2.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1253

tal-21 ta’ April 2021

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/565 rigward l-integrazzjoni tal-fatturi, tar-riskji u tal-preferenzi ta’ sostenibbiltà f’ċerti rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(12), l-Artikolu 24(13) u l-Artikolu 25(8) tagħha,

Billi:

(1)

It-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livelli baxxi ta’ karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-Unjoni. Fl-2016, l-Unjoni kkonkludiet il-Ftehim ta’ Pariġi (2). L-Artikolu 2(1)(c) tal-Ftehim ta’ Pariġi jistabbilixxi l-objettiv li jissaħħaħ ir-rispons għat-tibdil fil-klima, fost l-oħrajn billi l-flussi ta’ finanzjament isiru konsistenti ma’ perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra kif ukoll l-iżvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

(2)

Huwa minħabba r-rikonoxximent ta’ dik l-isfida li f’Diċembru 2019 il-Kummissjoni ppreżentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew (3). Il-Patt Ekoloġiku jirrappreżenta strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-2050 ’il quddiem u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Dak l-objettiv jirrikjedi li l-investituri jingħataw sinjali ċari fir-rigward tal-investimenti tagħhom biex jevitaw assi mhux rekuperabbli u jippromwovu l-finanzjament sostenibbli.

(3)

F’Marzu 2018, il-Kummissjoni ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha “Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli” (4), li jistabbilixxi strateġija ambizzjuża u komprensiva dwar il-finanzjament sostenibbli. Wieħed mill-objettivi stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni huwa li tingħata direzzjoni ġdida lill-flussi tal-kapital lejn investimenti sostenibbli sabiex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv. Il-valutazzjoni tal-impatt li fuqu huma bbażati l-inizjattivi leġiżlattivi sussegwenti ppubblikati f’Mejju 2018 (5) uriet il-ħtieġa li jiġi ċċarat li jenħtieġ li l-fatturi ta’ sostenibbiltà jitqiesu mid-ditti tal-investiment bħala parti mid-dmirijiet tagħhom fil-konfront tal-klijenti u tal-klijenti potenzjali. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-ditti tal-investiment mhux biss iqisu r-riskji finanzjarji rilevanti kollha fuq bażi kontinwa, imma wkoll ir-riskji għas-sostenibbiltà rilevanti kollha kif imsemmijin fir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) li, fejn iseħħu, jistgħu jikkawżaw impatt negattiv materjali reali jew potenzjali fuq il-valur ta’ investiment. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 (7) ma jirreferix espliċitament għar-riskji għas-sostenibbiltà. Minħabba dik ir-raġuni u biex ikun żgurat li l-proċeduri interni u l-arranġamenti organizzattivi jiġu implimentati u osservati kif xieraq, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-proċessi, is-sistemi u l-kontrolli interni tad-ditti tal-investiment jenħtieġ li jirriflettu r-riskji għas-sostenibbiltà, u li hija meħtieġa kapaċità teknika u għarfien għall-analiżi ta’ dawn ir-riskji.

(4)

Sabiex iżommu standard għoli ta’ protezzjoni tal-investituri, meta jidentifikaw it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess, li l-eżistenza tagħhom tista’ tkun ta’ ħsara għall-interessi ta’ klijent jew klijent potenzjali, id-ditti tal-investiment jenħtieġ li jinkludu dawk it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess li joriġinaw mill-integrazzjoni tal-preferenzi tas-sostenibbiltà tal-klijent. Għall-klijenti eżistenti, li għalihom tkun diġà saret valutazzjoni tal-adegwatezza, id-ditti tal-investiment jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jidentifikaw il-preferenzi tas-sostenibbiltà individwali tal-klijent fl-aġġornament regolari li jkun imiss tal-valutazzjoni tal-adegwatezza eżistenti.

