22.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 374/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1848

tal-21 ta’ Ottubru 2021

dwar il-ħatra ta’ sostituzzjoni għall-parametru referenzjarju tal-medja tal-indiċi matul il-lejl tal-Ewro

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u b’mod partikolari l-Artikolu 23b(8) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-medja tal-indiċi matul il-lejl tal-Ewro (EONIA) hija parametru referenzjarju ta’ importanza kritika li jirrappreżenta r-rati tal-imgħax fuq tranżazzjonijiet ta’ self mil-lum għall-għada mhux garantiti denominati f’euro. L-EONIA tintuża fil-kuntest ta’ swaps tal-indiċi matul il-lejl, u firxa wiesgħa ta’ prodotti oħra. Hija essenzjali għas-saldu fi flus kontanti u rilevanti ħafna għal finijiet oħra bħal proċeduri ta’ valutazzjoni differenti kif applikati bħala parti mill-proċessi ta’ ġestjoni tal-kollateral u tar-riskji jew il-kontabbiltà.

(2)

Il-metodoloġija oriġinali għall-kalkolu tal-EONIA kienet ibbażata fuq sottomissjonijiet ipprovduti minn banek tal-bordijiet kontribwenti. Fi Frar 2018, l-Istitut Ewropew tas-Suq Monetarju (EMMI), li jaġixxi bħala amministratur tal-EONIA, ħabbar li l-konformità tal-EONIA mar-Regolament (UE) 2016/1011 ma setgħetx tiġi miksuba saż-żmien li tali obbligi japplikaw. Għalhekk, l-EMMI u l-industrija finanzjarja bdew jaħdmu fuq l-istralċ ordnat tal-EONIA. Fit-13 ta’ Settembru 2018, il-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-rati mingħajr riskju tal-euro rrakkomanda r-rata tal-euro fuq terminu qasir (EURSTR) bħala r-rata mingħajr riskju ddenominata f’euro bħala sostituzzjoni għall-EONIA. Fl-14 ta’ Marzu 2019, il-grupp ta’ ħidma ppubblika wkoll rakkomandazzjonijiet dwar tranżizzjoni mill-EONIA għall-EURSTR, li kienet tinkludi fażi li matulha l-metodoloġija għall-kalkolu tal-EONIA kienet se tiġi modifikata u bbażata fuq l-EURSTR, kif ukoll il-metodu biex jiġi ddeterminat l-aġġustament tal-firxa bejn l-EURSTR u l-EONIA.

(3)

Wara dawk ir-rakkomandazzjonijiet, fil-31 ta’ Mejju 2019 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ikkalkula firxa ta’ darba bejn l-EONIA u l-EURSTR, stabbilita għal 8,5 punt bażi. Fl-istess jum, l-EMMI ħabbar il-waqfien tal-EONIA mit-3 ta’ Jannar 2022. Matul it-tranżizzjoni, l-EMMI ppubblika metodoloġija riformata għall-EONIA li skontha l-EONIA hija ugwali għall-EURSTR kif ippubblikata mill-BĊE flimkien mal-aġġustament ta’ darba tal-firxa ta’ 8,5 punt bażi. Dik il-metodoloġija riformata tapplika għall-EONIA mit-2 ta’ Ottubru 2019 sal-waqfien tagħha fit-3 ta’ Jannar 2022. Fil-11 ta’ Diċembru 2019, l-EMMI ngħatat awtorizzazzjoni mill-Awtorità Belġjana tas-Servizzi Finanzjarji u s-Swieq (FSMA) għall-forniment u l-amministrazzjoni tal-EONIA skont l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2016/1011, li tippermetti li l-EONIA tintuża sakemm twaqqfet fit-3 ta’ Jannar 2022.

(4)

Minkejja t-tħabbira bikrija tal-waqfien tar-rata tal-EONIA mit-3 ta’ Jannar 2022 u r-rakkomandazzjonijiet bikrija tal-industrija biex kwalunkwe referenza għall-EONIA tiġi sostitwita bil-EURSTR speċjalment għal kuntratti li jimmaturaw wara dik id-data, volum kbir ta’ kuntratti u strumenti finanzjarji li jirreferenzjaw l-EONIA għadhom pendenti f’għadd ta’ Stati Membri. Għalhekk, l-EONIA għad għandha rwol kruċjali għas-swieq finanzjarji fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, minħabba l-proċess biex jintlaħaq kunsens espert u industrijali dwar it-triq ta’ tranżizzjoni xierqa, tali kuntratti u strumenti finanzjarji ġeneralment ma fihomx dispożizzjonijiet ta’ riżerva xierqa li jkopru l-waqfien permanenti tal-EONIA. Il-waqfien tal-EONIA għalhekk x’aktarx li jkollu impatt ta’ tfixkil sinifikanti fuq dawk il-kuntratti u l-istrumenti finanzjarji.

