1.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 307/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1422

tas-26 ta’ April 2021

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/624 fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni fil-każ ta’ qatla fl-azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(7)(d) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli għall-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jivverifikaw il-konformità mar-regoli biex tiġi applikata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fl-oqsma tal-ikel u tas-sikurezza tal-ikel fl-istadji kollha tal-proċess tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni. Dawn il-kontrolli uffiċjali jinkludu spezzjoni ante-mortem tal-annimali maħsuba għall-qatla.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/624 (2) jistabbilixxi l-kriterji u l-kundizzjonijiet biex jiġi ddeterminat meta jistgħu jitwettqu l-ispezzjonijiet ante-mortem fl-azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1374 (3), li jemenda r-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jippermetti, f’ċerti kundizzjonijiet, il-qatla ta’ annimali bovini u porċini domestiċi, u solipedi domestiċi fl-azjenda li jkunu ġejjin minnhom. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu li l-annimali jridu jgħaddu minn spezzjoni ante-mortem qabel il-qatla u r-riżultat ta’ tali spezzjoni jrid jiġi attestat f’ċertifikat uffiċjali li jakkumpanja l-iġsma tal-annimali maqtula lejn biċċerija approvata f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/624.

(4)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/624 jenħtieġ li jiġi estiż biex ikopri wkoll annimali bovini u porċini domestiċi, u solipedi domestiċi biex jiġi żgurat li fil-każ tal-qatla tagħhom fl-azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali, ma tiġix ipperikolata s-sikurezza tal-laħam.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2019/624 jiġi emendat skont dan.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/624 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1   L-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw il-kriterji u l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’dan l-Artikolu fil-każijiet rilevanti ta’ pollam, kaċċa mrobbija, annimali bovini u porċini domestiċi u solipedi domestiċi.”

(2)

Il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3   Fil-każ ta’ annimali bovini u porċini domestiċi, solipedi domestiċi u kaċċa mrobbija, maqtula fl-azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali f’konformità mal-Kapitolu VIa tas-Sezzjoni I jew il-punt 3 tas-Sezzjoni III tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, iċ-ċertifikat uffiċjali li mtela f’konformità mal-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali stabbilit fil-Kapitolu 3 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2235 (*), għandu jakkumpanja lill-annimali lejn il-biċċerija jew jintbagħat minn qabel fi kwalunkwe format, minflok iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 5(2)(f) ta’ dan ir-Regolament.

(*)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2235 tas-16 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2016/429 u (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali, mudelli taċ-ċertifikati uffiċjali u mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali, għad-dħul fl-Unjoni u l-movimenti fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti, ċertifikazzjoni uffiċjali dwar dawn iċ-ċertifikati u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 599/2004, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 636/2014 u (UE) 2019/628, id-Direttiva 98/68/KE u d-Deċiżjonijiet 2000/572/KE, 2003/779/KE u 2007/240/KE (ĠU L 442, 30.12.2020, p. 1).”"

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/624 tat-8 ta’ Frar 2019 rigward ir-regoli speċifiċi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fuq il-produzzjoni tal-laħam u għaż-żoni ta’ produzzjoni u fejn jinżammu l-molluski bivalvi ħajjin skont ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1374 tat-12 ta’ April 2021 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 297, 20.8.2021, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55)