(5)

Id-ditti tal-investiment li jipprovdu konsulenza dwar l-investiment u l-ġestjoni tal-portafoll jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrakkomandaw strumenti finanzjarji xierqa lill-klijenti u lill-klijenti potenzjali tagħhom u b’hekk jenħtieġ li jkunu jistgħu jistaqsu mistoqsijiet biex jidentifikaw il-preferenzi tas-sostenibbiltà individwali ta’ klijent. F’konformità mal-obbligu tad-ditta tal-investiment li taġixxi fl-aħjar interess tal-klijenti tagħha, ir-rakkomandazzjonijiet lill-klijenti u lill-klijenti potenzjali jenħtieġ li jkunu jirriflettu kemm l-objettivi finanzjarji kif ukoll kwalunkwe preferenza tas-sostenibbiltà espressa minn dawn il-klijenti. Għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li d-ditti tal-investiment jenħtieġ li jkunu stabbilew arranġamenti xierqa biex jiżguraw li l-inklużjoni tal-fatturi tas-sostenibbiltà fil-proċess konsultattiv u fil-ġestjoni tal-portafoll ma twassalx għal prattiki ta’ bejgħ inadatt jew għal sitwazzjoni fejn l-istrumenti finanzjarji jew l-istrateġiji jiġu rappreżentati ħażin, bħala li jissodisfaw il-preferenzi tas-sostenibbiltà mentri dan ma jkunx il-każ. Sabiex jiġu evitati prattiki bħal dawn jew dikjarazzjonijiet foloz, jenħtieġ li l-ewwel id-ditti tal-investiment li jipprovdu konsulenza dwar l-investiment jivvalutaw l-objettivi tal-investiment, l-orizzont taż-żmien u ċ-ċirkostanzi individwali ta’ klijent jew klijent potenzjali, qabel jistaqsu dwar il-preferenzi potenzjali tiegħu jew tagħha b’rabta mas-sostenibbiltà.

(6)

Sa issa ġew żviluppati strumenti finanzjarji bi gradi differenti ta’ ambizzjoni relatata mas-sostenibbiltà. Sabiex il-klijenti jew il-klijenti potenzjali jkunu jistgħu jifhmu dawn il-gradi differenti ta’ sostenibbiltà u jieħdu deċiżjonijiet informati tal-investiment b’rabta mas-sostenibbiltà, id-ditti tal-investiment li jipprovdu konsulenza tal-investiment u servizzi ta’ ġestjoni ta’ portafolji jenħtieġ li jispjegaw id-distinzjoni bejn, minn naħa waħda, strumenti finanzjarji li jsegwu, kompletament jew parzjalment, investimenti sostenibbli f’attivitajiet ekonomiċi li jikkwalifikaw bħala ambjentalment sostenibbli fil-qafas tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), investimenti sostenibbli kif definiti fl-Artikolu 2(17) tar-Regolament (UE) 2019/2088, u strumenti finanzjarji li jqisu l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi tas-sostenibbiltà li jistgħu jkunu eliġibbli biex jiġu rakkomandati bħala li jissodisfaw il-preferenzi individwali tas-sostenibbiltà tal-klijenti, u, min-naħa l-oħra, l-istrumenti finanzjarji l-oħra li ma għandhomx dawn il-karatteristiċi speċifiċi u li jenħtieġ li ma jkunux eliġibbli għal rakkomandazzjoni lill-klijenti jew lill-klijenti potenzjali li għandhom preferenzi individwali tas-sostenibbiltà.