(5)

L-EONIA ġiet maħtura bħala parametru referenzjarju ta’ importanza kritika skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/482 (2). Ir-Regolament (UE) 2021/168 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li introduċa fir-Regolament (UE) 2016/1011 l-Artikolu 23b, ta s-setgħa lill-Kummissjoni Ewropea li taħtar sostituzzjoni waħda jew aktar għal parametru referenzjarju ta’ importanza kritika meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 23b tar-Regolament (UE) 2016/1011. Id-dikjarazzjoni tal-EMMI fil-31 ta’ Mejju 2019 li tħabbar il-waqfien tal-EONIA, flimkien maċ-ċirkustanza li, fiż-żmien tal-ħruġ ta’ dik id-dikjarazzjoni, ma kien hemm l-ebda amministratur suċċessur li kien se jkompli jipprovdi dak il-parametru referenzjarju, tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 23b(2), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2016/1011.

(6)

Barra minn hekk, id-data rrappurtata mill-membri tal-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-rati mingħajr riskju tal-euro tissuġġerixxi li, mid-9 ta’ Lulju 2021, diversi eluf ta’ kuntratti tad-derivattivi bi skoperturi diretti tal-EONIA u ftehimiet kollaterali li jirreferu għall-EONIA billi r-rata tal-imgħax li tkopri l-kollateral għadha tapplika madwar l-Unjoni. Iż-żewġ referenzi diġà jirrappreżentaw ammont nozzjonali totali ta’ diversi triljuni ta’ euro. L-istess membri indikaw ukoll li l-isforzi kuntrattwali tagħhom ta’ negozjar mill-ġdid huma lesti, bħala medja, f’inqas minn nofs il-kuntratti li fihom referenzi għall-EONIA. Dawk ir-rati ta’ tlestija jindikaw il-fatt li n-negozjar mill-ġdid individwali tar-referenzi kollha tal-EONIA li jifdal se jikkawża sfida kbira għall-partijiet kontraenti fl-Unjoni, speċjalment l-entitajiet taħt superviżjoni. Mingħajr ma dawn il-kuntratti jiġu trasferiti għal sostituzzjoni maħtura għal parametru referenzjarju, hemm riskju serju ta’ frustrazzjoni kuntrattwali. Filwaqt li huma mistennija sforzi attivi kontinwi mill-membri tal-industrija għat-tranżizzjoni tal-kuntratti u l-istrumenti finanzjarji kollha li għadhom jirreferenzjaw l-EONIA għall-EURSTR sal-waqfien tal-EONIA, sostituzzjoni għar-referenzi tal-EONIA għandha għalhekk timmitiga l-materjalizzazzjoni ta’ tali riskju, li jista’ jaffettwa b’mod partikolari lill-klijenti involuti fi swaps tal-indiċi mil-lum għall-għada biex jiħħeġġjaw ir-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax.

(7)

Ir-riżultat ta’ konsultazzjonijiet ta’ gruppi ta’ ħidma ta’ esperti stabbilixxa l-valutazzjoni preliminari dwar ir-rwol importanti tal-EONIA fis-swieq finanzjarji fl-Unjoni. Minn dawk il-konsultazzjonijiet tal-gruppi ta’ ħidma ta’ esperti deher li n-nuqqas ta’ approċċ armonizzat jagħti lok għal inċertezza legali, li tista’ tikkawża tilwim u tfixkil. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-rati mingħajr riskju tal-euro indirizza wkoll, fil-15 ta’ Lulju 2021, ittra formali li titlob għal azzjoni mill-Kummissjoni biex taħtar malajr sostituzzjoni statutorja għall-EONIA. Għalhekk huwa xieraq li l-Kummissjoni taħtar sostituzzjoni statutorja għall-EONIA biex tintuża fi kwalunkwe kuntratt, u fi kwalunkwe strument finanzjarju kif definit fid-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li ma fihiex dispożizzjonijiet ta’ riżerva jew dispożizzjonijiet ta’ riżerva xierqa.

(8)

Il-konsultazzjonijiet fil-kuntest tal-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-rati mingħajr riskju tal-euro indikaw ukoll li s-sostituzzjoni tar-referenzi għall-EONIA f’kuntratti permezz ta’ negozjar mill-ġdid kuntrattwali spiss kienet imfixkla mill-volum ta’ kuntratti li ma jilħqux il-maturità qabel id-data tat-tmiem tal-EONIA tat-3 ta’ Jannar 2022, u mid-diffikultà li jinkiseb kunsens mill-ġdid f’kull kuntratt. Dan jispjega l-ammont ta’ kuntratti li għadhom jirreferu għall-EONIA. Meta wieħed iqis dik is-sitwazzjoni, u meta titqies id-data rrapportata mill-membri tal-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-rati mingħajr riskju tal-euro, jenħtieġ li jiġi żgurat li kwalunkwe kuntratt jew strument finanzjarju li għadu jirreferi għall-EONIA mid-data tal-waqfien tiegħu jaqa’ taħt dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, u huwa fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura statutorja ta’ sostituzzjoni.

