2.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 277/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1276

tat-30 ta’ Lulju 2021

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2019/1716 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1716 tal-14 ta’ Ottubru 2019 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-14 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2019/1716 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa.

(2)

Fl-10 ta’ Ġunju 2021 ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-’Rappreżentant Għoli’) ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li fiha kkundanna l-azzjonijiet tal-awtoritajiet tan-Nikaragwa kontra l-partiti tal-oppożizzjoni, il-media, il-ġurnalisti u l-ħaddiema l-oħra tal-media, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili, inkluż permezz tad-detenzjoni u l-arrest sistematiċi ta’ kandidati presidenzjali potenzjali u mexxejja tal-oppożizzjoni. Ir-Rappreżentant Għoli indika li l-Unjoni tinsab lesta li tuża l-istrumenti kollha fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa, inkluż l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi addizzjonali.

(3)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni gravi kontinwa fin-Nikaragwa, jenħtieġ li tmien persuni jinżiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi li jinsabu fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/1716.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/1716 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/1716 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

G. DOVŽAN


(1)  ĠU L 262, 15.10.2019, p. 1.


ANNESS

Il-persuni li ġejjin jinżiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/1716:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“7.

Rosario María MURILLO ZAMBRANA

Psewdonimu: Rosario María MURILLO DE ORTEGA

Pożizzjoni(jiet): Viċi President tar-Repubblika tan-Nikaragwa (mill-2017), mart il-President Daniel Ortega

Data tat-twelid: 22 ta’ Ġunju 1951

Post tat-twelid: Managua, in-Nikaragwa

Sess: mara

Nazzjonalità: Nikaragwana

Numru tal-passaport: A00000106 (in-Nikaragwa)

Viċi President tan-Nikaragwa, First Lady tan-Nikaragwa u mexxejja taż-Żgħażagħ Sandinisti. Skont il-President Daniel Ortega, Rosario María Murillo Zambrana tikkondividi nofs is-setgħa miegħu. Hija qdiet rwol strumentali biex tħeġġeġ u tiġġustifika r-repressjoni tad-dimostrazzjonijiet tal-opoożizzjoni mill-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa fl-2018. F’Ġunju 2021, hija heddet pubblikament lill-oppożizzjoni tan-Nikaragwa u skreditat lill-ġurnalisti indipendenti.

Għalhekk hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, u għall-imminar tad-demokrazija fin-Nikaragwa.

2.8.2021

8.

Gustavo Eduardo PORRAS CORTÉS

Pożizzjoni(jiet): President tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tan-Nikaragwa (minn Jannar 2017)

Data tat-twelid: 11 ta’ Ottubru 1954

Post tat-twelid: Managua, in-Nikaragwa

Sess: raġel

Nazzjonalità: Nikaragwana

President tal-Assemblea Nazzjonali tan-Nikaragwa minn Jannar 2017 u membru tad-direzzjoni nazzjonali tal-Front Nazzjonali għal-Liberazzjoni Sandinista (FSLN) mill-1996. Fil-pożizzjoni tiegħu bħala l-President tal-Assemblea Nazzjonali tan-Nikaragwa, huwa responsabbli għall-promozzjoni tal-adozzjoni ta’ diversi atti legali repressivi, fosthom liġi dwar l-amnestija li tipprekludi kwalunkwe investigazzjoni tal-awturi ta’ ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem fl-2018, u liġijiet li jimminaw il-libertà u l-proċess demokratiku fin-Nikaragwa.

Għalhekk huwa responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, kif ukoll għall-imminar serju tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

2.8.2021

9.

Juan Antonio VALLE VALLE

Pożizzjoni(jiet): Mexxej fil-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa

Grad: Ġeneral/Kummissarju Għoli

Data tat-twelid: 4 ta’ Mejju 1963

Post tat-twelid: Matagalpa, in-Nikaragwa

Sess: raġel

Nazzjonalità: Nikaragwana

Mexxej fil-grad ta’ kummissarju għoli (it-tieni l-għola grad) tal-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa (NNP) u f’pożizzjoni ta’ tmexxija fil-pulizija f’Managua, Juan Antonio Valle Valle huwa responsabbli għal atti ta’ brutalità ripetuta mill-pulizija u użu eċċessiv tal-forza li rriżultaw fl-imwiet ta’ mijiet ta’ ċittadini, għal arresti u detenzjonijiet arbitrarji, għal ksur tal-libertà tal-espressjoni u għall-prevenzjoni ta’ dimostrazzjonijiet kontra l-gvern.

Għalhekk huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa.

2.8.2021

10.