(7)

Hu meħtieġ li jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-“greenwashing”, jiġifieri b’mod partikolari l-prattika li jinkiseb vantaġġ kompetittiv inġust billi strument finanzjarju jiġi rakkomandat bħala sostenibbli jew li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, meta fil-fatt l-istrument finanzjarju ma jkunx jissodisfa l-istandards ambjentali bażiċi jew relatati mas-sostenibbiltà. Għall-prevenzjoni tal-bejgħ inadatt u tal-greenwashing, jenħtieġ li d-ditti tal-investiment ma jirrakkomandawx jew ma jiddeċidux li jinnegozjaw bi strumenti finanzjarji daqslikieku jissodisfaw il-preferenzi individwali tas-sostenibbiltà jekk dawn l-istrumenti finanzjarji ma jkunux jissodisfaw dawn il-preferenzi. Id-ditti tal-investiment jenħtieġ li jispjegaw lill-klijenti jew lill-klijenti potenzjali r-raġunijiet għaliex ma għamlux dan, u jżommu rekords ta’ dawn ir-raġunijiet.

(8)

Hu meħtieġ li jiġi ċċarat li l-istrumenti finanzjarji li mhumiex eliġibbli għall-preferenzi individwali tas-sostenibbiltà xorta jistgħu jiġu rakkomandati mid-ditti tal-investiment, imma mhux bħala li jissodisfaw il-preferenzi individwali tas-sostenibbiltà. Sabiex ikunu jistgħu jsiru aktar rakkomandazzjonijiet lill-klijenti jew lill-klijenti potenzjali, jekk l-istrumenti finanzjarji ma jissodisfawx il-preferenzi tas-sostenibbiltà tal-klijent, il-klijent jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li jadatta l-informazzjoni dwar il-preferenzi tas-sostenibbiltà tiegħu. Għall-prevenzjoni tal-bejgħ inadatt u tal-greenwashing, id-ditti tal-investiment jenħtieġ li jżommu rekords tad-deċiżjoni tal-klijent flimkien mal-ispjegazzjoni tal-klijent li tappoġġa l-adattament.

(9)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2017/565 jiġi emendat skont dan.

(10)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u d-ditti tal-investiment jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti ġodda li jinsabu f’dan ir-Regolament. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-applikazzjoni tiegħu tiġi differita,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2017/565

Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/565 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti (7), (8) u (9) li ġejjin:

“(7)

‘preferenzi tas-sostenibbiltà’ tfisser l-għażla ta’ klijent jew klijent potenzjali dwar jekk fl-investiment tiegħu jew tagħha għandux jiġi integrat xi wieħed jew aktar minn wieħed mill-istrumenti finanzjarji li ġejjin u, jekk iva, sa fejn:

(a)

strument finanzjarju li fir-rigward tiegħu l-klijent jew il-klijent potenzjali jiddetermina li proporzjon minimu għandu jiġi investit f’investimenti ambjentalment sostenibbli kif definiti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(b)

strument finanzjarju li fir-rigward tiegħu l-klijent jew il-klijent potenzjali jiddetermina li proporzjon minimu għandu jiġi investit f’investimenti sostenibbli kif definiti fl-Artikolu 2(17) tar-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2);

(c)

strument finanzjarju li jqis l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi tas-sostenibbiltà, fejn l-elementi kwalitattivi jew kwantitattivi li juru l-kunsiderazzjoni jiġu ddeterminati mill-klijent jew mill-klijent potenzjali;

(8)

‘fatturi ta’ sostenibbiltà’ tfisser fatturi ta’ sostenibbiltà kif definiti fl-Artikolu 2(24) tar-Regolament (UE) 2019/2088;

(9)

‘riskji għas-sostenibbiltà’ tfisser riskji għas-sostenibbiltà kif definiti fl-Artikolu 2(22) tar-Regolament (UE) 2019/2088.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13)."

