2.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/18


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1257

tal-21 ta’ April 2021

li jemenda r-Regolamenti Delegati (UE) 2017/2358 u (UE) 2017/2359 fir-rigward tal-integrazzjoni tal-fatturi ta’ sostenibbiltà, tar-riskji għas-sostenibbiltà u tal-preferenzi ta’ sostenibbiltà fir-rekwiżiti ta’ sorveljanza u ta’ governanza tal-prodotti għall-impriżi tal-assigurazzjoni u għad-distributuri tal-assigurazzjoni u fir-regoli tal-kondotta tal-operazzjonijiet u l-konsulenza dwar l-investiment għall-prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(2), l-Artikolu 28(4) u l-Artikolu 30(6) tagħha,

Billi

(1)

It-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livelli baxxi ta’ karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-Unjoni. Fl-2016, l-Unjoni kkonkludiet il-Ftehim ta’ Pariġi (2). L-Artikolu 2(1)(c) tal-Ftehim ta’ Pariġi jistabbilixxi l-objettiv li jissaħħaħ ir-rispons għat-tibdil fil-klima, fost l-oħrajn billi l-flussi ta’ finanzjament isiru konsistenti ma’ perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra kif ukoll l-iżvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

(2)

Huwa minħabba r-rikonoxximent ta’ dik l-isfida li l-Kummissjoni ppreżentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew (3) f’Diċembru 2019. Il-Patt Ekoloġiku jirrappreżenta strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-2050 ’il quddiem u fejn it-tkabbir ekonomiku ma jkunx direttament relatat mal-użu tar-riżorsi. Dak l-objettiv jirrikjedi li l-investituri jingħataw sinjali ċari fir-rigward tal-investimenti tagħhom biex jevitaw assi mhux rekuperabbli u jkollhom finanzjament sostenibbli.

(3)

F’Marzu 2018, il-Kummissjoni ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha “Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli” (4), li jistabbilixxi strateġija ambizzjuża u komprensiva dwar il-finanzjament sostenibbli. Wieħed mill-objettivi stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni huwa li tingħata direzzjoni ġdida lill-flussi tal-kapital lejn investimenti sostenibbli sabiex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv.

(4)

L-implimentazzjoni kif suppost tal-Pjan ta’ Azzjoni tħeġġeġ id-domanda tal-investituri għall-investimenti sostenibbli. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi ċċarat li l-fatturi ta’ sostenibbiltà u l-objettivi relatati mas-sostenibbiltà jenħtieġ li jitqiesu fir-rekwiżiti ta’ governanza tal-prodotti stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2358 (5).

(5)

Jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u l-intermedjarji tal-assigurazzjoni li jimmanifatturaw prodotti tal-assigurazzjoni jqisu l-fatturi ta’ sostenibbiltà fil-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti ta’ kull prodott tal-assigurazzjoni u fl-arranġamenti l-oħra ta’ governanza u ta’ sorveljanza tal-prodotti għal kull prodott tal-assigurazzjoni maħsub għad-distribuzzjoni lil konsumaturi li jkunu qed ifittxu prodotti tal-assigurazzjoni bi profil relatat mas-sostenibbiltà.

(6)

Billi s-suq fil-mira jenħtieġ li jiġi stabbilit f’livell suffiċjentement granulari, jenħtieġ li dikjarazzjoni ġenerali li prodott tal-assigurazzjoni għandu profil relatat mas-sostenibbiltà ma tkunx suffiċjenti. Minflok, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni jew l-intermedjarji tal-assigurazzjoni li jimmanifatturaw prodotti tal-assigurazzjoni jispeċifikaw lil liema grupp ta’ konsumaturi b’objettivi speċifiċi relatati mas-sostenibbiltà suppost jiġi distribwit il-prodott tal-assigurazzjoni.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-prodotti tal-assigurazzjoni b’fatturi ta’ sostenibbiltà jibqgħu disponibbli faċilment anki għall-konsumaturi li ma għandhomx preferenzi ta’ sostenibbiltà, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u l-intermedjarji tal-assigurazzjoni li jimmanifatturaw prodotti tal-assigurazzjoni ma jkunux obbligati li jidentifikaw gruppi ta’ konsumaturi li prodott tal-assigurazzjoni b’fatturi ta’ sostenibbiltà ma jkunx kompatibbli mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tagħhom.

