3.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 387/126


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1903

tad-29 ta’ Ottubru 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/764 dwar it-tariffi u l-imposti li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u l-kundizzjonijiet għall-ħlas tagħhom

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 80(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/764 (2) jistabbilixxi t-tariffi u l-imposti li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (“l-Aġenzija”) għat-twettiq ta’ ċerti attivitajiet u l-forniment ta’ servizzi oħra msemmija fir-Regolament (UE) 2016/796.

(2)

Filwaqt li l-parti l-kbira tal-kostijiet iġġenerati mill-attivitajiet tal-Aġenzija hija koperta mill-baġit tal-UE, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 80(2) tar-Regolament (UE) 2016/796 jeħtieġ li l-Aġenzija timponi tariffi u imposti għall-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet (tat-tip) ta’ vettura, ċertifikati ta’ sikurezza uniċi u approvazzjonijiet tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (“ERTMS”), kif ukoll il-forniment ta’ servizzi oħra. Skont l-Artikolu 80(3) tar-Regolament (UE) 2016/796, l-ammont tat-tariffi u l-imposti għandu jiġi stabbilit f’tali livell sabiex jiġi żgurat li d-dħul fir-rigward tiegħu jkun biżżejjed biex ikopri l-kost sħiħ tal-kompiti mwettqa u tas-servizzi pprovduti mill-Aġenzija.

(3)

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/764, il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-reġim għat-tariffi u l-imposti darba kull sena finanzjarja. Din il-valutazzjoni se tkun ibbażata fuq il-valutazzjoni tar-riżultati finanzjarji preċedenti tal-Aġenzija u fuq l-istima tagħha tan-nefqa u d-dħul fil-futur. Abbażi tal-valutazzjoni tar-riżultati finanzjarji u tat-tbassir tal-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha tirrevedi t-tariffi u l-imposti, jekk ikun meħtieġ. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina r-Regolament bil-ħsieb tal-introduzzjoni progressiva ta’ tariffi fissi sa mhux aktar tard mis-16 ta’ Ġunju 2022.

(4)

Fl-2018, meta ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/764, kien hemm nuqqas ta’ data finanzjarja affidabbli peress li l-Aġenzija kienet għadha ma bdietx tipproċessa l-applikazzjonijiet. Mill-2019, ir-rapporti annwali tal-Aġenzija msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) 2016/796 jistabbilixxu li, fl-eżerċitar tar-rwol tagħha bħala l-awtorità tal-Unjoni responsabbli għall-kompiti ta’ ċertifikazzjoni u awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikoli 14, 20, 21 u 22 tar-Regolament (UE) 2016/796, l-Aġenzija tesperjenza żbilanċ negattiv sinifikanti u rikorrenti fil-baġit tagħha. Dan l-iżbilanċ jirriżulta mil-livell insuffiċjenti ta’ tariffi u imposti li jiġu imposti f’konformità mal-Artikolu 80(2) tar-Regolament (UE) 2016/796 biex jiġu kkumpensati l-kostijiet marbuta mal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u l-forniment ta’ servizzi.

(5)

Sabiex l-Aġenzija tkopri l-kostijiet għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, il-baġit tal-Unjoni kellu jkopri dawn il-kostijiet parzjalment. Barra minn hekk, sabiex tibbilanċja l-baġit tagħha, l-Aġenzija kellha tnaqqas b’mod sever l-attivitajiet minbarra dawk li huma ffinanzjati minn tariffi u imposti. Skont id-dokumenti uniċi ta’ programmazzjoni annwali tal-Aġenzija, it-tbassir għall-2021 u l-2022 jimplika sitwazzjoni finanzjarja simili fil-futur. Għalhekk hija meħtieġa reviżjoni tar-reġim tat-tariffi u l-imposti tal-Aġenzija.

