31.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 305/17


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1421

tat-30 ta’ Awwissu 2021

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 16

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabbiltà (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

(2)

Il-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat xokk estern bla preċedent għall-Unjoni u l-ekonomija tagħha filwaqt li ħolqot ħtieġa għal miżuri mmirati biex, fejn possibbli, jittaffew l-impatti negattivi fuq iċ-ċittadini u l-kumpaniji.

(3)

L-Istati Membri u l-Unjoni ħadu miżuri biex jipprovdu għajnuna finanzjarja lil kumpaniji, inklużi vaganzi mħallsa bbażati fuq moratorja privati jew pubbliċi, biex jiġu evitati l-fallimenti u t-telfien ta’ impjiegi evitabbli, u biex jiġi sostnut l-irkupru rapidu.

(4)

Fit-28 ta’ Marzu 2020, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (International Accounting Standards Board, IASB) ippubblika l-Konċessjonijiet tal-Kiri Relatati mal-Covid-19 (Emenda għall-IFRS 16), li ġew adottati permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/1434 (3).

(5)

Fil-31 ta’ Marzu 2021, l-IASB ippubblika l-Konċessjonijiet tal-Kiri Relatati mal-Covid-19 wara t-30 ta’ Ġunju 2021 (Emenda għall-IFRS 16).

(6)

L-emenda għall-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 16 Kirjiet testendi eżenzjoni operattiva fakultattiva temporanja marbuta mal-COVID-19 għall-kerrejja għall-kuntratti tal-kera b’eżenzjoni mill-ħlas u ħlasijiet dovuti oriġinarjament qabel it-30 ta’ Ġunju 2021, jew dakinhar, għal kuntratti tal-kiri b’eżenzjoni mill-ħlas u pagamenti dovuti oriġinarjament qabel it-30 ta’ Ġunju 2022 jew dakinhar.

(7)

Wara konsultazzjonijiet mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-emenda fl-IFRS 16 Kirjiet tissodisfa l-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(8)

Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jiġi emendat skont dan.

(9)

L-IASB stabbilixxa d-data tad-dħul fis-seħħ tal-emendi għall-IFRS 16 Kirjiet bħala l-1 ta’ April 2021. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw b’mod retroattiv biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fil-kwistjonijiet ikkonċernati kif ukoll il-konsistenza ma’ standards oħra ta’ kontabbiltà stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1126/2008.

(10)

Wara li titqies l-urġenza ta’ din l-eżenzjoni operattiva marbuta mal-COVID-19, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabbiltà,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 16 Kirjiet huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1 mill-1 ta’ April 2021 għas-snin finanzjarji li jibdew mhux aktar tard, dakinhar jew wara l-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta’ Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/1434 tad-9 ta’ Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward tal-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 16 (ĠU L 331, 12.10.2020, p. 20).


ANNESS

Konċessjonijiet tal-Kiri Relatati mal-Covid-19 wara t-30 ta’ Ġunju 2021

Emenda għall-IFRS 16

Emenda għall-IFRS 16 Lokazzjonijiet

Il-paragrafu 46B huwa emendat. Jiżdiedu l-paragrafi C1C u C20BA-C20BC.

LOKATARJU

Kejl

Kejl sussegwenti

Modifiki tal-lokazzjoni

46B

L-espedjent prattiku fil-paragrafu 46 A japplika biss għal konċessjonijiet tal-kiri li jseħħu bħala konsegwenza diretta tal-pandemija tal-Covid-19 u jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin biss:

(a)

il-bidla fil-ħlasijiet tal-lokazzjoni tirriżulta f’konsiderazzjoni riveduta tal-kera li hija sostanzjalment l-istess bħall-konsiderazzjoni għal-lokazzjoni immedjatament qabel il-bidla, jew anqas minnha;

(b)

kull tnaqqis fil-ħlasijiet tal-lokazzjoni jaffettwa l-ħlasijiet dovuti oriġinarjament fit-30 ta’ Ġunju 2022 jew qabel biss (pereżempju, konċessjoni tal-kera tkun tissodisfa din il-kundizzjoni jekk tirriżulta fi tnaqqis tal-ħlasijiet tal-lokazzjoni fit-30 ta’ Ġunju 2022 jew qabel u f’żieda fil-ħlasijiet tal-kera li testendi lil hinn mit-30 ta’ Ġunju 2022); kif ukoll

(c)

ma hemm l-ebda bidla sostantiva fuq termini u kundizzjonijiet oħra tal-lokazzjoni.

Appendiċi C

Data effettiva u tranżizzjoni

DATA EFFETTIVA

C1C

Il-Konċessjonijiet tal-Kera Relatati mal-Covid-19 wara t-30 ta’ Ġunju 2021, maħruġa f’Marzu 2021, emendaw il-paragrafu 46B u żiedu l-paragrafi C20BA–C20BC. Lokatur għandu japplika din l-emenda għall-perjodi ta’ rappurtar annwali li jibdew fl-1 ta’ April 2021 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa, inkluż f’rapporti finanzjarji li ma kinux awtorizzati għall-ħruġ fil-31 ta’ Marzu 2021.

TRANŻIZZJONI

Konċessjonijiet tal-kirjiet relatati mal-COVID-19 għal-lokaturi

C20BA

Lokatur għandu japplika il-Konċessjonijiet tal-Kiri Relatati mal-Covid-19 wara t-30 ta’ Ġunju 2021 retrospettivament (ara l-paragrafu C1C), filwaqt li jirrikonoxxi l-effett kumulattiv tal-applikazzjoni inizjali ta’ din l-emenda bħala aġġustament għall-bilanċ tal-ftuħ tal-qligħ imfaddal (jew komponent ieħor ta’ ekwità, kif xieraq) fil-bidu tal-perjodu tar-rappurtar annwali li fih il-lokatur japplika l-emenda għall-ewwel darba.

C20BB

Fil-perjodu ta’ rapportar li fih il-lokatur japplika l-Konċessjonijiet għall-Kirjiet Relatati mal-Covid-19 wara t-30 ta’ Ġunju 2021 għall-ewwel darba, il-lokatur ma jkunx obbligat jiżvela l-informazzjoni mitluba mill-paragrafu 28(f) tal-IAS 8.

C20BC

Permezz tal-applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Istandard, il-lokatur għandu japplika l-paragrafu 46 A b’mod espedjenti u konsistenti għall-kuntratti eliġibbli b’karatteristiċi simili u f’ċirkostanzi simili, irrispettivament minn jekk il-kuntratt jkunx sar eliġibbli għall-espedjent prattiku li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-lokatur tal-Konċessjonijiet tal-Kiri Relatati mal-Covid-19 (ara l-paragrafu C1 A) jew tal-Konċessjonijiet tal-Kiri Relatati mal-Covid-19 qabel it-30 ta’ Ġunju 2021 (ara l-paragrafu C1C).