(8)

Il-fatturi ta’ sostenibbiltà ta’ prodott tal-assigurazzjoni jenħtieġ li jiġu ppreżentati b’mod trasparenti biex jippermettu lid-distributuri tal-assigurazzjoni jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lill-konsumaturi jew lill-konsumaturi potenzjali tagħhom.

(9)

Il-valutazzjoni tal-impatt li fuqha jissejsu l-inizjattivi leġiżlattivi sussegwenti ppubblikati f’Mejju 2018 (6) uriet il-ħtieġa li jiġi ċċarat li jenħtieġ li l-fatturi ta’ sostenibbiltà jitqiesu mill-intermedjarji tal-assigurazzjoni u mill-impriżi tal-assigurazzjoni li jiddistribwixxu prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni bħala parti mid-dover tagħhom lejn il-konsumatur jew il-konsumatur potenzjali.

(10)

Sabiex jinżamm standard għoli ta’ protezzjoni tal-investituri, jenħtieġ li l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni li jiddistribwixxu prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni, huma u jidentifikaw it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess li jistgħu jagħmlu ħsara lill-interessi tal-konsumatur jew tal-konsumatur potenzjali, jinkludu dawk it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess li jirriżultaw mill-integrazzjoni tal-preferenzi ta’ sostenibbiltà ta’ konsumatur. Għall-konsumaturi eżistenti, li diġà tkun saret valutazzjoni tal-adegwatezza għalihom, jenħtieġ li l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni jkollhom il-possibbiltà li jidentifikaw il-preferenzi ta’ sostenibbiltà individwali tal-konsumatur fl-ewwel aġġornament regolari li jkun imiss tal-valutazzjoni tal-adegwatezza eżistenti.

(11)

Jenħtieġ li l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni li jagħtu pariri dwar il-prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni jkunu jistgħu jirrakkomandaw prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni adegwati lill-konsumaturi jew lill-konsumaturi potenzjali tagħhom u jenħtieġ għalhekk li jkunu jistgħu jistaqsu mistoqsijiet biex jidentifikaw il-preferenzi ta’ sostenibbiltà individwali tal-konsumatur. Skont l-obbligu li jitwettqu attivitajiet ta’ distribuzzjoni skont l-aqwa interess tal-konsumaturi, jenħtieġ li r-rakkomandazzjonijiet lill-konsumaturi jew lill-konsumaturi potenzjali jkunu jirriflettu kemm l-objettivi finanzjarji kif ukoll kull preferenza ta’ sostenibbiltà espressa minn dawk il-konsumaturi. Għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-inklużjoni tal-fatturi ta’ sostenibbiltà fil-proċess konsultattiv ma twassalx għal prattiki ta’ bejgħ inadatt jew għar-rappreżentazzjoni żbaljata li l-prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni jissodisfaw il-preferenzi ta’ sostenibbiltà meta dan ma jkunx il-każ. Sabiex jiġu evitati prattiki bħal dawn jew rappreżentazzjonijiet żbaljati, jenħtieġ li l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni li jagħtu pariri dwar prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni l-ewwel jivvalutaw l-objettivi ta’ investiment l-oħra ta’ konsumatur jew konsumatur potenzjali u ċ-ċirkostanzi individwali, qabel jistaqsu għall-preferenzi ta’ sostenibbiltà potenzjali tiegħu jew tagħha.