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).”;"

(2)

fl-Artikolu 21, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Id-ditti tal-investiment għandhom iqisu r-riskji għas-sostenibbiltà meta jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu.”;

(b)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Meta jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu, id-ditti tal-investiment għandhom iqisu n-natura, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju tad-ditta, u n-natura u l-firxa ta’ servizzi u attivitajiet tal-investiment li jidħlu għalihom matul dak in-negozju.”;

(3)

fl-Artikolu 23(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu politiki u proċeduri adegwati għall-ġestjoni tar-riskju li jidentifikaw ir-riskji relatati mal-attivitajiet, mal-proċessi u mas-sistemi tad-ditta, u, fejn xieraq, jistabbilixxu l-livell ta’ riskju ttollerat mid-ditta. Waqt li jagħmlu dan, id-ditti tal-investiment għandhom iqisu r-riskji għas-sostenibbiltà;”;

(4)

L-Artikolu 33 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 33

Kunflitti ta’ interess li jistgħu jkunu ta’ ħsara għal klijent

(Artikolu 16(3) u Artikolu 23 tad-Direttiva 2014/65/UE)

Għall-finijiet tal-identifikazzjoni tat-tipi ta’ kunflitti ta’ interess li jirriżultaw matul il-forniment tas-servizzi tal-investiment u servizzi anċillari jew il-kombinazzjoni tagħhom u li l-eżistenza tagħhom tista’ tkun ta’ ħsara għall-interessi ta’ klijent, inklużi l-preferenzi tiegħu jew tagħha ta’ sostenibbiltà, id-ditti tal-investiment għandhom iqisu, permezz ta’ kriterji minimi, jekk id-ditta tal-investiment jew persuna rilevanti, jew persuna direttament jew indirettament marbuta mad-ditta permezz ta’ kontroll, b’riżultat tal-għoti ta’ servizzi tal-investiment jew servizzi anċillari jew attivitajiet tal-investiment, tkunx qiegħda f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

id-ditta jew dik il-persuna x’aktarx li tagħmel qligħ finanzjarju, jew tevita telf finanzjarju, għad-detriment tal-klijent;

(b)

id-ditta jew dik il-persuna jkollha interess fir-riżultat ta’ servizz ipprovdut lill-klijent jew ta’ tranżazzjoni mwettqa għan-nom tal-klijent, li jkun differenti mill-interess tal-klijent f’dak ir-riżultat;

(c)

id-ditta jew dik il-persuna jkollha inċentiv finanzjarju jew inċentiv ieħor li tiffavorixxi l-interess ta’ klijent ieħor jew ta’ grupp ieħor ta’ klijenti fuq l-interessi tal-klijent;

(d)

id-ditta jew dik il-persuna twettaq l-istess attività bħall-klijent;

(e)

id-ditta jew dik il-persuna tirċievi jew tkun se tirċievi minn persuna li ma tkunx il-klijent inċentiv fir-rigward ta’ servizz ipprovdut lill-klijent, fil-forma ta’ benefiċċji jew servizzi monetarji jew mhux monetarji.”;

(5)

Fl-Artikolu 52, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Id-ditti tal-investiment għandhom jipprovdu deskrizzjoni ta’:

(a)

it-tipi ta’ strumenti finanzjarji meqjusa;

(b)

il-firxa ta’ strumenti finanzjarji u fornituri, analizzati għal kull tip ta’ strument skont l-ambitu tas-servizz;

(c)

fejn rilevanti, tal-fatturi tas-sostenibbiltà meqjusa fil-proċess tal-għażla tal-istrumenti finanzjarji;

(d)

meta jipprovdu konsulenza indipendenti, kif is-servizz ipprovdut jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-konsulenza dwar l-investiment fuq bażi indipendenti, u l-fatturi meqjusa fil-proċess tal-għażla użat mid-ditta tal-investiment għar-rakkomandazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, inklużi r-riskji, il-kostijiet u l-kumplessità tal-istrumenti finanzjarji.”;

(6)

L-Artikolu 54 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

tissodisfa l-objettivi tal-investiment tal-klijent inkwistjoni, inkluż it-tolleranza għar-riskju tal-klijent u kull preferenza ta’ sostenibbiltà;”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   L-informazzjoni dwar l-objettivi tal-investiment tal-klijent jew tal-klijent potenzjali għandha tinkludi, meta rilevanti, informazzjoni dwar it-tul ta’ żmien li l-klijent jixtieq iżomm l-investiment, il-preferenzi tiegħu jew tagħha rigward it-teħid tar-riskju, it-tolleranza tiegħu jew tagħha tar-riskju, l-iskop tal-investiment, kif ukoll il-preferenzi tas-sostenibbiltà tiegħu jew tagħha.”;