(6)

Jidher li huwa meħtieġ li tiżdied ir-rata fis-siegħa, li bħalissa hija iktar baxxa mill-kost fis-siegħa mġarrab mill-Aġenzija fit-twassil tad-deċiżjonijiet lill-applikanti għall-awtorizzazzjonijiet, għaċ-ċertifikati u għall-approvazzjonijiet. Għalhekk, ir-rati definiti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/764 jenħtieġ li jiġu riveduti biex ikopru l-kost annwali mġarrab mill-Aġenzija għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u biex il-one-stop shop (“OSS”) isir disponibbli għall-applikanti kollha li jindirizzaw lill-Aġenzija għall-awtorizzazzjonijiet Ewropej tal-vetturi, għaċ-ċertifikati ta’ sikurezza uniċi u għall-approvazzjonijiet tal-proġetti tal-ERTMS.

(7)

L-Aġenzija kienet qed timponi tariffi u imposti b’mod esklużiv, b’rata fis-siegħa kkalkulata abbażi tal-ħin iddedikat biex tieħu d-deċiżjonijiet tagħha u tipprovdi s-servizzi tagħha. Jenħtieġ li jiġi introdott reġim ta’ tariffi fissi biex ikompli jitnaqqas il-piż amministrattiv u biex tiġi msaħħa l-prevedibbiltà tal-kost previst għal kull applikazzjoni għall-benefiċċju tal-partijiet kollha involuti. Barra minn hekk, mill-2019, l-Aġenzija kisbet l-esperjenza u stabbiliet metodoloġija robusta biżżejjed biex jiġi kkalkulat il-kost medju għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet individwali. Għalhekk, jenħtieġ li t-tariffi fissi japplikaw għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet li jikkonċernaw vettura jew serje ta’ vetturi meqjusa li huma konformi ma’ tip ta’ vettura awtorizzat qabel skont l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(8)

L-OSS mingħajr ħlas jiġġenera kostijiet konsiderevoli ta’ żamma u żvilupp. Għalhekk, jenħtieġ li t-tariffi jitħallsu wkoll għall-użu tal-OSS meta d-destinatarju tal-applikazzjonijiet sottomessi lill-OSS tkun l-Aġenzija. It-tariffi jenħtieġ li jitħallsu mill-applikanti b’rati fissi, skont l-impatt tal-applikazzjonijiet fuq il-faċilità tal-OSS f’termini ta’ dokumenti mtellgħin u maħżuna, funzjonalitajiet sfruttati u skambji miżmuma anke fi proporzjon mal-kost ġenerali stmat tad-deċiżjoni rilevanti. Barra minn hekk, meta l-applikazzjoni għal konformità mat-tip ta’ vettura tiġi sottomessa lill-Aġenzija, jenħtieġ li t-tariffa għall-użu tal-OSS issir parti integrali mit-tariffa ġenerali għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet ta’ vetturi soġġetti għal tariffi fissi.

(9)

Jenħtieġ li t-tariffi u l-imposti jirriflettu s-sitwazzjoni speċifika tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi applikat tnaqqis speċifiku.

(10)

Il-kriterji u l-metodoloġija kollha għad-definizzjoni tal-livell ta’ tariffi u imposti huma bbażati fuq il-prinċipju li d-dħul fir-rigward tagħhom jenħtieġ li jkopri l-kost sħiħ tas-servizzi pprovduti, filwaqt li jiġi evitat defiċit jew akkumulazzjoni sinifikanti ta’ surplus, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 80(3) tar-Regolament (UE) 2016/796.

(11)

L-esperjenza fl-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/764 uriet li l-kundizzjonijiet tal-ħlas tat-tariffi u l-imposti jenħtieġ li jiġu modernizzati u aġġustati biex jiġi mmitigat ir-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas mill-applikanti li l-kapaċità finanzjarja tagħhom tkun f’riskju u mill-applikanti stabbiliti f’pajjiżi terzi, li kontrihom l-Aġenzija ma għandhiex salvagwardji adegwati għall-infurzar legali. Huwa xieraq li l-Aġenzija tiffattura l-ammonti li għandhom jitħallsu kmieni fil-proċess tal-applikazzjoni, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ ħlas tard jew nuqqas ta’ ħlas. Hija għandha tagħti għażliet ta’ ħlas online.

(12)

Peress li t-tariffi u l-imposti jirriflettu l-aktar in-nefqa tal-Aġenzija għall-persunal u n-nefqa diretta assoċjata relatata mal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 80(2) tar-Regolament (UE) 2016/796, l-ammonti rilevanti jenħtieġ li jiġu indiċjati mill-Aġenzija darba kull sena finanzjarja biex jiġu meqjusa r-rata tal-inflazzjoni u l-aġġornament annwali tar-remunerazzjoni tal-persunal tal-Aġenzija, abbażi ta’ data affidabbli.