(12)

Sa issa ġew żviluppati prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni b’livelli differenti ta’ ambizzjoni relatata mas-sostenibbiltà. Sabiex il-konsumaturi jew il-konsumaturi potenzjali jkunu jistgħu jifhmu l-livelli differenti ta’ sostenibbiltà u jieħdu deċiżjonijiet informati f’termini ta’ sostenibbiltà, jenħtieġ li l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni li jiddistribwixxu prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni jispjegaw id-distinzjoni bejn, minn naħa, il-prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni li jaraw li jiksbu, kompletament jew parzjalment, investimenti sostenibbli f’attivitajiet ekonomiċi li jikkwalifikaw bħala ambjentalment sostenibbli skont ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), l-investimenti sostenibbli kif definiti fil-punt (17) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni li jikkunsidraw l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà li jaf ikunu eliġibbli għal rakkomandazzjoni li jissodisfaw il-preferenzi ta’ sostenibbiltà individwali tal-konsumaturi, u, min-naħa l-oħra, prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni oħra mingħajr dawk il-fatturi speċifiċi li jenħtieġ li ma jkunux eliġibbli għal rakkomandazzjoni lill-konsumaturi jew lill-konsumaturi potenzjali li għandhom preferenzi ta’ sostenibbiltà individwali.

(13)

Huwa neċessarju li jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-“greenwashing”, li hija, b’mod partikolari, il-prassi li jinkiseb vantaġġ kompetittiv inġust billi prodott ta’ investiment fl-assigurazzjoni jiġi rrakkomandat bħala favorevoli għall-ambjent jew sostenibbli, meta fil-fatt dak il-prodott ta’ investiment fl-assigurazzjoni ma jkunx jissodisfa standards ambjentali bażiċi jew standards oħra relatati mas-sostenibbiltà. Sabiex jiġi evitat il-bejgħ inadatt u l-greenwashing, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni li jiddistribwixxu prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni jenħtieġ li ma jirrakkomandawx il-prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni bħala li jissodisfaw il-preferenzi ta’ sostenibbiltà individwali, fil-każijiet li fihom dawk il-prodotti ma jissodisfawx dawk il-preferenzi. Jenħtieġ li l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni li jiddistribwixxu prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni jispjegaw lill-konsumaturi jew lill-konsumaturi potenzjali tagħhom ir-raġunijiet għaliex ma għamlux hekk u jżommu rekord ta’ dawk ir-raġunijiet.

(14)

Huwa neċessarji li jiġi ċċarat li l-prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni li mhumiex eliġibbli għall-preferenzi ta’ sostenibbiltà individwali xorta jistgħu jiġu rakkomandati mill-intermedjarji tal-assigurazzjoni u mill-impriżi tal-assigurazzjoni li jiddistribwixxu prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni, iżda mhux bħala li jissodisfaw il-preferenzi ta’ sostenibbiltà individwali. Sabiex ikun jista’ jingħata lok għal rakkomandazzjonijiet ulterjuri lill-konsumaturi jew lill-konsumaturi potenzjali, fil-każijiet li fihom il-prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni ma jissodisfawx il-preferenzi ta’ sostenibbiltà ta’ konsumatur, il-konsumatur jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li jadatta l-informazzjoni dwar il-preferenzi ta’ sostenibbiltà tiegħu jew tagħha. Sabiex jiġi evitat il-bejgħ inadatt u l-greenwashing, jenħtieġ li l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni li jiddistribwixxu prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni jżommu rekords tad-deċiżjoni tal-konsumatur flimkien mal-ispjegazzjoni tal-konsumatur li ssostni l-adattament.

(15)

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin u mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/2088 billi dawn jistabbilixxu sistema komprensiva ta’ divulgazzjoni tal-aspetti tas-sostenibbiltà. Sabiex ikun hemm interpretazzjoni u applikazzjoni koerenti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u biex jiġi żgurat li l-parteċipanti fis-suq u l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll l-investituri jifhmuhom b’mod komprensiv u jkollhom aċċess faċli għalihom, huwa mixtieq li jiġu inklużi f’att legali uniku.

(16)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2017/2358 u (UE) 2017/2359 (9) jiġu emendati skont dan.