(9)

Flimkien mat-tħabbira, fil-31 ta’ Mejju 2019, tal-waqfien tal-pubblikazzjoni tal-EONIA mit-3 ta’ Jannar 2022, l-EMMI ħabbar bidliet fil-metodoloġija tal-EONIA biex jiżgura konformità kontinwa mar-Regolament (UE) 2016/1011 u biex tiżgura tranżizzjoni bla xkiel sal-waqfien finali tal-EONIA. Dawn il-bidliet japplikaw għall-metodoloġija tal-EONIA mit-2 ta’ Ottubru 2019, u jorbtu direttament il-kalkolu tal-EONIA mal-iżvilupp tal-EURSTR, billi jiddikjaraw li l-EONIA hija ugwali għall-EURSTR flimkien ma’ aġġustament fiss tal-firxa bbażat fuq il-firxa kkalkulata mill-BĊE. Iż-żieda ta’ aġġustament fiss tal-firxa tillimita l-impatt ekonomiku tal-ħatra tal-EURSTR bħala s-sostituzzjoni statutorja għall-EONIA fil-kuntratti kollha li jimmaturaw wara d-data tat-tmiem tal-EONIA tat-3 ta’ Jannar 2022.

(10)

L-ittra formali mill-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-rata mingħajr riskju tal-euro datata l-15 ta’ Lulju 2021 talbet speċifikament li s-sostituzzjoni statutorja tal-EONIA tkun ibbażata fuq il-EURSTR, flimkien mal-aġġustament fiss eżistenti tal-firxa bejn l-EONIA u l-EURSTR, u b’hekk jiġi evitat it-trasferiment tal-valur fit-tranżizzjoni. Huwa xieraq li s-sostituzzjoni statutorja għall-EONIA tirrifletti rakkomandazzjonijiet mill-grupp ta’ ħidma tar-rata mingħajr riskju kkonċernat, u għalhekk tkun ibbażata fuq il-EURSTR flimkien mal-aġġustament tal-firxa fissa kkalkulat mill-BĊE.

(11)

Sostituzzjoni għall-EONIA tissostitwixxi bl-operat tal-liġi, ir-referenzi kollha għal dak il-parametru referenzjarju fi kwalunkwe kuntratt, u fi kwalunkwe strument finanzjarju kif definit fid-Direttiva 2014/65/UE li ma fihx dispożizzjonijiet ta’ riżerva jew dispożizzjonijiet ta’ riżerva xierqa, skont l-Artikolu 23b(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011. Għalhekk, dik is-sostituzzjoni ma taffettwax il-kuntratti li ġew innegozjati mill-ġdid b’suċċess biex ikopru l-waqfien tal-EONIA, kif previst fl-Artikolu 23b(11) tar-Regolament (UE) 2016/1011.

(12)

Meta jitqies li l-EONIA mhux se tibqa’ tiġi ppubblikata fit-3 ta’ Jannar 2022, ir-rata ta’ sostituzzjoni maħtura għandha tissostitwixxi r-referenzi għall-EONIA minn dik id-data.

(13)

L-FSMA, bħala superviżur tal-amministratur tal-EONIA, u l-BĊE, bħala bank ċentrali responsabbli għaż-żona monetarja tal-EONIA, taw il-fehmiet tagħhom dwar dan ir-Regolament.

(14)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Rgolament huma skont l-opinoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Sostituzzjoni tal-EONIA

1.   Ir-rata tal-Euro fuq terminu qasir (EURSTR) kif ippubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew hija indikata bħala r-rata ta’ sostituzzjoni għall-medja tal-indiċi matul il-lejl tal-Ewro (EONIA) f’referenzi għall-EONIA fi kwalunkwe kuntratt, u fi kwalunkwe strument finanzjarju kif definit fid-Direttiva (UE) 2014/65.

2.   L-aġġustament tal-firxa fissa li għandu jiżdied mar-rata ta’ sostituzzjoni maħtura skont il-paragrafu 1 għandu jkun ugwali għal 8,5 punt bażi.

3.   Ir-rata ta’ sostituzzjoni għall-EONIA għandha tiġi nnominata skont it-tabella li ġejja:

Parametru referenzjarju sostitwit

Rata ta’ sostituzzjoni

Valur ta’ Aġġustament tal-Firxa (%)

EONIA

ISIN EU0009659945

Rata tal-euro fuq terminu qasir (EURSTR)

ISIN EU000A2X2A25

0,085

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mit-3 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  Ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1).

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/482 tat-22 ta’ Marzu 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1368 li jistabbilixxi lista ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika użati fis-swieq finanzjarji skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 82, 25.3.2019, p. 26).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/168 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ ċerti parametri referenzjarji tal-kambju spot ta’ pajjiżi terzi u l-iffissar ta’ sostituti għal ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 49, 12.2.2021, p. 6)

(4)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE Test b’rilevanza għaż-ŻEE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).