Ana Julia GUIDO OCHOA

Psewdonimu: Ana Julia GUIDO DE ROMERO

Pożizzjoni(jiet): Avukat Ġenerali tar-Repubblika tan-Nikaragwa

Data tat-twelid: 16 ta’ Frar 1959

Post tat-twelid: Matagalpa, in-Nikaragwa

Sess: mara

Nazzjonalità: Nikaragwana

Fil-pożizzjoni tagħha bħala Avukat Ġenerali, l-ogħla impjegat taċ-ċivil fl-Uffiċċju tal-Prosekutur, Ana Julia Guido Ochoa, li hija leali lejn ir-reġim ta’ Ortega, hija responsabbli għall-prosekuzzjoni politikament motivata ta’ bosta dimostranti u membri tal-oppożizzjoni politika. Hija ħolqot unità speċjalizzata li fasslet allegazzjonijiet kontra d-dimostranti u ressqet akkużi kontrihom. Barra minn hekk, hija responsabbli għall-iskwalifika mill-kariga pubblika tal-kandidat prinċipali tal-oppożizzjoni għall-elezzjonijiet ġenerali.

Għalhekk hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika u għall-imminar tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

2.8.2021

11.

Fidel de Jesús DOMÍNGUEZ ÁLVAREZ

Pożizzjoni(jiet): Kap tal-pulizija f’Leon, Kummissarju Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali

Data tat-twelid: 21 ta’ Marzu 1960

Sess: raġel

Nazzjonalità: Nikaragwana

Fil-pożizzjoni tiegħu bħala kap tal-pulizija f’Leon mit-23 ta’ Awwissu 2018, Fidel de Jesús Domínguez Alvarez huwa responsabbli għal għadd ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari arresti u detenzjonijiet arbitrarji, inkluż il-ħtif ta’ membri tal-familja ta’ avversarju politiku, l-użu eċċessiv tal-forza u l-ksur tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media.

Għalhekk huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika.

2.8.2021

12.

Alba Luz RAMOS VANEGAS

Pożizzjoni(jiet): President tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tar-Repubblika tan-Nikaragwa

Data tat-twelid: 3 ta’ Ġunju 1949

Sess: mara

Nazzjonalità: Nikaragwana

Numru tal-passaport: A0009864 (in-Nikaragwa)

Fil-pożizzjoni tagħha bħala President tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tan-Nikaragwa, hija responsabbli għall-istrumentalizzazzjoni tal-ġudikatura favur l-interessi tar-reġim ta’ Ortega, permezz tal-kriminalizzazzjoni selettiva tal-attivitajiet tal-oppożizzjoni, u b’hekk tipperpetwa x-xejra ta’ ksur tad-drittijiet għal proċess ġust, arresti arbitrarji, u l-iskwalifika ta’ partiti politiċi u kandidati tal-oppożizzjoni.

Għalhekk hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, u għall-imminar serju tal-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

2.8.2021

13.

Juan Carlos ORTEGA MURILLO

Pożizzjoni(jiet): Direttur fil-Canal 8 u Difuso Comunicaciones. Mexxej tal-Moviment Sandinista tal-4 ta’ Mejju, Iben il-President u Viċi President tar-Repubblika tan-Nikaragwa

Data tat-twelid: 17 ta’ Ottubru 1982

Nazzjonalità: Nikaragwana

Iben il-President Daniel Ortega u l-First Lady u l-Viċi President Rosario Murillo. Direttur ta’ wieħed mill-istazzjonijiet televiżivi ewlenin ta’ propaganda, Canal 8, u l-mexxej tal-Moviment Sandinista tal-4 ta’ Mejju. Fil-pożizzjoni tiegħu, huwa kkontribwixxa għar-restrizzjoni tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media. Huwa hedded pubblikament lin-negozjanti tan-Nikaragwa li jopponu r-reġim ta’ Ortega. Għalhekk huwa responsabbli għall-imminartad-demokrazija u r-ripressjoni tas-soċjetà ċivili fin-Nikaragwa. Minħabba li huwa iben il-Viċi President Rosario Murillo, huwa assoċjat ma’ persuni responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u r-ripressjoni tas-soċjetà ċivili fin-Nikaragwa.

2.8.2021

14.

Bayardo ARCE CASTAÑO

Pożizzjoni(jiet): Konsulent Ekonomiku għall-President tar-Repubblika tan-Nikaragwa

Data tat-twelid: 21 ta’ Marzu 1950

Sess: raġel

Nazzjonalità: Nikaragwana

Fil-pożizzjoni tiegħu bħala Konsulent Ekonomiku għall-President Daniel Ortega, Bayardo Arce Castano għandu influwenza sinifikanti fuq il-politiki tar-reġim ta’ Ortega. Huwa għalhekk assoċjat ma’ persuni responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa.

Huwa appoġġa l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni li tipprevjeni lil kandidati tal-oppożizzjoni milli jieħdu sehem fl-elezzjonijiet. Għalhekk huwa responsabbli għal repressjoni kontra s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa.

2.8.2021”