(17)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni jingħataw żmien biżżejjed biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda li jinsabu f’dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li l-applikazzjoni tiegħu tiġi differita,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2017/2358

Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/2358 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-punt (a) tal-Artikolu 4(3), il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

jikkunsidra l-objettivi, l-interessi u l-karatteristiċi tal-konsumaturi, inkluż kwalunkwe objettiv relatat mas-sostenibbiltà;”

(2)

L-Artikoli 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Is-suq fil-mira

1.   Il-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti għandu, għal kull prodott tal-assigurazzjoni, jidentifika s-suq fil-mira u l-grupp ta’ konsumaturi kompatibbli. Is-suq fil-mira għandu jkun identifikat f’livell granulari biżżejjed, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi, il-profil tar-riskju, il-kumplessità u n-natura tal-prodott tal-assigurazzjoni, kif ukoll il-fatturi ta’ sostenibbiltà tiegħu kif definiti fil-punt (24) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

2.   Il-manifatturi jistgħu, b’mod partikolari għall-prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni, jidentifikaw gruppi ta’ konsumaturi li ġeneralment il-prodott tal-assigurazzjoni ma jkunx kompatibbli mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tagħhom, għajr fil-każijiet li fihom il-prodotti tal-assigurazzjoni jqisu l-fatturi ta’ sostenibbiltà kif imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Il-manifatturi għandhom jiddisinjaw u jikkummerċjalizzaw biss prodotti tal-assigurazzjoni li jkunu kompatibbli mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi, inkluż kull objettiv relatat mas-sostenibbiltà, tal-konsumaturi li jappartjenu għas-suq fil-mira. Meta jkunu qed jivvalutaw jekk prodott tal-assigurazzjoni huwiex kompatibbli ma’ suq fil-mira, il-manifatturi għandhom iqisu l-livell ta’ informazzjoni disponibbli għall-konsumaturi li jappartjenu għal dak is-suq fil-mira u l-litteriżmu finanzjarju tagħhom.

4.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-membri tal-persunal involuti fl-iddisinjar u l-immanifatturar tal-prodotti tal-assigurazzjoni jkollhom il-ħiliet, l-għarfien u l-għarfien espert neċessarji biex jifhmu kif suppost il-prodotti tal-assigurazzjoni mibjugħa u l-interessi, l-objettivi, inkluż kull objettiv relatat mas-sostenibbiltà, u l-karatteristiċi tal-konsumaturi li jappartjenu għas-suq fil-mira.

Artikolu 6

L-ittestjar tal-prodotti

1.   Il-manifatturi għandhom jittestjaw il-prodotti tal-assigurazzjoni tagħhom b’mod xieraq, inklużi analiżijiet tax-xenarji, meta rilevanti, qabel ma jqiegħdu dak il-prodott fis-suq jew jadattawh b’mod sinifikanti, jew f’każ li s-suq fil-mira jkun inbidel b’mod sinifikanti. Dak l-ittestjar tal-prodotti għandu jivvaluta jekk il-prodott tal-assigurazzjoni, tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tiegħu, jissodisfax il-ħtiġijiet, l-objettivi, inkluż kull objettiv relatat mas-sostenibbiltà, u l-karatteristiċi identifikati tal-konsumaturi li jappartjenu għas-suq fil-mira. Il-manifatturi għandhom jittestjaw il-prodotti tal-assigurazzjoni tagħhom b’mod kwalitattiv u, skont it-tip u n-natura tal-prodott tal-assigurazzjoni u r-riskju relatat ta’ detriment għall-konsumaturi, b’mod kwantitattiv.

2.   Il-manifatturi ma għandhomx iqiegħdu prodotti tal-assigurazzjoni fis-suq jekk ir-riżultati tal-ittestjar tal-prodotti jindikaw li l-prodotti ma jissodisfawx il-ħtiġijiet, l-objettivi, inkluż kull objettiv relatat mas-sostenibbiltà, u l-karatteristiċi identifikati tas-suq fil-mira.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).”;"

(3)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-manifatturi għandhom iwettqu monitoraġġ kontinwu tal-prodotti tal-assigurazzjoni li jkunu qiegħdu fis-suq, u jirrieżaminawhom regolarment biex jidentifikaw avvenimenti li jistgħu jolqtu b’mod materjali l-fatturi prinċipali, il-kopertura tar-riskji jew il-garanziji ta’ dawk il-prodotti. Huma għandhom jivvalutaw jekk il-prodotti tal-assigurazzjoni jkunux baqgħu konsistenti mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi, inkluż kull objettiv relatat mas-sostenibbiltà, tas-suq fil-mira identifikat u jekk dawk il-prodotti jkunux qed jiġu distribwiti lis-suq fil-mira jew ikunux qed jaslu għand il-konsumaturi barra mis-suq fil-mira.”;