(13)

L-Aġenzija jenħtieġ li tħaddan bis-sħiħ il-kosteffiċjenza u għaldaqstant, tipprova ttejjeb il-proċessi applikati kontinwament, biex twettaq il-kompiti imposti fuqha skont ir-Regolament (UE) 2016/796, u b’mod partikolari taqbel mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompiti u r-riżorsi disponibbli. B’dan il-mod, jenħtieġ li twettaq Żona Ferrovjarja Ewropea verament Unika u jenħtieġ li tqis l-għanijiet tal-politika ferrovjarja tal-UE għal mobbiltà aktar sostenibbli u intelliġenti kif ukoll settur ferrovjarju innovattiv, sikur, b’saħħtu u kompletament interoperabbli.

(14)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/764 jiġi emendat skont dan.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 51 tad-Direttiva (UE) 2016/797,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/764 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi t-tariffi u l-imposti li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (“l-Aġenzija”) għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet skont l-Artikoli 14, 20, 21, u 22 tar-Regolament (UE) 2016/796, inkluż għall-użu minn applikant tal-one-stop shop (“OSS”) previst fl-Artikolu 12 ta’ dak ir-Regolament għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet lill-Aġenzija, u għall-forniment ta’ servizzi oħrajn f’konformità mal-objettivi li għalihom ġiet stabbilita l-Aġenzija. Jispeċifika wkoll il-metodu li għandu jintuża għall-kalkolu ta’ dawk it-tariffi u l-imposti u l-kundizzjonijiet tal-ħlas.”;

(2)

l-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Tipi ta’ tariffi u imposti li jiġu imposti mill-Aġenzija

1.   L-Aġenzija għandha timponi tariffi:

(a)

għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet permezz tal-OSS lill-Aġenzija, jekk dawk ma jkunux inklużi fit-tariffi fissi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet;

(b)

għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet sottomessi lill-Aġenzija, inkluż għall-ħruġ tal-istimi msemmija fl-Artikolu 4 jew fejn applikazzjoni sussegwentement tiġi rtirata mill-applikant;

(c)

meta l-Aġenzija ġġedded, tillimita, temenda jew tirrieżamina deċiżjoni maħruġa f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/798 jew mad-Direttiva (UE) 2016/797.

L-Aġenzija tista’ timponi tariffi fejn tirrevoka awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq minħabba nonkonformità stabbilita b’mod sussegwenti mar-rekwiżiti essenzjali ta’ vettura li qed tintuża jew tip ta’ vettura f’konformità mal-Artikolu 26 tad-Direttiva (UE) 2016/797, jew minħabba li detentur ta’ ċertifikat ta’ sikurezza uniku ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 17(5) u (6) tad-Direttiva 2016/798.

2.   L-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, għandhom ikopru:

(a)

awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ vetturi u ta’ tipi ta’ vetturi f’konformità mal-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament (UE) 2016/796 minbarra dawk speċifikati fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu;

(b)

awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ vettura jew serje ta’ vetturi li jkunu konformi ma’ tip ta’ vettura awtorizzat skont l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797;

(c)

ċertifikati ta’ sikurezza uniċi f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/796;

(d)

deċiżjonijiet għall-approvazzjoni tal-konformità tal-interoperabbiltà ta’ soluzzjoni ta’ tagħmir maġenb il-binarji tal-ERTMS mat-TSI rilevanti f’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2016/796;

(e)

applikazzjonijiet ta’ impenn preliminari f’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/545 u l-Artikoli 2(3) u 4(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2018/763;

(f)

appelli msemmija fl-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2016/796, f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-Aġenzija għandha timponi imposti għall-forniment ta’ servizzi li ma jissemmewx fil-paragrafu 1, mitluba minn applikant jew kwalunkwe persuna jew entità oħra.