(c)

il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“9.   Id-ditti tal-investiment għandu jkollhom fis-seħħ, u jkunu kapaċi juru li għandhom fis-seħħ, politiki u proċeduri adegwati sabiex jiżguraw li jifhmu n-natura, il-karatteristiċi, inkluż il-kostijiet u r-riskji tas-servizzi ta’ investiment u tal-istrumenti finanzjarji magħżula għall-klijenti tagħhom, inkluż kull fattur ta’ sostenibbiltà, u li jivvalutaw, filwaqt li jqisu l-kost u l-kumplessità, jekk is-servizzi ta’ investiment jew l-istrumenti finanzjarji ekwivalenti jistgħux jissodisfaw il-profil tal-klijent tagħhom.”;

(d)

il-paragrafu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“10.   Meta tipprovdi s-servizz ta’ investiment ta’ konsulenza b’rabta mal-investimenti jew ta’ ġestjoni tal-portafoll, id-ditta tal-investiment la għandha tirrakkomanda u lanqas tiddeċiedi li tinnegozja jekk l-ebda servizz jew strument ma jkun adegwat għall-klijent.

Ditta tal-investiment ma għandhiex tirrakkomanda strumenti finanzjarji jew tiddeċiedi li tinnegozja b’tali strumenti bħala li jissodisfaw il-preferenzi tas-sostenibbiltà ta’ klijent jew klijent potenzjali meta dawn l-istrumenti finanzjarji ma jissodisfawx dawk il-preferenzi. Id-ditta tal-investiment għandha tispjega lill-klijenti jew lill-klijenti potenzjali r-raġunijiet għaliex ma għamlitx dan, u żżomm rekords ta’ dawn ir-raġunijiet.

Jekk l-ebda strument finanzjarju ma jissodisfa l-preferenzi tas-sostenibbiltà tal-klijent jew tal-klijent potenzjali, u l-klijent jiddeċiedi li jadatta l-preferenzi tas-sostenibbiltà, id-ditta tal-investiment għandha żżomm rekords tad-deċiżjoni tal-klijent, inklużi r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni.”;

(e)

fil-paragrafu 12, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“12.   Meta jipprovdu konsulenza dwar l-investiment, id-ditti tal-investiment għandhom jipprovdu rapport lill-klijent konsumatur li jkun jinkludi deskrizzjoni fil-qosor tal-konsulenza mogħtija u li jispjega kif ir-rakkomandazzjoni pprovduta hija adatta għall-klijent konsumatur, inkluż kif ir-rakkomandazzjoni tissodisfa l-objettivi tal-investiment tal-klijent, iċ-ċirkostanzi personali tiegħu jew tagħha fir-rigward tat-terminu tal-investiment meħtieġ, l-għarfien u l-esperjenza tal-klijent kif ukoll l-attitudni tal-klijent għar-riskju, il-kapaċità tiegħu jew tagħha ta’ tiġrib ta’ telf u l-preferenzi ta’ sostenibbiltà tiegħu jew tagħha.”;

(f)

fil-paragrafu 13 jiżdied subparagrafu ġdid:

“Ir-rekwiżiti biex jiġu ssodisfati l-preferenzi tas-sostenibbiltà tal-klijenti jew tal-klijenti potenzjali, fejn rilevanti, ma għandhomx ibiddlu l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-2 ta Awwissu 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1).

(3)  COM(2019) 640 final.

(4)  COM(2018) 97 final.

(5)  SWD(2018) 264 final.

(6)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).

(7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 tal-25 ta' April 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment u termini definiti għall-finijiet ta' dik id-Direttiva (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).