-ilma, kemm jekk imkessħin, iffriżati, imnixxfin, immellħin, jew fis-salmura”.

(5)

fir-ringiela għall-Kapitolu “0307”, it-test fil-kolonna “Deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Molluski, kemm jekk fil-qoxra u kemm jekk le, ħajjin, friski, imkessħin, iffriżati, imnixxfin, immellħin jew fis-salmura; molluski affumikati, kemm jekk fil-qoxra u kemm jekk le, kemm jekk imsajrin qabel jew matul il-proċess tal-affumikar u kemm jekk le.”.

(6)

bejn ir-ringiela għall-intestatura “0307” u r-ringiela għall-“Kapitolu 4”, jiddaħħlu żewġ ringielai ġidda kif ġej:

“ex 0308

Invertebrati akkwatiċi minbarra krustaċji u molluski, xotti, immellħin jew fis-salmura; invertebrati akkwatiċi affumikati minbarra krustaċji u molluski, imsajjrin jew mhux qabel jew waqt il-proċess ta’ affumikar

Manifattura fejn il-materjali kollha tal-Kapitolu 3 użati jkunu nkisbu għalkollox

ex 0309

Dqiq, frakass jew pellets tal-ħut, tal-krustaċji, tal-molluski jew ta’ invertebrati akkwatiċi oħrajn, tajbin għall-konsum mill-bniedem.

Manifattura fejn il-materjali kollha tal-Kapitolu 3 użati jkunu nkisbu għalkollox”;

(7)

fir-ringiela għall-“eks Kapitolu 15”, it-test fil-kolonna “Deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Xaħmijiet u żjut tal-annimali, veġetali jew mikrobiċi u prodotti mill-qsim tagħhom; xaħmijiet ippreparati tajbin għall-ikel; xemgħat tal-annimali jew veġetali; għajr għal:”;

(8)

fir-ringiela għall-Kapitolu “1516 u 1517”, it-test fil-kolonna “Deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Ix-xaħmijiet u ż-żjut tal-annimali, veġetali jew mikrobiċi u l-frazzjonijiet tagħhom, parzjalment jew kompletament idroġenati, esterifikati bejniethom, riesterifikati jew elajdinizzati, kemm jekk raffinati u kemm jekk le, iżda mhux ippreparati mod ieħor;

Il-marġerina; it-taħlitiet jew il-preparati tajbin għall-ikel tax-xaħmijiet jew taż-żjut tal-annimali, veġetali jew mikrobiċi jew tal-frazzjonijiet ta’ xaħmijiet u żjut differenti ta’ dan il-Kapitolu, għajr ix-xaħmijiet u ż-żjut tajbin għall-ikel jew il-frazzjonijiet tagħhom tal-intestatura 1516”;

(9)

fir-ringiela għall-“Kapitolu 16”, it-test fil-kolonna “Deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Preparati ta’ laħam, ta’ ħut jew ta’ krustaċej, molluski jew invertebrati akkwatiċi oħrajn, jew ta’ insetti”.

(10)

fl-ewwel ringiela għall-“Kapitolu 1702”, it-test fil-kolonna “Deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Zokkor ieħor, inklużi lattożju u glukożju kimikament puri, f’forma solida; ġuleppijiet taz-zokkor li ma fihomx miżjudin ħwawar u materjal li jagħti l-kulur; għasel artifiċjali, kemm jekk imħallat ma’ għasel naturali kif ukoll jekk le; karamella”;

(11)

fir-ringiela għall-Kapitolu “6306”, it-test fil-kolonna “Deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Tarpolini, tined u lqugħ mix-xemx; tined (inkluż il-koperturi temporanji u oġġetti simili); qlugħ għad-dgħajjes, għas-sailboards jew għall-inġenji tal-art; oġġetti tal-ikkampjar”.

(12)

fir-ringiela għall-Kapitolu “8548”, it-test fil-kolonna “Deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

“partijiet tal-elettriku ta’ magni jew apparat, mhux speċifikati jew inklużi banda oħra f’dan il-Kapitolu”;

(13)

bejn ir-ringiela għall-intestatura “8548” u r-ringiela għall-“Kapitolu 86”, tiddaħħal ringiela ġdida kif ġej:

“8549

Skart u skrapp elettriku u elettroniku.

(a)

LTO

Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott

jew

Manifattura fejn il-valur tal-materjali kollha użati ma jaqbiżx il-70 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika

(b)

Pajjiżi benefiċjarji oħrajn

Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott

jew

Manifattura fejn il-valur tal-materjali kollha użati ma jkunx aktar minn 50 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika.”

(14)

fir-ringiela għall-“Kapitolu 94”, it-test fil-kolonna “Deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għamara; friex, saqqijiet, irfid għas-saqqijiet, cushions u arredament simili mimli; “lampi u fittings tat-tidwil mhux speċifikati jew inklużi banda oħra; sinjali mdawlin, pjanċi tal-ismijiet imdawlin u bħalhom; bini prefabbrikat”.


ANNESS III

L-Anness 22-04 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-Titolu tal-ewwel kolonna tat-tabella, il-kliem “Sistema Armonizzata jew kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda” huwa sostitwit bil-kliem “SA 2022 jew Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda”;

(2)

fir-ringiela tas-Sistema Armonizzata jew il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda “2009”, it-test fil-kolonna “Deskrizzjoni tal-materjali” huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-meraq tal-frott jew tal-ġewż (inkluż il-most tal-għeneb u l-ilma tal-ġewż tal-Indi) u l-meraq tal-ħaxix, mhux iffermentat u li ma fihx spirtu miżjud, kemm jekk fih iz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud u kemm jekk le.”.