4.   L-Aġenzija għandha tippubblika lista tas-servizzi fuq is-sit web tagħha.”;

(3)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Kalkolu tat-tariffi, l-imposti u t-tariffi fissi imposti mill-Aġenzija

1.   L-ammont ta’ tariffi għall-użu tal-OSS għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet lill-Aġenzija msemmija fil-punti (a), (c), (d) u (e) tal-Artikolu 2(2) għandu jkun ammont fiss speċifikat fit-tabella A tal-punt 2 tal-Anness. Dik it-tariffa fissa għandha tkun dovuta għall-ħlas fil-ħin tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni.

2.   L-ammont ta’ tariffi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (c), (d) u (e) tal-Artikolu 2(2), inkluż għat-twettiq tal-attivitajiet imsemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1), għandu jkun it-total ta’ dawn li ġejjin:

(a)

l-għadd ta’ sigħat meħuda mill-persunal tal-Aġenzija u l-esperti esterni, fuq l-ipproċessar tal-applikazzjoni immultiplikat bir-rata fis-siegħa tal-Aġenzija speċifikata fil-punt 1 tal-Anness;

(b)

l-ammont ta’ tariffi imposti mill-Aġenzija għandu jiġi ssupplimentat bl-ammont rilevanti sottomess mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza (“NSAs”) li jirriżulta mill-kost għall-ipproċessar tal-parti nazzjonali tal-applikazzjoni.

3.   L-ammont ta’ tariffi għas-sottomissjoni u għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet rispettivi u għall-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(2) għandu jkun ammont fiss speċifikat fit-tabella B tal-punt 3 tal-Anness u jinkludi t-tariffa għall-użu tat-tariffa tal-OSS imsemmija fil-paragrafu 1. Dik it-tariffa fissa għandha tkun dovuta għall-ħlas fil-ħin tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni.

4.   L-ammont ta’ imposti għas-servizzi msemmija fl-Artikolu 2(3) għandu jkun in-numru ta’ sigħat meħuda mill-persunal tal-Aġenzija u mill-esperti esterni mmultiplikat bir-rata fis-siegħa tal-Aġenzija speċifikata fil-punt 1 tal-Anness.

5.   Fuq talba tal-applikant, għandu japplika tnaqqis ta’ 20 % tal-ammont impost mill-Aġenzija għal applikazzjoni f’każ ta’ intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju. Tali talba għandha ssir mal-applikazzjoni meta japplikaw tariffi fissi, u mhux aktar tard minn qabel ma l-Aġenzija toħroġ fattura fil-każijiet l-oħra kollha.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju tfisser intrapriża ferrovjarja, maniġer jew manifattur tal-infrastruttura awtonomi, stabbiliti jew li għandhom is-sede tagħhom f’pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (4).

L-applikant għandu jipprovdi evidenza permezz tal-OSS li turi li huwa jikkwalifika bħala intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju. L-Aġenzija għandha tivvaluta l-evidenza pprovduta u tiddeċiedi li tirrifjuta t-talba għall-istatus bħala intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju f’każ ta’ dubju jew nuqqas ta’ ġustifikazzjoni.”;

(4)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Aġenzija għandha toħroġ fattura għat-tariffi u l-imposti dovuti fi żmien 30 jum kalendarju mid-data:

(a)

tad-deċiżjoni tagħha, ħlief fil-każ ta’ deċiżjonijiet koperti mir-reġim tat-tariffi fissi jew soġġetti għall-Artikolu 6(3);

(b)

tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell;

(c)

ta’ meta s-servizz mogħti ntemm;

(d)

tal-irtirar ta’ applikazzjoni;

(e)

ta’ kwalunkwe avveniment ieħor li jwassal għall-waqfien tal-ipproċessar ta’ applikazzjoni;

Fir-rigward tat-tariffi fissi li jsiru dovuti għall-ħlas fil-ħin tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) u (3), qabel ma l-Aġenzija tipproċessa l-applikazzjoni, l-Aġenzija tista’ taqbel dwar data ta’ skadenza differenti mal-applikanti individwali, kif ukoll tagħmel arranġament speċjali għall-fatturar. ”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-fattura għandha tipprovdi l-elementi li ġejjin, fejn applikabbli:

(a)

id-differenzjazzjoni bejn it-tariffi jew l-imposti;