(4)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tippermetti lid-distributuri tal-assigurazzjoni:

(a)

jifhmu l-prodotti tal-assigurazzjoni;

(b)

ikollhom komprensjoni tas-suq fil-mira identifikat għall-prodotti tal-assigurazzjoni;

(c)

jidentifikaw kwalunkwe konsumatur li l-prodott tal-assigurazzjoni ma jkunx kompatibbli mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tiegħu, inkluż kull objettiv relatat mas-sostenibbiltà;

(d)

iwettqu attivitajiet ta’ distribuzzjoni għall-prodotti tal-assigurazzjoni rilevanti skont l-aqwa interessi tal-konsumaturi tagħhom kif preskritt fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97.”;

(5)

fl-Artikolu 10, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-arranġamenti ta’ distribuzzjoni tal-prodotti għandhom:

(a)

jimmiraw għall-prevenzjoni u għat-tnaqqis tad-detriment tal-konsumatur;

(b)

iservu ta’ forċina għal ġestjoni kif suppost tal-kunflitti ta’ interess;

(c)

jiżguraw li l-objettivi, l-interessi u l-karatteristiċi tal-konsumaturi, inkluż kull objettiv relatat mas-sostenibbiltà, jitqiesu kif dovut.”;

(6)

L-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 11

L-infurmar lill-manifattur

Id-distributuri tal-assigurazzjoni li jiġu akkonoxxenza li prodott tal-assigurazzjoni mhuwiex konformi mal-interessi, mal-objettivi u mal-karatteristiċi tal-konsumaturi li jappartjenu għas-suq fil-mira identifikat tiegħu, inkluż kull objettiv relatat mas-sostenibbiltà, jew li jiġu akkonoxxenza ta’ ċirkostanzi oħra relatati mal-prodott li jistgħu jolqtu lill-konsumatur b’mod negattiv, għandhom jinfurmaw minnufih lill-manifattur u, meta jkun xieraq, jemendaw l-istrateġija ta’ distribuzzjoni tagħhom għal dak il-prodott tal-assigurazzjoni.”.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2017/2359

Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/2359 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti (4) u (5) li ġejjin:

“(4)

‘preferenzi ta’ sostenibbiltà’ tfisser l-għażla ta’ konsumatur jew ta’ konsumatur potenzjali dwar jekk fl-investiment tiegħu jew tagħha jenħtieġx li jiġi integrat xi wieħed mill-prodotti finanzjarji li ġejjin, u jekk iva, sa liema punt:

(a)

prodott ta’ investiment fl-assigurazzjoni li għalih il-konsumatur jew il-konsumatur potenzjali jiddetermina li għandu jiġi investit proporzjon minimu f’investimenti ambjentalment sostenibbli kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2);

(b)

prodott ta’ investiment fl-assigurazzjoni li għalih il-konsumatur jew il-konsumatur potenzjali jiddetermina li għandu jiġi investit proporzjon minimu f’investimenti sostenibbli kif definit fil-punt (17) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3);

(c)

prodott ta’ investiment fl-assigurazzjoni li jikkunsidra l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà li fihom, l-elementi kwalitattivi jew kwantitattivi li juru li dik il-kunsiderazzjoni jiġu ddeterminati mill-konsumatur jew mill-konsumatur potenzjali;

(5)

‘fatturi ta’ sostenibbiltà’ tfisser fatturi ta’ sostenibbiltà kif definiti fil-punt (24) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/2088.

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13)."

(*3)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).”;"

(2)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għall-finijiet li jiġu identifikati, f’konformità mal-Artikolu 28 tad-Direttiva (UE) 2016/97, it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess li jfeġġu matul it-twettiq ta’ xi attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni relatati mal-prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni u li jinvolvu riskju ta’ ħsara għall-interessi ta’ konsumatur, inkluż il-preferenzi ta’ sostenibbiltà tiegħu jew tagħha, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jivvalutaw jekk dawn, persuna rilevanti jew kwalunkwe persuna direttament jew indirettament marbuta magħhom permezz tal-kontroll, ikollhomx interess fl-eżitu tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni, li jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(a)

ikun distint mill-interess tal-konsumaturi jew tal-konsumaturi potenzjali fl-eżitu tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni;

(b)

ikollu l-potenzjal li jinfluwenza l-eżitu tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni għad-detriment tal-konsumatur.