(b)

ammonti soġġetti għal tariffi fissi;

(c)

fejn ma tapplika l-ebda tariffa fissa, in-numru ta’ sigħat imqattgħin taħt ir-responsabbiltà tal-Aġenzija u r-rata fis-siegħa applikata;

(d)

fejn rilevanti, il-kostijiet mitluba mill-NSA responsabbli. Dawn għandhom ikunu speċifikati b’rabta mal-kompiti u maż-żmien meħud jew fil-forma ta’ rati fissi applikati mill-NSA għall-ipproċessar tal-parti nazzjonali tal-applikazzjoni.”;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu 4a li ġej:

“4a.   Fejn japplika l-Artikolu 6(3) għall-applikanti, l-Aġenzija għandu jkollha d-dritt li toħroġ avviżi ta’ ħlas li jeħtieġu ħlas parzjali għall-partijiet tal-applikazzjoni li jkunu diġà ġew ipproċessati. F’każ li l-ħlas mitlub ma jiġix ipprovdut f’perjodu ta’ żmien stabbilit mill-Aġenzija iżda mhux inqas minn 10 ijiem kalendarji, l-Aġenzija tista’ tissospendi l-ipproċessar tal-applikazzjoni u tinforma lill-applikant dwar dan. L-Aġenzija għandha tissokta bl-ipproċessar tal-applikazzjoni f’każ li l-ħlas mitlub isir fi żmien 20 jum kalendarju wara n-notifika tas-sospensjoni. Fin-nuqqas ta’ ħlas fi żmien 20 jum kalendarju wara n-notifika tas-sospensjoni, l-Aġenzija għandha d-dritt li tirrifjuta l-applikazzjoni.”;

(d)

il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“9.   Meta l-applikant ikun intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju, l-Aġenzija għandha tqis talbiet għal estensjoni raġonevoli tal-limitu ta’ żmien għall-ħlas u l-ħlas bi ħlasijiet parzjali.”;

(5)

l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fin-nuqqas ta’ ħlas tal-ammonti dovuti, l-Aġenzija tista’ titlob imgħax għal kull jum kalendarju addizzjonali li għalih il-ħlas jiddewwem u għandha tapplika r-regoli dwar l-irkupru previsti fl-ewwel Parti, it-Titolu IV, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 5 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif applikat għall-aġenziji Ewropej, b’mod partikolari l-Artikolu 101 tiegħu, u fir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija adottati f’konformità mal-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2016/796.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Meta l-Aġenzija jkollha evidenza li l-kapaċità finanzjarja tal-applikant tkun f’riskju jew meta l-applikant ma jkunx stabbilit jew ma jkollux is-sede tiegħu f’pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, hija tista’ titlob lill-applikant jipprovdi garanzija bankarja jew depożitu garantit fi żmien 15-il jum wara li tirċievi l-applikazzjoni. Meta l-applikant jonqos milli jagħmel dan, l-Aġenzija tista’ tirrifjuta l-applikazzjoni tiegħu.”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-Aġenzija tista’ tirrifjuta applikazzjoni ġdida jew tissospendi l-ipproċessar ta’ applikazzjoni li tkun għadha għaddejja, fejn l-applikant jew is-suċċessur legali tiegħu ma jkunx issodisfa l-obbligi ta’ ħlas tiegħu li jirriżultaw minn kompiti jew servizzi ta’ awtorizzazzjoni, ċertifikazzjoni jew approvazzjoni preċedenti mwettqa mill-Aġenzija, sakemm l-applikant ma jħallasx l-ammonti kollha dovuti. F’każ li applikazzjoni li tkun għaddejja tkun se tiġi sospiża, għandha tapplika l-proċedura msemmija fil-paragrafu 4a tal-Artikolu 5 kif xieraq.”;

(6)

l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Aġenzija għandha tippubblika r-rata fis-siegħa u r-rati fissi msemmija fl-Artikolu 3, fuq is-sit web tagħha.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-NSA għandha tippubblika r-rati rilevanti għall-istabbiliment tal-kostijiet tal-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 3(2), punt (b), fuq is-sit web tagħha. Meta l-NSA tapplika rata fissa, għandha tispeċifika għal liema każijiet ta’ awtorizzazzjoni u ċertifikazzjoni se tapplika r-rata fissa. L-NSA għandha tipprovdi lill-Aġenzija b’link għas-sit web tagħha li jkun fih informazzjoni dwar it-tariffi u l-imposti tagħha.”;