L-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jipproċedu bl-istess mod għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess bejn konsumatur u ieħor.”;

(3)

L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

jissodisfa l-objettivi tal-investiment tal-konsumatur jew tal-konsumatur potenzjali inkwistjoni, inkluż it-tolleranza għar-riskju ta’ dik il-persuna u kull preferenza ta’ sostenibbiltà;”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-informazzjoni rigward l-objettivi tal-investiment tal-konsumatur jew tal-konsumatur potenzjali għandha tinkludi, meta rilevanti, informazzjoni dwar it-tul ta’ żmien li l-konsumatur jew il-konsumatur potenzjali jixtieq iżomm l-investiment, il-preferenzi tiegħu jew tagħha rigward it-teħid tar-riskju, il-profil tar-riskju, l-iskopijiet tal-investiment u apparti minn hekk, il-preferenzi ta’ sostenibbiltà tiegħu jew tagħha. Il-livell ta’ informazzjoni miġbura għandu jkun xieraq għat-tip speċifiku ta’ prodott jew servizz li qed jiġi kkunsidrat.”;

(c)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Meta jiġi pprovdut parir dwar prodott ta’ investiment fl-assigurazzjoni f’konformità mal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, intermedjarju tal-assigurazzjoni jew impriża tal-assigurazzjoni ma għandhomx jagħmlu rakkomandazzjoni f’każijiet li fihom l-ebda prodott ma jkun xieraq għall-konsumatur jew għall-konsumatur potenzjali.

Intermedjarju tal-assigurazzjoni jew impriża tal-assigurazzjoni ma għandhomx jirrakkomandaw prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni bħala li jissodisfaw il-preferenzi ta’ sostenibbiltà ta’ konsumatur jew konsumatur potenzjali fil-każijiet li fihom dawk il-prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni ma jissodisfawx dawk il-preferenzi. L-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni għandhom jispjegaw lill-konsumaturi jew lill-konsumaturi potenzjali r-raġunijiet għaliex ma għamlux dan u jżommu rekord ta’ dawk ir-raġunijiet.

Fil-każijiet li fihom l-ebda prodott ta’ investiment fl-assigurazzjoni ma jissodisfa l-preferenzi ta’ sostenibbiltà tal-konsumatur jew tal-konsumatur potenzjali, u l-konsumatur jiddeċiedi li jadatta l-preferenzi ta’ sostenibbiltà tiegħu jew tagħha, l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni għandhom iżommu rekord tad-deċiżjoni tal-konsumatur, inklużi r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni”;

(4)

L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu (1), il-punt (b), il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

l-objettivi ta’ investiment tal-konsumatur, inkluża t-tolleranza tar-riskju ta’ dik il-persuna, u jekk l-objettivi ta’ investiment tal-konsumatur jinkisbux billi jitqiesu l-preferenzi ta’ sostenibbiltà tiegħu jew tagħha;”;

(b)

fil-paragrafu 4, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Ir-rekwiżiti biex jiġu ssodisfati l-preferenzi ta’ sostenibbiltà tal-konsumaturi jew tal-konsumaturi potenzjali, fejn rilevanti, ma għandhomx ibiddlu l-kundizzjonijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu.”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-2 ta Awwissu 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1).

(3)  COM(2019) 640 final.

(4)  COM(2018) 97 final.

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2358 tal-21 ta’ Settembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ sorveljanza u ta’ governanza tal-prodotti għall-impriżi tal-assigurazzjoni u għad-distributuri tal-assigurazzjoni (ĠU L 341, 20.12.2017, p. 1).

(6)  SWD(2018) 264 final.

(7)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).

(9)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2359 tal-21 ta' Settembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' rekwiżiti ta' informazzjoni u regoli tal-kondotta tal-operazzjonijiet applikabbli għad-distribuzzjoni ta' prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni (ĠU L 341, 20.12.2017, p. 8).