(7)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu 1 a li ġej:

“1 a.   L-ammonti msemmija fl-Anness għandhom jiġu indiċjati mill-Aġenzija, għall-ewwel darba fl-2023 u darba kull sena finanzjarja minn hemm ’il quddiem, b’effett mill-1 ta’ Jannar, abbażi

(a)

tal-aġġornament annwali tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea u l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikati għalihom kif ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, f’konformità ma’ metodu ta’ kalkolu li għandu jiġi maqbul mill-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija u abbażi tad-data finanzjarja annwali rilevanti użata fir-rapporti tal-Attività Annwali Kkonsolidata tagħha; u/jew

(b)

ir-rata tal-inflazzjoni fl-Unjoni, f’konformità mal-metodu stabbilit fil-punt 4 tal-Anness.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-Aġenzija fir-rapporti annwali tagħha, dan ir-Regolament għandu jiġi rrieżaminat sa mhux aktar tard mis-16 ta’ Ġunju 2024 bil-ħsieb tal-introduzzjoni progressiva ta’ tariffi fissi ulterjuri.”.

Artikolu 2

It-test stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament jiżdied bħala Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/764.

Artikolu 3

Fir-rigward tal-applikazzjonijiet sottomessi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-punt (3) tal-Artikolu 1 ma għandux japplika.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/764 tat-2 ta’ Mejju 2018 dwar it-tariffi u l-imposti li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u l-kundizzjonijiet għall-ħlas tagħhom (ĠU L 129, 25.5.2018, p. 68).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).


ANNESS

1.

L-Aġenzija għandha tapplika rata fis-siegħa ta’ EUR 239.

2.

It-tariffi fissi li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija għall-użu tal-one-stop shop (OSS) għandhom ikunu kif ġej:

Tabella A

 

Grupp tal-kost tal-OSS

Ammont (EUR)

Sottomissjoni ta’ applikazzjoni lill-Aġenzija għal:

1.

Ċertifikat ta’ sikurezza uniku

400

2.

Awtorizzazzjoni tat-tip ta’ vettura

400

3.

Awtorizzazzjoni ta’ vettura għajr awtorizzazzjoni f’konformità mat-tip

400

4.

Approvazzjoni tal-ERTMS maġenb il-binarji

400

5.

Proċess ta’ impenn preliminari

400

3.

It-tariffi fissi għas-sottomissjoni u għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ vettura, jew serje ta’ vetturi, li jkunu f’konformità ma’ tip ta’ vettura awtorizzat għandhom ikunu kif ġej:

Tabella B

 

Grupp tal-kost

Ammont (EUR)

Sottomissjoni lill-Aġenzija u pproċessar minnha ta’ applikazzjoni għal deċiżjoni li tawtorizza vetturi f’konformità mat-tip:

1.

vaguni tal-merkanzija u l-vetturi kollha msemmija fil-punt 2 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 321/2013 (1)

775

2.

(a)

unitajiet tat-trazzjoni termali jew elettrika;

(b)

vaguni tal-passiġġieri;

(c)

tagħmir tal-manutenzjoni u tal-kostruzzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja mobbli

970

3.

ferroviji bi propulsjoni proprja termali jew elettrika;

1 115

4.

Ir-rata ta’ inflazzjoni annwali msemmija fl-Artikolu 10(1a) hija stabbilita kif ġej:

Ir-rata ta’ inflazzjoni annwali li għandha tintuża:

“Eurostat HICP (L-entrati kollha) — il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea” (2015 = 100) Bidla perċentwali/medja ta’ 12-il xahar

Il-valur tar-rata li għandha titqies:

Il-valur tar-rata tliet xhur qabel l-implimentazzjoni tal-indiċjar


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 321/2013 tat-13 ta’ Marzu 2013 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta’ “vetturi ferrovjarji — vaguni tal-merkanzija” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u li jirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/861/KE (ĠU L 104, 12.4.2013, p. 1).